KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Kriterji għall-analiżi tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni tal-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni
1.INTRODUZZJONI
1.Din il-Komunikazzjoni tipprovdi gwida dwar il-valutazzjoni tal-finanzjament pubbliku ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (important projects of common European interest, IPCEIs) skont ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.
2.L-IPCEIs jistgħu jagħtu kontribut importanti ħafna għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli, għall-impjiegi, għall-kompetittività u għar-reżiljenza tal-industrija u tal-ekonomija fl-Unjoni u jsaħħu l-awtonomija strateġika miftuħa tagħha, billi jippermettu l-innovazzjoni rivoluzzjonarja u l-proġetti infrastrutturali permezz ta’ kooperazzjoni transfruntiera u b’effetti kollaterali pożittivi fuq is-suq intern u s-soċjetà kollha kemm hi.
3.L-IPCEIs jagħmluha possibbli li l-għarfien, l-għarfien espert, ir-riżorsi finanzjarji u l-atturi ekonomiċi minn madwar l-Unjoni jitlaqqgħu biex jingħelbu l-fallimenti tas-suq jew in-nuqqasijiet sistemiċi importanti jew l-isfidi tas-soċjetà li ma jkunux jistgħu jingħelbu b'mod ieħor. Huma maħsuba biex ilaqqgħu s-settur privat u dak pubbliku biex iwettqu proġetti fuq skala kbira li jipprovdu benefiċċju sinifikanti lill-Unjoni u liċ-ċittadini tagħha.
4.L-IPCEIs jistgħu jirfdu l-politiki u l-azzjonijiet kollha li għandhom l-għan li jilħqu għanijiet Ewropej komuni, b’mod partikolari l-Patt Ekoloġiku Ewropew
, l-Istrateġija Diġitali
u d-Deċennju Diġitali, l-Istrateġija Industrijali l-Ġdida għall-Ewropa
u l-aġġornament tagħha, l-Istrateġija Ewropea għad-Data u Next Generation EU
. L-IPCEIs jistgħu jikkontribwixxu wkoll għal irkupru sostenibbli wara disturbi ekonomiċi serji bħal dawk ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 u jappoġġaw l-isforzi biex tissaħħaħ ir-reżiljenza soċjali u ekonomika tal-Unjoni.
5.Filwaqt li jitqiesu l-aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida kif ukoll l-Istrateġija għal Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju
(Small and Medium-sized Enterprises, SMEs), huwa importanti li l-SMEs u n-negozji l-ġodda jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-IPCEIs u jibbenefikaw minnhom. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqis kwalunkwe ċirkostanza li tindika li huwa anqas probabbli li l-għajnuna notifikata tfixkel il-kompetizzjoni bla bżonn, pereżempju minħabba l-ammont tagħha.
6.L-introduzzjoni tal-IPCEIs spiss titlob parteċipazzjoni sinifikanti mill-awtoritajiet pubbliċi kull meta s-suq ma jiffinanzjax proġetti bħal dawn. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi r-regoli li japplikaw fejn il-finanzjament pubbliku ta’ proġetti bħal dawn jikkostitwixxi l-għajnuna mill-Istat, sabiex l-għajnuna mill-Istat għall-IPCEIs titqies kompatibbli mas-suq intern. B’mod partikolari, ir-regoli għandhom l-għan li jiżguraw li għajnuna bħal din ma taffettwax b’mod negattiv wisq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, u li jillimitaw l-effetti ta’ tali għajnuna fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni għall-minimu neċessarju.
7.L-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li l-għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi gwida dwar il-kriterji li se tapplika l-Kummissjoni għall-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat li tingħata biex tippromwovi l-eżekuzzjoni tal-IPCEIs. L-ewwel, hija tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u mbagħad tipprovdi lista ta’ kriterji li se tuża l-Kummissjoni biex tivvaluta n-natura u l-importanza tal-IPCEIs għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat. Imbagħad, hija tispjega kif il-Kummissjoni se tivvaluta l-kompatibbiltà tal-finanzjament pubbliku tal-IPCEIs mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.
8.Din il-Komunikazzjoni ma teskludix il-possibbiltà li l-għajnuna li tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ IPCEIs jistgħu jinstabu wkoll li jkunu kompatibbli mas-suq intern abbażi ta’ dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat. Madankollu, jista’ jkun li dawk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ma jindirizzawx bis-sħiħ ir-rilevanza, l-ispeċifiċitajiet u l-karatteristiċi tal-IPCEIs. Dawn jistgħu jeħtieġu regoli speċifiċi ta’ eliġibbiltà u ta’ kompatibbiltà kif ukoll dawk proċedurali, kif stabbilit f’din il-Komunikazzjoni.
2.KAMP TA’ APPLIKAZZJONI
9.Il-Kummissjoni se tapplika l-prinċipji stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni għall-IPCEIs fis-setturi kollha tal-attività ekonomika.
10.Dawk il-prinċipji ma japplikawx għal:
(a)miżuri li jikkonsistu f’għajnuna għal impriżi f’diffikultà, kif definiti fil-linji gwida għas-salvataġġ u r-ristrutturar
jew kwalunkwe linja gwida sussegwenti, bl-eċċezzjoni ta’ impriżi li ma kinux f’diffikultà fil-31 ta’ Diċembru 2019 iżda li saru impriżi f’diffikultà dakinhar tal-1 ta’ Jannar 2020 jew aktar tard, dment li jiġi applikat il-Qafas Temporanju;
(b)miżuri li jikkonsistu f’għajnuna lil impriżi li jkunu soġġetti għal ordni ta’ rkupru pendenti wara deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li tkun iddikjarat l-għajnuna bħala waħda illegali u inkompatibbli mas-suq intern;
(c)miżuri ta’ għajnuna li fihom infushom, minħabba l-kundizzjonijiet tagħhom jew il-metodu ta’ finanzjament tagħhom, jinvolvu ksur indissoċjabbli tad-dritt tal-Unjoni
, b’mod partikolari:
(I)miżuri ta’ għajnuna fejn l-għoti ta’ għajnuna jkun soġġett għall-obbligu li l-benefiċjarju jkollu l-kwartieri tiegħu fl-Istat Membru kkonċernat jew li jkun stabbilit b’mod predominanti f’dak l-Istat Membru,
(II)miżuri ta’ għajnuna fejn l-għoti ta ’ għajnuna jkun soġġett għall-obbligu li l-benefiċjarju juża beni prodotti fil-livell nazzjonali jew servizzi nazzjonali,
(III)miżuri ta’ għajnuna li jillimitaw il-possibbiltà li l-benefiċjarju juża r-riżultati tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fi Stati Membri oħrajn.
3.KRITERJI TA’ ELIĠIBBILTÀ
11.Hija u tiddetermina jekk proġett jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat jew le, il-Kummissjoni se tapplika l-kriterji stabbiliti fit-taqsimiet 3.1, 3.2 u 3.3 ta’ din il-Komunikazzjoni.
3.1.Definizzjoni ta’ proġett
12.Il-proposta għal għajnuna trid tikkonċerna proġett uniku, li jkun iddefinit b’mod ċar fir-rigward tal-għanijiet tiegħu kif ukoll it-termini tal-implimentazzjoni tiegħu, inkluż il-parteċipanti u l-finanzjament tiegħu
.
13.Il-Kummissjoni tista’ wkoll tqis “proġett integrat”, jiġifieri grupp ta’ proġetti uniċi inkorporati fi struttura, pjan direzzjonali jew programm komuni, bl-istess għan u bbażati fuq approċċ sistemiku koerenti, bħala wieħed eliġibbli. Il-komponenti individwali tal-proġett integrat jistgħu jirrelataw ma’ livelli separati tal-katina ta’ provvista, iżda dawn iridu jkunu kumplimentari u jżidu l-valur b’mod sinifikanti fil-kontribut tagħhom biex jintlaħaq l-għan importanti Ewropew
.
3.2.Interess komuni Ewropew
3.2.1.Kriterji kumulattivi ġenerali
14.Il-proġett irid jirrappreżenta kontribut importanti konkret, ċar u identifikabbli għall-għanijiet jew l-istrateġiji tal-Unjoni u jrid ikollu impatt sinifikanti fuq it-tkabbir sostenibbli, pereżempju billi jkun ta’ importanza ewlenija għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Istrateġija Diġitali, id-Deċennju Diġitali u l-Istrateġija Ewropea għad-Data, l-Istrateġija Industrijali l-Ġdida għall-Ewropa u l-aġġornament tagħha, Next Generation EU, l-Unjoni Ewropea tas-Saħħa, iż-Żona Ewropea tar-Riċerka l-ġdida għar-riċerka u l-innovazzjoni, il-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid għal Ekonomija Ċirkolari, jew l-għan tal-UE biex issir newtrali għall-klima sal-2050, fost l-oħrajn.
15.Il-proġett irid juri li huwa mfassal biex jegħleb fallimenti tas-suq jew nuqqasijiet sistemiċi importanti, li jipprevjenu li l-proġett jitwettaq bl-istess mod fin-nuqqas tal-għajnuna, jew sfidi tas-soċjetà, li kieku ma jiġux indirizzati jew rimedjati sew b’mod ieħor.
16.Sakemm numru iżgħar ma jkunx iġġustifikat min-natura tal-proġett
, il-proġett normalment irid jinvolvi mill-inqas erba’ Stati Membri u l-benefiċċji tiegħu ma jridux ikunu limitati għall-Istati Membri li jiffinanzjaw, iżda jestendu għal parti usa’ tal-Unjoni. Il-benefiċċji tal-proġett iridu jkunu definiti b’mod ċar, konkret u identifikabbli
.
17.L-Istati Membri kollha jridu jingħataw opportunità ġenwina biex jipparteċipaw fi proġett emerġenti. L-Istati Membri notifikanti jridu juru li l-Istati Membri kollha kienu infurmati bil-possibbiltà li jitfaċċa proġett — pereżempju permezz ta’ kuntatti, alleanzi, laqgħat, jew avvenimenti ta’ tlaqqigħ, li jinvolvu wkoll l-SMEs u n-negozji l-ġodda — u li ngħataw l-opportunità li jipparteċipaw.
18.Il-benefiċċji tal-proġett ma jridux ikunu limitati għall-impriżi jew għas-settur ikkonċernat, iżda jridu jkunu ta’ rilevanza u applikazzjoni usa’ għall-ekonomija jew għas-soċjetà fl-Unjoni permezz ta’ effetti kollaterali pożittivi (bħal effetti sistemiċi fuq diversi livelli tal-katina tal-valur, jew fuq is-swieq upstream jew downstream, jew użi alternattivi f’setturi oħrajn jew bidla modali) li jkunu definiti b’mod ċar, konkret u identifikabbli.
19.Il-proġett irid jinvolvi kofinanzjament importanti mill-benefiċjarju.
20.L-Istati Membri jridu jipprovdu evidenza dwar jekk il-proġett jikkonformax mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” skont it-tifsira tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852, jew ma’ metodoloġiji komparabbli oħra. Fl-ibbilanċjar globali tal-effetti pożittivi tal-għajnuna kontra l-effetti negattivi tagħha fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ, il-Kummissjoni se tqis il-konformità ma’ dan il-prinċipju bħala fattur importanti fil-valutazzjoni tagħha. B’mod ġenerali, l-investimenti li jagħmlu ħsara sinifikanti lill-għanijiet ambjentali skont it-tifsira tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2020/852 x’aktarx ma jkollhomx biżżejjed effetti pożittivi biex jissuperaw l-effetti negattivi tagħhom fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ. F’kull każ, l-effetti pożittivi ta’ proġett fl-indirizzar ta’ fallimenti tas-suq jew nuqqasijiet sistemiċi importanti, jew sfidi tas-soċjetà li kieku ma setgħux jiġu indirizzati, huma soġġetti għal valutazzjoni individwalizzata fil-każijiet kollha.
3.2.2.Indikaturi pożittivi ġenerali
21.Minbarra l-kriterji kumulattivi fit-Taqsima 3.2.1, il-Kummissjoni se tieħu nota pożittiva ta’ dawn l-elementi li ssuġġerew l-Istati Membri:
(a)it-tfassil tal-proġett ikun jinvolvi lill-Kummissjoni jew lil kwalunkwe entità ġuridika li l-Kummissjoni tkun iddelegatilha s-setgħat tagħha, bħall-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment;
(b)l-għażla tal-proġett tkun tinvolvi lill-Kummissjoni jew lil kwalunkwe entità ġuridika li l-Kummissjoni tkun iddelegatilha s-setgħat tagħha, dment li din l-entità tkun qed taġixxi biss għal dak l-għan bħala struttura ta’ implimentazzjoni;
(c)l-istruttura tal-governanza tal-proġett tkun tinvolvi lill-Kummissjoni, jew lil kwalunkwe entità ġuridika li l-Kummissjoni tkun iddelegatilha s-setgħat tagħha, u lill-Istati Membri parteċipanti;
(d)il-proġett ikun jinvolvi interazzjonijiet kollaborattivi importanti f’termini tal-għadd ta’ sħab, l-involviment ta’ organizzazzjonijiet minn setturi differenti, jew l-involviment ta’ impriżi ta’ daqsijiet differenti u, b’mod partikolari, il-kollaborazzjoni bejn intrapriżi kbar u SMEs, inklużi negozji ġodda, fi Stati Membri differenti u jappoġġa l-iżvilupp ta’ reġjuni aktar żvantaġġati;
(e)il-proġett jinvolvi kofinanzjament minn fond tal-UE
b’ġestjoni diretta, indiretta jew kondiviża;
(f)Il-proġett jinvolvi kontribuzzjoni sinifikanti minn investituri privati indipendenti;
(g)il-proġett jindirizza dipendenza strateġika sinifikanti u identifikata b’mod ċar.
3.2.3.Kriterji speċifiċi
22.Il-proġetti ta’ Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni (“RŻI”) jridu jkunu ta’ natura innovattiva maġġuri jew jikkostitwixxu valur miżjud importanti f’termini ta’ RŻI fid-dawl tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku fis-settur ikkonċernat.
23.Il-proġetti li jinkludu l-ewwel użu industrijali jridu jippermettu l-iżvilupp ta’ prodott jew servizz ġdid b’kontenut għoli ta’ riċerka u innovazzjoni jew l-użu ta’ proċess ta’ produzzjoni fundamentalment innovattiv. Aġġornamenti regolari mingħajr dimensjoni innovattiva ta’ faċilitajiet eżistenti u l-iżvilupp ta’ verżjonijiet aktar ġodda ta’ prodotti eżistenti ma jikkwalifikawx bħala l-ewwel użu industrijali.
24.Għall-iskop ta’ din il-Komunikazzjoni, l-ewwel użu industrijali jirreferi għat-titjib ta’ faċilitajiet pilota, ta’ impjanti ta’ dimostrazzjoni jew tat-tagħmir u l-faċilitajiet li huma l-ewwel mit-tip tagħhom u li jkopru l-passi kollha wara l-linja pilota, inkluż il-fażi tal-ittestjar u ż-żieda tal-produzzjoni tal-lott, iżda mhux il-produzzjoni tal-massa jew l-attivitajiet kummerċjali. It-tmiem tal-ewwel użu industrijali huwa ddeterminat billi, fost oħrajn, jitqiesu l-indikaturi tal-prestazzjoni rilevanti li huma relatati mar-RŻI u li jindikaw il-kapaċità li tibda l-produzzjoni tal-massa. L-ewwel attivitajiet ta’ użu industrijali jistgħu jiġu ffinanzjati bl-għajnuna mill-Istat sakemm l-ewwel użu industrijali jsegwi attività tar-RŻI, u fih innifsu jinkorpora komponent importanti tar-RŻI li jikkostitwixxi element integrali u neċessarju għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-proġett. L-ewwel użu industrijali ma għandux għalfejn jitwettaq mill-istess entità li tkun wettqet l-attività tar-RŻI, dment li dik l-entità takkwista d-drittijiet biex tuża r-riżultati li jkunu nkisbu mill-attività tar-RŻI preċedenti, u li l-attività tar-RŻI u l-ewwel użu industrijali jkunu t-tnejn deskritti fil-proġett.
25.Il-proġetti ta’ infrastruttura fis-setturi ambjentali, tal-enerġija, tat-trasport, tas-saħħa jew diġitali, sa fejn mhumiex koperti mill-punti 22 u 23, iridu jkunu ta’ importanza kbira għall-istrateġiji ambjentali, klimatiċi, tal-enerġija (inkluż is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija), tat-trasport, tas-saħħa, industrijali jew diġitali tal-Unjoni jew jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għas-suq intern, inkluż, iżda mhux limitat għal dawk is-setturi speċifiċi, u jistgħu jiġu appoġġati għall-perjodu sakemm isiru totalment operazzjonali wara li jinbnew.
3.3.L-importanza tal-proġett
26.Sabiex jikkwalifika bħala IPCEI, proġett irid ikun importanti kemm fil-kwantità kif ukoll fil-kwalità. Jenħtieġ li l-proġett ikun jew ta’ daqs jew ta’ kamp ta’ applikazzjoni partikolarment kbir, jew jimplika livell ta’ riskju teknoloġiku jew finanzjarju konsiderevolment għoli, jew it-tnejn li huma. Biex tiddetermina l-importanza ta’ proġett, il-Kummissjoni se tqis il-kriterji stabbiliti fit-taqsima 3.2.
4.KRITERJI TA’ KOMPATIBBILTÀ
27.Fil-valutazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna għall-promozzjoni tal-eżekuzzjoni ta’ IPCEI abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, il-Kummissjoni se tqis il-kriterji
stabbiliti fit-taqsimiet 4.1, 4.2 u 4.3 ta’ din il-Komunikazzjoni.
28.Il-Kummissjoni se twettaq test ta’ bbilanċjar, skont it-tifsira tat-taqsima 4.2, biex tivvaluta jekk l-effetti pożittivi mistennija tal-għajnuna jisbqux l-effetti negattivi possibbli.
29.Filwaqt li tqis in-natura tal-proġett, il-Kummissjoni tista’ tqis li l-preżenza ta’ nuqqasijiet tas-suq, nuqqasijiet sistemiċi jew sfidi soċjetali importanti, kif ukoll il-kontribut għal interess Ewropew komuni, tista’ tiġi preżunta għall-komponenti individwali ta’ proġett integrat meta l-proġett ikun jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fit-taqsima 3.
4.1.Il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-għajnuna
30.L-għajnuna ma tridx tissussidja l-kostijiet ta’ proġett li impriża xorta waħda kien ikollha ġġarrab, u ma tridx tikkumpensa r-riskju normali tan-negozju ta’ attività ekonomika. Mingħajr l-għajnuna, it-twettiq tal-proġett għandu jkun impossibbli, jew għandu jkun possibbli biss fuq skala iżgħar, b’kamp ta’ applikazzjoni aktar ristrett, jew mhux malajr biżżejjed, jew b’mod differenti li jirrestrinġi b’mod sinifikanti l-benefiċċji mistennija tiegħu
. L-għajnuna se titqies proporzjonali biss jekk l-istess riżultat ma jkunx jista’ jinkiseb b’inqas għajnuna.
31.L-Istati Membri jridu jipprovdu informazzjoni adegwata lill-Kummissjoni dwar il-proġett megħjun flimkien ma’ deskrizzjoni komprensiva tax-xenarju kontrofattwali li jikkorrispondi għal sitwazzjoni fejn ma tingħata l-ebda għajnuna minn l-ebda Stat Membru. Ix-xenarju kontrofattwali jista’ jikkonsisti fin-nuqqas ta’ proġett alternattiv, meta l-evidenza turi li dan x’aktarx ikun kontrofattwali, jew ta’ proġett alternattiv meqjus mill-benefiċjarji fit-teħid tad-deċiżjonijiet interni tagħhom, u jista’ jkun marbut ma’ proġett alternattiv li jitwettaq kompletament jew parzjalment barra l-Unjoni. Biex tintwera l-kredibbiltà tax-xenarju kontrofattwali ppreżentat mill-benefiċjarji, l-Istat Membri notifikanti huma mistednin jipprovdu dokumenti interni rilevanti tal-benefiċjarji, bħal preżentazzjonijiet tal-bord, analiżijiet, rapporti u studji.
32.Fin-nuqqas ta’ proġett alternattiv, il-Kummissjoni se tivverifika li l-ammont ta’ għajnuna mill-Istat ma jkunx jaqbeż il-minimu meħtieġ biex il-proġett megħjun ikun profittabbli biżżejjed, pereżempju billi tagħmilha possibbli li tinkiseb rata ta’ redditu interna li tikkorrispondi għall-parametru referenzjarju speċifiku jew ir-rata minima speċifika tas-settur jew tad-ditta. Rati normali ta’ redditu meħtieġa mill-benefiċjarji fi proġetti ta’ investiment oħra simili, il-kost tal-kapital tagħhom fl-intier tiegħu, jew ir-redditi li sikwit jiġu osservati fl-industrija kkonċernata jistgħu jintużaw ukoll għal din il-fini. Għandhom jitqiesu l-kostijiet u l-benefiċċji rilevanti kollha mistennija matul il-ħajja tal-proġett.
33.Il-livell massimu ta’ għajnuna permessa se jkun iddeterminat fir-rigward tad-diskrepanza fil-finanzjament identifikata b’rabta mal-kostijiet eliġibbli. Jekk tkun iġġustifikata mill-analiżi tad-diskrepanza fil-finanzjament, l-intensità tal-għajnuna tista’ tkopri l-kostijiet eliġibbli kollha. Id-diskrepanza fil-finanzjament tirreferi għad-differenza bejn il-flussi ta’ flus pożittivi u negattivi matul il-ħajja tal-investiment, imraħħsa sal-valur attwali tagħhom abbażi ta’ fattur ta’ skont xieraq li jirrifletti r-rata ta’ redditu meħtieġa għall-benefiċjarju biex iwettaq il-proġett, partikolarment fid-dawl tar-riskji involuti. Il-kostijiet eliġibbli huma stabbiliti fl-Anness
.
34.Fejn jintwera — pereżempju permezz ta’ dokumenti interni ta’ kumpanija — li l-benefiċjarju tal-għajnuna għandu għażla ċara bejn li jwettaq proġett megħjun jew proġett alternattiv mingħajr l-għajnuna, l-Kummissjoni se tqabbel il-valuri attwali netti mistennija tal-investiment fil-proġett megħjun u fil-proġett kontrofattwali, filwaqt li tqis il-probabbiltajiet li jseħħu x-xenarji kummerċjali differenti.
35.L-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni tal-IPCEIs tista’ tiġi akkumulata ma’ finanzjament tal-Unjoni jew għajnuna oħra mill-Istat, dment li l-ammont totali ta’ finanzjament pubbliku mogħti fir-rigward tal-istess kostijiet eliġibbli ma jaqbiżx ir-rata ta’ finanzjament l-aktar favorevoli stabbilita fir-regoli applikabbli tad-dritt tal-Unjoni.
36.Bħala salvagwardja addizzjonali biex jiġi żgurat li l-għajnuna mill-Istat tibqa’ proporzjonata u limitata għal dak meħtieġ, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istat Membru notifikanti biex jimplimenta mekkaniżmu ta’ rkupru. Jenħtieġ li l-mekkaniżmu ta’ rkupru jiżgura distribuzzjoni bbilanċjata ta’ qligħ addizzjonali meta l-proġett ikun aktar profittabbli milli previst fl-analiżi notifikata tad-diskrepanza fil-finanzjament u jenħtieġ li japplika biss għal dawk l-investimenti li, abbażi tar-riżultati tal-fluss tal-flus ex post u tal-iżborżi tal-għajnuna mill-Istat, jilħqu rata ta’ redditu li taqbeż il-kost tal-kapital tal-benefiċjarji. Jenħtieġ li kwalunkwe mekkaniżmu ta’ rkupru bħal dan jiġi definit b’mod ċar minn qabel sabiex jipprovdi prevedibbiltà finanzjarja għall-benefiċjarji fil-mument tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-parteċipazzjoni fil-proġett. Jenħtieġ li mekkaniżmi bħal dawn jitfasslu b’tali mod li jżommu inċentivi għall-benefiċjarji biex jimmassimizzaw l-investiment u l-prestazzjoni tal-proġetti tagħhom.
37.Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni se tqis l-elementi li ġejjin:
(a)l-ispeċifikazzjoni tal-bidla intenzjonata: l-Istat Membru jrid jispeċifika b’mod ċar il-bidla fl-imġiba li hija mistennija li tirriżulta mill-għajnuna mill-Istat, jiġifieri jekk hux se jiġi attivat proġett ġdid, jew jekk id-daqs, il-kamp ta’ applikazzjoni, il-veloċità jew id-dimensjoni transfruntiera ta’ proġett humiex se jissaħħu. Il-bidla fl-imġiba trid tiġi identifikata billi jitqabblu l-eżitu mistenni u l-livell ta’ attività intenzjonat bl-għajnuna u mingħajrha. Id-differenza bejn iż-żewġ xenarji turi l-impatt tal-miżura tal-għajnuna u l-effett ta’ inċentiv tagħha;
(b)il-livell ta’ profittabbiltà: meta proġett, fih innifsu, ma jkunx profittabbli biżżejjed biex tidħol għalih impriża privata, iżda jkun jiġġenera benefiċċji importanti għas-soċjetà, hemm probabbiltà ogħla li l-għajnuna jkollha effett ta’ inċentiv.
38.Sabiex ikunu indirizzati d-distorsjonijiet attwali jew potenzjali diretti jew indiretti tal-kummerċ internazzjonali, il-Kummissjoni tista’ tqis il-fatt li, direttament jew indirettament, il-kompetituri li jinsabu barra mill-Unjoni, fl-aħħar tliet snin, ikunu rċevew jew ikunu se jirċievu għajnuna ta’ intensità ekwivalenti għal proġetti simili. Madankollu, meta d-distorsjonijiet tal-kummerċ internazzjonali x’aktarx li jseħħu wara aktar minn tliet snin minħabba n-natura partikolari tas-settur inkwistjoni, il-perjodu ta’ referenza jista’ jiġi estiż b’mod korrispondenti. Jekk possibbli b’xi mod jew ieħor, l-Istat Membru kkonċernat se jipprovdi lill-Kummissjoni b’biżżejjed informazzjoni biex tkun tista’ tivvaluta s-sitwazzjoni, b’mod partikolari rigward il-ħtieġa li jitqies il-vantaġġ kompetittiv li jgawdi kompetitur f’pajjiż terz. Jekk il-Kummissjoni ma jkollhiex evidenza rigward l-għajnuna mogħtija jew proposta, hija tista’ wkoll tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq evidenza ċirkostanzjali. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tieħu azzjoni xierqa biex tindirizza d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw minn sussidji rċevuti barra mill-Unjoni.
39.Meta tiġbor evidenza, il-Kummissjoni tista’ tuża s-setgħat investigattivi tagħha
.
40.L-għażla tal-istrument ta’ għajnuna trid issir fid-dawl tal-falliment tas-suq jew ta’ nuqqasijiet sistemiċi importanti oħrajn li għandu l-għan li jindirizza. Pereżempju, meta l-problema sottostanti tkun nuqqas ta’ aċċess għal finanzjament, normalment jeħtieġ li l-Istati Membri jirrikorru għall-għajnuna fil-forma ta’ għajnuna ta’ likwidità, bħal self jew garanzija
. Meta jkun meħtieġ li impriża tingħata wkoll ċertu grad ta’ kondiviżjoni tar-riskju, l-istrument ta’ għajnuna magħżul normalment għandu jkun avvanz ripagabbli. Strumenti ta’ għajnuna ripagabbli ġeneralment se jitqiesu bħala indikatur pożittiv.
41.L-għażla tal-benefiċjarji permezz ta’ proċedura kompetittiva, trasparenti u nondiskriminatorja se titqies bħala indikatur pożittiv.
4.2.Prevenzjoni ta’ distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni u test ta’ bbilanċjar
42.L-Istat Membru jrid jipprovdi evidenza li l-miżura ta’ għajnuna proposta tikkostitwixxi l-istrument politiku xieraq biex jindirizza l-għan tal-proġett. Miżura ta’ għajnuna mhijiex se titqies xierqa jekk strumenti ta’ politika jew tipi ta’ strumenti ta’ għajnuna oħrajn li joħolqu inqas distorsjoni jkunu jistgħu jiksbu l-istess riżultat.
43.Sabiex l-għajnuna tkun kompatibbli, l-effetti negattivi tal-miżura ta’ għajnuna f’termini ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jridu jkunu limitati u inferjuri meta mqabbla mal-effetti pożittivi f’termini tal-kontribut għall-għanijiet ta’ interess komuni.
44.Fil-valutazzjoni tal-effetti negattivi tal-miżura ta’ għajnuna, il-Kummissjoni se tiffoka l-analiżi tagħha fuq l-impatt prevedibbli li l-għajnuna jista’ jkollha fuq il-kompetizzjoni bejn l-impriżi fis-swieq tal-prodott ikkonċernati, inkluż is-swieq upstream jew downstream, u fuq ir-riskju ta’ kapaċità żejda.
45.Il-Kummissjoni se tivvaluta r-riskju ta’ esklużjoni mis-suq u d-dominanza fih. Il-proġetti li jinvolvu l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura
jridu jikkonformaw mal-prinċipji tal-aċċess miftuħ u nondiskriminatorju għall-infrastruttura u l-ipprezzar nondiskriminatorju u t-tħaddim tan-network, inkluż dawk stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni
.
46.Il-Kummissjoni se tivvaluta l-effetti negattivi potenzjali fuq il-kummerċ, inkluż ir-riskju li ssir kompetizzjoni bejn l-Istati Membri ta’ min joffri l-aktar sussidji, li tista’ sseħħ speċjalment fir-rigward tal-għażla tal-post.
47.Fil-valutazzjoni tagħha tal-effetti negattivi potenzjali fuq il-kummerċ, il-Kummissjoni se tqis jekk l-għajnuna tiddependix fuq ir-rilokazzjoni ta’ attività ta’ produzzjoni jew kwalunkwe attività oħra tal-benefiċjarju minn Parti Kontraenti oħra għall-Ftehim taż-ŻEE lejn it-territorju tal-Istat Membru li jagħti l-għajnuna. Kundizzjoni bħal din tidher li tagħmel ħsara lis-suq intern, irrispettivament kemm verament jintilfu impjiegi fl-istabbiliment inizjali tal-benefiċjarju fiż-ŻEE, u x’aktarx ma tiġix ikkumpensata minn kwalunkwe effett pożittiv.
4.3.Trasparenza
48.L-Istati Membri jridu jiżguraw li l-informazzjoni li ġejja tiġi pubblikata fil-modulu ta’ trasparenza (transparency award module) tal-Kummissjoni, jew fuq sit web komprensiv dwar l-għajnuna mill-Istat, fil-livell nazzjonali jew reġjonali:
(a)it-test sħiħ tad-deċiżjoni dwar l-għoti tal-għajnuna individwali u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħha, jew link għalih;
(b)l-identità tal-awtorità jew awtoritajiet li jagħtu l-għajnuna;
(c)l-isem u l-identifikatur ta’ kull benefiċjarju, ħlief is-sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra f’każijiet debitament ġustifikati u soġġetti għall-ftehim tal-Kummissjoni skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-segretezza professjonali fid-deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat
;
(d)l-istrument ta’ għajnuna
, l-element ta’ għajnuna u, meta jkun differenti, l-ammont nominali ta’ għajnuna, espress bħala l-ammont sħiħ mogħti lil kull benefiċjarju fil-munita nazzjonali;
(e)id-data tal-għotja u d-data tal-pubblikazzjoni;
(f)it-tip ta’ benefiċjarju (SME/kumpanija kbira/negozju ġdid);
(g)ir-reġjun li fih jinsab il-benefiċjarju (fil-livell II tal-NUTS jew anqas);
(h)is-settur ekonomiku prinċipali li fih il-benefiċjarju għandu l-attivitajiet tiegħu (fil-livell tal-grupp tal-NACE);
(i)l-għanijiet tal-għajnuna.
49.Ir-rekwiżit li tiġi ppubblikata l-informazzjoni japplika fir-rigward tal-għotjiet ta’ għajnuna individwali li jaqbżu l-EUR 100 000. Informazzjoni bħal din trid tiġi ppubblikata wara li tittieħed id-deċiżjoni li tingħata l-għajnuna, trid tinżamm mill-inqas għal 10 snin, u trid tkun disponibbli għall-pubbliku ġenerali mingħajr restrizzjonijiet
.
5.NOTIFIKA, RAPPURTAR U APPLIKAZZJONI
5.1.Obbligu ta’ notifika
50.Skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat, l-Istati Membri jridu jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-quddiem bi kwalunkwe pjan biex tingħata jew tinbidel l-għajnuna mill-Istat, inkluż l-għajnuna għall-IPCEIs.
51.L-Istati Membri involuti fl-istess IPCEI huma mistiedna, kull meta jkun possibbli, jippreżentaw notifika komuni lill-Kummissjoni li tinkludi test konġunt li jiddeskrivi l-IPCEI u li juri l-eliġibbiltà tiegħu.
5.2.Evalwazzjoni ex post u rappurtar
52.L-eżekuzzjoni tal-proġett trid tkun soġġetta għal rappurtar regolari. Meta xieraq, il-Kummissjoni tista’ titlob li ssir evalwazzjoni ex post.
5.3.Applikazzjoni
53.Il-Kummissjoni se tapplika l-prinċipji stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2022.
54.Hija se tapplika dawk il-prinċipji għall-proġetti ta’ għajnuna notifikati kollha u li fir-rigward tagħhom hija msejħa tieħu deċiżjoni dakinhar tal-1 ta’ Jannar 2022 jew aktar tard, anki meta l-proġetti jkunu ġew notifikati qabel dik id-data.
55.F’konformità mal-Avviż dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat illegali
, fil-każ ta’ għajnuna mhux notifikata, il-Kummissjoni se tapplika l-prinċipji stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni jekk l-għajnuna tkun ingħatat dakinhar tal-1 ta’ Jannar 2022 jew aktar tard, u r-regoli fis-seħħ fiż-żmien li ngħatat l-għajnuna għall-każijiet l-oħra kollha.