MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT

Din id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni temenda, għall-fini tal-adattament għall-progress tekniku u xjentifiku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (tfassil mill-ġdid) 1 (id-Direttiva RoHS). L-emenda tikkonċerna eżenzjoni għall-applikazzjonijiet speċifikati li fihom il-merkurju f’lampi fluworexxenti għal finijiet oħra ta’ tidwil ġenerali u għal finijiet speċjali oħra.

Id-Direttiva RoHS tirrestrinġi l-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE), kif speċifikat fl-Artikolu 4. Attwalment għaxar sustanzi huma ristretti u elenkati fl-Anness II tad-Direttiva RoHS: iċ-ċomb, il-merkurju, il-kadmju, il-kromju eżavalenti, il-bifenili polibromurati (PBB), l-eteri tad-difenil polibromurat (PBDE), il-ftalat tal-bis(2-etileżil) (DEHP), il-ftalat tal-butil benżil (BBP), il-ftalat tad-dibutil (DBP) u l-ftalat tad-diisobutil (DIBP). L-Annessi III u IV jelenkaw il-materjali u l-komponenti tal-EEE għal applikazzjonijiet speċifiċi li huma eżentati mir-restrizzjonijiet fuq is-sustanzi stabbiliti fl-Artikolu 4(1).

L-Artikolu 5 tad-Direttiva jipprevedi l-adattament tal-Annessi III u IV għall-progress xjentifiku u tekniku, li jista’ jinkludi l-għoti, it-tiġdid u r-revoka tal-eżenzjonijiet. Skont l-Artikolu 5(1)(a), l-eżenzjonijiet għandhom jiġu inklużi fl-Annessi III u IV biss jekk dan ma jdgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa li jagħti r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH) 2 u jekk jissodisfaw kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin biss: (i) it-tneħħija jew is-sostituzzjoni tas-sustanza permezz ta’ bidliet fid-disinn jew fil-materjali u fil-komponenti li ma jeħtieġu l-ebda materjal jew sustanza elenkati fl-Anness II mhijiex prattikabbli mil-lat xjentifiku jew tekniku; (ii) l-affidabbiltà tas-sostituti mhix żgurata; (iii) l-impatti negattivi totali fuq l-ambjent, fuq is-saħħa u fuq is-sikurezza tal-konsumatur ikkawżati mis-sostituzzjoni tas-sustanza x’aktarx li jissuperaw il-benefiċċji totali tagħha għall-ambjent, għas-saħħa u għas-sikurezza tal-konsumatur.

Id-deċiżjonijiet dwar l-eżenzjonijiet, u t-tul ta’ żmien tagħhom, iridu jqisu wkoll id-disponibbiltà tas-sostituti u l-impatt soċjoekonomiku tas-sostituzzjoni. Id-deċiżjonijiet dwar it-tul ta’ żmien tal-eżenzjonijiet iridu jqisu kwalunkwe impatt potenzjali fuq l-innovazzjoni. Fejn ikun rilevanti, trid tiġi applikata mentalità li tqis iċ-ċiklu tal-ħajja fir-rigward tal-impatti kumplessivi tal-eżenzjoni.

L-Artikolu 5(1)(a) jispeċifika wkoll li sabiex tinkludi materjali u komponenti tal-EEE għal applikazzjonijiet speċifiċi elenkati fl-Annessi III u IV, il-Kummissjoni trid tadotta atti delegati individwali. L-Artikolu 5(3) u l-Anness V jiddeskrivu l-proċedura għat-tressiq ta’ applikazzjonijiet relatati mal-eżenzjoni.

2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT

Il-Kummissjoni rċeviet talbiet 3 mingħand l-operaturi ekonomiċi biex tagħti jew iġġedded l-eżenzjonijiet skont l-Artikolu 5(3) u l-Anness V tad-Direttiva RoHS.

L-eżenzjoni 2(b)(4) attwali tal-Anness III tippermetti l-użu tal-merkurju f’lampi fluworexxenti oħra għal finijiet oħra ta’ tidwil ġenerali u għal finijiet speċjali oħra (eż. lampi tal-induzzjoni).

Il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni waħda għat-tiġdid ta’ din l-eżenzjoni fil-15 ta’ Jannar 2015. L-applikant sostna li, minħabba firxa vasta ta’ parametri rilevanti għal-lampi li jaqgħu taħt l-eżenzjoni 2(b)(4), eż. il-forma, it-tul jew l-ispettru, dawn il-lampi ma jistgħux jiġu sostitwiti faċilment b’alternattivi ta’ dijodi li jemettu d-dawl (LED) 4 . Dik l-applikazzjoni ġiet imġedda f’Jannar 2020, u b’mod ġenerali ġiet ipprovduta l-istess argumentazzjoni. F’konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva RoHS (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(5)), eżenzjoni tibqa’ valida sa meta l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għat-tiġdid.

