MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT
Dan ir-Regolament huwa parti minn inizjattiva usa’ tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli. Huwa jħejji l-pedament għall-qafas tal-UE li jqiegħed il-kunsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà fil-qalba tas-sistema finanzjarja biex issostni t-trasformazzjoni tal-ekonomija Ewropea f’sistema aktar ekoloġika, aktar reżiljenti u ċirkolari skont l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.
Wara l-adozzjoni tal-ftehim ta’ Pariġi tal-2016 dwar il-Klima u tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), il-Kummissjoni fil-Pjan ta’ Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli ħabbret l-intenzjoni li tiċċara l-integrazzjoni tas-sostenibbiltà fl-hekk imsejħa dmirijiet fiduċjarji fil-leġiżlazzjoni settorjali. Il-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew tikkonferma l-ħtieġa ta’ sinjali fit-tul biex il-flussi finanzjarji u tal-kapital jiġu diretti lejn investiment ekoloġiku u biex jiġu evitati assi mhux rekuperabbli. Dan ir-Regolament se jikkontribwixxi lejn dan l-objettiv speċifiku
Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 jimplimenta d-Direttiva 2009/138/KE billi jkompli jispeċifika ulterjorment fost ir-rekwiżiti l-oħrajn dwar il-governanza, il-kunflitti ta’ interess u l-immaniġġjar tar-riskji għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq parir tekniku tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA). Il-parir tekniku jikkonkludi li hemm bżonn ta’ aktar kjarifiki fir-rigward tal-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà u l-fatturi ta’ sostenibbiltà fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 u jidentifika dispożizzjonijiet speċifiċi f’dan ir-rigward.
Dan ir-Regolament u l-atti delegati settorjali l-oħra li jadattaw regoli dwar id-dmirijiet fiduċjarji u li ġew adottati fl-istess żmien isaħħu wkoll ir-Regolament dwar id-divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji, ir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi u d-divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà għall-parametri referenzjarji u r-Regolament dwar it-tassonomija tal-UE għal attivitajiet sostenibbli. Dawn ir-regoli jintegraw il-kunsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà fil-proċessi ta’ investiment, konsulenza u divulgazzjoni b’mod konsistenti fis-setturi kollha. Huma jankraw il-kunsiderazzjonijiet ambjentali, soċjali u ta’ governanza (sostenibbiltà) fil-qalba tas-sistema finanzjarja biex l-ekonomija Ewropea tittrasforma f’sistema aktar ekoloġika, b’emissjonijiet ta’ karbonju baxxi, aktar reżiljenti, effiċjenti fir-riżorsi u ċirkolari.
2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT
Fl-24 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni talbet lill-EIOPA toħroġ parir tekniku dwar emendi potenzjali għall-atti delegati li għandhom jiġu adottati skont id-Direttiva 2009/138/UE, fir-rigward tal-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà u tal-fatturi ta’ sostenibbiltà. Fit-3 ta’ Mejju 2019, l-EIOPA ppubblikat ir-Rapport Finali tagħha dwar il-parir tekniku li tat lill-Kummissjoni. Il-parir qies il-fehmiet espressi mill-partijiet ikkonċernati, inkluż il-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni ta’ EIOPA, matul il-konsultazzjoni pubblika bejn it-28 ta’ Novembru 2018 u t-28 ta’ Frar 2019. Jinkludi analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji.
Fit-22 ta’ Novembru 2019, is-servizzi tal-Kummissjoni bdew konsultazzjoni bil-miktub tal-Grupp ta’ Esperti dwar is-Settur Bankarju, il-Pagamenti u l-Assigurazzjoni (E02885). Il-kummenti tal-grupp ta’ esperti tqiesu kif xieraq.
F’konformità mal-Prinċipji ta’ Regolamentazzjoni Aħjar, ġie ppubblikat abbozz ta’ dan ir-regolament fuq is-sit web tal-Kummissjoni għal perjodu ta’ feedback pubbliku li jkopri mit-8 ta’ Ġunju 2020 sas-6 ta’ Lulju 2020. Wara kunsiderazzjoni xierqa tal-feedback, ġew introdotti modifiki ulterjuri fit-test.
3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT
Il-bażi ġuridika ta’ dan ir-Regolament hija stabbilita fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 50(1) u fil-punt (a) tal-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2009/138/KE.
Dan ir-Regolament ikopri l-emendi li ġejjin għar-Regolament Delegat (UE) 2015/35:
L-Artikolu 1(1) jintroduċi tliet definizzjonijiet. L-ewwel nett, il-“fatturi ta’ sostenibbiltà” huma ddefiniti permezz tar-referenzjar tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/2088. It-tieni, ir- “riskji għas-sostenibbiltà” huma definiti b’mod konsistenti mad-definizzjoni ta’ dawk ir-riskji fir-Regolament (UE) 2019/2088. It-tielet, “il-preferenzi ta’ sostenibilità” huma definiti f’konformità mad-definizzjoni ta’ dak it-terminu introdott simultanjament fir-Regolament Delegat (UE) 2017/2359 u b’mod konsistenti mad-definizzjoni ta’ dak it-terminu introdott simultanjament fir-Regolament Delegat (UE) 2017/565.
L-Artikolu 1(2) jeħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jirriflettu r-riskji għas-sostenibbiltà fl-immaniġġjar tar-riskji tagħhom.
L-Artikolu 1(3) jinkludi l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà fil-kompiti tal-funzjoni tal-immaniġġjar tar-riskji tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.
L-Artikolu 1(4) jeħtieġ li l-funzjoni attwarja tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tqis ir-riskji għas-sostenibbiltà fil-valutazzjoni tagħha tal-inċertezza assoċjata mal-istimi magħmula fil-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi.
L-Artikolu 1(5) jistabbilixxi li l-politika ta’ remunerazzjoni tinkludi informazzjoni dwar il-konsistenza tagħha mal-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà.
L-Artikolu 1(6) jeħtieġ li r-riskji għas-sostenibbiltà jitqiesu fl-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-“persuna prudenti”.
L-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament jistipula li għandu japplika minn 12-il xahar wara l-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta’ 21.4.2021
li jemenda r-Regolament ta' Delega (UE) 2015/35 fir-rigward tal-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà fil-governanza tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II), u b'mod partikolari l-Artikolu 50(1) u l-Artikolu 135(1), punt (a), tagħha,
Billi:
(1)It-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livelli baxxi ta’ karbonju, effiċjenti fir-riżorsi u ċirkolari skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli hija essenzjali sabiex tiġi żgurata l-kompetittività fit-tul tal-ekonomija tal-Unjoni. Fl-2016, l-Unjoni kkonkludiet il-Ftehim ta’ Pariġi. L-Artikolu 2(1)(c) tal-Ftehim ta’ Pariġi jistabbilixxi l-objettiv li jissaħħaħ ir-rispons għat-tibdil fil-klima, fost l-oħrajn billi l-flussi ta’ finanzjament isiru konsistenti ma’ perkors lejn emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet b’effett ta’ serra kif ukoll l-iżvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima.
(2)Huwa minħabba r-rikonoxximent ta’ dik l-isfida li f’Diċembru 2019 il-Kummissjoni ppreżentat il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dak il-Patt Ekoloġiku jirrappreżenta strateġija ġdida ta’ tkabbir li għandha l-għan li tittrasforma l-Unjoni f’soċjetà ġusta u prosperuża, b’ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fl-2050 u fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi. Dan jeħtieġ ukoll li jiġu offruti sinjali ċari fuq tul ta’ żmien li jiggwidaw lill-investituri biex jevitaw assi mhux rekuperabbli u jippromwovu l-finanzjament sostenibbli.
(3)F’Marzu 2018, il-Kummissjoni ppubblikat il-Pjan ta’ Azzjoni tagħha “Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli”, li jistabbilixxi strateġija ambizzjuża u komprensiva dwar il-finanzjament sostenibbli. Wieħed mill-objettivi stabbiliti f’dak il-Pjan ta’ Azzjoni huwa li tingħata direzzjoni ġdida lill-flussi tal-kapital lejn investiment sostenibbli sabiex jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklużiv. Il-valutazzjoni tal-impatt li tirfed l-inizjattivi leġiżlattivi sussegwenti ppubblikati f’Mejju 2018 uriet il-ħtieġa li jiġi ċċarat li jenħtieġ li l-fatturi ta’ sostenibbiltà jitqiesu mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni bħala parti mid-dmirijiet tagħhom lejn id-detenturi tal-polza. Għalhekk, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jivvalutaw mhux biss ir-riskji finanzjarji rilevanti fuq bażi kontinwa, iżda wkoll ir-riskji għas-sostenibbiltà kollha rilevanti kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li, fejn jokkorru, jistgħu jikkawżaw impatt negattiv materjali reali jew potenzjali fuq il-valur tal-investiment jew responsabilità. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 ma jirreferix b’mod espliċitu għar-riskji għas-sostenibbiltà. Għal dik ir-raġuni u biex jiġi żgurat li s-sistema ta’ governanza tiġi implimentata u osservata kif suppost, huwa bżonnjuż li niċċaraw li s-sistema ta’ governanza tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u l-valutazzjoni tas-solvenza kumplessiva ta’ dawk l-impriżi jenħtieġ li jirrifletti r-riskji għas-sostenibbiltà.
(4)L-impriżi tal-assigurazzjoni li jiddivulgaw l-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà skont ir-Regolament (UE) 2019/2088 jenħtieġ li jadattaw ukoll il-proċessi, is-sistemi u l-kontrolli interni tagħhom fir-rigward ta’ dawk id-divulgazzjonijiet.
(5)Minħabba l-ambizzjonijiet tal-Kummissjoni biex tiżgura li r-riskji klimatiċi u ambjentali jiġu mmaniġġjati u integrati fis-sistema finanzjarja u l-importanza ta’ politiki ta’ remunerazzjoni fl-iżgurar li l-persunal tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni effettivament jimmaniġġja r-riskji identifikati mis-sistema ta’ mmaniġġjar tar-riskju, jenħtieġ li l-politiki ta’ remunerazzjoni tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jkun fihom informazzjoni dwar kif dawk il-politiki jqisu l-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà fis-sistema tal-immaniġġjar tar-riskju.
(6)Il-prinċipju tal-“persuna prudenti” stabbilit fl-Artikolu 132 tad-Direttiva 2009/138/KE jesiġi li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jinvestu biss f’assi fejn jistgħu jidentifikaw, ikejlu, jissorveljaw, jimmaniġġjaw, jikkontrollaw u jirrappurtaw kif suppost ir-riskji tagħhom. Sabiex jiġi żgurat li r-riskji klimatiċi u dawk ambjentali jiġu mmaniġġjati b’mod effettiv mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, jenħtieġ li l-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-“persuna prudenti” tqis ir-riskji għas-sostenibbiltà u jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni jirriflettu, fil-proċess ta’ investiment tagħhom, il-preferenzi ta’ sostenibbiltà tal-konsumaturi tagħhom kif jitqiesu fil-proċess ta’ approvazzjoni tal-prodott.
(7)Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/35 jenħtieġ għalhekk li jiġi emendat skont dan.
(8)Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji u l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jingħataw żmien biżżejjed biex jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda li jinsabu f’dan ir-Regolament. Għalhekk l-applikazzjoni tiegħu jenħtieġ li tiġi differita,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2015/35
Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/35 huwa emendat kif ġej:
(1)fl-Artikolu 1, jiddaħħlu l-punti segwenti 55a sa 55e:
“55c.
"riskju għas-sostenibbiltà" tfisser avveniment ambjentali, soċjali jew ta' governanza jew kundizzjoni li, jekk dawn iseħħu, jistgħu jikkawżaw impatt attwali jew potenzjali negattiv fuq il-valur tal-investiment jew fuq il-valur tar-responsabilità;
55d.
“fatturi tas-sostenibbiltà” tfisser fatturi tas-sostenibbiltà kif definiti fl-Artikolu 2, punt (24), tar-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*;
55e. “preferenzi ta’ sostenibbiltà” tfisser l-għażla ta’ konsumatur jew ta’ konsumatur potenzjali, u jekk ikun hekk, sa liema punt jenħtieġ li jiġi integrat xi wieħed mill-istrumenti finanzjarji li ġejjin fl-istrateġija ta’ investiment tiegħu jew tagħha:
(a)
strument finanzjarju li għalih il-konsumatur jew il-konsumatur potenzjali jiddetermina li prporzjon minu għandu jiġi investit f’investimenti ambjentalment sostenibbli kif definit fl-Artikolu 2, punt (1), tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill**;
(b)
strument finanzjarju li għalih il-konsumatur jew il-konsumatur potenzjali jiddetermina li prporzjon minu għandu jiġi investit f’investimenti sostenibbli kif definit fl-Artikolu 2, punt (17), tar-Regolament (UE) 2019/2088;
(c)
strument finanzjarju li jikkunsidra l-impatti negattivi prinċipali fuq il-fatturi ta’ responsabilità fejn l-elementi kwalitattitivi u kwantitattivi li juru dik il-kunsiderazzjoni huma ddeterminati mill-konsumatur jew mill-konsumatur potenzjali;
___________
*
Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ 27 ta' Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).
**
Ir-Regolament (UE) Nru 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088, (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).”;
(2)L-Artikolu 260 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 1, punt (a), punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(i)
azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni biex jivvalutaw u jimmaniġġjaw ir-riskju ta’ telf jew ta’ bidla avversa fil-valuri tal-obbligazzjonijiet tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, li jirriżultaw minn prezzar inadegwat u proviżjonament ta’ suppożizzjonijiet minħabba fatturi interni jew esterni, inklużi riskji għas-sostenibbiltà;”;
(b)fil-paragrafu 1, punt (c), jiżdied il-punt (vi) li ġej:
“(vi)
azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-assigurazzjoni tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni biex jiġi żgurat li r-riskji għas-sostenibbiltà relatati mal-portafoll tal-investiment jiġu identifikati, ivvalutati u ġestiti kif suppost.”;
(c)għandu jiddaħħal il-paragrafu 1 a li ġej:
“1a.
L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jintegraw ir-riskji għas-sostenibbiltà fil-politiki tagħhom imsemmija fil-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1, u fejn rilevanti, il-politiki dwar oqsma oħrajn imsemmija fil-paragrafu 1.”;
(3)L-Artikolu 269 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 1, il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(e)
l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji emerġenti u r-riskji għas-sostenibbiltà.”;
(b)għandu jiddaħħal il-paragrafu 1 a li ġej:
“1a.
Ir-riskji emerġenti u r-riskji għas-sostenibbiltà kif imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (e), u identifikati mill-funzjoni tal-immaniġġjar tar-riskji għandhom jiffurmaw parti mir-riskji msemmija fl-Artikolu 262(1), punt (a).”;
(4)fl-Artikolu 272(6), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(b)
l-effett tal-inflazzjoni, ir-riskju legali, ir-riskji għas-sostenibbiltà, il-bidla fil-kompożizzjoni tal-portafoll tal-impriża, u tas-sistemi li jaġġustaw il-primjums li d-detenturi ta’ polza jħallsu billi jnaqqsuhom jew iżiduhom skont l-imgħoddi tal-pretensjonijiet tagħhom (sistemi ta’ bonus-malus) jew sistemi simili, implimentati fi gruppi ta’ riskju omoġenji speċifiċi;”;
(5)fl-Artikolu 275, għandu jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:
“4.
Il-politika tar-remunerazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar kif tqis l-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà fis-sistema tal-immaniġġjar tar-riskju.”;
(6)fil-Kapitolu IX tat-Titolu I, tiżdied it-Taqsima 6 li ġejja:
“TAQSIMA 6
Investimenti
Artikolu 275 a
Integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà fil-prinċipju tal-“persuna prudenti”
1.
Fl-identifikazzjoni, it-tkejjil, il-monitoraġġ, l-immaniġġjar, il-kontroll, ir-rapportar u l-valutazzjoni tar-riskji li jinħolqu minn investimenti, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 132(2) tad-Direttiva 2009/138/KE, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom iqisu r-riskji għas-sostenibbiltà.
2.
Għall-fini tal-paragrafu 1, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom iqisu l-impatt fit-tul potenzjali tal-istrateġija ta’ investiment tagħhom u d-deċiżjonijiet tagħhom dwar fatturi ta’ sostenibbiltà u, fejn rilevanti, dik l-istrateġija u dawk id-deċiżjonijiet ta’ impriża tal-assikurazzjoni għandhom jirriflettu l-preferenzi ta’ sostenibbiltà tal-konsumaturi tagħhom meqjusa fil-proċess ta’ approvazzjoni tal-prodott kif imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2358***.
___________
***
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2358 tal-21 ta’ Settembru 2017 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ sorveljanza u ta’ governanza tal-prodotti għall-impriżi tal-assigurazzjoni u għad-distributuri tal-assigurazzjoni (ĠU L 341, 20.12.2017, p. 1).”.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika minn [PO – Jekk jogħġobkom daħħlu d-data ta’ 12-il xahar wara l-pubblikazzjoni].
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 21.4.2021
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN