MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT
Din id-Direttiva hija parti minn inizjattiva usa’ tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli. Hija tqiegħed il-pedament għal qafas tal-UE li jqiegħed il-kunsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà fil-qalba tas-sistema finanzjarja insostenn tat-trasformazzjoni tal-ekonomija Ewropea f’sistema aktar ekoloġika, aktar reżiljenti u ċirkolari skont l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.
Wara l-adozzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi tal-2016 dwar il-Klima u tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), il-Kummissjoni ħabbret fil-Pjan ta’ Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli l-intenzjoni li tiċċara l-integrazzjoni tas-sostenibbiltà fl-hekk imsejħa dmirijiet fiduċjarji fil-leġiżlazzjoni settorjali. Il-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew tikkonferma l-ħtieġa ta’ sinjali fit-tul biex jidderieġu l-flussi finanzjarji u tal-kapital lejn investiment ekoloġiku u biex jiġu evitati assi mhux rekuperabbli. Din id-Direttiva Delegata tikkontribwixxi lejn dan l-objettiv speċifiku.
Id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/593 tissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (MiFID II) billi tkompli tispeċifika, fost l-oħrajn, l-obbligi ta’ governanza tal-prodotti. Din id-Direttiva timmodifika d-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/593 b’żewġ modi:
Skont il-qafas MiFID II eżistenti, ditta ta’ investiment li tipproduċi strumenti finanzjarji għall-bejgħ lil klijenti għandha żżomm, topera u tirrieżamina proċess għall-approvazzjoni ta’ kull strument finanzjarju u adattamenti sinifikanti tal-istrumenti finanzjarji eżistenti qabel dawn jiġu kummerċjalizzati jew distribwiti lill-klijenti. Il-proċess ta’ approvazzjoni tal-prodott għandu jispeċifika suq fil-mira identifikat ta’ klijenti aħħarin fil-kategorija rilevanti ta’ klijenti għal kull strument finanzjarju u għandu jiżgura li r-riskji kollha rilevanti għal tali suq fil-mira identifikat jiġu valutati u li l-istrateġija maħsuba għad-distribuzzjoni tkun konsistenti mas-suq fil-mira identifikat. Barra minn hekk, l-Artikolu 24(2) tal-MiFID II jitlob li d-ditti ta’ investiment li jimmanifatturaw strumenti finanzjarji għall-bejgħ lill-klijenti jiżguraw li dawk l-istrumenti finanzjarji jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ suq fil-mira identifikat ta’ klijenti aħħarin fil-kategorija rilevanti ta’ klijenti, li l-istrateġija ta’ distribuzzjoni tal-istrumenti finanzjarji tkun kompatibbli mas-suq fil-mira identifikat, u li d-ditti ta’ investiment jieħdu passi raġonevoli biex jiżguraw li dawk l-istrumenti finanzjarji jiġu distribwiti lis-suq fil-mira li jiġi identifikat. Il-Kapitolu III tad-Direttiva Delegata (UE) 2017/593 jistabbilixxi aktar dettalji dwar is-sorveljanza tal-prodott u l-proċess tal-governanza għall-manifatturi kif ukoll għad-distributuri.
Il-kundizzjonijiet għall-identifikazzjoni tas-suq fil-mira fid-Direttiva Delegata 2017/593, adottati fl-Artikolu 16(12) u fl-Artikolu 24(13) tal-MiFID II, għadhom ma stabbilewx espliċitament id-dettalji tal-integrazzjoni tal-fatturi ta’ sostenibbiltà u tal-objettivi relatati mas-sostenibbiltà tad-ditti ta’ investiment li jipproduċu strumenti finanzjarji u d-distributuri tagħhom. Din id-Direttiva tiċċara li l-fatturi tas-sostenibbiltà u l-objettivi relatati mas-sostenibbiltà jenħtieġ li jitqiesu fis-sorveljanza tal-prodott u fil-proċess tal-governanza.
Din id-Direttiva u atti delegati settorjali oħra li jadattaw regoli dwar id-dmirijiet fiduċjarji u li kienu adottati fl-istess żmien isaħħu wkoll ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament (UE) 2019/2089 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dawn ir-regoli jintegraw il-kunsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà fil-proċessi ta’ investiment, konsulenza u divulgazzjoni b’mod konsistenti fis-setturi kollha. Huma jankraw il-kunsiderazzjonijiet ambjentali, soċjali u ta’ governanza (sostenibbiltà) fil-qalba tas-sistema finanzjarja biex l-ekonomija Ewropea tittrasforma f’sistema aktar ekoloġika, b’emissjonijiet ta’ karbonju baxxi, aktar reżiljenti, effiċjenti fir-riżorsi u ċirkolari.
