MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT

Wara l-adozzjoni tar-regolament organiku l-ġdid, li se jibda japplika fl-1 ta’ Jannar 2022, jeħtieġ li jiġi adottat regolament delegat li jemenda r-Regolament (UE) 2018/848 sabiex jiżdiedu aktar dispożizzjonijiet dwar il-gruppi ta’ operaturi. Is-settur organiku jeħtieġ li jkollu ċertezza tad-dritt dwar ir-regoli li se japplikaw għal-grupp ta’ operaturi u l-Istati Membri tal-UE jeħtieġ ikollhom biżżejjed żmien biex jintegraw dawn ir-regoli fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT

L-att ġie diskuss bir-reqqa mal-Istati Membri fil-Grupp ta’ Esperti dwar il-Produzzjoni Organika kif ukoll mal-organizzazzjonijiet ewlenin li jirrappreżentaw is-settur organiku, jiġifieri l-IFOAM, il-COPA-COGECA u l-EOCC. Waqt l-abbozzar ta’ dawn ir-regoli, id-DĠ AGRI kkoopera mill-qrib ma’ Direttorati Ġenerali oħra fil-qasam tal-għarfien espert speċifiku tagħhom. Is-sħab tad-WTO ġew notifikati u twettqu konsultazzjonijiet pubbliċi ġenerali.

3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT

Dan l-att delegat jistabbilixxi regoli addizzjonali dwar il-gruppi ta’ operaturi.

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta’ 20.1.2021

li jemenda r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti għall-gruppi ta’ operaturi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 36(3) tiegħu,

Billi:

(1)L-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2018/848 jistabbilixxi ċerti rekwiżiti għal gruppi ta’ operaturi. Fl-interess tal-interpretazzjoni armonizzata tal-prossimità ġeografika tal-membri ta’ grupp ta’ operaturi, jenħtieġ li jiġi ddikjarat b’mod espliċitu li l-attivitajiet tal-membri jeħtieġ isiru fl-istess pajjiż.

(2)Għall-fini tal-istabbiliment tar-rekwiżiti minimi rigward it-twaqqif u l-funzjonament tas-sistema għall-kontrolli interni (ICS), jenħtieġ li jiġu definiti l-aspetti li ġejjin: ir-reġistrazzjoni tal-membri, l-ispezzjonijiet interni, l-approvazzjoni ta’ membri ġodda jew ta’ unitajiet ta’ produzzjoni ġodda jew ta’ attivitajiet ġodda tal-membri eżistenti, it-taħriġ tal-ispetturi tal-ICS, il-miżuri f’każijiet ta’ nonkonformità u t-traċċabilità interna.

(3)F’dak il-kuntest, jenħtieġ li jiżdied ir-rekwiżit li jinħatar maniġer tal-ICS u spettur wieħed jew aktar tal-ICS sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-ICS mill-persunal kompetenti.

(4)Barra minn hekk, sabiex jiġi previst qafas ta’ valutazzjoni armonizzat għall-ICS, jixraq li tiġi inkluża lista ta’ sitwazzjonijiet li jeħtieġ jitqiesu bħala nuqqas.

(5)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2018/848 jiġi emendat skont dan.

(6)Fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza tad-dritt, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi tar-Regolament (UE) 2018/848

L-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2018/848 huwa emendat kif ġej:

1. Il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a) il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e) ikun magħmul biss minn membri li l-attivitajiet ta’ produzzjoni jew l-attivitajiet addizzjonali possibbli tagħhom imsemmija fil-punt (a) isiru fil-prossimità ġeografika ta’ xulxin fl-istess Stat Membru jew fl-istess pajjiż terz”;

(b) fil-punt (g), jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Is-sistema  għall-kontrolli interni (ICS) għandu jkollha proċeduri dokumentati dwar:

(i)ir-reġistrazzjoni tal-membri tal-grupp;

(ii)l-ispezzjonijiet interni, li jinkludu l-ispezzjonijiet fiżiċi interni annwali fuq il-post ta’ kull membru tal-grupp, u kull spezzjoni interna addizzjonali bbażata fuq ir-riskju, fi kwalunkwe każ skedata mill-maniġer tal-ICS u mwettqa mill-ispetturi tal-ICS, li r-rwoli tagħhom huma definiti fil-punt (h);

(iii)l-approvazzjoni ta’ membri ġodda fi grupp eżistenti jew, fejn xieraq, l-approvazzjoni ta’ unitajiet tal-produzzjoni ġodda jew attivitajiet ġodda tal-membri eżistenti mal-approvazzjoni mill-maniġer tal-ICS abbażi tar-rapport ta’ spezzjoni interna;

(iv)it-taħriġ tal-ispetturi tal-ICS, li jeħtieġ isir mill-inqas darba fis-sena u li jeħtieġ jiġi akkumpanjat minn valutazzjoni tal-għarfien miksub mill-parteċipanti;

(v) it-taħriġ tal-membri tal-grupp dwar il-proċeduri tal-ICS u r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament;

(vi) il-kontroll tad-dokumenti u tar-rekords;

(vii)il-miżuri f’każijiet ta’ nonkonformità individwati waqt l-ispezzjonijiet interni, inkluż is-segwitu tagħhom;

(viii)it-traċċabilità interna, li turi l-oriġini tal-prodotti kkonsenjati fis-sistema ta’ kummerċjalizzazzjoni konġunta tal-grupp u li tippermetti t-traċċar tal-prodotti kollha tal-membri kollha matul l-istadji kollha, bħall-produzzjoni, l-ipproċessar, il-preparazzjoni jew it-tqegħid fis-suq, inkluż l-istima u l-kontroverifika tar-rendimenti ta’ kull membru tal-grupp.”;

(c) jiżdied il-punt (h) li ġej:

“(h) jaħtar maniġer tal-ICS u spettur wieħed tal-ICS jew aktar li jistgħu jkunu membri tal-grupp. Il-pożizzjonijiet tagħhom ma għandhomx ikunu kkombinati. L-għadd ta’ spetturi tal-ICS għandu jkun adegwat u proporzjonat b’mod partikolari mat-tip, mal-istruttura mad-daqs, mal-prodotti, mal-attivitajiet u mal-produzzjoni tal-produzzjoni organika tal-grupp. L-ispetturi tal-ICS għandhom ikunu kompetenti fir-rigward tal-prodotti u tal-attivitajiet tal-grupp.

Il-maniġer tal-ICS għandu:

(i)jivverifika l-eliġibilità ta’ kull membru tal-grupp rigward il-kriterji stabbiliti fil-punti (a), (b) u (e);

(ii)jiżgura li hemm ftehim ta’ sħubija bil-miktub u ffirmat, bejn kull wieħed mill-membri u l-entità ġuridika li tirrappreżenta l-grupp, li permezz tiegħu l-membri jimpenjaw ruħhom li:

jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament;

jipparteċipaw fl-ICS u jikkonformaw mal-proċeduri tal-ICS, inkluż il-kompiti u r-responsabbiltajiet assenjati lilhom mill-maniġer tal-ICS u l-obbligu għaż-żamma tar-rekords;

jippermettu aċċess għall-unitajiet u għall-postijiet tal-produzzjoni, u jkunu preżenti waqt l-ispezzjonijiet interni mwettqa mill-ispetturi tal-ICS u l-kontrolli uffiċjali mwettqa mill-awtorità kompetenti jew, meta xieraq, mill-awtorità ta’ kontroll jew mill-korp ta’ kontroll, iqiegħdu d-dokumenti u r-rekords kollha għad-dispożizzjoni tagħhom u jikkontrofirmaw ir-rapporti ta’ spezzjoni;

jaċċettaw u jimplimentaw il-miżuri f’każijiet ta’ nonkonformità skont id-deċiżjoni tal-maniġer tal-ICS jew tal-awtorità kompetenti jew, meta xieraq, tal-awtorità ta’ kontroll jew tal-korp ta’ kontroll, fiż-żmien speċifikat;

jinformaw minnufih lill-maniġer tal-ICS dwar nonkonformità suspettata;

(iii)jiżviluppa l-proċeduri tal-ICS u d-dokumenti u r-rekords rilevanti, iżommhom aġġornati u jqiegħdhom faċilment għad-dispożizzjoni tal-ispetturi tal-ICS, u meta xieraq, tal-membri tal-grupp;

(iv)ifassal il-lista tal-membri tal-grupp u jżommha aġġornata;

(v)jassenja kompiti u responsabilitajiet lill-ispetturi tal-ICS;

(vi)ikun il-punt ta’ kollegament bejn il-membri tal-grupp u l-awtorità kompetenti jew, meta xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll, inkluż għar-rikjesti ta’ derogi;

(vii)kull sena jivverifika d-dikjarazzjonijiet dwar il-kunflitt ta’ interess tal-ispetturi tal-ICS;

(viii)jiskeda spezzjonijiet interni u jiżgura l-implimentazzjoni xierqa tagħhom f’konformità mal-iskeda tal-maniġer tal-ICS imsemmija fil-punt (ii) tat-tieni paragrafu tal-punt (g);

(ix)jiżgura t-taħriġ adegwat għall-ispetturi tal-ICS u jwettaq valutazzjoni annwali tal-kompetenzi u l-kwalifiki tal-ispetturi tal-ICS;

(x)japprova membri ġodda jew unitajiet ta’ produzzjoni ġodda jew attivitajiet ġodda tal-membri eżistenti;

(xi)jiddeċiedi dwar il-miżuri f’każ ta’ nonkonformità skont il-miżuri tal-ICS stabbiliti bil-proċeduri dokumentati f’konformità mal-punt g u jiżgura s-segwitu ta’ dawk il-miżuri;

(xii) jiddeċiedi li jissottokuntratta l-attivitajiet, inkluż l-issottokuntrattar tal-kompiti tal-ispetturi tal-ICS, u jiffirma l-ftehimiet jew il-kuntratti rilevanti.

L-ispettur tal-ICS għandu:

(i)jwettaq l-ispezzjonijiet interni tal-membri tal-grupp skont l-iskeda u l-proċeduri pprovduti mill-maniġer tal-ICS;

(ii)jabbozza r-rapporti ta’ spezzjoni interna skont mudell u jippreżentahom fi żmien raġonevoli lill-maniġer tal-ICS;

(iii)jippreżenta dikjarazzjoni bil-miktub u ffirmata dwar il-kunflitt ta’ interess hekk kif jinħatar, u jaġġornaha kull sena;

(iv)jipparteċipa fit-taħriġ.”.

2. Fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Mill-inqas is-sitwazzjonijiet li ġejjin għandhom jitqiesu bħala nuqqasijiet fl-ICS:

(a)il-produzzjoni, l-ipproċessar, il-preparazzjoni jew it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti minn membri jew unitajiet ta’ produzzjoni sospiżi/irtirati;

(b)it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li għalihom il-maniġer tal-ICS ipprojbixxa l-użu tar-referenza għall-produzzjoni organika fit-tikkettar jew fir-reklamar tagħhom;

(c)iż-żieda ta’ membri ġodda fil-lista tal-membri jew it-tibdil tal-attivitajiet ta’ membri eżistenti mingħajr ma tiġi segwita l-proċedura ta’ approvazzjoni interna;

(d)in-nuqqas ta’ twettiq ta’ spezzjoni fiżika annwali fuq il-post ta’ membru tal-grupp f’sena partikolari;

(e)in-nuqqas li jiġu indikati l-membri li ġew sospiżi jew irtirati fil-lista tal-membri;

(f)id-devjazzjonijiet serji fis-sejbiet bejn l-ispezzjonijiet interni mwettqa mill-ispetturi tal-ICS u l-kontrolli uffiċjali mwettqa mill-awtorità kompetenti jew, meta xieraq, mill-awtorità ta’ kontroll jew mill-korp ta’ kontroll;

(g)in-nuqqasijiet serji fl-impożizzjoni ta’ miżuri xierqa jew fit-twettiq tas-segwitu meħtieġ b’reazzjoni għan-nonkonformità identifikata mill-ispetturi tal-ICS jew mill-awtorità kompetenti jew, meta xieraq, mill-awtorità ta’ kontroll tal-korp ta’ kontroll;

(h)l-għadd inadegwat ta’ spetturi tal-ICS jew il-kompiti inadegwati tal-ispetturi tal-ICS għat-tip, l-istruttura, id-daqs, il-prodotti, l-attivitajiet u l-produzzjoni tal-produzzjoni organika tal-grupp.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 20.1.2021

   Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Ursula VON DER LEYEN

(1)    ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1.