MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT
Ir-Regolament (UE) 2019/2152 dwar l-istatistika Ewropea tan-negozju (“ir-Regolament EBS”) stabbilixxa qafas legali komuni għall-iżvilupp, għall-produzzjoni u għat-tixrid tal-istatistika Ewropea tan-negozju.
L-Annessi V u VI tar-Regolament EBS jispeċifikaw l-informazzjoni għall-finijiet statistiċi b’rabta mal-esportazzjonijiet u mal-importazzjonijiet ta’ merkanzija li l-awtoritajiet tat-taxxa u doganali f’kull Stat Membru għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika (NSAs).
L-Artikolu 5(2) u (3) tar-Regolament EBS jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati biex tissupplimenta u temenda d-dispożizzjonijiet legali tar-Regolament EBS fir-rigward tal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni mill-awtoritajiet tat-taxxa u doganali.
2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT
Il-Kummissjoni kkonsultat lill-partijiet ikkonċernati bħala parti mit-tħejjija ta’ dan l-att delegat.
Il-Kummissjoni kkonsultat lill-esperti nazzjonali, b’mod partikolari l-Grupp ta’ Tmexxija tal-Istatistika dwar il-Kummerċ Internazzjonali tal-Merkanzija f’Marzu 2021. Ikkonsultat ukoll lill-grupp ta’ esperti tal-“Istituti Nazzjonali tal-Istatistika tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika”.
Il-Kummissjoni żammet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati kif xieraq dwar il-konsultazzjonijiet.
3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT
Il-fini ta’ dan l-att delegat hu li jissupplimenta r-Regolament EBS billi jispeċifika iktar x’inhuma d-dettalji dwar l-informazzjoni statistika b’rabta mal-esportazzjonijiet u mal-importazzjonijiet ta’ merkanzija li l-awtoritajiet tat-taxxa u doganali f’kull Stat Membru jridu jipprovdu lill-NSAs kompetenti.
Barra minn hekk, l-att delegat jemenda l-Annessi V u VI tar-Regolament EBS. Jemenda l-Anness V biex jiżgura li l-awtoritajiet tat-taxxa jipprovdu informazzjoni dwar il-bejgħ mill-bogħod intra-Komunitarju ta’ merkanzija lill-NSAs. Fl-istess ħin, jemenda l-Anness VI biex jiżgura li l-awtoritajiet doganali jipprovdu informazzjoni dwar is-simplifikazzjonijiet doganali applikati u dwar l-operaturi kummerċjali involuti. Jiżgura wkoll li, fil-qafas tal-iżdoganar ċentralizzat, l-awtoritajiet doganali jipprovdu data lill-NSAs tagħhom fl-Istat Membru fejn tkun tinsab il-merkanzija.
L-att delegat ma għandu l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.
Jikkonċerna kwistjoni relatata maż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u għaldaqstant l-applikazzjoni tiegħu jenħtieġ tiġi estiża għaż-ŻEE.
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta’ 14.7.2021
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/2152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika iktar x’inhuma d-dettalji dwar l-informazzjoni statistika li għandha tiġi pprovduta mill-awtoritajiet tat-taxxa u doganali u li jemenda l-Annessi V u VI tiegħu
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/2152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Ewropea tan-negozju, li tħassar 10 atti legali fil-qasam tal-istatistika tan-negozju, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) u (3) tiegħu,
Billi:
(1)L-Annessi V u VI tar-Regolament (UE) 2019/2152 jispeċifikaw l-informazzjoni għall-finijiet statistiċi b’rabta mal-esportazzjonijiet u mal-importazzjonijiet ta’ merkanzija li l-awtoritajiet tat-taxxa u doganali f’kull Stat Membru għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika (NSAs) kompetenti.
(2)Id-dettalji dwar l-informazzjoni statistika relatata mal-esportazzjonijiet u mal-importazzjonijiet ta’ merkanzija li għandha tiġi pprovduta mill-awtoritajiet tat-taxxa u doganali f’kull Stat Membru lill-NSAs kompetenti, inklużi fl-Annessi V u VI tar-Regolament (UE) 2019/2152, jenħtieġ li jiġu speċifikati iktar.
(3)Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet tat-taxxa lill-NSAs għall-finijiet statistiċi jkun fiha informazzjoni dwar il-bejgħ intra-Komunitarju mill-bogħod ta’ merkanzija, huwa meħtieġ li jiġi emendat l-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/2152.
(4)Jeħtieġ li jiġi emendat l-Anness VI tar-Regolament (UE) 2019/2152 sabiex jiġi żgurat li fil-qafas tal-iżdoganar ċentralizzat skont l-Artikolu 179 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fejn ikun involut iktar minn Stat Membru wieħed, l-obbligu tal-awtoritajiet doganali li jipprovdu data tad-dikjarazzjonijiet doganali lill-NSAs tagħhom japplika wkoll fl-Istat Membru fejn tkun tinsab il-merkanzija.
(5)Jeħtieġ ukoll li jiġi emendat l-Anness VI tar-Regolament (UE) 2019/2152 sabiex jiġi żgurat li l-NSAs ikunu jistgħu jirċievu informazzjoni mingħand l-awtoritajiet doganali tagħhom dwar is-simplifikazzjonijiet doganali applikati u dwar l-operaturi kummerċjali involuti.
(6)Għalhekk, jenħtieġ li l-Annessi V u VI tar-Regolament (UE) 2019/2152 jiġu emendati skont dan,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament Delegat jispeċifika iktar x’inhuma d-dettalji dwar l-informazzjoni statistika b’rabta mal-esportazzjonijiet u mal-importazzjonijiet ta’ merkanzija li għandhom jiġu pprovduti mill-awtoritajiet tat-taxxa u doganali f’kull Stat Membru lill-NSAs kompetenti.
Artikolu 2
Informazzjoni mid-denunzji tal-VAT
L-informazzjoni mid-denunzji tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq persuni taxxabbli jew persuni ġuridiċi mhux taxxabbli, kif imsemmi fil-punt (a) tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/2152 għandha tinkludi mill-inqas:
(a)l-isem sħiħ tal-persuna taxxabbli jew tal-persuna ġuridika mhux taxxabbli;
(b)l-indirizz sħiħ, inkluż il-kodiċi postali;
(c)in-numru ta’ identifikazzjoni allokat lil dik il-persuna f’konformità mal-Artikolu 214 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE;
(d)għal kull persuna taxxabbli jew persuna ġuridika mhux taxxabbli:
(i)l-ammont taxxabbli ta’ provvisti u akkwisti intra-UE ta’ merkanzija miġbur mid-denunzji tal-VAT f’konformità mal-Artikolu 251(a) u (c) tad-Direttiva 2006/112/KE;
(ii)il-perjodu tat-taxxa.
Artikolu 3
Informazzjoni mid-dikjarazzjonijiet rikapitolattivi
1.L-informazzjoni dwar il-provvisti intra-Unjoni miġbura mid-dikjarazzjonijiet rikapitolattivi tal-VAT, kif imsemmi fil-punt (b) tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/2152, għandha tinkludi mill-inqas:
(a)il-perjodu tat-taxxa;
(b)in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT ta’ kull fornitur nazzjonali;
(c)in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-Istat Membru sieħeb li jkun l-akkwirent;
(d)l-ammont taxxabbli bejn kull fornitur nazzjonali u l-Istat Membru sieħeb li jkun l-akkwirent;
(e)l-identifikazzjoni ta’ provvisti sussegwenti.
2.L-informazzjoni dwar il-provvisti intra-Unjoni kkomunikati mill-Istati Membri l-oħra kollha, kif imsemmi fil-punt (c) tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/2152, għandha tinkludi mill-inqas:
(a)il-perjodu tat-taxxa;
(b)in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT ta’ kull akkwirent nazzjonali;
(c)l-ammont taxxabbli totali mill-akkwirent nazzjonali aggregat mill-Istat Membru sieħeb.
Artikolu 4
Informazzjoni relatata mad-dikjarazzjonijiet doganali
L-informazzjoni msemmija fil-punt (c) tal-Anness VI tar-Regolament (UE) 2019/2152 għandha tinkludi kwalunkwe informazzjoni meħtieġa mill-NSA għall-produzzjoni tal-istatistika Ewropea dwar il-kummerċ internazzjonali tal-merkanzija u għandha tinkludi mill-inqas l-informazzjoni stabbilita fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 5
Emenda għar-Regolament (UE) 2019/2152
L-Annessi V u VI tar-Regolament (UE) 2019/2152 huma sostitwiti bit-test fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 14.7.2021
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
ANNESS I
1. Informazzjoni ġenerali
1.1 Tip ta’ dikjarazzjoni
1.2 Tip ta’ dikjarazzjoni addizzjonali
1.3 Proċedura
1.4 Proċedura/i addizzjonali
1.5 Data ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali
2. Awtorizzazzjonijiet
2.1 Fil-każ ta’ Żdoganar Ċentralizzat, fejn ikun involut iktar minn Stat Membru wieħed: in-numru tal-awtorizzazzjoni għal Żdoganar Ċentralizzat
3. Partijiet
3.1 Nru ta’ identifikazzjoni tal-esportatur
3.2 Nru ta’ identifikazzjoni tal-importatur
3.3 Nru ta’ identifikazzjoni tax-xerrej
3.4 Nru ta’ identifikazzjoni tal-konsenjatarju1
4. Informazzjoni dwar il-valwazzjoni/Taxxi
4.1 Munita tal-fattura
4.2 Preferenza (trattament preferenzjali applikat mid-dwana)
5. Pajjiżi
5.1 Kodiċi tal-pajjiż tad-destinazzjoni
5.2 Kodiċi tal-pajjiż tad-dispaċċ/tal-esportazzjoni
5.3 Kodiċi tal-pajjiż tal-oriġini
5.4 Kodiċi tal-pajjiż tal-oriġini preferenzjali
5.5 F’każ ta’ Żdoganar Ċentralizzat: il-kodiċi tal-uffiċċju doganali tal-preżentazzjoni jew il-kodiċi tal-Istat Membru li fih il-merkanzija tiġi ppreżentata lid-dwana
6. Identifikazzjoni tal-merkanzija
6.1 Massa netta (kg)
6.2 Unitajiet supplimentari
6.3 Kodiċi tal-komodità – Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda
6.4 Kodiċi tal-komodità – Kodiċi tat-TARIC
6.5 Kodiċi tal-komodità HS6, fejn it-TARIC jew in-Nomenklatura Magħquda ma jkunux disponibbli
7. Informazzjoni dwar it-trasport
7.1 Kontejner
7.2 Modalità tat-trasport fil-fruntiera
7.3 Modalità tat-trasport terren
8. Data statistika
8.1 Natura tat-tranżazzjoni
8.2 Valur statistiku
1 Għar-rekwiżiti tad-data doganali skont ir-Regolament (UE) 2016/341 biss
ANNESS II
“ANNESS V
Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-awtoritajiet tat-taxxa responsabbli f’kull Stat Membru lill-NSA kif imsemmi fl-Artikolu 5(2):
(a)informazzjoni minn denunzji tal-VAT fuq persuni taxxabbli jew persuni ġuridiċi mhux taxxabbli li ddikjaraw, għall-perjodu inkwistjoni, provvisti intra-Unjoni ta’ oġġetti f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 251 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE jew akkwist intra-Unjoni ta’ oġġetti f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 251 ta’ dik id-Direttiva;
(b)informazzjoni minn dikjarazzjonijiet rikapitolattivi dwar provvisti intra-Unjoni miġbura mid-dikjarazzjonijiet rikapitolattivi tal-VAT f’konformità mal-Artikoli 264 u 265 tad-Direttiva 2006/112/KE;
(c)informazzjoni dwar akkwisti intra-Unjoni kkomunikati mill-Istati Membri l-oħra kollha f’konformità mal-Artikolu 21(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010;
(d)informazzjoni mid-denunzji tal-VAT fuq persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ konsum li jużaw l-iskema speċjali, prevista fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE, li jkunu ddikjaraw, għall-perjodu inkwistjoni, provvisti ta’ merkanzija taħt dik l-iskema f’konformità mal-Artikolu 369g ta’ dik id-Direttiva;
(e)informazzjoni dwar provvisti ta’ merkanzija relatati mal-iskema speċjali, prevista fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu 6 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, ikkomunikata mill-Istati Membri l-oħra kollha f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) Nru 904/2010.
ANNESS VI
Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-awtoritajiet doganali responsabbli f’kull Stat Membru lill-NSA kif imsemmi fl-Artikolu 5(3):
(a)informazzjoni li tidentifika l-persuna li twettaq esportazzjonijiet intra-Unjoni u importazzjonijiet intra-Unjoni ta’ merkanzija koperta mill-proċedura doganali ta’ proċessar attiv;
(b)id-data tar-reġistrazzjoni u tal-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi prevista skont id-dispożizzjonijiet doganali tal-Unjoni disponibbli fis-sistema elettronika fir-rigward tan-numru EORI kif imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447;
(c)ir-rekords dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet minn dikjarazzjonijiet doganali li ġew aċċettati jew li kienu soġġetti għal deċiżjonijiet mill-awtoritajiet doganali nazzjonali u:
(i)li ġew irreġistrati għandhom; jew
(ii)li d-dikjarazzjoni supplimentari għalihom tkun, f’konformità mal-Artikolu 225 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447, disponibbli għalihom permezz ta’ aċċess elettroniku dirett fis-sistema tad-detentur tal-awtorizzazzjoni; jew
(iii)li rċevew b’applikazzjoni tal-Artikolu 179 tar-Regolament (UE) 952/2013.
(d)informazzjoni dwar proċeduri, simplifikazzjonijiet jew awtorizzazzjonijiet applikati mogħtija lill-operaturi kummerċjali u informazzjoni li tidentifika lil dawk l-operaturi kummerċjali.