MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT
L-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), jipprevedi li d-dħul tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) jikkonsisti f’tariffi mħallsa lill-ESMA fil-każijiet speċifikati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, flimkien ma’ kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, sussidju mill-Unjoni kif ukoll kwalunkwe kontribuzzjoni volontarja mill-Istati Membri jew osservaturi u tariffi miftiehma għall-pubblikazzjonijiet, it-taħriġ, u għal kwalunkwe servizz ieħor ipprovdut mill-ESMA meta jintalab speċifikament minn awtorità kompetenti waħda jew aktar.
L-ESMA hija s-superviżur fl-Unjoni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, li huma l-infrastrutturi responsabbli għall-ġbir u ż-żamma tar-rekords ta’ derivattivi u tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli. Bħala tali, l-ESMA tawtorizza r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u tissorvelja l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti regolatorji rilevanti. Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet iħallsu lill-ESMA tariffa ta’ darba għar-reġistrazzjoni u tariffa għas-superviżjoni annwali.
It-tariffi mħallsa lill-ESMA mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jiġu kkalkulati bl-użu ta’ metodoloġija stabbilita f’żewġ Regolamenti Delegati differenti, wieħed għall-attività tad-derivattivi tagħhom u l-ieħor għall-attività tagħhom ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli. Dawn ir-Regolamenti Delegati ġew adottati mill-Kummissjoni wara l-parir tekniku tal-ESMA u kienu bbażati fuq il-prinċipji fl-Artikolu 72 tar-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew (EMIR), u fl-Artikolu 11 tar-Regolament dwar it-Tranżazzjonijiet ta’ Finanzjament tat-Titoli (SFTR):
–It-tariffi mħallsa jridu jkopru b’mod sħiħ in-nefqa meħtieġa tal-ESMA relatata mar-reġistrazzjoni, ir-rikonoxximent u s-superviżjoni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet; kif ukoll,
–L-ammont ta’ tariffa mitluba lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jkun proporzjonat mal-fatturat tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikkonċernat. Barra minn hekk, fil-każ tal-EMIR, il-koleġiżlatur inkluda fl-emendi introdotti permezz tar-Regolament 2019/834 (EMIR REFIT) li l-ammont tat-tariffa mitluba lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet irid ikopri l-kostijiet amministrattivi raġonevoli kollha mġarrba mill-ESMA b’rabta mar-reġistrazzjoni tiegħu u l-attività superviżorja tal-ESMA.
Mill-1 ta’ Jannar 2021, ix-xenarju tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet tal-UE nbidel b’mod sinifikanti. Tnejn biss mill-erba’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet li kienu bbażati fir-Renju Unit qabel l-1 ta’ Jannar 2021 ittrasferew in-negozju tagħhom lejn l-UE u komplew jipprovdu s-servizzi tagħhom fl-Unjoni. Biex jagħmlu dan, huma ħolqu entitajiet ġodda stabbiliti fl-UE.
Dawn ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ġodda effettivament bdew l-attività tagħhom fl-Unjoni f’Jannar 2021. Sabiex jiġi żgurat li jħallsu tariffa għas-superviżjoni li tkun proporzjonata mal-fatturat reali tagħhom fl-UE għal din is-sena, il-Kummissjoni tipproponi li tinkludi artikolu ġdid f’kull wieħed miż-żewġ regolamenti delegati dwar it-tariffi mħallsa mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet lill-ESMA, jiġifieri r-Regolament Delegat 1003/2013 u r-Regolament Delegat 2019/360. Dan l-artikolu l-ġdid għandu jipprovdi perjodu ta’ referenza speċifiku għall-kalkolu tal-fatturat applikabbli li għandu jintuża fil-kalkolu tat-tariffi annwali mħallsa mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet lill-ESMA fl-2021 biex jirrifletti aħjar il-bidliet li qed jesperjenza x-xenarju tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet tal-UE.
2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT
Aspetti proċedurali
F’Novembru 2020, l-ESMA talbet lill-Kummissjoni timmodifika l-metodoloġija għall-kalkolu tat-tariffi annwali mħallsa mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet lill-ESMA fl-2021. L-ESMA pproponiet li jinbidel il-perjodu ta’ referenza għall-kalkolu tal-fatturat applikabbli tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet mill-2020 għal Jannar għal Ġunju 2021.