Dan l-abbozz ta’ Direttiva Delegata hu bbażat fuq l-awtonomizzazzjoni stabbilita fl-Artikolu 16(3) u fl-Artikolu 24(13) tal-MiFID II.
2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT
F’Diċembru 2016 il-Kummissjoni stabbiliet Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar il-Finanzi Sostenibbli (HLEG) biex tiġi stabbilita strateġija tal-Unjoni dwar il-finanzi sostenibbli permezz ta’ rakkomandazzjonijiet. L-HLEG ippubblika r-rapport interim “Financing a Sustainable European Economy” (Il-Finanzjament ta’ Ekonomija Ewropea Sostenibbli) f’nofs Lulju 2017 u ppreżenta r-rapport finali f’avveniment għall-partijiet ikkonċernati fit-18 ta’ Lulju 2017, segwit minn kwestjonarju ta’ konsultazzjoni.
Fil-31 ta’ Jannar 2018, ġiet ippubblikata dikjarazzjoni ta’ rispons flimkien mar-rapport finali tal-HLEG dwar Financing a Sustainable European Economy (Il-Finanzjament ta’ Ekonomija Ewropea Sostenibbli) li tiġbor fil-qosor it-tweġibiet ta’ dawk li wieġbu. Fir-rapport finali tiegħu, l-HLEG jirrakkomanda hekk: “require investment advisers to ask about, and then respond to, retail investors’ preferences about the sustainable impact of their investments, as a routine component of financial advice”. Barra minn hekk ġie rrakkomandat li jiġu diskussi r-regoli tal-governanza applikabbli biex jiġu indirizzati r-riskji fit-tul u għas-sostenibbiltà.
F’Marzu 2018, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju mmirat dwar l-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali, soċjali u ta’ governanza fil-valutazzjoni tal-adegwatezza. Il-konsultazzjoni wriet li hemm minoranza biss ta’ klijenti li b’mod proattiv qajmu kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà matul il-proċess ta’ konsulenza. Uħud mir-raġunijiet għal dan huma: i) l-informazzjoni disponibbli dwar l-istrumenti finanzjarji relatati mas-sostenibbiltà mhijiex trasparenti; ii) ir-riskju tal-“greenwashing” fid-dokumentazzjoni eżistenti huwa għoli; u iii) hemm nuqqas ta’ edukazzjoni dwar l-impatt fuq ir-riskju u l-prestazzjoni. F’każijiet rari biss, il-klijenti jidhru li b’mod sistematiku jkollhom interess fil-fatturi ta’ sostenibbiltà matul il-proċess ta’ konsulenza.
Il-Kummissjoni talbet lill-ESMA biex tagħti parir tekniku dwar l-emendi potenzjali għall-atti delegati li għandhom jiġu adottati fil-qafas tal-MiFID II fir-rigward tal-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà u tal-fatturi ta’ sostenibbiltà fl-oqsma tar-rekwiżiti organizzazzjonali, tal-kundizzjonijiet operattivi, tal-ġestjoni tar-riskju u tal-valutazzjoni tas-suq fil-mira.
Fil-mandat tagħha, il-Kummissjoni enfasizzat li l-bidliet fid-definizzjoni tas-suq fil-mira ma għandhomx iwasslu għal prattiki ta’ bejgħ inadatt, eż. billi jiġu identifikati b’mod ċar l-objettivi tal-investiment u l-limiti tas-sostenibbiltà. Barra minn hekk, il-Kummissjoni affermat mill-ġdid li jenħtieġ li tinżamm il-possibbiltà li jiġi identifikat suq fil-mira għall-klijenti mingħajr objettivi relatati mas-sostenibbiltà.
Fit-30 ta’ April 2019 l-ESMA ppubblikat il-“Final report on integrating sustainability risks and factors in MiFID II”. Il-parir ħa kont tal-fehmiet espressi mill-partijiet ikkonċernati waqt il-konsultazzjoni pubblika li saret bejn id-19 ta’ Diċembru 2018 u d-19 ta’ Frar 2019. Hu jinkludi analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji. Barra minn hekk, fl-4 ta’ Frar 2019 l-ESMA kellha seduta pubblika biex tiġbor feedback addizzjonali. Ġie kkonsultat ukoll il-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq tal-ESMA. Dan ir-rapport jindirizza l-inklużjoni tar-riskji u tal-fatturi tas-sostenibbiltà fir-rekwiżiti organizzazzjonali u fl-istrutturi ta’ governanza u ta’ sorveljanza tal-prodotti tad-ditti tal-investiment. Ir-rakkomandazzjonijiet li fasslet l-ESMA dwar l-istrutturi ta’ governanza u ta’ sorveljanza tal-prodotti, u li kienu soġġetti għal konsultazzjoni pubblika, ġew integrati f’dan l-abbozz ta’ Direttiva Delegata.
