RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

ta’ 16.9.2021

dwar l-iżgurar tal-protezzjoni, tas-sikurezza u tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-ġurnalisti u ta’ professjonisti oħra fil-media fl-Unjoni Ewropea

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)Kif imnaqqax fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-UE hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Dan jinkludi r-rispett għal-libertà u l-pluraliżmu tal-media u d-dritt għal-libertà tal-espressjoni, u jirrikjedi sforzi kontinwi biex tiġi protetta l-media ħielsa, pluralistika u indipendenti, li huma komponent ewlieni tas-sistemi demokratiċi u tal-istat tad-dritt.

(2)L-obbligu tal-UE u tal-Istati Membri tagħha li jirrispettaw il-libertà u l-pluraliżmu tal-media huwa wkoll minqux fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”). Id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, imnaqqax fl-istess Artikolu, jinkludi l-libertà li wieħed ikollu opinjonijiet u li jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat mingħajr interferenza mill-awtoritajiet pubbliċi u irrispettivament mill-fruntieri 1 . Meta jitqiesu flimkien, dawn il-prinċipji u d-drittijiet ifissru li ċ-ċittadini jenħtieġ li jkunu jistgħu jaċċessaw pluralità ta’ sorsi ta’ informazzjoni u opinjonijiet u b’hekk ikunu jistgħu jiffurmaw l-opinjonijiet, jiskrutinizzaw il-gvernijiet u jiksbu l-informazzjoni meħtieġa biex jeżerċitaw id-dritt tal-vot tagħhom b’mod liberu. L-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jipprevedu ambjent abilitanti għall-media u għall-ġurnalisti permezz ta’ miżuri legali, amministrattivi u prattiċi 2 .

(3)L-UE hija ġeneralment ikkunsidrata bħala wieħed mill-aktar spazji sikuri għall-ġurnalisti u għal professjonisti oħra fil-media 3 . Madankollu, in-numru dejjem jikber ta’ theddid fiżiku, legali u online u attakki fuq il-ġurnalisti u professjonisti oħrajn fil-media matul dawn l-aħħar snin u dokumentati, fost l-oħrajn, fir-Rapporti dwar l-Istat tad-Dritt tal-2020 u l-2021 4 tal-Kummissjoni jikkostitwixxu xejra inkwetanti 5 . In-numru ta’ twissijiet relatati ma’ attakki, aggressjonijiet u fastidju kontra l-ġurnalisti u professjonisti oħra fil-media fl-Istati Membri tal-UE kompla jiżdied 6 . L-attakk terroristiku kontra Charlie Hebdo li jinħareġ kull ġimgħa, li fl-2015 qatel 12-il persuna fi Franza, l-assassinji tal-ġurnalisti investigattivi Daphne Caruana Galizia fl-2017 f’Malta, ta’ Ján Kuciak u l-għarusa tiegħu Martina Kušnírová fl-2018 fis-Slovakkja, kienu sejħa qawwija biex tittejjeb il-protezzjoni tal-ġurnalisti 7 . Il-ħtieġa li tiġi indirizzata s-sikurezza tal-ġurnalisti fl-UE kompliet tissaħħaħ bil-każijiet riċenti li għadhom taħt investigazzjoni, bħall-qtil tal-ġurnalist Grieg Giorgios Karaivaz u tal-ġurnalist Olandiż Peter R. de Vries fl-2021.

(4)Fil-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea 8 tagħha, il-Kummissjoni ppreżentat pjan direzzjonali ambizzjuż biex iċ-ċittadini jingħataw is-setgħa u biex jinbnew demokraziji aktar reżiljenti fl-UE, pjan li jenfasizza r-rwol importanti li għandha l-media indipendenti u pluralistika biex tippermetti liċ-ċittadini jieħdu deċiżjonijiet infurmati, kif ukoll fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni. Għal dan il-għan, il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea ppreveda serje ta’ riżultati konkreti mmirati biex jappoġġaw u jissalvagwardjaw il-libertà u l-pluraliżmu tal-media, inkluż b’mod partikolari din ir-Rakkomandazzjoni u l-inizjattiva li jmiss tal-Kummissjoni li għandha l-għan li tindirizza l-kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPPs).

(5)Din ir-Rakkomandazzjoni tikkomplementa d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva 9 u l-proposta tal-Kummissjoni għal Att dwar is-Servizzi Diġitali 10 , li għandhom l-għan li jipproteġu lill-udjenzi tal-kontenut tal-media awdjoviżiva u lill-utenti kollha tas-servizzi diġitali fl-UE. Din tikkomplementa wkoll il-Pjan ta’ Azzjoni Medjatiku u Awdjoviżiv 11 , li jipprovdi pjan direzzjonali għall-irkupru u għat-trasformazzjoni tal-industriji awdjoviżivi u tal-media u mal-Komunikazzjoni dwar il-Kumpass Diġitali 12 , li tenfasizza li l-approċċ Ewropew għal soċjetà diġitali jrid ikun ibbażat fuq ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tal-UE, inkluża l-libertà tal-espressjoni. Ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq is-sejbiet tar-Rapporti annwali dwar l-Istat tad-Dritt, filwaqt li tanalizza s-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-UE u fl-Istati Membri tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-libertà u tal-pluraliżmu tal-media. Din ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Istati Membri biex jiġġieldu, fost l-oħrajn, it-theddid enfasizzat fir-Rapporti tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt tal-2020 u l-2021.

(6)Din ir-Rakkomandazzjoni hija allinjata bis-sħiħ mal-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi għall-2020-2025 13 u mal-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-2020-2025 14 , l-azzjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-ugwaljanza b’mod aktar wiesa’, b’mod partikolari fil-qafas tal-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ għall-2020-2025 15 , il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Ġlieda Kontra r-Razziżmu 2020-2025 16 , il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 17 , il-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni għall-2020-2030 18 u l-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà 19 . Ir-Rakkomandazzjoni hija wkoll allinjata bis-sħiħ mad-dokumenti tal-politika tal-azzjoni esterna, bħall-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024 20 , il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline 21 , kif ukoll il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru III 22 , u b’hekk tikkontribwixxi għall-koerenza interna esterna. Is-saħħa tal-azzjoni esterna tal-UE f’dan il-qasam ta’ drittijiet fundamentali hija msejsa fuq il-mod kif l-UE ssostni u ssaħħaħ il-pedamenti demokratiċi tagħha fi ħdan l-Unjoni.

(7)Il-Kummissjoni tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-ġurnalisti u għal professjonisti oħra fil-media permezz tal-kofinanzjament ta’ proġetti fil-qasam tal-libertà u tal-pluraliżmu tal-media fl-UE u f’pajjiżi terzi. Pereżempju, mill-2014, il-Kummissjoni kkofinanzjat l-Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Media, li tanalizza r-riskji għal-libertà u għall-pluraliżmu tal-media madwar l-Ewropa u tirrapporta dwar mekkaniżmi li jissalvagwardjaw il-libertà tal-espressjoni, is-sikurezza tal-ġurnalisti u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ġurnalisti. Il-Kummissjoni hija impenjata li tkompli tappoġġa tali proġetti, b’mod partikolari fl-ambitu tal-Programm Ewropa Kreattiva.

(8)Il-Parlament Ewropew appoġġa b’mod attiv it-tisħiħ tal-azzjoni tal-Unjoni biex jiġu protetti l-ġurnalisti. Fir-Rapport tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2020 23 , il-Parlament esprima t-tħassib kontinwu u profond tiegħu dwar l-istat tal-libertà tal-media fl-UE, fil-kuntest tal-okkorrenzi tal-abbuż u tal-attakki li għadhom qed jitwettqu kontra l-ġurnalisti u l-professjonisti fil-media. Filwaqt li fir-Riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ April 2021 24 , il-Parlament innota li l-protezzjoni tal-ġurnalisti investigattivi u tal-informaturi 25 hija interess vitali tas-soċjetà, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Ġunju 2021, enfasizza wkoll it-tħassib tiegħu fir-rigward tat-theddid fiżiku, psikoloġiku u ekonomiku mwettaq kontra l-ġurnalisti u ħaddiema oħra fil-media fl-UE 26 .

(9)Ir-Rakkomandazzjoni tal-2016 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u atturi oħra tal-media 27 , li hija bbażata fuq ir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-każistika rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tistabbilixxi standards komprensivi f’dan il-qasam. Ir-Rakkomandazzjoni tinkludi linji gwida wiesgħa dwar il-prevenzjoni, il-protezzjoni, il-prosekuzzjoni u l-promozzjoni tal-informazzjoni, l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni. Madankollu, l-istrateġija ta’ implimentazzjoni adottata mill-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Mezzi ta’ Komunikazzjoni fit-28 ta’ Marzu 2018 u s-Soċjetà tal-Informatika ssottolinjat il-ħtieġa urġenti ta’ aktar progress fl-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 28 . Il-Pjattaforma għall-promozzjoni tal-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti 29 tal-Kunsill tal-Ewropa tkompli tirreġistra għadd dejjem akbar ta’ twissijiet ta’ attakki jew aggressjoni fil-konfront tal-ġurnalisti u ta’ professjonisti oħrajn fil-media. L-istandards inklużi fil-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Aċċess għal Dokumenti Uffiċjali 30 huma kruċjali wkoll biex jiġi żgurat li l-ġurnalisti jkollhom l-aktar aċċess sħiħ għall-informazzjoni pubblika biex ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom. Din ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li tappoġġa l-implimentazzjoni tal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa, u b’mod partikolari r-Rakkomandazzjoni tal-2016 dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u ta’ atturi oħra tal-media.

