MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

KUNTEST TAL-ATT DELEGAT

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2018/956 jirrikjedu li l-Kummissjoni tiġbor ir-riżultati tat-testijiet fit-triq imwettqa fi ħdan il-qafas tar-Regolament (KE) Nru 595/2009 biex tivverifika l-emissjonijiet ta’ CO2 u l-konsum tal-fjuwil ta’ vetturi heavy-duty ġodda skont dak ir-Regolament. Dan ir-Regolament jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/956 f’konformità mal-Artikolu 7(2) ta’ dak ir-Regolament.

KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT

Il-Kummissjoni talbet il-feedback mingħand il-partijiet ikkonċernati permezz ta’:

(a)konsultazzjoni pubblika online ta’ erba’ ġimgħat fuq il-portal ta’ regolamentazzjoni aħjar “Semma’ leħnek”, mit-18.2.2021 sat-18.3.2021; hi rċeviet żewġ reazzjonijiet, waħda li titlob l-approċċ well-to-wheel u l-oħra targumenta favur l-iffrankar tal-enerġija.

(b)konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti dwar is-CO2 mill-vetturi bil-mutur, inklużi l-awtoritajiet tal-Istati Membri, il-manifatturi tal-vetturi, il-fornituri u l-NGOs, fit-23.2.2021.

ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa biex tadotta dan l-Att Delegat permezz tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2018/956.

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta’ 31.5.2021

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika d-data li għandha tiġi rrappurtata mill-Istati Membri għall-finijiet tal-ivverifikar tal-emissjonijiet ta’ CO2 u l-konsum tal-fjuwil ta’ vetturi heavy-duty ġodda

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2018 dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet ta’ CO2 u tal-konsum ta’ fjuwil minn vetturi heavy-duty ġodda 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 7(2) tiegħu,

Billi:

(1)Ir-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 jistabbilixxi regoli għall-konformità waqt is-servizzi ta’ vetturi u magni, għad-durabbiltà tal-mezzi għall-kontroll tat-tniġġis, għas-sistemi dijanjostiċi abbord u għall-kejl tal-konsum tal-karburanti u tal-emissjonijiet tas-CO2.

(2)F’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2018/956, il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ, tar-riżultati, meta jkunu disponibbli, ta’ testijiet fit-triq imwettqa fi ħdan il-qafas tar-Regolament (KE) Nru 595/2009 biex tivverifika l-emissjonijiet ta’ CO2 u l-konsum tal-fjuwil ta’ vetturi heavy-duty ġodda.

(3)Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2400 3 jikkomplimenta l-qafas legali għall-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi bil-mutur u tal-magni fir-rigward tal-emissjonijiet u tal-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi stabbilita mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 582/2011 4 . B’mod partikolari, ir-Regolament (UE) 2017/2400 jistabbilixxi r-regoli għall-ħruġ tal-liċenzji għall-operar ta’ għodda ta’ simulazzjoni bl-għan li jiġu ddeterminati l-emissjonijiet ta’ CO2 u l-konsum tal-fjuwil ta’ vetturi ġodda li se jinbiegħu, jiġu rreġistrati jew jitqiegħdu fis-servizz fl-Unjoni u għall-operar tal-għodda ta’ simulazzjoni u għad-dikjarar tal-valuri tal-emissjonijiet ta’ CO2 u tal-konsum tal-fjuwil iddeterminati b’dan il-mod.

(4)Biex wieħed jifhem sewwa t-testijiet fit-triq bl-iskop li jivverifika l-emissjonijiet tas-CO2 u l-konsum tal-fjuwil ta’ vetturi heavy-duty ġodda, tkun meħtieġa analiżi tar-rapporti tat-test.

(5)Fil-każ li proċedura tal-ittestjar għall-verifika fit-triq tiżvela nuqqas, tkun meħtieġa aktar informazzjoni dwar il-kawża ta’ din in-nonkonformità, il-każ jibqa’ jiġi segwit u jinħarġu r-riżultati tal-investigazzjonijiet, biex tiġi ddeterminata l-kawża ta’ dan in-nuqqas.

(6)Tkun meħtieġa wkoll informazzjoni dwar jekk ir-rapporti tat-test differenti ikunux marbuta mal-istess familja ta’ vetturi li tkun qed tiġi investigata.

(7)Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tirċievi d-data meħtieġa fi żmien xieraq għall-monitoraġġ tar-riżultati tat-testijiet f’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2018/956 u għat-tħejjija tar-rapport annwali f’konformità mal-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament, huwa xieraq li jiġi speċifikat sa meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jenħtieġ li jirrappurtaw dik id-data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1
Data li għandha tiġi rrappurtata

Għall-finijiet tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2018/956, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jirrappurtaw id-data li ġejja:

(a)ir-rapporti tat-test imsemmija fl-Artikolu 20(1), it-tieni subparagrafu tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2400, mill-inqas xahar wara li l-manifattur tal-vettura jkun pprovda dawk ir-rapporti lill-awtorità tal-approvazzjoni;

(b)l-informazzjoni dwar investigazzjoni biex tkun determinata l-kawża tan-nuqqas indikat mill-proċedura tal-ittestjar għall-verifika kif imsemmi fl-Artikolu 20(2), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) 2017/2400, mill-inqas xahar wara l-bidu tal-investigazzjoni;

(c)ir-riżultati ta’ investigazzjoni msemmija fl-Artikolu 20(2), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) 2017/2400, inkluża l-informazzjoni dwar il-kawżi ta’ fallimenti ddeterminati f’konformità mat-tieni subparagrafu ta’ dak l-Artikolu marbut maċ-ċertifikazzjoni ta’ komponenti, unitajiet tekniċi separati jew sistemi jew l-operazzjoni tal-għodda ta’ simulazzjoni, mill-inqas xahar wara li l-awtorità tal-approvazzjoni tkun iddeterminat il-kawża tal-falliment;

(d)ir-rapporti ta’ ttestjar imsemmija fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) 2017/2400 bin-numru taċ-ċertifikat dwar il-proprjetajiet relatati mal-emissjonijiet tas-CO2 u mal-konsum tal-fjuwil tal-familja tar-reżistenza tal-arja li għalihom ġew stabbiliti, mill-inqas xahar wara li l-manifattur ikun pprovda dawk ir-rapporti lill-awtorità tal-approvazzjoni;

(e)għal kull ċertifikat tal-proprjetajiet relatati mal-emissjonijiet tas-CO2 u mal-konsum tal-fjuwil tal-familja tar-reżistenza tal-arja, li jkun ingħata, ġie estiż, rifjutat jew irtirat, id-dokumenti deskritti fl-Anness VIII, l-Appendiċi 1 u 2, tar-Regolament (UE) 2017/2400, inklużi d-dokumenti mehmużin, mill-inqas xahar wara li dawk id-dokumenti ikunu ġew stabbiliti jew riċevuti mill-awtorità tal-approvazzjoni.

Artikolu 2
Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 31.5.2021

   Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Ursula VON DER LEYEN

(1)    ĠU L 173, 9.7.2018, p. 1.
(2)    Ir-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u magni fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty (Euro VI) u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 u d-Direttiva 2007/46/KE u li jħassar id-Direttivi 80/1269/KEE, 2005/55/KE u 2005/78/KE (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 1).
(3)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2400 tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-determinazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil tal-vetturi tqal u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 582/2011 (ĠU L 349, 29.12.2017, p. 1).
(4)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 582/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty (Euro VI) u li jemenda l-Annessi I u III għad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 167, 25.6.2011, p. 1).