B’mod konformi mal-prinċipji tar-regolamentazzjoni aħjar, dan l-abbozz ta’ proposta kien ippubblikat għal konsultazzjoni mit-8 ta’ Ġunju 2020 sas-6 ta’ Lulju 2020. Wara kunsiderazzjoni xierqa tal-feedback ġew introdotti modifiki ulterjuri fit-test.
3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT
Il-bażi ġuridika ta’ din id-Direttiva hija stabbilita fl-Artikolu 16(12) u fl-Artikolu 24(13) tad-Direttiva 2014/65/UE.
Dan l-abbozz ta’ Direttiva Delegata jkopri l-emendi li ġejjin għad-Direttiva Delegata (UE) 2017/593:
L-għan tal-Artikolu 1 huwa li jiċċara li l-manifatturi għandhom debitament jikkunsidraw l-objettivi relatati mas-sostenibbiltà meta jispeċifikaw it-tip(i) ta’ klijent li għall-ħtiġijiet, il-karatteristiċi u l-objettivi tiegħu huwa kompatibbli l-istrument finanzjarju. Barra minn hekk, il-valutazzjoni tas-suq fil-mira li tqis il-profil tar-riskji u l-gwadanji u l-karatteristiċi tal-prodott rispettiv għandha tkopri wkoll l-objettiv ta’ investiment sostenibbli tal-istrument jew il-karatteristiċi ambjentali jew soċjali tiegħu. Fil-kuntest ta’ dan ir-rieżami, il-manifatturi għandhom iqisu wkoll b’mod espliċitu l-objettivi relatati mas-sostenibbiltà tal-klijenti.
Barra minn hekk, il-manifatturi għandhom jiżvelaw il-fatturi tas-sostenibbiltà tal-istrumenti finanzjarji b’mod trasparenti li jippermetti li d-ditti tal-investiment jidħlu fi djalogi ma’ klijenti jew ma’ klijenti potenzjali sabiex ikollhom fehim granulari biżżejjed tal-preferenzi tas-sostenibbiltà individwali tal-klijenti, skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565. L-identifikazzjoni ta’ suq fil-mira negattiv mhux se tkun meħtieġa għall-investimenti sostenibbli.
L-Artikolu 2 japplika dawn ir-rekwiżiti għad-distributuri.
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 3 jistabbilixxi d-data tal-applikazzjoni tad-Direttiva proposta, inkluż il-perjodu tranżizzjonali ta’ 12-il xahar.
DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) .../…
ta’ 21.4.2021
li temenda d-Direttiva Delegata (UE) 2017/593 fir-rigward tal-integrazzjoni tal-fatturi tas-sostenibbiltà fl-obbligi ta’ governanza tal-prodotti
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(12) u l-Artikolu 24(13) tagħha,
Billi:
(1)It-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livelli baxxi ta’ karbonju, effiċjenti fir-riżorsi u ċirkolari skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli hija essenzjali sabiex tiġi żgurata l-kompetittività fit-tul tal-ekonomija tal-Unjoni. Fl-2016, l-Unjoni kkonkludiet il-Ftehim ta’ Pariġi. L-Artikolu 2(1)(c) tal-Ftehim ta’ Pariġi jistabbilixxi l-objettiv li jissaħħaħ ir-rispons għat-tibdil fil-klima, fost affarijiet oħra billi l-flussi ta’ finanzjament isiru konsistenti ma’ perkors lejn emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet b’effett ta’ serra kif ukoll l-iżvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima.
(2)Huwa minħabba r-rikonoxximent ta’ dik l-isfida li f’Diċembru 2019 il-Kummissjoni ppreżentat il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-Patt Ekoloġiku jirrappreżenta strateġija ġdida ta’ tkabbir li għandha l-għan li tittrasforma l-Unjoni f’soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva fejn ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mill-2050 ’il quddiem u fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi. Dak l-objettiv jirrikjedi li l-investituri jingħataw sinjali ċari fir-rigward tal-investimenti tagħhom biex jevitaw assi mhux rekuperabbli u jippromwovu l-finanzjament sostenibbli.
(3)F’Marzu 2018, il-Kummissjoni ppubblikat il-Pjan ta’ Azzjoni tagħha “Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli”, li jistabbilixxi strateġija ambizzjuża u komprensiva dwar il-finanzjament sostenibbli. Wieħed mill-objettivi stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni huwa li tingħata direzzjoni ġdida lill-flussi tal-kapital lejn investimenti sostenibbli sabiex jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklużiv.
(4)L-implimentazzjoni xierqa tal-Pjan ta’ Azzjoni tħeġġeġ id-domanda tal-investituri għal investimenti sostenibbli. Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġi ċċarat li l-fatturi tas-sostenibbiltà u l-objettivi relatati mas-sostenibbiltà jenħtieġ li jitqiesu fir-rekwiżiti ta’ governanza tal-prodotti, stabbiliti fid-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/593.
(5)Jenħtieġ li d-ditti ta’ investiment li jimmanifatturaw u jiddistribwixxu strumenti finanzjarji jqisu l-fatturi ta’ sostenibbiltà fil-proċess tal-approvazzjoni tal-prodott ta’ kull strument finanzjarju u fl-arranġamenti l-oħra ta’ governanza u sorveljanza tal-prodott għal kull strument finanzjarju li huwa maħsub għad-distribuzzjoni lil klijenti li qed ifittxu strumenti finanzjarji bi profil relatat mas-sostenibbiltà.
(6)Billi s-suq fil-mira jenħtieġ li jiġi stabbilit b’mod suffiċjentement preċiż, jenħtieġ li dikjarazzjoni ġenerali li strument finanzjarju għandu profil relatat mas-sostenibbiltà ma tkunx suffiċjenti. Minflok, jenħtieġ li d-ditti tal-investiment li joħolqu u jiddistribwixxu l-istrumenti finanzjarji jispeċifikaw lil liema grupp ta’ klijenti b’objettivi relatati mas-sostenibbiltà suppost jiġi distribwit l-istrument finanzjarju.
(7)Sabiex jiġi żgurat li l-istrumenti finanzjarji b’fatturi tas-sostenibbiltà jibqgħu disponibbli faċilment anke għall-klijenti li ma għandhomx preferenzi tas-sostenibbiltà, jenħtieġ li d-ditti tal-investiment ma jkunux meħtieġa jidentifikaw gruppi ta’ klijenti b’eżiġenzi, karatteristiċi u objettivi li mhumiex kompatibbli mal-istrument finanzjarju b’fatturi tas-sostenibbiltà.
(8)Il-fatturi tas-sostenibbiltà ta’ strument finanzjarju jenħtieġ li jiġu ppreżentati b’mod trasparenti biex id-distributur ikun jista’ jipprovdi l-informazzjoni rilevanti lill-klijenti jew lill-klijenti potenzjali.
(9)Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva Delegata (UE) 2017/593 tiġi emendata skont dan,
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Emendi għad-Direttiva Delegata (UE) 2017/593
Id-Direttiva Delegata (UE) 2017/593 hija emendata kif ġej:
(1)fl-Artikolu 1, għandu jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:
“5.
‘fatturi tas-sostenibbiltà’ tfisser fatturi tas-sostenibbiltà kif definiti fl-Artikolu 2(24) tar-Regolament (UE) 2019/2088*.
_______________________________________________________________
*Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).”;
(2)L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 9, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“9.
L-Istati Membri għandhom jeżiġu li d-ditti tal-investiment jidentifikaw b’mod suffiċjentement preċiż is-suq fil-mira potenzjali għal kull strument finanzjarju u jispeċifikaw it-tip(i) ta’ klijent li mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi tiegħu, inkluż kwalunkwe objettivi relatati mas-sostenibbiltà, huwa kompatibbli l-istrument finanzjarju. Bħala parti minn dan il-proċess, id-ditta għandha tidentifika kwalunkwe grupp(i) ta’ klijent li l-istrument finanzjarju ma jkunx kompatibbli mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi tiegħu, ħlief jekk l-istrumenti finanzjarji jqisu l-fatturi tas-sostenibbiltà. Fejn id-ditti ta’ investiment jikkollaboraw biex jimmanifatturaw strument finanzjarju, ikollu bżonn jiġi identifikat suq fil-mira wieħed biss.”;
(b)il-paragrafu 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“11.
L-Istati Membri għandhom jeżiġu li d-ditti ta’ investiment jiddeterminaw jekk strument finanzjarju jissodisfax il-ħtiġijiet, il-karatteristiċi u l-objettivi identifikati tas-suq fil-mira, inkluż bl-eżaminazzjoni tal-elementi li ġejjin:
(a)il-profil tar-riskji u l-gwadanji tal-istrument finanzjarju huwa konsistenti mas-suq fil-mira;
(b)jekk ikun rilevanti, il-fatturi tas-sostenibbiltà tal-istrument finanzjarju huma konsistenti mas-suq fil-mira;
(c)id-disinn tal-istrument finanzjarju huwa motivat minn karatteristiċi li jibbenefikaw lill-klijent u mhux minn xi mudell ta’ negozju li jiddependi fuq riżultati ħżiena għall-klijenti biex ikun profittabbli.”;
(c)fil-paragrafu 13, jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej:
“Il-fatturi tas-sostenibbiltà tal-istrument finanzjarju għandhom ikunu ppreżentati b’mod trasparenti u jipprovdu lid-distributuri l-informazzjoni rilevanti biex jikkunsidraw kif xieraq kwalunkwe objettiv relatat mas-sostenibbiltà tal-klijent jew tal-klijent potenzjali.”;
(d)il-paragrafu 14 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“14.
L-Istati Membri għandhom jeżiġu li d-ditti ta’ investiment regolarment jirrieżaminaw l-istrumenti finanzjarji li jimmanifatturaw, filwaqt li jqisu kwalunkwe avveniment li jista’ materjalment jaffettwa r-riskju potenzjali għas-suq fil-mira identifikat. Id-ditti tal-investiment għandhom iqisu jekk l-istrument finanzjarju jibqax konsistenti mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi, inkluż ma’ kwalunkwe objettiv relatat mas-sostenibbiltà, tas-suq fil-mira u jekk huwiex distribwit lis-suq fil-mira, jew jekk jilħaqx klijenti li l-istrument finanzjarju ma jkunx kompatibbli mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi tagħhom.”
(3)L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2.
L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti tal-investiment ikollhom arranġamenti adegwati għall-governanza tal-prodott biex jiżguraw li l-prodotti u s-servizzi li biħsiebhom joffru jew jirrakkomandaw ikunu kompatibbli mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi, inkluż ma’ kwalunkwe objettiv relatat mas-sostenibbiltà, ta’ suq fil-mira identifikat u li l-istrateġija maħsuba għad-distribuzzjoni tkun konsistenti mas-suq fil-mira identifikat. Id-ditti ta’ investiment għandhom jidentifikaw u jivvalutaw b’mod xieraq iċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet tal-klijenti li biħsiebhom jiffokaw fuqhom, biex jiġi żgurat li l-interessi tal-klijenti ma jkunux kompromessi b’riżultat ta’ pressjonijiet kummerċjali jew ta’ finanzjament. Bħala parti minn dan il-proċess, id-ditti tal-investiment għandhom jidentifikaw kwalunkwe grupp ta’ klijenti li l-prodott jew is-servizz ma jkunx kompatibbli mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi tiegħu, ħlief jekk l-istrumenti finanzjarji jqisu l-fatturi tas-sostenibbiltà.”;
(b)il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“5.
L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-ditti ta’ investiment jirrieżaminaw il-prodotti ta’ investiment li joffru jew jirrakkomandaw, filwaqt li jqisu kwalunkwe avveniment li jista’ materjalment jaffettwa r-riskju potenzjali għas-suq fil-mira identifikat. Id-ditti għandhom mill-inqas jivvalutaw jekk il-prodott jew is-servizz jibqax konsistenti mal-ħtiġijiet, mal-karatteristiċi u mal-objettivi, inkluż ma’ kwalunkwe objettiv relatat mas-sostenibbiltà, tas-suq fil-mira identifikat u jekk l-istrateġija maħsuba għad-distribuzzjoni tibqax xierqa. Id-ditti għandhom jikkunsidraw mill-ġdid is-suq fil-mira u / jew jaġġornaw l-arranġamenti ta’ governanza tal-prodotti jekk isiru jafu li identifikaw ħażin is-suq fil-mira għal prodott jew servizz speċifiku jew li l-prodott jew is-servizz ma għadux jissodisfa ċ-ċirkostanzi tas-suq fil-mira identifikat, pereżempju jekk il-prodott isir illikwidu jew volatili ħafna minħabba bidliet fis-suq.”.
Artikolu 2
Traspożizzjoni
1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa [ĠU: jekk jogħġobkom daħħlu d-data — eżattament 12-il xahar bi tnaqqis ta’ ġurnata wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-att delegat], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.
Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn [ĠU: jekk jogħġobkom daħħlu d-data ta’ eżattament 15-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-att delegat].
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.
2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, 21.4.2021
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN