MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT
Wara l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848 il-ġdid dwar il-produzzjoni organika u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1794 emendatorju dwar l-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti fil-fażi ta’ konverżjoni u materjal riproduttiv mhux organiku tal-pjanti, jeħtieġ li jiġu introdotti aktar emendi fir-rigward tal-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti fil-fażi ta’ konverżjoni u materjal riproduttiv mhux organiku tal-pjanti. Dan huwa partikolarment il-każ fir-rigward ta’ derogi possibbli mill-użu ta’ nebbieta organiċi, li huma tip partikolari ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti li joriġina miż-żrieragħ u mhux kopert mill-bażijiet tad-data u s-sistemi ta’ informazzjoni dwar id-disponibbiltà tal-materjal riproduttiv tal-pjanti msemmi fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2018/848.
Meta titqies il-prattika tas-soltu għat-trapjant ta’ nebbieta ta’ għelejjel ortikulturali li spiss ikunu soġġetti għal ċiklu qasir ta’ produzzjoni mit-trapjant tan-nebbieta għall-ewwel ħsad tal-prodotti, huwa importanti li f’każijiet bħal dawn, tiġi limitata d-deroga għall-użu ta’ nebbieta mhux organiċi, u li jiġi ċċarat l-użu ta’ nebbieta fil-fażi ta’ konverżjoni u mhux organiċi u r-rekwiżiti tal-produzzjoni tagħhom f’kundizzjonijiet organiċi stretti, sabiex tiġi żgurata l-integrità tal-produzzjonijiet organiċi.
Barra minn hekk, jeħtieġ li tiġi permessa tranżizzjoni bla xkiel fil-produzzjoni ta’ materjal riproduttiv organiku tal-pjanti biex jiġi żgurat l-iżvilupp tas-settur organiku tal-mixtla, fid-dawl tad-diversi tekniki ta’ produzzjoni tad-diversi tipi ta’ materjali riproduttivi tal-pjanti għal speċijiet differenti. Bħalissa, hemm ftit mixtliet organiċi li jaħdmu bi pjanti omm jew pjanti oħra maħsuba għall-propagazzjoni f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 1.8.2. tal-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848, minħabba ċ-ċikli twal ta’ produzzjoni, l-investimenti fit-tul u d-diffikultajiet tekniċi biex tiġi żgurata l-konformità maċ-ċertifikazzjoni tal-kwalità u mar-rekwiżiti fitosanitarji.
Għalhekk jeħtieġ li tiġi introdotta emenda li tippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq għall-użu f’għelejjel organiċi ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti li joriġina minn pjanti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-punt 1.8.2. tal-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848.
Fl-aħħar nett, meta jitqies li r-Regolament (UE) 2018/848 se jkun applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2022, jeħtieġ li tiġi introdotta klawżola retroattiva biex jiġi evitat vojt ġuridiku.
2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT
L-att ġie diskuss bir-reqqa mal-Istati Membri fil-Grupp ta’ Esperti dwar il-Produzzjoni Organika kif ukoll mal-organizzazzjonijiet ewlenin li jirrappreżentaw is-settur organiku u s-setturi tal-materjal riproduttiv tal-pjanti, jiġifieri l-IFOAM u l-gruppi affiljati magħhom speċifiċi għas-setturi, il-COPA-COGECA u l-ESA. Id-DĠ AGRI ikkoopera mill-qrib ma’ Direttorati Ġenerali oħra fil-qasam tal-għarfien espert speċifiku tagħhom rigward l-abbozzar ta’ dawn ir-regoli, b’mod partikolari ma’ DG SANTE. Is-sħab tad-WTO ġew notifikati u twettqu konsultazzjonijiet pubbliċi ġenerali.
Wara l-konsultazzjoni pubblika ġenerali, waslu aktar minn 400 kontribuzzjoni permezz tal-mekkaniżmu ta’ feedback. Sabiex tindirizza t-tħassib espress minn diversi partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni tipproponi li testendi l-emendi fir-rigward tad-derogi għan-nebbieta għal tipi oħra ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti sabiex tippermetti tranżizzjoni bla xkiel għall-iżvilupp ta’ materjal riproduttiv organiku tal-pjanti fid-dawl tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ pjanti mkabbra f’konformità mal-punt 1.8.2. tal-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 għal diversi speċijiet u varjetajiet.
3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT
Fil-premessa (35) tiegħu, ir-Regolament (UE) 2018/848 jispjega li sabiex jiġu żgurati l-kwalità, it-traċċabbiltà, il-konformità u l-adattament għall-iżviluppi tekniċi, is-setgħa li jiġu adottati ċerti atti hija ddelegata lill-Kummissjoni fost oħrajn fir-rigward tal-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti fil-fażi ta’ konverżjoni jew materjal riproduttiv mhux organiku tal-pjanti.
Id-definizzjoni tal-materjal riproduttiv tal-pjanti previst fl-Artikolu 3(17) tar-Regolament (UE) Nru 2018/848 tinkludi t-tipi kollha ta’ materjali kif ġej: “‘materjal riproduttiv tal-pjanti’ tfisser pjanti u l-partijiet kollha tal-pjanti, inkluż żrieragħ, fi kwalunkwe stadju tat-tkabbir li jistgħu jipproduċu pjanti sħaħ u li huma maħsuba għal dan il-fini”. In-nebbieta huma tip ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti u jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga skont il-punt 1.4 tal-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848, li jipprevedi l-possibbiltà li jitkabbru n-nebbieta jew it-trapjanti f’kontenituri għal aktar trapjantar. L-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/464 jipprovdi wkoll id-definizzjoni li ġejja: “Għall-fini ta’ dan il-punt, ‘nibbieta’ tfisser pjanta żgħira li toriġina minn żerriegħa u mhux minn biċċa pjanta.” Id-definizzjoni teskludi n-nebbieta mill-informazzjoni dwar id-disponibbiltà tal-materjal riproduttiv tal-pjanti, informazzjoni li l-Istati Membri jridu jipprovdu lill-Kummissjoni biex jirriflettu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2018/848.
Il-Punt 1.8.1. jirrekjedi li għall-produzzjoni ta’ pjanti u prodotti mill-pjanti minbarra l-materjal riproduttiv tal-pjanti, għandu jintuża biss materjal riproduttiv tal-pjanti li jkun prodott b’mod organiku. Derogi mill-punt 1.8.1. huma possibbli f’konformità mal-punt 1.8.5.1. minħabba nuqqas ta’ materjal riproduttiv organiku tal-pjanti jew fil-fażi ta’ konverżjoni.
Għall-produzzjoni ta’ materjal riproduttiv organiku tal-pjanti, il-punt 1.8.2. tal-Parti I tal-Anness II tar-Regolament 2018/848 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li ġejjin: “biex jinkiseb materjal riproduttiv tal-pjanti biex jintuża għal-produzzjoni ta’ prodotti minbarra materjal riproduttiv tal-pjanti, il-pjanta omm u, fejn rilevanti, pjanti oħrajn maħsubin għall-produzzjoni ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti għandhom ikunu ġew prodotti f’konformità ma’ dan ir-Regolament għal mill-inqas ġenerazzjoni waħda, jew, fil-każ tal-għelejjel perenni, għal mill-inqas ġenerazzjoni waħda matul żewġ staġunijiet ta’ trobbija.” Għalhekk, il-materjal riproduttiv organiku tal-pjanti jenħtieġ joriġina mill-pjanti mkabbra u adattati għal kundizzjonijiet tal-produzzjoni organika f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 1.8.2. dipendenti fuq l-ispeċijiet.
Dan l-att delegat jemenda d-dispożizzjonijiet dwar id-deroga possibbli għall-użu ta’ nebbieta mhux organiċi. B’mod partikolari, dan l-att jipprojbixxi l-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ nebbieta mhux organiċi għal għelejjel soġġetti għal ċiklu ta’ produzzjoni li jitlesta fi staġun wieħed ta’ tkabbir mit-trapjant tan-nebbiet sal-ħsad tal-prodott finali. Barra minn hekk, l-att delegat jiċċara d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-produzzjoni ta’ nebbieta fil-fażi ta’ konverżjoni skont l-Artikolu 10(4)(a), tar-Regolament (UE) 2018/848.
Barra minn hekk, sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ żrieragħ organiċi li minnhom jenħtieġ li jiġu prodotti n-nebbieta kif ukoll in-nuqqas ta’ pjanti omm jew, fejn rilevanti, ta’ pjanti oħra maħsuba għall-produzzjoni ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti mkabbar f’konformità mal-punt 1.8.2. tal-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848, dan l-att delegat jintroduċi wkoll dispożizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-operaturi li jipproduċu materjal riproduttiv tal-pjanti biex jipproduċu u jqiegħdu fis-suq, taħt ċerti kundizzjonijiet, materjal riproduttiv tal-pjanti li għandu jintuża f’għelejjel organiċi meta ma joriġinawx minn pjanti omm jew pjanti oħra f’konformità mal-punt 1.8.2. tal-Anness II.
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta’ 17.1.2022