MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT

Skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament dwar il-Prodotti Fertilizzanti ( 1 ), il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 44 li jemendaw l-Anness II bl-għan li tadatta l-Anness għall-progress tekniku u li tiffaċilita l-aċċess għas-suq intern u l-moviment liberu għall-prodotti fertilizzanti tal-UE, li għandhom il-potenzjal li jkunu s-suġġett ta’ kummerċ sinifikanti fis-suq intern u li għalihom hemm evidenza xjentifika li ma jippreżentawx riskju għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, għas-sikurezza jew għall-ambjent u li jiżguraw l-effiċjenza agronomika. Ir-Regolament (UE) 2019/1009 iħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 2 u għandu japplika mis-16 ta’ Lulju 2022.

Barra minn hekk, l-Artikolu 42(2) tar-Regolament (UE) 2019/1009 jobbliga lill-Kummissjoni tivvaluta l-prodotti bbażati fuq l-istruvite, il-faħam bijoloġiku u l-irmied (minn hawn ’il quddiem imsejħa b’mod konġunt “STRUBIAS”) mingħajr dewmien żejjed wara d-data tad-dħul fis-seħħ u li tadotta atti delegati biex dawk il-materjali jiġu inklużi fl-Anness II jekk jiġu ssodisfati l-kriterji msemmija hawn fuq li jappartjenu għall-evidenza xjentifika.

Tali valutazzjoni ġiet konkluża mill-Kummissjoni abbażi ta’ rapport miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (“JRC”) tal-Kummissjoni dwar il-kundizzjonijiet tekniċi u tas-suq għal qafas legali possibbli għall-manifattura u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti speċifiċi sikuri u effettivi derivati minn STRUBIAS. Ir-rapport jinkludi proposti tekniċi dwar il-materjali ta’ input eliġibbli u l-kundizzjonijiet ta’ pproċessar għall-mogħdijiet ta’ produzzjoni STRUBIAS, ir-rekwiżiti ta’ kwalità għall-materjali STRUBIAS u s-sistemi tal-ġestjoni tal-kwalità. Ir-rapport jipprovdi wkoll informazzjoni dwar il-valur miżjud li l-materjali STRUBIAS jistgħu jipprovdu għas-sigurtà alimentari, is-sikurezza alimentari, il-protezzjoni ambjentali, u s-settur tal-fertilizzanti u tal-agrikoltura tal-UE.

Skont l-Artikolu 42(3) tar-Regolament (UE) 2019/1009, il-Kummissjoni tista’ biss tadotta atti delegati skont dak l-Artikolu biex tinkludi materjali fl-Anness II tar-Regolament li ma jibqgħux jitqiesu bħala skart wara operazzjoni ta’ rkupru, jekk ir-regoli ta’ rkupru f’dak l-Anness, adottati mhux aktar tard mill-inklużjoni, jiżguraw li l-materjali jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/98/KE ( 3 ). Dan ir-regolament delegat jistabbilixxi operazzjonijiet ta’ rkupru għall-materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom, filwaqt li jiżgura li dawn jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2008/98/KE. Konsegwentement, ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 42(3) tar-Regolament (UE) 2019/1009 huwa ssodisfat.

F’dan il-kuntest, dan ir-regolament delegat jemenda l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 2019/1009 billi jżid il-materjal tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom bħala Kategorija ġdida tal-Materjal Komponent, l-Anness III billi jżid rekwiżiti ta’ tikkettar mal-prodotti fertilizzanti tal-UE li jkun fihom il-materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom u l-Anness IV tar-Regolament billi jistabbilixxi l-qafas legali għall-valutazzjoni tal-konformità rilevanti għal tali prodotti.

2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT

Skont l-Artikolu 44(4) tar-Regolament (UE) 2019/1009, l-esperti maħtura minn kull Stat Membru ġew ikkonsultati fil-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-Prodotti Fertilizzanti (E01320) skont ir-regoli tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.

Id-dettalji ta’ dawn il-konsultazzjonijiet qegħdin fil-minuti tal-laqgħat li saru fis-7 ta’ Novembru 2019 u fl-24 ta’ Novembru 2020, kif ukoll fid-diversi dokumenti ta’ pożizzjoni tal-partijiet ikkonċernati interessati disponibbli pubblikament fuq il-paġna tas-CIRCABC tal-grupp, fuq din il-ħolqa:

https://circabc.europa.eu/ui/group/36ec94c7-575b-44dc-a6e9-4ace02907f2f/library/b8e01334-4d39-445d-bf4e-589356d55b1f  

L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati interessati kienu fil-biċċa l-kbira tagħhom favur l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament delegat.

L-abbozz tar-regolament delegat ġie ppubblikat fuq il-Portal għal Regolamentazzjoni Aħjar sabiex jingħata feedback dwaru. L-24 kontribuzzjoni li waslu kienu fil-biċċa l-kbira tagħhom favorevoli. Madankollu, kien hemm tħassib dwar xi wħud mir-rekwiżiti għall-materjali ta’ input u l-metodi ta’ pproċessar tagħhom, kif ukoll dwar xi wħud mir-rekwiżiti għall-materjal ta’ output (il-materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom jew il-prodotti fertilizzanti tal-UE li fihom tali materjali).

Dwar il-materjali ta’ input, fost it-tħassib kien hemm li, minħabba l-lista eżawrjenti, tintilef l-opportunità li jiġu rkuprati flussi importanti ta’ skart (b’mod partikolari l-ħama mill-industrija agroalimentari u l-ħama industrijali). Għall-kuntrarju ta’ dan, uħud mill-kontribuzzjonijiet kienu tal-fehma li l-lista ta’ materjali ta’ input kienet wiesgħa wisq u vaga wisq, u b’hekk kienet toħloq ir-riskju li jiġu inklużi materjali mhux ivvalutati bir-reqqa. Barra minn hekk, ġie ddikjarat li l-materjali ta’ input bil-bijomassa jenħtieġ li jintużaw primarjament fi proċessi li ma jeqirdux il-materja organika tant meħtieġa (bħall-ikkompostjar jew id-diġestjoni).

Il-lista eżawrjenti ta’ materjali ta’ input kienet element ewlieni fid-determinazzjoni tal-kriterji tas-sikurezza u tal-effiċjenza agronomika għall-materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom. Din il-lista tinkludi dawk il-flussi ta’ skart li għalihom teżisti biżżejjed informazzjoni dwar ir-riskji possibbli u l-parametri tas-sikurezza li jridu jiġu vverifikati. Din il-lista tinkludi, fost l-oħrajn, flussi ta’ skart importanti u materjali ta’ input magħrufa sew għal tali proċessi. Din ma tistax tiġi estiża mingħajr analiżi dettaljata addizzjonali simili għal dik li saret mill-JRC għall-materjali ta’ input proposti.

Minħabba l-armonizzazzjoni fakultattiva fil-qasam tal-prodotti fertilizzanti li tippermetti l-koeżistenza tar-Regolament dwar il-Prodotti Fertilizzanti mar-regoli nazzjonali, huwa mistenni li xi materjali ta’ input premessi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali mhumiex inklużi fil-lista eżawrjenti tar-regoli ta’ armonizzazzjoni u vice versa. L-intenzjoni ta’ dan ir-Regolament hija li jiġu koperti dawk il-materjali li għandhom il-potenzjal li jkunu soġġetti għal kummerċ sinifikanti fis-suq intern u li għalihom hemm data xjentifika solida li tiċċertifika s-sikurezza u l-effiċjenza agronomika tagħhom.

Il-ħama mill-industrija agroalimentari u l-ħama industrijali jistgħu jintużaw bħala materjali ta’ input għal materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom.

Fir-rigward tal-argument dwar il-proċessi alternattivi li jippreżervaw il-materja organika, il-mandat tal-Kummissjoni meta tadatta r-Regolament dwar il-Prodotti Fertilizzanti għall-progress tekniku u tiffaċilita l-aċċess għas-suq għall-prodotti fertilizzanti huwa sempliċiment li tiżgura li dawk il-prodotti jkollhom potenzjal kummerċjali sinifikanti u jkunu sikuri u effiċjenti. Il-kwistjoni dwar jekk użu alternattiv tal-materja prima jkunx aħjar b’mod ġenerali ma tagħmilx parti minn dik il-valutazzjoni. L-użi alternattivi jiġu vvalutati biss meta jkun meħtieġ sabiex jiġi żgurat li l-proċedura ta’ rkupru tkun kompatibbli mad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ). Għalhekk, dan l-att delegat jippermetti biss il-bijoskart miġbur separatament għar-riċiklaġġ permezz tal-inċinerazzjoni bħala materjal ta’ input jekk l-inċinerazzjoni twassal għall-aqwa eżitu ambjentali.

Dwar il-kundizzjonijiet ta’ pproċessar, fil-feedback pubbliku ssemma li t-tnaqqis tat-temperatura u taż-żmien minimu meta jintużaw prodotti sekondarji mill-annimali u prodotti derivati jista’ joħloq riskji ta’ patoġeni. Madankollu, l-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jiddetermina l-kundizzjonijiet minimi li abbażi tagħhom proċess jista’ jitqies bħala proċess ta’ ossidazzjoni termali. Jistgħu jiġu stabbiliti rekwiżiti tal-ipproċessar aktar stretti fir-regoli dwar il-prodotti sekondarji mill-annimali, meta jiġi ddeterminat il-punt aħħari fil-katina tal-manifattura.

Dwar ir-rekwiżiti għall-materjali ta’ output, il-biċċa l-kbira tal-kontribuzzjonijiet riċevuti kienu jikkonċernaw l-introduzzjoni ta’ valur limitu għall-kromu u l-vanadju totali, li kienu jappoġġawha jew jikkontestawha. Ir-raġunijiet ewlenin invokati għall-kontestazzjoni ta’ dawn il-valuri limitu kienu ċirkostanzjali. Għalhekk, kien stmat li peress li matul in-negozjati dwar ir-Regolament dwar il-Prodotti Fertilizzanti ġew stabbiliti l-valuri limitu għall-kontaminanti fil-kategoriji funzjonali tal-prodott, jenħtieġ li ma jiġux stabbiliti limiti bħal dawn fil-kategoriji tal-materjali komponenti. Barra minn hekk, ġie mfakkar li matul l-istess negozjati, ittieħdet deċiżjoni li jiġi inkluż biss il-kromu VI, u mhux il-kromu totali, fost il-valuri ta’ limitu għall-kategoriji funzjonali tal-prodott. Intqal ukoll li l-vanadju mhuwiex kontaminant ta’ tħassib.

Ir-rekwiżiti kollha f’dan ir-Regolament ġew proposti abbażi ta’ analiżi ddettaljata tal-JRC, kif hemm fir-rapport. Tabilħaqq, ir-riskji ġenerali u stabbiliti huma indirizzati fil-livell tal-kategorija funzjonali tal-prodott fl-Anness I tar-Regolament dwar il-Prodotti Fertilizzanti, iżda jistgħu jkunu meħtieġa salvagwardji addizzjonali għall-prodotti li fihom materjali miksuba minn materjali ta’ input tal-industriji tal-ħadid u tal-azzar. Fil-kategorija tal-materjal komponent eżistenti, mhumiex permessi tali materjali ta’ input. Għalhekk, jista’ jkun li l-prodotti li fihom materjali derivati minnhom ma ġewx ikkunsidrati meta ġew iddeterminati r-rekwiżiti ta’ sikurezza ġenerali fl-Anness I. Ma jistax jiġi preżunt li l-kriterji ta’ sikurezza ġenerali ddeterminati diġà fl-Anness I ikunu biżżejjed biex jiżguraw li l-prodotti li fihom materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom minn materjali ta’ input mill-industriji tal-ħadid u tal-azzar huma sikuri wkoll.

Mhuwiex ikkontestat li ma hemm l-ebda benefiċċju għall-użu tal-kromu u l-vanadju fil-ħamrija agrikola. Jeżisti tħassib dwar il-kromu u l-vanadju minħabba l-akkumulazzjonijiet potenzjali tal-metall fil-ħamrija wara applikazzjonijiet fit-tul tal-prodotti fertilizzanti.

L-abbozz tar-regolament delegat ġie nnotifikat ukoll abbażi tal-Artikolu 2(9)(2) tal-Ftehim dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ. Ma waslu l-ebda kummenti.

3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT

L-att legali jemenda r-Regolament (UE) Nru 2019/1009. Il-bażi ġuridika ta’ dan l-att delegat hija l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2019/1009.

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta’ 6.7.2021

li jemenda l-Annessi II, III u IV tar-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bl-għan li jiżdiedu l-materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom bħala kategorija ta’ materjal komponent fil-prodotti fertilizzanti tal-UE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (KE) Nru 1107/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003( 5 ), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(1) tiegħu,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2019/1009 jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE. Il-prodotti fertilizzanti tal-UE fihom materjali komponenti ta’ waħda jew aktar mill-kategoriji elenkati fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament.

(2)L-Artikolu 42(2) tar-Regolament (UE) 2019/1009 moqri flimkien mal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(1) ta’ dak ir-Regolament jirrikjedi lill-Kummissjoni tivvaluta l-prodotti bbażati fuq l-irmied mingħajr dewmien żejjed wara l-15 ta’ Lulju 2019 u tinkludihom fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament jekk dik il-valutazzjoni tikkonkludi li l-prodotti fertilizzanti tal-UE li fihom dak il-materjal ma jippreżentawx riskju għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, għas-sikurezza jew għall-ambjent u jiżguraw l-effiċjenza agronomika.

(3)Il-prodotti bbażati fuq l-irmied jistgħu jkunu skart, u skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2019/1009 jistgħu ma jibqgħux skart jekk ikunu jinsabu fi prodott fertilizzanti tal-UE konformi. Għalhekk, skont l-Artikolu 42(3) tar-Regolament (UE) 2019/1009 moqri flimkien mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill( 6 ), il-Kummissjoni tista’ tinkludi l-prodotti bbażati fuq l-irmied fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/1009 biss jekk ir-regoli ta’ rkupru f’dak l-Anness jiżguraw li l-materjali se jintużaw għal skopijiet speċifiċi, li jeżisti suq jew domanda għalihom, u li l-użu tagħhom ma jwassalx għal impatti negattivi ġenerali fuq l-ambjent jew fuq is-saħħa tal-bniedem.

(4)Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (“JRC”) tal-Kummissjoni beda l-valutazzjoni tiegħu tal-prodotti bbażati fuq l-irmied bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1009, u kkonkludiha fl-2019. Matul il-valutazzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni twessa’ biex jinkludi l-ispettru wiesa’ tal-materjali tal-ossidazzjoni termali, kif ukoll id-derivati tagħhom.

(5)Ir-rapport ta’ valutazzjoni tal-JRC( 7 ) jikkonkludi li l-materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom, jekk ikunu prodotti skont ir-regoli ta’ rkupru ssuġġeriti fir-rapport, jipprovdu lill-pjanti b’nutrijenti jew itejbu l-effiċjenza nutrittiva tagħhom u għalhekk jiżguraw l-effiċjenza agronomika.

(6)Barra minn hekk, ir-rapport ta’ valutazzjoni tal-JRC jikkonkludi li hemm domanda tas-suq eżistenti u li qed tikber għall-materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom, u li dawk il-materjali x’aktarx jintużaw biex jipprovdu inputs ta’ nutrijenti għall-agrikoltura Ewropea. Jikkonkludi wkoll li l-użu tal-materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom prodotti skont ir-regoli ta’ rkupru ssuġġeriti fir-rapport ma jwassalx għal impatti negattivi ġenerali fuq l-ambjent jew fuq is-saħħa tal-bniedem.

(7)Ir-regoli ta’ rkupru ssuġġeriti fir-rapport ta’ valutazzjoni tal-JRC jinkludu miżuri biex jiġu limitati r-riskji tar-riċiklaġġ tal-kontaminanti jew il-produzzjoni tagħhom, bħall-ħolqien ta’ lista eżawrjenti ta’ materjali ta’ input eliġibbli u l-esklużjoni ta’ pereżempju l-iskart muniċipali mħallat u l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ta’ pproċessar u rekwiżiti tal-kwalità tal-prodott speċifiċi. Dak ir-rapport ta’ valutazzjoni jikkonkludi wkoll li jenħtieġ li l-prodotti fertilizzanti li fihom materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom isegwu r-regoli speċifiċi ta’ tikkettar u li r-regoli tal-valutazzjoni tal-konformità applikabbli għal tali prodotti jenħtieġ li jinkludu sistema ta’ kwalità vvalutata u approvata minn korp innotifikat.

(8)Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom, jekk jiġu prodotti skont ir-regoli ta’ rkupru ssuġġeriti mir-rapport ta’ valutazzjoni tal-JRC, jiżguraw l-effiċjenza agronomika skont it-tifsira tal-punt (b)(ii) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2019/1009. Barra minn hekk, dawn jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/98/KE. Fl-aħħar nett, jekk ikunu konformi mar-rekwiżiti l-oħra stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/1009 b’mod ġenerali u fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament b’mod partikolari, ma jkunux jippreżentaw riskju għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, għas-sikurezza jew għall-ambjent skont it-tifsira tal-punt (b)(i) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2019/1009. Għalhekk, jenħtieġ li l-materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom jiġu inklużi fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/1009 soġġett għal dawk ir-regoli ta’ rkupru.

(9)B’mod partikolari, il-prodotti sekondarji mill-annimali jew derivati minnhom skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill( 8 ) jenħtieġ li jkunu permessi biss bħala materjali ta’ input għall-materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom irregolati mir-Regolament (UE) 2019/1009, jekk u meta l-punti aħħarin fil-katina tal-manifattura jkunu ġew iddeterminati skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 u se jintlaħqu sa mhux aktar tard minn tmiem il-proċess ta’ produzzjoni tal-prodott fertilizzanti tal-UE li jkun fihom l-materjali tal-ossidazzjoni termali jew id-derivati tagħhom.

(10)Barra minn hekk, minħabba l-fatt li l-materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom jistgħu jitqiesu bħala skart irkuprat jew prodotti sekondarji skont it-tifsira tad-Direttiva 2008/98/KE, jenħtieġ li tali materjali jiġu esklużi mill-kategoriji tal-materjal komponent 1 u 11 tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/1009 skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 42(1) ta’ dak ir-Regolament.

(11)Huwa importanti li jiġi żgurat li l-prodotti fertilizzanti li fihom il-materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom isegwu regoli addizzjonali ta’ tikkettar u li jkunu soġġetti għal proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità li tinkludi sistema ta’ kwalità vvalutata u approvata minn korp innotifikat. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu emendati l-Anness III u l-Anness IV tar-Regolament (UE) 2019/1009 biex jiġu previsti rekwiżiti tat-tikkettar u valutazzjoni tal-konformità xierqa għal tali prodotti fertilizzanti.

(12)Minħabba li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II u III tar-Regolament (UE) 2019/1009 u l-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità stabbiliti fl-Anness IV ta’ dak ir-Regolament iridu japplikaw mis-16 ta’ Lulju 2022, jeħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi differita għall-istess data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2019/1009 huwa emendat kif ġej:

(1)L-Anness II huwa emendat skont l-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(2)L-Anness III huwa emendat skont l-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

(3)L-Anness IV huwa emendat skont l-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-16 ta’ Lulju 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 6.7.2021

   Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Ursula VON DER LEYEN

(1)    Ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (KE) Nru 1107/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003, ĠU L 170, 25.6.2019, p. 1–114.
(2)    Ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 dwar il-fertilizzanti (ĠU L 304, 21.11.2003. p. 1).
(3)    Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi, ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3–30.
(4)    Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).
(5)    ĠU L 170, 25.6.2019, p. 1.
(6)    Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).
(7)    Huygens D, Saveyn HGM, Tonini D, Eder P, Delgado Sancho L, Technical proposals for selected newfertilising materials under the Fertilising Products Regulation (Regulation (EU) 2019/1009) - Process and quality criteria, and assessment of environmental and market impacts for precipitated phosphate salts & derivates, thermal oxidation materials & derivates and pyrolysis & gasification materials, EUR 29841 EN, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2019, ISBN 978-92-76-09888-1, doi:10.2760/186684, JRC117856.
(8)    Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).

ANNESS I

L-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/1009 huwa emendat kif ġej:

(1)Fil-Parti I, jiżdied il-punt li ġej:

“CMC 13: Materjali tal-ossidazzjoni termali u d-derivati tagħhom”;

(2)Il-parti II hija emendata kif ġej:

(a)F’CMC 1, fil-punt 1, jiżdied is-subpunt (j) li ġej:

(j) materjali tal-ossidazzjoni termali jew id-derivati tagħhom, li jiġu rkuprati mill-iskart jew li huma prodotti sekondarji skont it-tifsira tad-Direttiva 2008/98/KE.”;

(b)F’CMC 11, fil-punt 1, jiżdied is-subpunt (f) li ġej:

“(f) materjali tal-ossidazzjoni termali jew id-derivati tagħhom, li jiġu rkuprati mill-iskart jew li huma prodotti sekondarji skont it-tifsira tad-Direttiva 2008/98/KE, jew”;

(c)Jiżdied CMC 13 li ġej:

“CMC 13: MATERJALI TAL-OSSIDAZZJONI TERMALI JEW ID-DERIVATI TAGĦHOM

1.Prodott fertilizzanti tal-UE jista’ jkun fih materjali tal-ossidazzjoni termali miksuba permezz ta’ konverżjoni termokimika f’kundizzjonijiet li ma jillimitawx l-ossiġenu esklużivament minn wieħed jew aktar mill-materjali ta’ input li ġejjin:

(a)organiżmi ħajjin jew mejtin jew partijiet minnhom, li ma jkunux ipproċessati jew li jkunu pproċessati biss b’mezzi manwali, mekkaniċi jew gravitazzjonali, bit-taħlil fl-ilma, bit-tagħwim, bl-estrazzjoni bl-ilma, bid-distillazzjoni tal-fwar jew bit-tisħin esklużivament biex jitneħħa l-ilma, jew li jiġu estratti mill-arja bi kwalunkwe mezz, għajr (*):

materjali li joriġinaw minn skart muniċipali mħallat,

ħama tad-drenaġġ, ħama industrijali jew ħama mit-tħammil, u

prodotti sekondarji mill-annimali jew prodotti derivati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009;

(b)skart veġetali mill-industrija tal-ipproċessar tal-ikel u skart veġetali fibruż mill-produzzjoni tal-polpa verġni u mill-produzzjoni tal-karta mill-polpa verġni, jekk ma tkunx modifikata kimikament;

(c)frazzjoni tal-bijoskart li tirriżulta minn operazzjonijiet ta’ trattament sussegwenti tal-bijoskart miġbur b’mod separat għar-riċiklaġġ skont it-tifsira tad-Direttiva 2008/98/KE, li għalih l-inċinerazzjoni tagħti l-aqwa eżitu ambjentali skont l-Artikolu 4 ta’ dik id-Direttiva għajr il-prodotti sekondarji mill-annimali jew il-prodott derivat li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009;

(d)materjali li jirriżultaw minn proċess ta’ konverżjoni mikrobika jew termokimika li juża esklużivament il-materjali ta’ input imsemmija fis-subpunti (a), (b), u (c); 

(e)ħama tad-drenaġġ minn impjanti tat-trattament tal-ilma muniċipali, għajr il-prodotti sekondarji mill-annimali jew il-prodotti derivati fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009;

(f)materjali mit-trattament tal-ilma mormi operat b’mod indipendenti mhux koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE (**) mill-industriji tal-ipproċessar tal-ikel, tal-ikel għall-annimali domestiċi, tal-għalf, tal-ħalib u tax-xorb, għajr il-prodotti sekondarji mill-annimali jew il-prodotti derivati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009;

(g)skart skont it-tifsira tad-Direttiva 2008/98/KE bl-eċċezzjoni (*) ta’:

materjali ta’ input imsemmija fis-subpunti (a) sa (f),

skart perikoluż skont it-tifsira tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE,

materjali li joriġinaw minn skart muniċipali mħallat,

bijoskart fi ħdan it-tifsira tal-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE li jirriżulta mill-ġbir separat tal-bijoskart fis-sors, u

prodotti sekondarji mill-annimali jew prodotti derivati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009;

(h)karburanti awżiljarji (gass naturali, gass likwifikat, kondensat tal-gass naturali, gassijiet tal-proċess u komponenti tagħhom, żejt mhux maħdum, faħam, kokk kif ukoll il-materjali derivati tagħhom), meta jintużaw għall-ipproċessar tal-materjali ta’ input imsemmija fis-subpunti (a) sa (g);

(i)sustanzi li jintużaw fil-proċessi ta’ produzzjoni tal-ħadid u l-azzar; jew

(j)sustanzi u taħlitiet, bl-eċċezzjoni (*) ta’:

materjali ta’ input imsemmija fis-subpunti (a) sa (i),

skart skont it-tifsira tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE,

sustanzi jew taħlitiet li ma baqgħux skart fi Stat Membru wieħed jew aktar bis-saħħa tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/98/KE,

sustanzi ffurmati minn prekursuri li ma baqgħux skart fi Stat Membru wieħed jew aktar bis-saħħa tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/98/KE, jew taħlitiet li fihom tali sustanzi, u

prodotti sekondarji mill-annimali jew prodotti derivati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009.

2.Minkejja l-punt 1, prodott fertilizzanti tal-UE jista’ jkun fih materjali tal-ossidazzjoni termali miksuba permezz tal-konverżjoni termokimika f’kundizzjonijiet li ma jillimitawx l-ossiġenu minn materjali tal-Kategorija 2 jew tal-Kategorija 3 jew prodotti dderivati minnhom, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 u fil-miżuri msemmija fl-Artikolu 32(3) ta’ dak ir-Regolament, waħedhom jew imħalltin mal-materjali ta’ input imsemmija fil-punt 1, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)il-punt aħħari fil-katina tal-manifattura jkun ġie ddeterminat f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009;

(b)jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet fil-punti 3, 4 u 5.

3.L-ossidazzjoni termali għandha sseħħ f’kundizzjonijiet li ma jillimitawx l-ossiġenu b’tali mod li l-gass li jirriżulta mill-konverżjoni termokimika jittella’, wara l-aħħar injezzjoni ta’ arja tal-kombustjoni, b’mod kontrollat u omoġenju u anke taħt l-iżjed kondizzjonijiet sfavorevoli, għal temperatura ta’ mill-inqas 850 °C għal mill-inqas żewġ sekondi. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom japplikaw għall-materjali ta’ input kollha, bl-eżenzjoni ta’:

(a)l-materjali ta’ input msemmija fil-punti 1(a), (b) u (h), jew li jirriżultaw minn proċess ta’ konverżjoni mikrobika jew termokimika kkontrollata li juża esklużivament dak il-materjali, u

(b)materjali ta’ input imsemmija fil-punt 2,

li għalihom għandha tapplika temperatura ta’ mill-inqas 450 °C għal mill-inqas 0.2 sekondi;

4.L-ossidazzjoni termali għandha sseħħ f’kompartiment tal-inċinerazzjoni jew tal-kombustjoni. Il-kompartiment jista’ jipproċessa biss materjali ta’ input li ma jkunux ikkontaminati bi flussi ta’ materjali oħra, jew materjali ta’ input, għajr prodotti sekondarji mill-annimali jew prodotti derivati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009, li ġew ikkontaminati mhux intenzjonalment bi flussi oħra ta’ materjal f’inċident ta’ darba li rriżulta biss fi traċċi ta’ komposti eżoġeni.

Il-kundizzjonijiet li ġejjin kollha għandhom jiġu ssodisfati fl-impjant fejn isseħħ l-ossidazzjoni termali:

(a)il-linji ta’ produzzjoni għall-ipproċessar tal-materjali ta’ input imsemmija fil-punt 1 u 2 għandhom ikunu separati b’mod ċar mil-linji ta’ produzzjoni ta’ materjali ta’ input oħra,

(b)il-materjal ta’ input għandu jiġi ossidizzat b’tali mod li l-kontenut totali tal-karbonju organiku (Corg) tal-gagazza u tal-irmied tal-qiegħ li jirriżultaw ikun inqas minn 3 % f’materja niexfa tal-materjal,

(c)il-kuntatt fiżiku bejn il-materjali ta’ input u ta’ output għandu jiġi evitat wara l-proċess ta’ konverżjoni termokimika, inkluż waqt il-ħażna.

5.Il-materjali tal-ossidazzjoni termali għandhom ikunu rmied jew gagazza, u ma għandhomx ikollhom aktar minn:

(a)6 mg/kg ta’ materja niexfa ta’ PAH16(***),

(b)20 ng ta’ ekwivalenti tat-tossiċità tad-WHO (****) ta’ PCDD/F (*****)/kg ta’ materja niexfa.

6.Prodott fertilizzanti tal-UE jista’ jkun fih derivati minn materjali tal-ossidazzjoni termali li jkunu ġew prodotti mill-materjali ta’ input imsemmija fil-punti 1 u 2 li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-punt 5 u li jkunu ġew immanifatturati minn proċess ta’ konverżjoni termokimika f’konformità mal-punti 3 u 4.

Il-proċess ta’ manifattura tad-derivati għandu jitwettaq sabiex tiġi modifikata intenzjonalment il-kompożizzjoni kimika tal-materjali tal-ossidazzjoni termali.

Il-proċess ta’ manifattura tad-derivati għandu jkun tat-tip li ġej:

(a)il-manifattura tas-sustanzi kimiċi: id-derivati jiġu prodotti permezz ta’ pass wieħed jew aktar tal-manifattura kimika li permezz tagħhom il-materjali ta’ ossidazzjoni termali jirreaġixxu mal-materjali ta’ input imsemmija fis-subpunt 1(j) li jiġu kkunsmati fl-ipproċessar kimiku jew li jintużaw għalih filwaqt li ma għandhomx jintużaw polimeri mhux bijodegradabbli;

(b)il-manifattura termokimika: id-derivati li jiġu prodotti permezz ta’ pass wieħed jew aktar tal-manifattura li permezz tagħhom il-materjali ta’ ossidazzjoni termali jirreaġixxu termokimikament mas-sustanzi reattivi msemmija fil-punti 1 u 2 li jiġu kkunsmati fl-ipproċessar kimiku jew li jintużaw għalih.

Il-materjali tal-ossidazzjoni termali li juru karatteristika perikoluża waħda jew aktar minn dawk elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE ma għandhomx jitħalltu jew jagħmlu reazzjoni, ma’ skart, sustanzi jew materjali bl-intenzjoni li jitnaqqsu s-sustanzi perikolużi għal livelli taħt il-valuri ta’ limitu għall-proprjetà perikoluża kif stabbilit fl-Anness III ta’ dik id-Direttiva. Bl-użu ta’ approċċ ta’ bilanċ tal-massa, il-manifatturi li jużaw materjali ta’ ossidazzjoni termali bi proprjetajiet perikolużi jridu juru t-tneħħija jew it-trasformazzjoni tal-kontaminanti f’livelli taħt il-valuri ta’ limitu stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE.

7.Il-kontaminanti fi prodott fertilizzant tal-UE jew li jikkonsistu minn materjali tal-ossidazzjoni termali jew id-derivati tagħhom ma għandhomx jaqbżu l-valuri limitu li ġejjin:

(a)kromu totali (Cr): 400 mg/kg materja niexfa, jekk il-materjali tal-ossidazzjoni termali jew id-derivati tagħhom ikunu mill-materjali ta’ input imsemmija fis-subpunti 1(e), (g) jew (i);

(b) tallju (Tl): 2 mg/kg materja niexfa, jekk il-materjali tal-ossidazzjoni termali jew id-derivati tagħhom ikunu mill-materjali ta’ input imsemmija fis-subpunti 1(e), (g), (h) jew (i);

Il-kontenut tal-kloru (Cl-) ma għandux ikun ogħla minn 30 g/kg ta’ materja niexfa. Madankollu, dan il-valur limitu ma għandux japplika għall-prodotti fertilizzanti tal-UE prodotti permezz ta’ proċess ta’ manifattura fejn ikun ġie miżjud kompost li jkun fih il-Cl- bl-intenzjoni li jiġu prodotti mlieħ tal-metall alkalin jew imlieħ tal-metall alkalin tal-art, u li jkun iddikjarat f’konformità mal-Anness III;

Il-kontenut tal-vanadju (V) ma għandux ikun ogħla minn 600 mg/kg ta’ materja niexfa, jekk il-materjali tal-ossidazzjoni termali jew id-derivati tagħhom ikunu mill-materjali ta’ input imsemmija fis-subpunti 1(g) jew (i).

8.Il-materjali tal-ossidazzjoni termali jew id-derivati tagħhom għandhom ikunu reġistrati skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006, f’dossier li jkun fih:

(a)l-informazzjoni prevista fl-Annessi VI, VII u VIII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, u

(b)r-rapport tas-sigurtà kimika skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 li jkopri l-użu bħala prodott fertilizzanti,

sakemm ma jkunx kopert b’mod espliċitu minn waħda mill-eżenzjonijiet għall-obbligu ta’ reġistrazzjoni previsti fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jew mill-punti 6, 7, 8 jew 9 tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament.”

______________________________________________________________

(*) L-esklużjoni ta’ materjal ta’ input eliġibbli minn subpunt wieħed ma jipprevenihx milli jkun materjal ta’ input eliġibbli skont subpunt ieħor.

(**) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma-skart urban (ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40).

(***) Is-somma ta’ naftalen, aċenaftilen, aċenaften, fluworen, fenantren, antraċen, fluworanten, piren, benżo[a]antraċen, krisen, benżo[b]fluworanten, benżo[k]fluworanten, benżo[a]piren, indeno[1,2,3-cd]piren, dibenżo[a,h]antraċen u benżo[ghi]perilen.

(****) van den Berg M., L.S. Birnbaum, M. Denison, M. De Vito, W. Farland, et al. (2006) The 2005 World Health Organization Re-evaluation of Human and Mammalian Toxic Equivalency Factors for Dioxins and Dioxin-like Compounds. Toxicological sciences: an official journal of the Society of Toxicology 93:223-241. doi:10.1093/toxsci/kfl055.

(*****) Poliklorodibenżo-p-diossini u poliklorodibenżofurani.



ANNESS II

Fl-Anness III, fil-Parti I tar-Regolament (UE) 2019/1009, jiddaħħal il-punt li ġej:

“7a. Meta l-prodott fertilizzanti tal-UE jkun fih jew ikun jikkonsisti f’materjali tal-ossidazzjoni termali jew id-derivati tagħhom imsemmija f’CMC 13 fil-Parti II tal-Anness II u jkollu kontenut ta’ manganiż (Mn) li jaqbeż it-3,5 % skont il-massa, il-kontenut tal-manganiż għandu jiġi ddikjarat.”



ANNESS III

Fl-Anness IV, fil-Parti II tar-Regolament (UE) 2019/1009, il-Modulu D1 (Assigurazzjoni tal-kwalità tal-proċess ta’ produzzjoni) huwa emendat kif ġej:

(1)il-Punt 2.2 huwa emendat kif ġej:

(a)is-subpunt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)    id-disinni, l-iskemi, id-deskrizzjonijiet u l-ispjegazzjonijiet neċessarji biex jinftiehem il-proċess ta’ manifattura tal-prodott fertilizzanti tal-UE, u, fir-rigward tal-kompost li jappartjeni għal CMCs 3, 5, 12 jew 13 kif definit fl-Anness II, deskrizzjoni bil-miktub u dijagramma tal-proċess ta’ produzzjoni, fejn kull trattament, kontenitur ta’ ħażna u żona jiġu identifikati b’mod ċar,”;

(b)jiddaħħal is-subpunt (ga) li ġej:

“(ga) il-kalkoli tal-iskart perikoluż għall-prodotti fertilizzanti tal-UE li fihom jew li jikkonsistu f’CMC 13; l-ittestjar imsemmi fil-punt 6 f’CMC 13 fil-Parti II tal-Anness II għandu jitwettaq mill-inqas kull sena, jew aktar kmieni milli skedat f’każ ta’ kwalunkwe bidla sinifikanti li tista’ taffettwa s-sikurezza jew il-kwalità tal-prodott fertilizzanti tal-UE (pereżempju l-ipproċessar ta’ lottijiet ta’ materjal ta’ input b’kompożizzjoni differenti, modifika tal-kundizzjonijiet ta’ pproċessar). Għal lott rappreżentattiv ta’ materjal ta’ input li jiġi pproċessat fl-impjant, il-proprjetà perikoluża identifikata (f’konformità mal-punt 5.1.3.1) u l-massa totali għandhom jitkejlu fuq il-materjali ta’ input differenti (1, …, n) u fuq il-materjal ta’ output li se jiġu inkorporati fil-prodott fertilizzanti tal-UE. Imbagħad ir-rata ta’ inklużjoni tal-proprjetà perikoluża fil-materjal ta’ output għandha tiġi kkalkulata kif ġej:

Fejn:

HPC = il-konċentrazzjoni tal-proprjetà perikoluża (mg/kg),

M = il-massa totali (kg), u

i (1-n) = il-materjali ta’ input differenti użati fil-proċess tal-produzzjoni.

It-tneħħija tal-proprjetà perikoluża matul il-proċess tal-produzzjoni għandha tkun tali li r-rata ta’ inkorporazzjoni mmultiplikata bil-konċentrazzjoni tal-proprjetà perikoluża ta’ kull materjal ta’ input individwali tkun taħt il-valuri ta’ limitu stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 2008/98/KE għal dik il-proprjetà perikoluża.”.

(2)Il-formulazzjoni introduttorja fil-punt 5.1.1.1 hija sostitwita b’dan li ġej:

“5.1.1.1. Għall-materjali li jappartjenu għal CMCs 3, 5, 12 u 13, kif definit fl-Anness II, il-maniġment f’livell għoli tal-organizzazzjoni tal-manifattur għandu:”.

(3)Il-punt 5.1.2.1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.1.2.1. Għall-materjali li jappartjenu għal CMCs 3, 5, 12 u 13, kif definit fl-Anness II, is-sistema tal-kwalità għandha tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dak l-Anness.”.

(4)Il-punt 5.1.3.1 huwa emendat kif ġej:

(a)Il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“5.1.3.1. Għall-materjali li jappartjenu għal CMCs 3, 5, 12 u 13, kif definit fl-Anness II, l-eżamijiet u t-testijiet għandhom jinkludu l-elementi li ġejjin:”;

(b)is-subpunti (b) u (c) huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“(b) Persunal kwalifikat għandu jwettaq spezzjoni viżiva ta’ kull kunsinna ta’ materjali ta’ input u jivverifika l-kompatibbiltà tagħhom mal-ispeċifikazzjonijiet tal-materjali ta’ input f’CMCs 3, 5, 12 u 13 stabbiliti fl-Anness II.

(c) Il-manifattur għandu jirrifjuta kwalunkwe kunsinna ta’ materjal ta’ input partikolari, li l-ispezzjoni viżiva tagħha tqajjem kwalunkwe wieħed mis-suspetti li ġejjin:

(i)il-preżenza ta’ sustanzi ta’ periklu jew ta’ dannu għall-proċess jew għall-kwalità tal-prodott fertilizzanti finali tal-UE;

(ii)inkompatibbiltà mal-ispeċifikazzjonijiet ta’ CMCs 3, 5, 12 u 13 tal-Anness II, partikolarment minħabba l-preżenza ta’ plastiks li jwasslu biex jinqabeż il-valur ta’ limitu għall-impuritajiet makroskopiċi.”;

(c)Is-subpunt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e) Għandhom jittieħdu kampjuni minn materjali ta’ output, biex jiġi vverifikat li dawn jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet stipulati f’CMCs 3, 5, 12 u 13, kif definiti fl-Anness II, u li l-karatteristiċi tal-materjal ta’ output ma jippreġudikawx il-konformità tal-prodott fertilizzanti tal-UE mar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-Anness I.”;

(d)Fis-subpunt (fa), il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(fa) Għall-materjali li jappartjenu għal CMCs 12 u 13, il-kampjuni tal-materjal ta’ output għandhom jittieħdu mill-inqas bil-frekwenza prestabbilita li ġejja, jew qabel dik skedata f’każ li jkun hemm kwalunkwe bidla sinifikanti li tista’ taffettwa l-kwalità tal-prodott fertilizzanti tal-UE:”;

(e)Is-subpunt (fb) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(fb) Għall-materjali li jappartjenu għal CMCs 12 u 13, kull lott jew porzjon tal-produzzjoni għandu jiġi assenjat kodiċi uniku għall-finijiet tal-ġestjoni tal-kwalità; mill-inqas kampjun wieħed għal kull 3000 tunnellata ta’ dawn il-materjali jew kampjun wieħed kull xahrejn, skont liema jseħħ l-aktar kmieni, għandu jinħażen f’kundizzjoni tajba għal perjodu ta’ mill-inqas sentejn.”;

(f)Is-subpunt (g)(iv) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(iv) għall-materjali li jappartjenu għal CMCs 12 u 13, kejjel il-kampjuni miżmuma msemmija fis-subpunt (fb) u ħu l-azzjonijiet korrettivi meħtieġa biex tipprevjeni t-trasport u l-użu ulterjuri possibbli ta’ dak il-materjal.”.

(5)Fil-punt 5.1.4.1, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.1.4.1.    Għall-materjali li jappartjenu għal CMCs 3, 5, 12 u 13, kif definiti fl-Anness II, ir-rekords tal-kwalità għandhom juru kontroll effettiv tal-materjali ta’ input, tal-produzzjoni, tal-ħażna u tal-konformità mal-materjali ta’ input u output mar-rekwiżiti rilevanti ta’ dan ir-Regolament. Kull dokument għandu jkun jista’ jinqara u jkun disponibbli fil-post(ijiet) rilevanti għall-użu tiegħu, u kwalunkwe verżjoni obsoleta għandha titneħħa minnufih minn kull post fejn tintuża, jew mill-anqas tiġi identifikata bħala obsoleta. Id-dokument tal-ġestjoni tal-kwalità għandu jinkludi tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:”.

(6)Fil-punt 5.1.5.1, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.1.5.1.    Għall-materjali li jappartjenu għal CMCs 3, 5, 12 u 13, kif definit fl-Anness II, il-manifattur għandu jistabbilixxi programm ta’ awditu intern annwali sabiex tiġi vverifikata l-konformità tas-sistema tal-kwalità mal-komponenti li ġejjin:”.

(7)Fil-punt 6.3.2, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.3.2.    Għall-materjali li jappartjenu għal CMCs 3, 5, 12 u 13, kif definiti fl-Anness II, il-korp innotifikat għandu jieħu u janalizza kampjuni ta’ materjal ta’ output waqt kull awditu, u dawk l-awditi għandhom jitwettqu bil-frekwenza li ġejja:”.