Sabiex tevalwa l-applikazzjonijiet għat-tiġdid ta’ dik l-eżenzjoni, il-Kummissjoni nediet studju f’Ġunju 2015 5 , li ġie konkluż fl-2016, biex twettaq il-valutazzjoni teknika u xjentifika meħtieġa, inkluż konsultazzjoni online ta’ tmien ġimgħat mal-partijiet ikkonċernati 6 . Minbarra dak l-istudju li jivvaluta d-data teknika u xjentifika estensiva u l-kontributi li waslu, kif dokumentat fir-rapport ta’ studju, il-Kummissjoni wettqet żewġ studji/aġġornamenti komplementari, inkluż l-involviment tal-partijiet ikkonċernati. L-istudju ppubblikat fl-2019 7 iffoka fuq il-valutazzjoni soċjoekonomika u d-disponibbiltà tas-sostituti, filwaqt li fl-2020 sar aġġornament ibbażat fuq ċifri u mmudellar reċenti 8 . Ir-rapporti finali tal-istudju u tal-aġġornament tal-valutazzjoni soċjoekonomika ġew ippubblikati 9 ; il-partijiet ikkonċernati ġew innotifikati.

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-grupp ta’ esperti tal-Istati Membri għall-atti delegati skont id-Direttiva RoHS matul il-laqgħat tal-esperti tal-1 ta’ Settembru 2016, tad-29 ta’ Ottubru 2018 u tal-21 ta’ Ottubru 2019 sabiex tiġbor il-fehmiet tal-Istati Membri dwar proposta ta’ azzjoni f’konformità mal-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet. Wettqet il-passi proċedurali meħtieġa kollha fir-rigward tal-eżenzjonijiet mir-restrizzjoni fuq is-sustanzi skont l-Artikoli 5(3) sa 5(7) 10 . Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew ġew notifikati dwar l-attivitajiet kollha.

L-istudju ta’ sostenn enfasizza li:

·din l-eżenzjoni tkopri firxa wiesgħa ta’ lampi b’funzjonijiet differenti;

·attwalment id-data dwar it-tipi ta’ lampi speċifiċi koperti minn din l-eżenzjoni hija insuffiċjenti u hemm nuqqas ta’ informazzjoni dwar is-sostituzzjoni tal-merkurju f’din il-firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet. L-eżenzjoni attwali jenħtieġ li tiġi estiża għal tliet snin biex tippermetti lill-industrija tħejji informazzjoni iktar dettaljata biex tiġġustifika l-eżenzjoni għal tipi ta’ lampi speċifiċi li jitqiesu li huma koperti mit-terminu “għal finijiet oħra ta’ tidwil ġenerali u għal finijiet speċjali oħra”;

·hemm informazzjoni suffiċjenti li s-sostituzzjoni tal-merkurju f’żewġ applikazzjonijiet speċifiċi koperti minn din l-eżenzjoni, jiġifieri (i) il-lampi li jemettu dawl fl-ispettru mhux viżibbli u (ii) il-lampi ta’ emerġenza, mhijiex prattikabbli teknikament, għaldaqstant l-istudju rrakkomanda t-tiġdid tal-eżenzjoni għal dawn l-applikazzjonijiet għat-tul ta’ żmien massimu ta’ ħames snin.

Bħala konklużjoni, il-valutazzjonijiet xjentifiċi u tekniċi, inkluż il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, spjegaw fid-dettall li l-kriterji għal eżenzjoni għadhom qed jiġu ssodisfati fir-rigward tal-eżenzjoni 2(b)(4) peress li għadhom mhumiex disponibbli sostituti affidabbli. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni wrew ukoll li l-eżenzjoni, kif rieżaminata, ma ddgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa li jagħti r-Regolament REACH, f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/65/UE.

F’konformità mal-Linji Gwida dwar Regolamentazzjoni Aħjar, l-abbozz tad-Direttiva Delegata ġie ppubblikat fuq il-Portal tar-Regolamentazzjoni Aħjar għal perjodu ta’ erba’ ġimgħat biex jinġabar il-feedback tal-pubbliku. Matul il-konsultazzjoni dwar l-abbozz tal-att, ġew riċevuti tliet kontributi. Il-punti li tqajmu ġew ikkunsidrati u tqies li l-ebda emenda ma kienet meħtieġa.

3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT

Id-Direttiva Delegata ġġedded l-eżenzjoni 2(b)(4) fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE għall-użu tal-merkurju f’lampi fluworexxenti għal finijiet oħra ta’ tidwil ġenerali u għal finijiet speċjali oħra, billi tistabbilixxi perjodi ġodda ta’ validità, inkluż għal ċerti applikazzjonijiet speċifikati koperti minn dik l-eżenzjoni.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, ibbażata fuq l-istudji ta’ sostenn u l-konsultazzjonijiet, ikkonkludiet li t-talba għal eżenzjoni tissodisfa mill-inqas wieħed mill-kriterji rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva RoHS li jiġġustifika l-estensjoni tal-eżenzjoni: il-merkurju ma jistax jiġi sostitwit b’mod affidabbli fil-kategoriji ta’ lampi koperti minn din l-eżenzjoni.

Fil-qosor, il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni huma ssodisfati, u l-eżenzjoni 2(b)(4) għandha tiġġedded. Il-valutazzjoni kkonkludiet ukoll li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni jenħtieġ li jiddejjaq għal iktar applikazzjonijiet speċifikati minn naħa, u, min-naħa l-oħra, biex jitqassar it-tul ta’ żmien tal-eżenzjoni wiesgħa attwali kif ġej: (I) għal tliet snin għal finijiet oħra ta’ tidwil ġenerali u għal finijiet speċjali oħra u għal ħames snin għal (II) lampi li jemettu dawl fl-ispettru mhux viżibbli u (III) lampi ta’ emerġenza.

Id-dati tal-iskadenza għal din l-eżenzjoni huma stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 5(2) (l-ewwel subparagrafu). Mhux mistenni li l-perjodi ta’ validità jkollhom impatti avversi fuq l-innovazzjoni.

L-istrument legali huwa Direttiva Delegata, id-Direttiva 2011/65/UE, skont l-att legali ta’ awtorizzazzjoni, u b’mod partikolari bid-delega stabbilita fl-Artikolu 5(1) u 20 tagħha.

L-objettiv tad-Direttiva Delegata hu li tikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent u tallinja d-dispożizzjonijiet għall-funzjonament tas-suq intern fil-qasam tat-tagħmir elettriku u elettroniku, billi tippermetti l-użu ta’ sustanzi li suppost huma pprojbiti għal applikazzjonijiet speċifiċi, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva RoHS u skont il-kundizzjonijiet mogħtija fiha u skont il-proċedura stabbilita fiha għall-adattament tal-Annessi III u IV għall-progress xjentifiku u tekniku.

Id-Direttiva Delegata ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.

DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta’ 13.12.2021

li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi fluworexxenti għal finijiet oħra ta’ tidwil ġenerali u għal finijiet speċjali oħra

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku 11 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)Id-Direttiva 2011/65/UE tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih is-sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Dik ir-restrizzjoni ma tapplikax għal ċerti applikazzjonijiet eżentati li huma elenkati fl-Anness III ta’ dik id-Direttiva.

(2)Il-kategoriji tat-tagħmir elettriku u elettroniku li għalihom tapplika d-Direttiva 2011/65/UE huma elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.

(3)Il-merkurju hu sustanza ristretta elenkata fl-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE.

(4)Permezz tad-Deċiżjoni 2010/571/UE 12 , il-Kummissjoni tat, fost affarijiet oħra, eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi fluworexxenti lineari oħra għal finijiet oħra ta’ tidwil ġenerali u għal finijiet speċjali oħra (eż. lampi tal-induzzjoni)(“l-eżenzjoni”), li issa hija elenkata bħala l-eżenzjoni 2(b)(4) fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE. L-eżenzjoni kellha tiskadi fil-21 ta’ Lulju 2016, f’konformità mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) ta’ dik id-Direttiva.

(5)L-eżenzjoni tkopri grupp mhux omoġenju ta’ lampi b’għamliet, teknoloġiji, applikazzjonijiet u finijiet differenti. Il-merkurju jintuża fit-tubu bi skarika, li huwa essenzjali biex l-enerġija elettrika tiġi kkonvertita f’dawl.

(6)Fil-15 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għat-tiġdid tal-eżenzjoni (“l-applikazzjoni għat-tiġdid”), jiġifieri fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE, li ġiet aġġornata fl-20 ta’ Jannar 2020 b’applikazzjoni għat-tiġdid addizzjonali. F’konformità mal-Artikolu 5(5) ta’ dik id-Direttiva, l-eżenzjoni tibqa’ valida sa meta tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għat-tiġdid.

(7)L-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għat-tiġdid, li qieset id-disponibbiltà tas-sostituti u l-impatt soċjoekonomiku tas-sostituzzjoni, ikkonkludiet li attwalment is-sostituzzjoni jew l-eliminazzjoni tal-merkurju fl-applikazzjonijiet ikkonċernati mhix prattikabbli teknikament. Dik l-evalwazzjoni kienet tinkludi konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati f’konformità mal-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2011/65/UE. Il-kummenti li waslu matul dawk il-konsultazzjonijiet saru disponibbli għall-pubbliku fuq sit web apposta.

(8)L-eżenzjoni hija konsistenti mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 13 u għalhekk ma ddgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa mogħtija minnu.

(9)Għalhekk jixraq li jingħata t-tiġdid tal-eżenzjoni meta jitqies l-għan ġenerali li l-eżenzjonijiet mir-restrizzjoni għal ċerti materjali jew komponenti speċifiċi jenħtieġ li jkunu limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni u t-tul ta’ żmien tagħhom, sabiex tinkiseb eliminazzjoni gradwali tas-sustanzi perikolużi fl-EEE.

(10)Sabiex tkun tista’ ssir rivalutazzjoni f’waqtha tad-disponibbiltà ta’ lampi ta’ sostituzzjoni ħielsa mill-merkurju għall-varjetà wiesgħa ta’ tipi ta’ lampi koperti minn din l-eżenzjoni, jixraq li jingħata t-tiġdid tal-eżenzjoni għal perjodu limitat ta’ tliet snin. Madankollu, għal kategoriji ta’ lampi speċifiċi, b’mod partikolari l-lampi li jemettu dawl fl-ispettru mhux viżibbli (is-subentrata 2(b)(4)–II ġdida tal-Anness III) u l-lampi ta’ emerġenza (is-subentrata 2(b)(4)–III ġdida tal-Anness III), hemm informazzjoni suffiċjenti li s-sostituzzjoni mhijiex prattikabbli teknikament fis-snin li ġejjin u għal dawk il-kategoriji ta’ lampi, perjodu ta’ validità ta’ ħames snin għandu jkun ġġustifikat, f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/65/UE. Fid-dawl tar-riżultati tal-isforzi kontinwi biex tinstab sostituzzjoni affidabbli, x’aktarx li t-tul ta’ żmien tal-eżenzjoni mhux se jkollu impatti avversi fuq l-innovazzjoni.

(11)Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/65/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard minn [l-aħħar jum tas-sitt xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva] il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn [l-aħħar jum tas-sitt xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva + jum wieħed].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 13.12.2021

   Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Ursula VON DER LEYEN

(1)    ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.
(2)    ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
(3)    Il-lista hija disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/environment/waste/rohs_eee/adaptation_en.htm .
(4)     https://rohs.exemptions.oeko.info/fileadmin/user_upload/RoHS_Pack_9/Exemption_2_b__34_/ Lighting_Europe/2b4_LE_RoHS_Exemption__Req_Final.pdf .
(5)    Ir-rapport finali tal-istudju huwa disponibbli fuq https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/a3fdcc8c-4273-11e6-af30-01aa75ed71a1 .
(6)    Perjodu ta’ konsultazzjoni: mill-21 ta’ Awwissu 2015 sas-16 ta’ Ottubru 2015, http://rohs.exemptions.oeko.info .
(7)     https://rohs.exemptions.oeko.info/fileadmin/user_upload/reports/FWCW_RoHS_Lamps_ SEA_20190729_Final.pdf
(8)     https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/f44f2383-dd0a-11ea-adf7-01aa75ed71a1/language-en/format-PDF/source-146144383 , mill-paġna 92.
(9)

    https://ec.europa.eu/environment/waste/rohs_eee/studies_rohs1_en.htm .

(10)    Lista tal-passi amministrattivi meħtieġa hija disponibbli fuq is- sit web tal-Kummissjoni . Wieħed jista’ jara l-istadju attwali tal-proċedura għal kull abbozz ta’ att delegat fir-Reġistru Interistituzzjonali tal-Atti Delegati fuq https://webgate.ec.europa.eu/regdel/#/home .
(11)    ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.
(12)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/571/UE tal-24 ta’ Settembru 2010 li temenda, għal skopijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness għad-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjonijiet għal applikazzjonijiet li jkun fihom iċ-ċomb, il-merkurju, il-kadmju, il-kromju eżavalenti, il-bifenili polibrominati u l-eteri tad-difenil polibrominati (ĠU L 251, 25.9.2010, p. 28).
(13)    Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

ANNESS

Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, l-entrata 2(b)(4) hija sostitwita b’dan li ġej:

Eżenzjoni

Kamp ta’ applikazzjoni u dati tal-applikabbiltà

“2(b)(4)–I

Lampi għal finijiet oħra ta’ tidwil ġenerali u għal finijiet speċjali oħra (eż. lampi tal-induzzjoni): 15 mg

Tiskadi [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: tliet snin wara l-pubblikazzjoni tad-Direttiva Delegata fil-Ġurnal Uffiċjali]

2(b)(4)–II

Lampi li jemettu prinċipalment dawl fl-ispettru ultravjola: 15 mg

Tiskadi [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet: ħames snin wara l-pubblikazzjoni tad-Direttiva Delegata fil-Ġurnal Uffiċjali]

2(b)(4)–III

Lampi ta’ emerġenza: 15 mg

Tiskadi [ħames snin wara l-pubblikazzjoni tad-Direttiva Delegata fil-Ġurnal Uffiċjali]”