Bejn it-22 ta’ Diċembru 2020 u l-11 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni kkonsultat permezz ta’ proċedura bil-miktub lill-Grupp ta’ Esperti tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli (EGESC). L-EGESC huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, tal-Bank Ċentrali Ewropew, tas-Segretarjat tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, u tal-ESMA. Il-membri tal-EGESC qablu b’mod ġenerali mal-approċċ propost u ma tqajmet l-ebda oġġezzjoni kbira, għalkemm xi Stati Membri pproponew ideat alternattivi biex jindirizzaw is-sitwazzjoni. Stat Membru wieħed qajjem tħassib fir-rigward taż-żmien tal-bidla tal-metodoloġija, li għandha tidħol fis-seħħ fl-2021 fl-istess sena li fiha se tapplika. Madankollu, il-konsegwenzi jekk ma jiġux introdotti l-bidliet proposti jiġġustifikaw il-ħtieġa li tinbidel b’mod urġenti l-metodoloġija għall-kalkolu tat-tariffi annwali li għandhom jitħallsu mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet fl-2021.
Barra minn hekk, dan l-Att Delegat ġie ppubblikat għall-feedback pubbliku skont il-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar mid-9 ta’ Frar 2021 sad-9 ta’ Marzu 2021. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda feedback għall-abbozz ta’ Att Delegat propost minnha.
3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT
L-Artikolu 1 jistabbilixxi t-tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 li trid titħallas mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għall-attività tal-EMIR tagħhom.
L-Artikolu 2 jistabbilixxi t-tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 li trid titħallas mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għall-attività tal-SFTR tagħhom.
L-Artikolu 3 jistabbilixxi d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Att.
4.VALUTAZZJONI TAL-IMPATT
L-għan tal-bidliet proposti huwa li jiġu allokati tariffi bejn ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet individwali b’tali mod li jiġi żgurat il-prinċipju tal-proporzjonalità minqux fl-EMIR u l-SFTR filwaqt li l-ESMA tkun tista’ tiżgura l-irkupru tal-kostijiet kollha tagħha relatati mas-superviżjoni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. It-tliet alternattivi li ġejjin tqiesu bħala soluzzjonijiet possibbli:
(1)Li jiżdied il-fatturat applikabbli ġġenerat mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet il-ġodda tal-Unjoni bil-fatturat applikabbli tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ibbażati fir-Renju Unit fi ħdan l-istess gruppi;
(2)Li jinbidel il-perjodu ta’ referenza tal-fatturat applikabbli minn Jannar-Diċembru 2020 għal Jannar-Ġunju 2021;
(3)L-ebda emenda għar-regoli eżistenti biex tibbaża fuq l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Delegat 1003/2013 u l-Artikolu 2(4) tar-Regolament Delegat 2019/360 li jippermettu lill-ESMA testrapola l-fatturat applikabbli għall-valuri kkalkulati għall-għadd ta’ xhur li matulhom ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet opera fis-sena (n-1) għas-sena kollha (n-1), fejn ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ma kienx operattiv għas-sena sħiħa.
L-ewwel għażla tippreżenta sfidi peress li ma tirriflettix sew il-prinċipju tal-proporzjonalità fil-każijiet fejn parti biss jew l-ebda attività tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet tar-Renju Unit ma tiġi ttrasferita lejn l-UE filwaqt li attività oħra tibqa’ fir-Renju Unit. Tabilħaqq, iż-żieda tad-data tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet tal-Unjoni mad-data mis-sussidjarji tar-Renju Unit tagħhom tista’ tammonta għal volumi ogħla mill-attività reali tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet il-ġodda tal-Unjoni. Barra minn hekk, ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jqajmu tħassib dwar l-għoti ta’ informazzjoni lill-ESMA, bħala awtorità superviżorja Ewropea, dwar id-dħul tas-sussidjarji tar-Renju Unit tagħhom li jinsabu f’pajjiż terz mill-1 ta’ Jannar 2021. Mhuwiex ċar ukoll jekk dan l-approċċ ikunx kompletament konsistenti mal-formulazzjoni attwali tad-dispożizzjonijiet. Minħabba dawn il-kwistjonijiet, din l-għażla ma tipprovdix proporzjonalità suffiċjenti u għalhekk ġiet irrifjutata.