(10)Sabiex tħejji din ir-Rakkomandazzjoni, f’Marzu 2021, il-Kummissjoni organizzat djalogu strutturat fl-ambitu tal-Forum Ewropew dwar il-Media tal-Aħbarijiet 31 , li laqqa’ flimkien il-ġurnalisti, l-assoċjazzjonijiet tal-ġurnalisti, il-kunsilli tal-media, il-kumpaniji tal-media tal-aħbarijiet, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, il-Membri tal-Parlament Ewropew, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji tagħhom, u l-organizzazzjonijiet internazzjonali.

(11)Permezz ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni għandha l-għan li ssaħħaħ il-libertà u l-pluraliżmu tal-media fl-UE billi tippromwovi sforzi konġunti u kkoordinati mill-Istati Membri biex jittejbu l-protezzjoni, is-sikurezza u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-ġurnalisti u ta’ professjonisti oħra fil-media. Dan l-approċċ ikkoordinat, li jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali relevanti, huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li l-ġurnalisti u professjonisti oħra fil-media jkunu jistgħu jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fl-Ewropa b’mod sikur u effettiv.

(12)Sabiex jiġi żgurat u ssalvagwardjat ambjent abilitanti għall-ġurnalisti u għal professjonisti oħra fil-media, ir-Rakkomandazzjoni tkopri serje ta’ kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ aspetti ewlenin differenti tiegħu. Dan jinkludi rakkomandazzjonijiet orizzontali dwar il-prosekuzzjoni effettiva tal-atti kriminali, il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, il-mekkaniżmi ta’ rispons rapidu, it-taħriġ, l-aċċess għall-informazzjoni u għall-postijiet, kif ukoll il-protezzjoni ekonomika u soċjali. Barra minn hekk, ir-Rakkomandazzjoni tinkludi rakkomandazzjonijiet speċifiċi relatati mal-protesti u mad-dimostrazzjonijiet, is-sikurezza online u t-tisħiħ tal-pożizzjoni diġitali, kif ukoll is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti nisa, dawk li jappartjenu għal gruppi minoritarji jew li jirrapportaw dwar l-ugwaljanza.

(13)L-intimidazzjoni, il-vjolenza fiżika u psikoloġika, l-arresti illegali u d-detenzjoni arbitrarja, is-sorveljanza illegali, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, il-fastidju jew l-attakki diskriminatorji, kemm online kif ukoll offline, huma biss ftit eżempji ta’ theddid għall-ġurnalisti u għal professjonisti oħra fil-media. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom id-dmir li jipproteġu l-libertà tal-espressjoni u s-sikurezza tal-ġurnalisti bil-provvista ta’ ambjent legali xieraq, filwaqt li jieħdu t-theddid kriminali kontra l-ġurnalisti serjament, il-prosekuzzjoni b’determinazzjoni tal-awturi ta’ kwalunkwe attakk u l-iżgurar ta’ investigazzjoni u segwitu xierqa, inkluż l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet b’mod effettiv, proporzjonat u li jkun ta’ deterrent. Huwa essenzjali li jiġu żgurati r-rigorożità, l-imparzjalità, l-indipendenza, it-trasparenza u l-puntwalità tal-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjoni tar-reati kontra l-ġurnalisti. Sabiex tittejjeb l-effettività tal-azzjoni investigattiva, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jwaqqfu unitajiet speċjali fi ħdan il-forzi tal-pulizija biex jiġu investigati r-reati kontra l-ġurnalisti – f’kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-ġurnalisti 32 . Il-ħatra u t-taħriġ tal-koordinaturi fi ħdan l-uffiċċji tal-prosekuzzjoni u l-qrati jistgħu jikkontribwixxu wkoll għas-suċċess tal-proċedimenti ġudizzjarji. L-għoti ta’ miżuri ta’ protezzjoni personali huwa kruċjali wkoll għall-ġurnalisti u għal professjonisti oħrajn fil-media li s-sikurezza tagħhom hija f’riskju. Peress li r-reati kontra l-ġurnalisti jistgħu jkunu wkoll tranżnazzjonali fin-natura tagħhom, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu użu sħiħ mill-oqfsa Ewropej eżistenti ta’ kooperazzjoni legali u, jekk ikun meħtieġ, jitolbu appoġġ minn aġenziji Ewropej speċjalizzati bħall-Europol u l-Eurojust. Fl-ambitu tal-proposta tal-Kummissjoni biex jissaħħaħ il-mandat tal-Europol 33  , fejn f’każijiet speċifiċi, l-Europol tqis li jenħtieġ li tinbeda investigazzjoni kriminali, hija tista’ tappella lill-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru biex jibdew, iwettqu jew jikkoordinaw investigazzjoni ta’ reat li jaffettwa interess komuni kopert minn politika tal-UE, anki jekk ir-reat inkwistjoni ma jkollux dimensjoni transfruntiera.

(14)Il-kooperazzjoni bla xkiel, effettiva u xierqa bejn il-ġurnalisti, professjonisti oħra fil-media u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tista’ tiżgura prevenzjoni aħjar kontra t-theddid u l-attakki. L-Istati Membri jenħtieġ li jimplimentaw oqfsa għall-kooperazzjoni bejn ġurnalisti individwali, assoċjazzjonijiet ta’ ġurnalisti u awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, u jinkoraġġixxu b’mod attiv id-djalogu 34 bejniethom, bl-involviment ta’ korpi awtoregolatorji tal-media (kunsilli tal-media u tal-istampa). Din il-kooperazzjoni tista’ tinkludi l-istabbiliment ta’ ċentri ta’ koordinazzjoni konġunti magħmulin mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u minn rappreżentanti tal-ġurnalisti 35 . Iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni konġunti jenħtieġ li jaħdmu mill-qrib ma’ servizzi speċjalizzati ta’ appoġġ għall-vittmi, li huma kruċjali għas-salvagwardja tas-sikurezza u tal-benessri psikoloġiku tal-ġurnalisti li jisfaw vittmi ta’ reat kriminali.

(15)L-istabbiliment ta’ punti ta’ appoġġ, kuntatt u rispons rapidu u mekkaniżmi ta’ twissija bikrija, indipendenti mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, jirrappreżenta komponent vitali tas-sistema ta’ appoġġ għall-ġurnalisti u għall-professjonisti fil-media fil-mira ta’ attakki fiżiċi u online. Dawn il-punti ta’ kuntatt jenħtieġ li jkunu mingħajr ħlas, ikunu aċċessibbli faċilment għall-ġurnalisti (u, fejn meħtieġ, għall-familji tagħhom) u joperaw b’mod trasparenti. Kif meħtieġ mid-Direttiva 2012/29/UE 36 , kull vittma għandha d-dritt li tirċievi appoġġ u protezzjoni f’konformità mal-ħtiġijiet individwali tagħha. L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu miżuri biex jiġu stabbiliti u miżmuma servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat, b’mod partikolari punti ta’ kuntatt, li jipprovdu konsulenza, pariri legali u appoġġ psikoloġiku, kif ukoll postijiet ta’ kenn jew kwalunkwe akkomodazzjoni xierqa oħra għall-ġurnalisti u għal professjonisti oħrajn fil-media li jkunu sfaw vittmi ta’ reati. Dawn il-punti ta’ kuntatt jenħtieġ li jaġixxu wkoll bħala “postijiet ta’ kenn diġitali” u jipprovdu appoġġ fil-qasam tas-sigurtà diġitali, inkluż, fejn fattibbli, l-għoti ta’ għarfien espert dwar iċ-ċibersigurtà. Jenħtieġ li jipprovdu appoġġ lill-ġurnalisti u lill-kmamar tal-aħbarijiet biex jittrattaw it-theddid u l-fastidju online mmirati lejn il-ġurnalisti, inklużi t-theddid u l-fastidju mmirati lejn il-ġurnalisti minħabba s-sess, l-orjentazzjoni sesswali, l-oriġini etnika jew soċjali jew kwalunkwe raġuni oħra elenkata fl-Artikolu 21 tal-Karta. It-tħaddim effettiv tar-rispons rapidu u tal-mekkaniżmi ta’ twissija bikrija jirrikjedi finanzjament stabbli u adegwat għall-entitajiet li jwettqu dawn il-kompiti 37 . 

(16)Hija meħtieġa sistema robusta ta’ salvagwardji fil-livell nazzjonali biex il-ġurnalisti jkunu jistgħu jissodisfaw ir-rwol kruċjali tagħhom “fil-prattika”, speċjalment fir-rigward tal-aċċess għal postijiet, sorsi ta’ informazzjoni u rapportar minn avvenimenti ta’ interess pubbliku 38 . L-awtoritajiet tal-Istati Membri jenħtieġ li jimminimizzaw ir-riskji ta’ ċaħda arbitrarja ta’ akkreditazzjoni jew reġistrazzjoni jew sistemi jew proċeduri ta’ reġistrazzjoni u akkreditazzjoni ineffiċjenti, li jistgħu jiskoraġġixxu lill-ġurnalisti u lil professjonisti oħrajn fil-media milli jkunu jistgħu jwettqu xogħolhom b’mod effettiv u, fl-istess ħin, li jistgħu jikkostitwixxu restrizzjonijiet tal-libertà mhux ġustifikati, diskriminatorji jew sproporzjonati li jiġu pprovduti servizzi ġurnalistiċi. Dan huwa kruċjali biex jiġi ssalvagwardjat l-ambjent li jiffavorixxi l-libertà tal-espressjoni kif ukoll biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-ġurnalisti u ta’ professjonisti oħrajn fil-media f’dibattiti pubbliċi dwar kwistjonijiet ta’ interess pubbliku leġittimu.

(17)L-iżgurar tal-aċċess għad-dokumenti u għall-informazzjoni, inkluż is-siti web uffiċjali, u l-kisba ta’ tweġibiet f’waqthom, huwa kundizzjoni meħtieġa biex il-ġurnalisti jagħmlu xogħolhom. Filwaqt li l-aċċess għall-informazzjoni huwa garantit mil-liġi fl-Istati Membri kollha, f’ħafna każijiet għad hemm ostakli prattiċi 39 . Barra minn hekk, il-każijiet reċenti ta’ leġiżlazzjoni ta’ emerġenza kellhom l-għan li jiġġieldu d-diżinformazzjoni matul il-pandemija tal-COVID-19, li f’xi każijiet kienu jinkludu dispożizzjonijiet ta’ natura kriminali, xi drabi kellhom effett dissważiv fuq ix-xogħol tal-ġurnalisti 40 . Tali dispożizzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu restrizzjonijiet mhux ġustifikati, diskriminatorji jew sproporzjonati tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ġurnalistiċi. Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-indirizzar tad-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19 41 , il-Kummissjoni nnotat li l-liġijiet li jiddefinixxu dawn ir-reati f’termini eċċessivament wesgħin jew li jistabbilixxu penali sproporzjonati jistgħu jillimitaw ir-rieda tas-sorsi li jitkellmu mal-ġurnalisti, u jwasslu għall-awtoċensura.

(18)Jenħtieġ li qafas modern għall-protezzjoni tal-ġurnalisti jinkludi l-iżvilupp kontinwu tal-kompetenzi u l-ħiliet għall-atturi kollha rilevanti għall-protezzjoni tal-ġurnalisti u ta’ professjonisti oħrajn fil-media 42 . L-attivitajiet ta’ taħriġ għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jistgħu jżidu l-għarfien u l-livell ta’ attenzjoni tal-forzi tal-pulizija fir-rigward tal-iżgurar tas-sikurezza tal-ġurnalisti u ta’ professjonisti oħra fil-media. Is-servizzi ġudizzjarji u ta’ prosekuzzjoni jenħtieġ li jibbenefikaw ukoll minn taħriġ apposta li jista’ jagħtihom fehim aħjar, pereżempju, ta' standards internazzjonali dwar il-libertà tal-espressjoni, tal-aċċess għall-informazzjoni u tas-sikurezza tal-ġurnalisti 43 . It-taħriġ huwa ugwalment kruċjali fil-promozzjoni tal-aktar approċċi effettivi lejn il-prevenzjoni ta’ attakki fiżiċi u online mmirati lejn il-ġurnalisti, u jenħtieġ li jipprovdi lill-parteċipanti bl-għodod xierqa biex jiġi indirizzat tali theddid. Jenħtieġ li l-kooperazzjoni bejn il-ġurnalisti, l-assoċjazzjonijiet tal-ġurnalisti, il-pjattaformi online u r-rappreżentanti tal-infurzar tal-liġi tiġi mħeġġa. Il-kumpaniji tal-media jistgħu jagħtu wkoll is-setgħa lill-ġurnalisti, inklużi dawk li jaħdmu f’forom mhux standard ta’ impjieg (freelancers, ġurnalisti li jaħdmu għal rashom u professjonisti oħra fil-media), permezz ta’ taħriġ regolari dwar kwistjonijiet ta’ sikurezza kif ukoll billi jiżviluppaw analiżi tar-riskju, pjanijiet operazzjonali u sistemi ta’ rapportar ta’ wara l-inċidenti. L-iżvilupp ta’ dawn il-ħiliet jirrikjedi taħriġ speċifiku u spiss għali, li normalment jista’ jingħata biss minn kmamar tal-aħbarijiet kbar u stabbiliti sew. Għalhekk, l-istrumenti tal-media iżgħar jistgħu jirrikjedu assistenza finanzjarja f’dan ir-rigward. Bl-istess mod, il-freelancers kif ukoll il-ġurnalisti li jaħdmu għal rashom u professjonisti oħrajn fil-media jistgħu jirrikjedu assistenza finanzjarja peress li spiss ikollhom isegwu t-taħriġ fuq inizjattiva tagħhom stess. Jenħtieġ li tiġi enfasizzata wkoll l-importanza li jiġi pprovdut taħriġ għall-verifikaturi tal-fatti, li jirrappreżentaw ukoll komponent importanti tal-ambjent tal-media tal-aħbarijiet.

(19)Ir-riperkussjonijiet ekonomiċi tal-COVID-19 enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u adatti għall-ġurnalisti. Il-ġurnalisti freelance, b’mod partikolari, sabu ruħhom f’sitwazzjoni vulnerabbli, u spiss tilfu s-sorsi ta’ introjtu u bi ftit jew l-ebda protezzjoni soċjali. Il-qafas għall-protezzjoni tal-ġurnalisti jenħtieġ li jinkludi aċċess formali u effettiv għal protezzjoni soċjali adegwata għall-ġurnalisti kollha u għal professjonisti oħrajn fil-media, inklużi dawk li jaħdmu f’forom mhux standard ta’ impjieg, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019 44 . Dan jikkonċerna mhux biss id-disponibbiltà ta’ mekkaniżmi ta’ appoġġ għall-introjtu iżda wkoll aċċess effettiv u mhux diskriminatorju għal forom oħrajn ta’ protezzjoni soċjali, pereżempju liv jew miżuri ta’ appoġġ għall-ġenituri.

(20)Il-ġurnalisti investigattivi għandhom rwol ewlieni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-estremiżmu. Ix-xogħol tagħhom iġib miegħu riskju partikolarment għoli ta’ theddid fiżiku u attakki, li jistgħu jirriżultaw fl-aktar każijiet traġiċi ta’ qtil, kif ġie osservat fl-Ewropa f’dawn l-aħħar snin. L-Istati Membri huma mitluba jsaħħu l-miżuri ta’ protezzjoni għall-ġurnalisti u għal professjonisti oħra fil-media li jaħdmu fuq kwistjonijiet relatati mal-kriminalità organizzata u mal-korruzzjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jużaw b’mod effettiv l-għodod ta’ kooperazzjoni tranżnazzjonali kollha disponibbli biex jinvestigaw b’mod rapidu r-reati kontra l-ġurnalisti li huma vittmi tal-kriminalità organizzata, sabiex jiżguraw li dawk responsabbli jitressqu malajr quddiem il-ġustizzja.  

(21)Il-ġurnalisti u professjonisti oħra fil-media qed jesperjenzaw għadd dejjem akbar ta’ attakki u fastidju matul il-protesti u d-dimostrazzjonijiet. Matul tali avvenimenti, xi ġurnalisti jistgħu jkunu esposti għal attakki minn individwi privati, li jvarjaw minn attakki fiżiċi, vjolenza u abbuż verbali għal attakki fuq it-tagħmir tagħhom. Xi drabi dawn jistgħu jkunu esposti wkoll għal azzjonijiet mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi bħal arresti u interrogazzjoni arbitrarji jew akkużi kriminali sproporzjonati 45 . Għalhekk, huma meħtieġa soluzzjonijiet operazzjonali biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-ġurnalisti matul il-protesti, jitnaqqsu r-riskji ta’ azzjonijiet potenzjalment mhux ġustifikati jew sproporzjonati u tiġi żgurata protezzjoni effettiva mill-forzi tal-infurzar tal-liġi. B’mod partikolari, uffiċjali ta’ kollegament indipendenti jistgħu jiżguraw li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jikkomunikaw mal-ġurnalisti matul id-dimostrazzjonijiet u jistgħu jaġixxu bħala l-ewwel punti ta’ kuntatt għall-ġurnalisti jekk dawn jesperjenzaw vjolenza jew fastidju. Tali uffiċjali ta’ kollegament jistgħu jitħarrġu fit-tekniki tal-ġestjoni tar-riskju u tal-mitigazzjoni matul il-laqgħat pubbliċi u jipprovdu pariri inizjali fir-rigward tar-rimedji legali disponibbli għall-ġurnalisti li huma vittmi ta’ vjolenza matul protesti jew dimostrazzjonijiet.

(22)Is-sikurezza diġitali u online saret tħassib ewlieni għall-ġurnalisti. Il-kampanji ta’ malafama u t-tmaqdir online tal-ġurnalisti jokkorri spiss. Din is-sitwazzjoni hija partikolarment inkwetanti meta jkunu l-politiċi jew il-figuri pubbliċi b’saħħithom stess li jibdew tali attakki 46 . L-attakki sinkronizzati fuq il-ġurnalisti, permezz ta’ trolls u ta’ robots, tal-hacking tal-posta elettronika, tar-restrizzjonijiet fuq l-internet jew ital-bullying ċibernetiku huma xi eżempji ta’ attakki online kontra l-ġurnalisti u s-sorsi tagħhom. Is-sikurezza tal-ġurnalisti nisa hija ta’ tħassib partikolari. Il-ġurnalisti u professjonisti oħra fil-media mhumiex biss miri ta’ inċitament online għall-mibegħda 47 u ta’ theddid ta’ vjolenza fiżika, iżda jistgħu jkunu soġġetti wkoll għal sorveljanza illegali 48 , inkluż fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet tal-pulizija li jistgħu jikkompromettu l-protezzjoni ta’ sorsi ġurnalistiċi. Għalhekk, l-iżgurar taċ-ċibersigurtà tal-apparat ta’ komunikazzjoni mobbli u li l-ġurnalisti u professjonisti oħrajn fil-media ma jkunux soġġetti għal traċċar jew sorveljanza online illegali huwa importanti ħafna fil-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet tal-ġurnalisti. L-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għall-media, l-infurzar tal-liġi online u ċ-ċibersigurtà jenħtieġ li jkollhom rwol fl-iżgurar tas-sikurezza diġitali.

(23)L-ipproċessar ta’ data personali miġbura permezz ta’ għodod ta’ traċċar jew ta’ sorveljanza jrid jikkonforma mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (UE) 2016/679 u mad-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi 2016/680/UE kif applikabbli. L-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data u l-qrati nazzjonali huma ċentrali fl-iżgurar tal-infurzar effettiv tagħhom.

(24)Il-ġurnalisti u professjonisti oħra fil-media jenħtieġ li jkunu mgħammra b’ħiliet diġitali biex isaħħu r-reżiljenza ċibernetika tagħhom u jippermettulhom jaffrontaw aħjar it-theddid ċibernetiku. Jenħtieġ li jiġi mħeġġeġ djalogu effettiv bejn il-korpi awtoregolatorji tal-media, l-assoċjazzjonijiet tal-ġurnalisti u r-rappreżentanti tal-industrija, kif ukoll l-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-media, l-infurzar tal-liġi online u ċ-ċibersigurtà, b’mod partikolari biex jiġu żviluppati ħiliet diġitali fost il-ġurnalisti u professjonisti oħra fil-media, pereżempju permezz ta’ taħriġ immirat 49 .

(25)L-istatistika turi li l-ġurnalisti nisa huma soġġetti għal aktar theddid mill-kontropartijiet irġiel tagħhom 50 , b’mod partikolari fil-forma ta’ fastidju online, theddid ta’ stupru u mewt kif ukoll inċitament għall-mibegħda abbażi tal-ġeneru. Dawn l-attakki xi drabi jkunu r-riżultat ta’ kampanji orkestrati mmirati biex il-ġurnalisti nisa jiġu skreditati jew imsikkta. Ir-riżultati tagħhom huma awtoċensura, irtirar minn komunitajiet online jew saħansitra deċiżjonijiet biex wieħed ma jibqax jaħdem fil-professjoni tiegħu 51 . Ir-riċerka turi wkoll li tali forom ta’ fastidju, theddid u inċitament online għall-mibegħda huma wkoll diretti b’mod sproporzjonat lejn ġurnalisti li jappartjenu għal grupp ta’ minoranza, li għandhom sfond ta’ migrazzjoni jew li jirrapportaw dwar kwistjonijiet relatati 52 . Il-ġurnalisti nisa li jirrapportaw dwar suġġetti relatati mal-ġeneru u l-ugwaljanza huma partikolarment esposti għal theddid u ritaljazzjoni 53 .

(26)Id-data disponibbli turi li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru għadha prevalenti madwar l-Ewropa 54 . Madankollu, id-disponibbiltà ta’ data granulari u t-trasparenza tar-rapportar dwar il-vjolenza kontra l-ġurnalisti nisa, il-ġurnalisti li jappartjenu għal gruppi ta’ minoranza jew dawk li jirrapportaw dwar kwistjonijiet ta’ ugwaljanza għadhom limitati. Jenħtieġ li l-Istati Membri, l-industrija, is-soċjetà ċivili u r-riċerkaturi jikkooperaw biex jiksbu aktar għarfien dwar tali vjolenza. Dan jista’ jinkiseb ukoll billi l-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza jiġu mħeġġin jirrapportaw regolarment dwar is-sitwazzjoni ta’ tali ġurnalisti.

(27)In-nisa għadhom mhumiex irrappreżentati biżżejjed fis-settur tal-media f’pożizzjonijiet maniġerjali u eżekuttivi ewlenin, kif ukoll fir-rwoli tal-kapijiet edituri 55 . Barra minn hekk, id-diskriminazzjoni fil-konfront tal-ġurnalisti nisa, tal-ġurnalisti li jappartjenu għal gruppi ta’ minoranza jew li jirrapportaw dwar kwistjonijiet ta’ ugwaljanza tista’ sseħħ fi ħdan il-kmamar tal-aħbarijiet. Għalhekk, huma meħtieġa miżuri li jsaħħu l-ugwaljanza u l-inklużjoni fl-industrija tal-media kif ukoll li jiżguraw opportunitajiet indaqs ta’ xogħol u ambjent tax-xogħol sikur u inklużiv 56 . Id-djalogi regolari bejn l-Istati Membri, ir-rappreżentanti tal-ġurnalisti u l-korpi awtoregolatorji tal-media kif ukoll il-ftehimiet kollettivi għandhom ukoll rwol importanti fl-indirizzar ta’ kull forma ta’ vjolenza, fastidju u diskriminazzjoni fis-settur tal-media.

(28)Din ir-Rakkomandazzjoni tirrikonoxxi r-rwol importanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet fl-indirizzar tal-fastidju, tat-theddid u tal-inċitament offline u online għall-mibegħda kif ukoll tad-diskriminazzjoni kontra l-ġurnalisti nisa, il-ġurnalisti li jappartjenu għal gruppi ta’ minoranza jew li jirrapportaw dwar kwistjonijiet ta’ ugwaljanza. Huwa importanti li jiġu appoġġati inizjattivi mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex titqajjem kuxjenza u dawn il-ġurnalisti jiġu appoġġati u tingħatalhom is-setgħa. L-istess jgħodd għal inizjattivi li jippromwovu l-kondiviżjoni tal-għarfien u tal-aħjar prattika fost l-organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet.

(29)Il-Kummissjoni se torganizza djalogu regolari mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati fil-fora rilevanti, b’mod partikolari l-Forum Ewropew dwar il-Media tal-Aħbarijiet, u se timmonitorja mill-qrib l-azzjonijiet kollha meħuda mill-Istati Membri wara l-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. In-network ta’ punti ta’ kuntatt dwar l-istat tad-dritt jista’ jiddiskuti wkoll kwistjonijiet relatati mas-sikurezza tal-ġurnalisti bħala parti mill-kuntest usa’ tal-istat tad-dritt. Mhux aktar tard minn 18-il xahar wara li tiġi adottata r-Rakkomandazzjoni, u sussegwentement fuq talba, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni rilevanti kollha li jistgħu jkunu raġonevolment mistennija jipprovdu biex jippermettu lill-Kummissjoni timmonitorja l-konformità. Il-Kummissjoni beħsiebha twettaq evalwazzjonijiet li se jivvalutaw l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni mill-Istati Membri u jiżviluppaw indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni relatati ma’, pereżempju: twissijiet dwar il-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa, għall-promozzjoni tal-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u tas-sikurezza tal-ġurnalisti; kif ġew indirizzati tali twissijiet; proċedimenti legali mhux riżolti u riżolti dwar reati kontra l-ġurnalisti; l-involviment tal-korpi rilevanti tal-UE f’dawk il-proċeduri, u l-prestazzjoni ta’ proġetti u azzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri biex jiġu appoġġati l-ġurnalisti u professjonisti oħra fil-media. Abbażi tal-informazzjoni miġbura, u l-informazzjoni disponibbli l-oħra kollha 57 , il-Kummissjoni se tivvaluta l-impatt ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u tiddetermina jekk humiex meħtieġa passi addizzjonali biex jiġu żgurati l-protezzjoni, is-sikurezza u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-ġurnalisti u tal-professjonisti fil-media.

(30)Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali għall-adeżjoni mal-UE kif ukoll il-pajjiżi tal-politika tal-viċinat tal-UE huma wkoll imħeġġa jsegwu din ir-Rakkomandazzjoni.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:    

SKOP TAR-RAKKOMANDAZZJONI

(1)Din ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi gwida għall-Istati Membri biex jieħdu miżuri effettivi, xierqa u proporzjonati biex tiġi żgurata l-protezzjoni, is-sikurezza u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-ġurnalisti, f’konformità sħiħa mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, b’mod partikolari l-prinċipji tal-libertà u tal-pluraliżmu tal-media, id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, id-dritt għall-integrità tal-persuna, id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà u d-dritt għan-nondiskriminazzjoni, kif ukoll dispożizzjonijiet applikabbli oħrajn tad-dritt tal-Unjoni, l-istandards internazzjonali u t-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri.

(2)Din ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq il-progress li sar fl-ambitu tal-attivitajiet ta’ politika u ta’ appoġġ eżistenti, u tikkonsolidah – fil-livell nazzjonali, tal-UE u f’dak internazzjonali – biex tiġi żgurata l-protezzjoni, is-sikurezza u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-ġurnalisti u jiġu promossi u ssalvagwardjati l-libertà u tal-pluraliżmu tal-media.

(3)Din ir-Rakkomandazzjoni hija mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u għall-obbligi tal-Istati Membri li jieħdu miżuri biex iżidu s-sikurezza tal-ġurnalisti f’konformità mas-sistemi legali nazzjonali, mal-istandards professjonali, mal-linji gwida u mal-protokolli.

(4)

(5)

(6)

RAKKOMANDAZZJONIJIET ĠENERALI GĦALL-IŻGURAR TAL-PROTEZZJONI, TAS-SIKUREZZA U TAT-TISĦIĦ TAL-POŻIZZJONI TAL-ĠURNALISTI MADWAR L-UE

Investigazzjoni u prosekuzzjoni effettivi u imparzjali ta’ atti kriminali

(7)Jenħtieġ li l-Istati Membri jinvestigaw u jipprosekwixxu l-atti kriminali kollha mwettqa kontra l-ġurnalisti, kemm jekk online kif ukoll jekk offline, b’mod imparzjali, indipendenti, effettiv, trasparenti u f’waqtu, billi jagħmlu użu sħiħ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u Ewropea eżistenti, biex jiġi żgurat li jiġu protetti d-drittijiet fundamentali u li ssir ġustizzja malajr f’każijiet partikolari u li jiġi evitat il-ħolqien ta’ “kultura” ta’ impunità fir-rigward ta’ attakki kontra l-ġurnalisti.

(8)L-Istati Membri huma mħeġġa jikkooperaw u jaqsmu l-informazzjoni, l-għarfien espert u l-aħjar prattiki ma’ Stati Membri oħrajn, u fejn rilevanti ma’ istituzzjonijiet internazzjonali, dwar każijiet relatati mas-sikurezza tal-ġurnalisti. Fejn rilevanti, l-Istati Membri huma mħeġġa jinvolvu lill-awtoritajiet kompetenti Ewropej, bħall-Europol u l-Eurojust, fir-riżoluzzjoni ta’ reati mwettqa kontra l-ġurnalisti.

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, il-ġurnalisti u l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-ġurnalisti

(9)L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu ċentri ta’ koordinazzjoni u/jew protokolli ta’ kooperazzjoni bejn ir-rappreżentanti tal-forzi tal-pulizija u s-servizzi tas-sigurtà tagħhom, il-ġudikatura, l-awtoritajiet pubbliċi lokali u l-korpi tal-media, inklużi l-assoċjazzjonijiet tal-ġurnalisti u l-unions u l-korpi awtoregolatorji tal-media. L-Istati Membri huma mħeġġa jrawmu djalogu kontinwu bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-ġurnalisti dwar modi kif jiġu evitati u indirizzati t-theddidiet u l-attakki kontra l-ġurnalisti, bl-involviment ta’ korpi awtoregolatorji tal-media. L-Istati Membri huma mħeġġa jaqsmu l-aħjar prattiki dwar tali miżuri ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni.

(10)L-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu protezzjoni personali f’waqtha u effettiva lill-ġurnalisti u lil professjonisti oħrajn fil-media li s-sikurezza tagħhom tkun taħt riskju kredibbli ta’ attakk fiżiku marbut mal-ħidma tagħhom. B’mod partikolari, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu malajr miżuri ta’ protezzjoni personali lill-ġurnalisti investigattivi u l-ġurnalisti li jaħdmu fuq il-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata jew it-terroriżmu li rrapportaw theddid lill-pulizija. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lill-miżuri ta’ protezzjoni personali, inkluż l-użu ta’ ordnijiet ta’ protezzjoni, għall-ġurnalisti nisa u l-ġurnalisti li jappartjenu għal gruppi ta’ minoranza. Jenħtieġ li jitqiesu bir-reqqa wkoll miżuri speċifiċi ta’ protezzjoni għall-qraba tal-ġurnalisti u ta’ professjonisti oħra fil-media kkonċernati.

Mekkaniżmi indipendenti ta’ rispons u ta’ appoġġ

(11)L-Istati Membri, f’kooperazzjoni mar-rappreżentanti tal-ġurnalisti, jenħtieġ li jappoġġaw l-istabbiliment ta’ servizzi speċjalizzati - mekkaniżmi ta’ rispons rapidu - li jipprovdu pariri legali, appoġġ psikoloġiku u postijiet ta’ kenn għall-ġurnalisti u professjonisti oħrajn fil-media li jkunu qed jiffaċċjaw theddid. Dawn is-servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat jenħtieġ li jaġixxu wkoll bħala punti ta’ kuntatt u linji għall-għajnuna f’każ ta’ emerġenza.

(12)Il-punti ta’ kuntatt jenħtieġ li jipprovdu wkoll appoġġ xieraq lill-ġurnalisti u lill-kmamar tal-aħbarijiet biex jittrattaw it-theddid u l-fastidju online mmirati lejn il-ġurnalisti, inklużi t-theddid u l-fastidju mmirati lejn il-ġurnalisti minħabba s-sess, l-orjentazzjoni sesswali, l-oriġini etnika jew soċjali jew kwalunkwe raġuni oħra elenkata fl-Artikolu 21 tal-Karta.

(13)Jenħiteġ li tali servizzi speċjalizzati jkunu mingħajr ħlas u kompletament indipendenti mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. L-Istati Membri jenħtieġ li jinfurmaw lill-ġurnalisti u lil professjonisti oħrajn fil-media dwar il-punti ta’ kuntatt u s-servizzi ta’ appoġġ disponibbli u huma mħeġġa jistabbilixxu siti web iddedikati li jippreżentawhom b’mod sempliċi u faċli għall-utent. Il-punti ta’ kuntatt u s-servizzi ta’ appoġġ jenħtieġ li jkunu aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà. L-Istati Membri jenħtieġ li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn dawn il-punti ta’ kuntatt, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE.

Aċċess għall-postijiet u sorsi ta’ informazzjoni

(14)L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-awtoritajiet u l-korpi pubbliċi joħolqu kundizzjonijiet u proċeduri trasparenti, ġusti u mhux diskriminatorji għall-ġurnalisti u għal professjonisti oħra fil-media biex jattendu u jistaqsu l-mistoqsijiet f’konferenzi stampa u avvenimenti simili u jkunu jistgħu jiksbu aċċess għal dokumenti u informazzjoni oħra miżmuma mill-awtoritajiet u mill-korpi pubbliċi, inkluż permezz ta’ mezzi diġitali. Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet pubbliċi jkollhom punti ta’ kuntatt identifikabbli b’mod ċar għall-aċċess ta’ dokumenti li jkunu faċilment aċċessibbli permezz ta’ mezzi elettroniċi.

(15)L-Istati Membri kollha huma mħeġġa jissieħbu u jimplimentaw l-istandards tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Aċċess għal Dokumenti Uffiċjali u dawk li jirriżultaw mill-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. B’mod partikolari, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-proċeduri amministrattivi nazzjonali għall-aċċess għad-dokumenti ma jkunux ineffiċjenti u li t-talbiet għall-aċċess għall-informazzjoni jiġu ttrattati mingħajr dewmien mhux meħtieġ, skont l-aħjar standards amministrattivi. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li d-deċiżjonijiet li jirrifjutaw l-aċċess għal dokumenti jew informazzjoni jkunu debitament ġustifikati. Id-deċiżjonijiet tal-qorti nazzjonali relatati mal-aċċess għal kawżi ta’ informazzjoni jridu jiġu infurzati malajr.

(16)L-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu użu biss mill-proċeduri ta’ akkreditazzjoni f’sitwazzjonijiet fejn ikun hemm ħtieġa reali u ġustifikata biex jiġi limitat l-għadd ta’ ġurnalisti u professjonisti oħra fil-media li jkunu qed jattendu avveniment uffiċjali speċifiku. Fejn applikabbli, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-awtoritajiet pubbliċi tagħhom jipprovdu proċeduri ta’ akkreditazzjoni ċari, trasparenti u mhux diskriminatorji għall-individwi u għall-organizzazzjonijiet kollha kkonċernati, inklużi l-ġurnalisti u professjonisti oħra fil-media. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-ġurnalisti u professjonisti oħra fil-media ma jiġux miċħuda l-akkreditazzjoni sempliċiment abbażi tal-affiljazzjoni professjonali tagħhom.

(17)L-Istati Membri jenħtieġ li ma jimponux kundizzjonijiet formali stretti fir-rigward tal-kards tal-istampa u dokumenti oħrajn użati biex jiġi kkonfermat l-istatus professjonali ta’ ġurnalista. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw ukoll li l-awtoritajiet tal-infurzar u r-rappreżentanti tal-amministrazzjoni pubblika tagħhom ikunu konxji tat-tipi kollha ta’ proċeduri ta’ akkreditazzjoni disponibbli għall-ġurnalisti u għal professjonisti oħra fil-media, biex jiġi minimizzat ir-riskju li ma jiġux rikonoxxuti.

Taħriġ

(18)L-Istati Membri huma mħeġġa jippromwovu l-iżvilupp kontinwu ta’ kompetenzi u ħiliet fil-professjonijiet kollha rilevanti għall-protezzjoni tal-ġurnalisti u ta’ professjonisti oħrajn fil-media. B’mod partikolari, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżviluppaw u jipprovdu moduli ta’ taħriġ għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, għall-imħallfin u għall-prosekuturi, kif ukoll għall-awtoritajiet rilevanti kollha involuti fis-sikurezza diġitali.

(19)L-Istati Membri jenħtieġ li jappoġġaw lill-korpi awtoregolatorji tal-media, lill-assoċjazzjonijiet tal-ġurnalisti u lir-rappreżentanti tal-industrija fl-attivitajiet ta’ taħriġ tagħhom, speċjalment fl-organizzazzjoni ta’ moduli ta’ taħriġ dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza u l-fastidju kontra l-ġurnalisti u professjonisti oħra fil-media, b’mod partikolari dawk immirati lejn ġurnalisti li jappartjenu għal gruppi ta’ minoranza u dawk li jirrapportaw dwar kwistjonijiet ta’ ugwaljanza. Tali moduli ta’ taħriġ jenħtieġ li jiġu rakkomandati għall-maniġers tal-kmamar tal-aħbarijiet biex jiġu mgħammra bil-ħiliet ħalli jipprevjenu l-fastidju, it-theddid u l-vjolenza, u jindirizzawh b’mod effettiv, inkluż fuq il-post tax-xogħol, u biex jappoġġaw lill-vittmi.

(20)L-Istati Membri huma mħeġġa jippromwovu u jappoġġaw l-għoti ta’ taħriġ intern imfassal apposta mill-kumpaniji tal-media għall-ġurnalisti u għal professjonisti oħrajn fil-media, inklużi dawk li jaħdmu f’forom mhux standard ta’ impjieg, speċjalment dwar il-proċeduri meħtieġa għall-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, kemm fiżiċi kif ukoll online. Dan jista’ jinkludi analiżi interna tar-riskju u protokolli tas-sikurezza għall-ġurnalisti u professjonisti oħra fil-media tagħhom. B’mod partikolari, tali protokolli jenħtieġ li jagħtu lill-ġurnalisti u lil professjonisti oħra fil-media struzzjonijiet ċari li għandhom isegwu f’sitwazzjonijiet kritiċi. Il-protokolli tas-sikurezza jenħtieġ li jkunu inklużivi għad-diżabbiltà u t-taħriġ jenħtieġ li jkun aċċessibbli għall-ġurnalisti u għal professjonisti oħra fil-media b’diżabbiltà.

Protezzjoni ekonomika u soċjali

(21)L-Istati Membri jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ ambjent professjonali abilitanti għall-ġurnalisti u għal professjonisti oħrajn fil-media, inklużi dawk li jaħdmu f’forom mhux standard ta’ impjieg, billi jiżguraw aċċessibbiltà għal protezzjoni soċjali formali u effettiva u miżuri oħrajn ta’ appoġġ prattiku. B’mod partikolari, l-Istati Membri jenħtieġ li jaħdmu fuq bażi kontinwa biex isaħħu l-aċċess għall-protezzjoni soċjali mill-qgħad, mill-mard, mill-invalidità, mid-diżabbiltà u mir-riskji professjonali, kif ukoll l-iskemi ta’ rtirar. Tali aċċess jenħtieġ li jissaħħaħ billi tiġi żgurata l-parteċipazzjoni obbligatorja tal-ħaddiema, irrispettivament mit-tip tar-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom, u mill-inqas il-parteċipazzjoni volontarja ta’ dawk li jaħdmu għal rashom.

Rakkomandazzjonijiet SPEĊIFIĊI dwar il-protezzjoni u s-sikurezza tal-ġurnalisti WAQT IL-PROTESTI U D-DIMOSTRAZZJONIJIET

Ir-rwol tal-ġurnalisti matul il-protesti u d-dimostrazzjonijiet

(22)L-Istati Membri jenħtieġ li jirrikonoxxu r-rwol tal-ġurnalisti matul il-laqgħat pubbliċi, il-protesti u d-dimostrazzjonijiet fl-għoti ta’ informazzjoni dwar tali avvenimenti lill-pubbliku u jenħtieġ li jiżguraw li l-ġurnalisti u professjonisti oħra fil-media jkunu jistgħu joperaw b’mod sikur u mingħajr restrizzjonijiet matul tali avvenimenti. L-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu taħriġ regolari għall-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, biex itejbu l-kapaċità tagħhom li jiggarantixxu s-sigurtà pubblika filwaqt li fl-istess ħin jipproteġu lill-ġurnalisti u ma jwaqqfux il-kapaċità tagħhom li jirrapportaw.

Proċeduri operattivi standard u strateġiji ta’ mitigazzjoni tar-riskju

(23)L-Istati Membri jenħtieġ li jikkollaboraw mal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tagħhom biex jistabbilixxu proċeduri operattivi standard effettivi jew strateġiji ta’ mitigazzjoni tar-riskju sabiex jipproteġu lill-ġurnalisti li jkunu qed ikopru protesti u dimostrazzjonijiet. Ir-rappreżentanti tal-ġurnalisti, il-korpi awtoregolatorji tal-media u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili bl-għarfien espert rilevanti jenħtieġ li jiġu kkonsultati biex jiġu identifikati l-oqsma ta’ riskju, inklużi dawk relatati mal-kunflitt potenzjali bejn l-attivitajiet ta’ rapportar tal-ġurnalisti u l-ħidma tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi.

Komunikazzjoni bejn il-ġurnalisti u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi qabel u matul il-protesti u d-dimostrazzjonijiet

(24)L-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu ħilithom biex jiżguraw komunikazzjoni effettiva bejn il-ġurnalisti u l-uffiċjali għall-infurzar tal-liġi matul il-protesti u d-dimostrazzjonijiet. Għal dan il-għan, l-Istati Membri huma mħeġġa jaħtru uffiċjali ta’ kollegament responsabbli biex jiżguraw li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jikkomunikaw b’mod ċar il-miżuri ta’ sigurtà li għandhom jiġu adottati matul il-laqgħat pubbliċi, lill-ġurnalisti. Meta jkun possibbli, tali uffiċjali ta’ kollegament jenħtieġ li jinfurmaw lill-ġurnalisti u lil professjonisti oħra fil-media dwar ir-riskji potenzjali, qabel il-protesti jew id-dimostrazzjonijiet ippjanati.

Metodi ta’ identifikazzjoni viżwali tal-ġurnalisti matul il-protesti u d-dimostrazzjonijiet

(25)L-Istati Membri jenħtieġ li jaħdmu flimkien mar-rappreżentanti tal-ġurnalisti u mal-korpi awtoregolatorji tal-media dwar metodi effettivi u xierqa għall-identifikazzjoni tal-ġurnalisti matul il-protesti u d-dimostrazzjonijiet. Dan jista’ jinkludi qbil dwar il-forom ta’ identifikazzjoni viżiva biex issir distinzjoni bejn il-ġurnalisti u professjonisti oħrajn fil-media li jkunu qed jirrapportaw minn tali laqgħat u parteċipanti oħrajn, sa fejn din l-identifikazzjoni ma tipperikolax aktar lill-ġurnalisti jew tfixkel il-ħidma tagħhom.

Djalogu u rapportar regolari

(26)L-Istati Membri jenħtieġ li jħeġġu skambju kontinwu u regolari tal-fehmiet bejn il-forzi tal-infurzar tal-liġi u l-assoċjazzjonijiet tal-ġurnalisti biex jiżguraw li l-miżuri ta’ protezzjoni meħuda mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jkunu effettivi u ma jxekklux wisq l-attivitajiet ta’ rapportar tal-ġurnalisti u professjonisti oħra fil-media li jkunu qed ikopru l-protesti jew id-dimostrazzjonijiet. L-Istati Membri jenħtieġ li jħeġġu lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tagħhom jipproduċu rapporti li jkunu se jiġu ppubblikati fil-livell nazzjonali dwar l-azzjoni speċifika meħuda biex tiżdied is-sikurezza tal-ġurnalisti matul il-protesti u d-dimostrazzjonijiet.

Rakkomandazzjonijiet SPEĊIFIĊI DWAR L-IŻGURAR TAS-SIKUREZZA online u l-għoti tas-setgħa diġitali

Il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi u mal-industrija

(27)L-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu li l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali u tal-media, u awtoritajiet jew korpi regolatorji kompetenti oħrajn responsabbli għall-infurzar tal-liġi online u ċ-ċibersigurtà jistabbilixxu gruppi ta’ ħidma ddedikati speċjalizzati fil-ġbir tal-informazzjoni u l-aħjar prattiki relatati mal-prevenzjoni ta’ attakki online u theddid għall-ġurnalisti. L-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu li tali awtoritajiet jippreżentaw rapporti regolari dwar is-sejbiet tagħhom, filwaqt li jivvalutaw l-effettività tal-miżuri nazzjonali mmirati lejn l-indirizzar tal-attakki ċibernetiċi fuq il-ġurnalisti. Ir-rapporti jenħtieġ li jagħtu attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tal-ġurnalisti nisa, tal-ġurnalisti li jappartjenu għal gruppi ta’ minoranza u dawk li jirrapportaw dwar kwistjonijiet ta’ ugwaljanza u jinkludu, fejn disponibbli, statistika diżaggregata skont il-ġeneru. L-Istati Membri jenħtieġ li jippromwovu djalogu regolari bejn tali awtoritajiet u l-korpi awtoregolatorji tal-media, l-assoċjazzjonijiet tal-ġurnalisti, kif ukoll rappreżentanti tal-industrija u tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari bil-ħsieb li jitrawmu s-sensibilizzazzjoni ċibernetika u l-ħiliet diġitali fost il-ġurnalisti biex ikunu jistgħu jieħdu miżuri għall-protezzjoni personali.

Il-kooperazzjoni mal-pjattaformi online u mas-soċjetà ċivili

(28)L-Istati Membri huma mħeġġa jippromwovu l-kooperazzjoni bejn il-pjattaformi online u l-organizzazzjonijiet jew il-korpi li joperaw fit-territorju tagħhom li għandhom għarfien espert partikolari fl-indirizzar tat-theddid, tal-fastidju u tal-inċitament għall-mibegħda mmirata lejn il-ġurnalisti, pereżempju billi jiġi mħeġġeġ ir-rwol potenzjali tagħhom bħala sinjalaturi fdati. L-Istati Membri jenħtieġ li jrawmu, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-pjattaformi online, ambjent diġitali li jipprevjeni l-użu ta’ servizzi online biex jiġu attakkati l-ġurnalisti, b’mod partikolari billi jiġu żviluppati strateġiji għall-indirizzar ta’ attakki orkestrati. L-Istati Membri jenħtieġ li jħeġġu lill-fornituri tas-servizzi online biex iżidu t-trasparenza dwar kwalunkwe miżura li jistabbilixxu biex jiġi indirizzat theddid speċifiku għall-ġurnalisti.

Protezzjoni minn sorveljanza online

(29)L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw implimentazzjoni sħiħa tal-oqfsa legali Ewropej u nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u l-privatezza online bil-għan li jiġi żgurat li l-ġurnalisti u professjonisti oħrajn fil-media ma jkunux soġġetti għal traċċar jew sorveljanza illegali online. L-Iskwadri ta’ Rispons għal Inċidenti relatati mas-Sigurtà tal-Kompjuters tal-Istati Membri jew awtoritajiet jew korpi kompetenti oħrajn jenħtieġ li joħolqu u jxerrdu linji gwida dwar l-iġjene ċibernetika għall-ġurnalisti. Dawn, meta jintalbu, jenħtieġ li jassistu lill-ġurnalisti li jkunu jridu jiddeterminaw jekk l-apparat jew il-kontijiet online tagħhom ikunux ġew kompromessi, biex jiksbu s-servizzi ta’ investigaturi forensiċi taċ-ċibersigurtà ta’ reputazzjoni tajba.

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi oħra għat-tisħiħ tal-pożizzjoni u l-protezzjoni tal-ġurnalisti nisa u ta’ dawk li jappartjenu għal gruppi ta’ minoranza jew li jirrapportaw dwar l-ugwaljanza

L-għoti tas-setgħa lill-ġurnalisti nisa, lill-ġurnalisti li jappartjenu għal gruppi ta’ minoranza u lil dawk li jirrapportaw dwar kwistjonijiet ta’ ugwaljanza

(30)L-Istati Membri jenħtieġ li jappoġġaw proġetti jew inizjattivi li għandhom l-għan li jagħtu s-setgħa lill-ġurnalisti nisa, lill-ġurnalisti li jappartjenu għal gruppi ta’ minoranza u lil dawk li jirrapportaw dwar kwistjonijiet ta’ ugwaljanza. Fl-iżvilupp ta’ tali inizjattivi, l-Istati Membri huma mħeġġa jqisu kif xieraq il-perspettivi tas-soċjetà ċivili, tal-akkademja, tal-korpi tal-media u tal-industrija tal-media.

Trasparenza u rapportar

(31)L-Istati Membri huma mħeġġa jieħdu miżuri biex itejbu t-trasparenza fir-rapportar u fil-ġbir tad-data dwar l-attakki u d-diskriminazzjoni kontra ġurnalisti nisa, ġurnalisti li jappartjenu għal gruppi ta’ minoranza u dawk li jirrapportaw dwar kwistjonijiet ta’ ugwaljanza. L-Istati Membri jenħtieġ li jħeġġu lill-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza tagħhom biex jippreżentaw, fuq bażi regolari, rapporti dwar is-sitwazzjoni ta’ tali ġurnalisti.

(32)

(33)

L-ugwaljanza u l-inklużjoni fl-industrija tal-media

(34)L-Istati Membri jenħtieġ li jippromwovu u jappoġġaw l-azzjoni biex titrawwem l-ugwaljanza u l-inklużjoni fl-industrija tal-media u fil-kmamar tal-aħbarijiet. Għal dan il-għan, dawn jenħtieġ li jagħmlu sforzi kontinwi biex jiġi żgurat li l-ġurnalisti nisa, il-ġurnalisti li jappartjenu għal gruppi ta’ minoranza u dawk li jirrapportaw dwar kwistjonijiet ta’ ugwaljanza jkollhom aċċess għal opportunitajiet ta’ xogħol ugwali u jkunu jistgħu jaħdmu f’ambjent sikur u inklużiv.

(35)L-Istati Membri jenħtieġ li jinvolvu rwieħhom fi djalogi regolari mar-rappreżentanti tal-ġurnalisti u mal-korpi awtoregolatorji tal-media, biex jippromwovu l-ugwaljanza u l-inklużjoni fil-kmamar tal-aħbarijiet u fil-karigi ta’ ġestjoni tal-media. Tali djalogi jenħtieġ li jiffukaw fuq mekkaniżmi ta’ appoġġ għall-ġurnalisti nisa, għall-ġurnalisti li jappartjenu għal gruppi ta’ minoranza u għal dawk li jirrapportaw dwar kwistjonijiet ta’ ugwaljanza li jistgħu jkunu soġġetti għal kull forma ta’ fastidju u vjolenza. L-Istati Membri jenħtieġ li jinkoraġġixxu ftehimiet kollettivi li għandhom l-għan li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet.

Kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u l-għoti ta' informazzjoni

(36)L-Istati Membri huma mħeġġa jappoġġaw inizjattivi inklużi dawk tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mmirati lejn is-sensibilizzazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ kampanji dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza u l-fastidju kontra l-ġurnalisti nisa, il-ġurnalisti li jappartjenu għal gruppi ta’ minoranza u dawk li jirrapportaw dwar kwistjonijiet ta’ ugwaljanza, u l-ġlieda kontrihom, u li jipprovdu informazzjoni dwar kif wieħed għandu jfittex għajnuna u appoġġ. L-Istati Membri huma mħeġġin ukoll jappoġġaw inizjattivi mmirati lejn l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-organizzazzjonijiet tal-media tal-aħbarijiet bil-għan li jiġu żviluppati politiki effiċjenti dwar l-ugwaljanza.

L-għoti ta’ informazzjoni, RAPPORTAR u MONITORAĠĠ

(37)Sabiex jippermettu l-monitoraġġ tal-miżuri u l-azzjonijiet meħuda biex din ir-Rakkomandazzjoni tiġi implimentata, l-Istati Membri, 18-il xahar wara l-adozzjoni tagħha u sussegwentement fuq talba, jenħtieġ li jippreżentaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar tali miżuri u azzjonijiet. Għal dan il-għan, dawn jenħtieġ li jiġbru b’mod regolari data aġġornata u konsistenti u jiżviluppaw, fejn xieraq, għodod ta’ rapportar biex tinkiseb informazzjoni komparabbli. Id-data jenħtieġ li tinġabar biss għal skopijiet analitiċi.

(38)Il-Kummissjoni se torganizza diskussjonijiet dwar il-miżuri u l-azzjonijiet meħuda għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati f’fora rilevanti, b’mod partikolari fi ħdan il-Forum Ewropew dwar il-Media tal-Aħbarijiet. Il-Kummissjoni se twettaq ukoll evalwazzjonijiet filwaqt li tqis il-progress miksub fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, abbażi tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u filwaqt li tqis is-sejbiet tar-Rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt.

DESTINATARJI

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 16.9.2021

   Għall-Kummissjoni

   Thierry BRETON
   Membru tal-Kummissjoni

(1)    Din il-libertà hija mnaqqxa wkoll fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif interpretata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa.
(2)    L-Artikolu 51(1) tal-Karta jistipula li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw u jippromwovu d-drittijiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.
(3)    L-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2020.
(4)    COM(2020)580 final tat-30 ta’ Settembru 2020, COM(2021)700 final tal-20 ta’ Lulju 2021
(5)    Kif ikkonfermat ukoll mir-Rapport dwar l-Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Media tal-2020 u tal-2021. Ara: https://cmpf.eui.eu/media-pluralism-monitor/
(6)    Il-pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-promozzjoni tal-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u tas-sikurezza tal-ġurnalisti.
(7)    L-osservatorju tal-UNESCO tal-ġurnalisti maqtula.
(8)    COM(2020) 790 final tat-3 ta’ Diċembru 2020.
(9)    Id-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 69).
(10)    COM(2020)825 final tal-15 ta’ Diċembru 2020.
(11)    COM(2020)784 final tat-3 ta’ Diċembru 2020.
(12)    COM(2021)118 final tad-9 ta’ Marzu 2021. Din il-Komunikazzjoni tiddikjara wkoll li ħiliet diġitali speċjalizzati ġodda għall-forza tax-xogħol huma prerekwiżit biex wieħed jipparteċipa b’mod attiv fid-Deċennju Diġitali.
(13)    COM(2020) 258 final tal-24 ta’ Ġunju 2020.
(14)    COM(2020) 152 final tal-5 ta’ Marzu 2020.
(15)    COM(2020) 698 final tat-12 ta’ Novembru 2020.
(16)    COM(2020) 565 final tat-18 ta’ Settembru 2020.
(17)    COM(2020) 758 final tal-24 ta’ Novembru 2020.
(18)    COM(2020) 620 final tas-7 ta’ Ottubru 2020.
(19)    COM(2021) 101 final tat-3 ta’ Marzu 2021.
(20)    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2020 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024, https://www.consilium.europa.eu/media/46838/st12848-en20.pdf https://www.consilium.europa.eu/media/46838/st12848-en20.pdfhttps://www.consilium.europa.eu/media/46838/st12848-en20.pdfhttps://www.consilium.europa.eu/media/46838/st12848-en20.pdf
(21)    Il-Linji Gwida tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline tal-2014, https://www.consilium.europa.eu/media/28348/142549.pdf   https://www.consilium.europa.eu/media/28348/142549.pdf   https://www.consilium.europa.eu/media/28348/142549.pdf   https://www.consilium.europa.eu/media/28348/142549.pdf  
(22)    JOIN(2020) 17 final tal-25 ta’ Novembru 2020.
(23)    PE652.307v02-00.
(24)    P9_TA (2021)0148.
(25)    Jenħtieġ li jiġi nnotat li d-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni ġiet adottata fit-23 ta’ Ottubru 2019 u daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Diċembru 2019. L-Istati Membri għandhom sas-17 ta’ Diċembru 2021 biex jittrasponuha fil-liġijiet nazzjonali tagħhom. Id-Direttiva tipprovdi standards komuni ta’ protezzjoni madwar l-UE lill-informaturi li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni mal-impjegatur tagħhom. 
(26)    P9_TA (2021)0313.
(27)    CM/Rec (2016) 4.
(28)    Gwida ta’ Implimentazzjoni għar-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2016)4 dwar il-Protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u ta’ atturi oħra tal-media.
(29)     https://www.coe.int/en/web/media-freedom . Ir-rata baxxa ta’ rispons tal-Istati Membri turi l-ħtieġa ta’ aktar azzjoni.
(30)    Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Aċċess għal Dokumenti Uffiċjali, https://www.coe.int/en/web/conventions/full-list/-/conventions/treaty/205.
(31)    Il-Forum Ewropew dwar il-Media tal-Aħbarijiet ġie stabbilit mill-Kummissjoni fl-ambitu tal-Pjan ta’ Azzjoni Medjatiku u Awdjoviżiv biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati dwar kwistjonijiet relatati mal-media.
(32)    UNESCO/IAP, Guidelines for Prosecutors on Cases of Crimes against Journalists.
(33)    COM(2020) 796 final tad-9 ta’ Diċembru 2020.
(34)    Eż. Il-Codex tal-Pulizija tal-Libertà tal-Istampa.
(35)    Eż. Il-protokoll “PersVeilig” fin-Netherlands u ċ-ċentru ta’ koordinazzjoni dwar il-fenomenu ta’ atti intimidatorji kontra l-ġurnalisti fl-Italja.
(36)    Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57).
(37)    Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni tappoġġa l-mekkaniżmu ta’ rispons rapidu madwar l-Ewropa kollha għall-ksur tal-libertà tal-istampa u tal-media permezz ta’ proġett pilota dedikat, https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/news/pilot-project-europe-wide-response-mechanism-violation-press-and-media-freedom.
(38)    Il-Linji Gwida dwar il-Libertà ta’ Għaqda Paċifika tal-Kummissjoni ta’ Venezja u l-OSKE / l-ODIHR.
(39)    Rapport dwar l-Istat tad-Dritt tal-2021. B’mod partikolari, ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data jistgħu jintużaw bħala pretest biex jiġi limitat l-aċċess għall-informazzjoni f’ċerti Stati Membri.
(40)    IPI COVID-19 Press Freedom Tracker.
(41)    JOIN(2020) 8 final tal-10 ta’ Ġunju 2020.
(42)    L-Istati Membri jistgħu japplikaw biex jirċievu dawn il-moduli ta’ taħriġ fil-kuntest ta’ offerti ta’ taħriġ ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħal dawk tal-Kunsill tal-Ewropa jew tal-UNESCO. L-Istati Membri li jagħżlu li jiżviluppaw il-moduli ta’ taħriġ tagħhom stess jeħtieġ jiżguraw li l-kontenut ikun konformi mal-istandards Ewropej, inkluż billi jieħdu ispirazzjoni minn moduli ta’ taħriġ offruti minn organizzazzjonijiet internazzjonali.
(43)    Eż. Kors Online Massiv u Miftuħ tal-UNESCO għall-imħallfin u għall-atturi ġudizzjarji dwar l-istandards internazzjonali dwar il-libertà tal-espressjoni u s-sikurezza tal-ġurnalisti.
(44)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019 dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom, 2019/C 387/01 (ĠU C 387, 15.11.2019, p. 1).
(45)    “Wanted! Real action for media freedom in Europe”, Ir-Rapport Annwali mill-organizzazzjonijiet sħab għall-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Promozzjoni tal-Protezzjoni tal-Ġurnaliżmu u s-Sikurezza tal-Ġurnalisti, Kunsill tal-Ewropa, 2021.
(46)    Rapport dwar l-Istat tad-Dritt tal-2021.
(47)    Sabiex tipprevjeni u tiġġieled it-tixrid ta’ diskors illegali ta’ mibegħda online, f’Mejju 2016, il-Kummissjoni qablet ma’ pjattaformi online kbar dwar “Kodiċi ta’ Kondotta dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda illegali online”. Il-Kummissjoni għandha wkoll l-għan li tespandi l-lista ta’ reati tal-UE biex tinkludi d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda.
(48)    https://forbiddenstories.org/fr/case/le-pegasus-project/
(49)    Kif previst fil-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tippromwovi finanzjament sostenibbli għal proġetti b’enfasi fuq l-assistenza legali u prattika lill-ġurnalisti fl-UE u f’postijiet oħrajn, inkluż it-taħriġ dwar is-sikurezza u ċ-ċibersigurtà għall-ġurnalisti u l-appoġġ diplomatiku.
(50)    Eż. Rapport Annwali mill-organizzazzjonijiet sħab għall-Pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Promozzjoni tal-Protezzjoni tal-Ġurnaliżmu u s-Sikurezza tal-Ġurnalisti (2021) https://rm.coe.int/final-version-annual-report-2021-en-wanted-real-action-for-media-freed/1680a2440e; Online violence against women journalists: a global snapshot of incidence and impacts, UNESCO (2020) https://unesdoc.unesco.org/ark:/48223/pf0000375136; Resource Guide on the Safety of Female Journalists Online, OSKE (2020), https://www.osce.org/representative-on-freedom-of-media/468861.
(51)    Studju Globali tal-ICFJ-UNESCO: “Online violence Against Women Journalists” u Rapport dwar l-Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Media tal-2021, ara: https://cmpf.eui.eu/media-pluralism-monitor/
(52)    IPI, Newsroom Best Practices for Addressing Online Violence against Journalists.
(53)    UNESCO, The Chilling global trends in online violence against women journalists.
(54)    Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), Vjolenza kontra n-nisa: stħarriġ madwar l-UE kollha, 2014. FRA, Crime, safety and victims’ rights, 2021.
(55)    Kemm l-MPM tal-2020 kif ukoll tal-2021 jirrapportaw riskji għoljin fir-rigward tal-aċċess għall-media tan-nisa skont l-indikatur tagħha dwar l-inklużività soċjali.
(56)    Il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin tal-UNESCO għall-kmamar tal-aħbarijiet dwar kif għandha tiġi evitata u indirizzata l-vjolenza kontra l-ġurnalisti nisa u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol C190 - Konvenzjoni dwar il-Vjolenza u l-Fastidju, 2019, li tiffoka fuq il-vjolenza u l-fastidju fl-ambjent tax-xogħol.
(57)    Bħal rapporti jew opinjonijiet prodotti minn organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali, pereżempju l-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta’ Venezja.