It-tielet għażla tippreżenta wkoll sfidi rigward il-prinċipju tal-proporzjonalità. Jekk it-trasferiment tan-negozju mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet tar-Renju Unit lejn repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati ġodda fl-Unjoni seħħ biss fil-1 ta’ Jannar 2021, estrapolazzjoni bbażata fuq il-fatturat (mhux eżistenti jew baxx) tal-2020 ma tipprovdix stima xierqa tal-attività għall-2021. Fix-xenarju deskritt, biex jiġu rkuprati b’mod sħiħ it-tariffi superviżorji tal-ESMA, ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet tal-Unjoni attivi fl-UE qabel l-1 ta’ Jannar 2021 ikollhom jiġu imposti b’mod mhux proporzjonat u jispiċċaw iħallsu kważi t-tariffa għas-superviżjoni annwali totali fl-2021, minkejja li jistgħu ma jikkawżawx it-total tal-kostijiet superviżorji tal-ESMA fl-2021. Fil-prattika, meta jitqies l-abbozz ta’ baġit tal-ESMA għall-2021, li jindika tariffa stmata minn repożitorji tat-tranżazzjonijiet ta’ aktar minn EUR 3.6 miljun, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe emenda għar-Regolamenti Delegati 1003/2013 u 2019/360, iż-żewġ repożitorji tat-tranżazzjonijiet il-ġodda jħallsu tariffa annwali totali ta’ EUR 60 000 kull wieħed (inkluża l-attività tagħhom tad-derivattivi u tat-tranżazzjoni ta’ finanzjament tat-titoli); l-EUR 3.5 miljun li jifdal ikollhom jitħallsu miż-żewġ repożitorji tat-tranżazzjonijiet tal-Unjoni attivi qabel l-1 ta’ Jannar 2021. Inkella, il-baġit stmat tal-ESMA għas-superviżjoni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ikollu jitnaqqas b’mod sinifikanti, li x’aktarx ikollu impatt aktar fit-tul lil hinn mill-2021 u joħloq riskju ta’ superviżjoni inadegwata minħabba nuqqas ta’ riżorsi superviżorji.
Għalhekk, din l-għażla għandha wkoll nuqqasijiet konsiderevoli għax-xenarju deskritt f’termini ta’ proporzjonalità u superviżjoni xierqa tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet.
Fl-aħħar nett, it-tieni għażla ma għandhiex l-istess żvantaġġi bħall-għażliet 1, u 3. Din tintgħażel għar-raġunijiet li ġejjin:
(i) Jiddependi fuq id-data tas-sena attwali li tirrifletti s-sehem reali tas-suq wara l-Brexit;
(ii) Dan jirrifletti d-distribuzzjoni l-ġdida ta’ klijenti wara l-Brexit fejn ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jista’ ma jkollhomx suċċessur fl-UE u l-klijenti tagħhom ikollhom jemigraw lejn repożitorji tat-tranżazzjonijiet oħra tal-Unjoni;
(iii) L-approċċ ta’ dipendenza fuq id-data ta’ Jannar – Ġunju ntużat fir-reġimi tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet skont l-EMIR u l-SFTR meta daħlu fis-seħħ għall-ewwel darba u għalhekk ma kien hemm l-ebda data mis-sena (n-1) biex tibbaża l-istimi fuq (2014 għall-EMIR, 2020 għall-SFTR). Bħala tali, ir-raġunament għal dan l-approċċ għandu preċedent.
5.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI TAL-ATT DELEGAT
Skont l-Artikolu 62 tar-Regolament ESMA, l-Artikolu 72 tal-EMIR u l-Artikolu 11 tal-SFTR, it-tariffi mħallsa lill-ESMA mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet tal-Unjoni huma parti mill-baġit tal-ESMA u għandhom jiġu stabbiliti f’livell li għandu jippermetti lill-ESMA tkopri bis-sħiħ in-nefqa neċessarja tagħha relatata mar-reġistrazzjoni u s-superviżjoni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet.
Madankollu, l-emendi proposti għar-regolamenti delegati 1003/2013 u 2019/360 m’għandux ikollhom l-ebda implikazzjoni baġitarja għall-ESMA u lanqas effett mhux dovut fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Kif spjegat hawn fuq, dawn l-emendi se jippermettu d-distribuzzjoni tat-tariffi fost ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet tal-Unjoni b’mod proporzjonat għall-fatturat tagħhom.
L-emendi proposti mhux se jkollhom impatt fuq is-sussidju mill-Unjoni, imdaħħal fil-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (it-Taqsima tal-Kummissjoni), li l-ESMA tirċievi bħala parti mid-dħul tagħha skont l-Artikolu 62(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta’ 24.3.2021
Regolamenti Delegati emendatorji (UE) Nru 1003/2013 u (UE) 2019/360 fir-rigward tat-tariffi annwali superviżorji imposti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għall-2021
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet, u b’mod partikolari l-Artikolu 72(3) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta’ transazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012, u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,
Billi:
(1)It-tariffi mħallsa lill-ESMA mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jiġu kkalkulati bl-użu ta’ metodoloġija stabbilita fir-Regolamenti Delegati (UE) Nru 1003/2013 u (UE) 2019/360. Il-perjodu ta’ referenza għall-fatturat applikabbli f’dawk ir-Regolamenti Delegati huwa s-sena ta’ qabel is-sena li fiha jitħallas id-dħul.
(2)Fl-1 ta’ Frar 2020, ir-Renju Unit irtira mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. F’konformità mal-perjodu ta’ tranżizzjoni stabbilit fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, id-dritt tal-Unjoni ma baqax japplika għar-Renju Unit u fih mill-31 ta’ Diċembru 2020.
(3)Żewġ repożitorji tat-tranżazzjonijiet stabbiliti fir-Renju Unit ittrasferew parti mis-servizzi u l-attivitajiet tagħhom lill-Unjoni sabiex ikunu jistgħu jkomplu jipprovdu s-servizzi u l-attivitajiet tagħhom lil kontropartijiet stabbiliti fl-Unjoni. Dan biddel b’mod sinifikanti l-għadd ta’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet attivi fl-Unjoni.
(4)Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet il-ġodda tal-Unjoni effettivament bdew l-attività tagħhom fl-Unjoni f’Jannar 2021, u l-livell ta’ attività tagħhom fl-2020 kien kważi ineżistenti. It-tariffa għas-superviżjoni annwali tagħhom għall-2021 għalhekk tkun negliġibbli, għalkemm l-attivitajiet tagħhom x’aktarx li jkunu sinifikanti. Sabiex jiġi żgurat li jħallsu tariffa li tkun proporzjonata mal-fatturat reali tagħhom fl-Unjoni, it-tariffa għas-superviżjoni annwali tagħhom għall-2021 għandha tiġi kkalkulata abbażi tal-fatturat applikabbli tagħhom matul l-ewwel nofs tal-2021.
(5)Sabiex l-ESMA tkun tista’ timponi tariffi fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet fl-2021 b’mod proporzjonat filwaqt li tkopri l-ispejjeż kollha tagħha relatati mas-superviżjoni tagħhom, jeħtieġ li jinbidel il-perjodu ta’ referenza għall-kalkolu tat-tariffi annwali mħallsa mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet lill-ESMA fl-2021. Peress li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet rilevanti huma rreġistrati mal-ESMA skont ir-Regolamenti (UE) Nru 648/2012 u (UE) 2015/2365, l-emendi għal dak il-perjodu ta’ referenza jenħtieġ li jsiru fl-istess ħin.
(6)Ir-Regolamenti Delegati (UE) Nru 1003/2013 u (UE) 2019/360 għandhom għalhekk jiġu emendati skont il-ħtieġa.
(7) Sabiex tiġi ffaċilitata minnufih attività ta’ superviżjoni u infurzar effettiva u effiċjenti, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ b’urġenza,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emenda fir-Regolament Delegat (UE) Nru 1003/2013
L-Artikolu 15 a li ġej għandu jiddaħħal fir-Regolament Delegat (UE) Nru 1003/2013:
‘Artikolu 15a
Tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet reġistrati sal-31 ta’ Diċembru 2020
1.Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet diġà rreġistrati mal-ESMA mill-31 ta’ Diċembru 2020 għandhom jiġu imposti tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 ikkalkulata skont l-Artikolu 7. Madankollu, għall-finijiet tal-Artikolu 7(2)(c) il-fatturat applikabbli tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandu jiġi kkalkulat skont il-paragrafu 2.
2.Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-fatturat applikabbli ta’ repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jkun is-somma ta’ terz ta’ kull wieħed minn dawn li ġejjin:
(a)id-dħul iġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin tal-ġbir u ż-żamma b’mod ċentrali tar-rekords tad-derivati tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2021, diviż bid-dħul totali ġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin tal-ġbir u ż-żamma b’mod ċentrali tar-rekords tad-derivati tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati kollha matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2021;
(b)l-għadd ta’ tranżazzjonijiet irrappurtati lir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2021, diviż bl-għadd totali ta’ tranżazzjonijiet irrappurtati lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet reġistrati kollha matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sat-30 ta’ Ġunju 2021;
(c)l-għadd ta’ tranżazzjonijiet pendenti rreġistrati fit-30 ta’ Ġunju 2021, diviż bl-għadd totali ta’ tranżazzjonijiet pendenti irreġistrati fit-30 ta’ Ġunju 2021 fir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati kollha.
3.L-ammont tat-tariffa għas-superviżjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1 għandu jitnaqqas bi kwalunkwe ammont diġà mħallas mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet skont l-Artikolu 11(1) qabel [UP jekk jogħġbok daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].
Meta l-ammont diġà mħallas minn repożitorju tat-tranżazzjonijiet skont l-Artikolu 11(1) qabel [UP daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] ikun ogħla mit-tariffa għas-superviżjoni annwali kkalkulata f’konformità mal-paragrafu 1, l-ESMA għandha tirrimborża d-differenza lir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet.
4.B’deroga mill-Artikolu 11(1), it-tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun dovuta fl-31 ta’ Ottubru 2021.
5.L-ESMA għandha tibgħat il-fattura għat-tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kif imsemmija fil-paragrafu 1 mill-inqas 30 jum qabel id-data tal-ħlas.
6.Meta l-kontijiet awditjati għall-2021 isiru disponibbli, ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jirrapportaw lill-ESMA l-indikaturi msemmija fl-Artikolu 3(1) għall-2021.
Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom jintalbu jħallsu kwalunkwe differenza bejn it-tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 effettivament imħallsa u t-tariffa għas-superviżjoni annwali li kienet tkun dovuta għall-2021 li kieku l-kalkolu tal-fatturat applikabbli kien ibbażat fuq l-indikaturi rrapportati skont l-ewwel subparagrafu.
L-ESMA għandha tibgħat il-fattura għal kull pagament addizzjonali skont itieni subparagrafu mill-anqas 30 jum qabel id-data tal-ħlas rispettiva.’
Artikolu 2
Emenda fir-Regolament Delegat (UE) Nru 2019/360
L-Artikolu 15a li ġej jiddaħħal fir-Regolament Delegat (UE) 2019/360:
‘Artikolu 15a
Tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet reġistrati sal-31 ta’ Diċembru 2020
1.Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet diġà rreġistrati mal-ESMA mill-31 ta’ Diċembru 2020 għandhom jiġu imposti tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 ikkalkulata skont l-Artikolu 6. Madankollu, għall-finijiet tal-Artikolu 6(2)(b) il-fatturat applikabbli tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandu jiġi kkalkulat skont il-paragrafu 2.
2.Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-fatturat applikabbli tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jkun is-somma ta’:
–id-dħul iġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin ta' ġbir u ta' żamma f'post ċentrali ta' rekords ta' SFTs matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2021 sat-30 ta' Ġunju 2021 u
–id-dħul applikabbli mis-servizzi anċillari tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet skont il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 2 matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2021 sat-30 ta' Ġunju 2021
diviż bis-somma ta':
–id-dħul totali ġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin ta' ġbir u ta' żamma f'post ċentrali ta' rekords ta' SFTs matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2021 sat-30 ta' Ġunju 2021 tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kollha reġistrati u
–id-dħul applikabbli mis-servizzi anċillari tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kollha skont il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 2 matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2021 sat-30 ta' Ġunju 2021.
3.L-ammont tat-tariffa għas-superviżjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1 għandu jitnaqqas bi kwalunkwe ammont diġà mħallas mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet skont l-Artikolu 10(1) qabel [UP jekk jogħġbok daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].
Meta l-ammont diġà mħallas minn repożitorju tat-tranżazzjonijiet skont l-Artikolu 10(1) qabel [UP daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] ikun ogħla mit-tariffa għas-superviżjoni annwali kkalkulata f’konformità mal-paragrafu 1, l-ESMA għandha tirrimborża d-differenza lir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet.
4. B’deroga mill-Artikolu 10(1), it-tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun dovuta fl-31 ta’ Ottubru 2021.
5.L-ESMA għandha tibgħat il-fattura għat-tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kif imsemmija fil-paragrafu 1 mill-inqas 30 jum qabel id-data tal-ħlas.
6.Meta l-kontijiet awditjati għall-2021 isiru disponibbli, ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jirrapportaw lill-ESMA l-indikaturi msemmija fl-Artikolu 2(3) għall-2021.
Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom jintalbu jħallsu kwalunkwe differenza bejn it-tariffa għas-superviżjoni annwali għall-2021 effettivament imħallsa u t-tariffa għas-superviżjoni annwali li kienet tkun dovuta għall-2021 li kieku l-kalkolu tal-fatturat applikabbli kien ibbażat fuq l-indikaturi rrapportati skont l-ewwel subparagrafu.
L-ESMA għandha tibgħat il-fattura għal kull pagament addizzjonali skont itieni subparagrafu mill-anqas 30 jum qabel id-data tal-ħlas rispettiva.’
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 24.3.2021
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN