REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta’ 18.11.2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 rigward ċerti regoli dwar l-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

Billi:

(1)Sabiex tiġi żgurata, għall-għan li jingħata l-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat, implimentazzjoni uniformi tal-kriterju stabbilit fl-Artikolu 39(a) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 (“il-Kodiċi”) dwar in-nuqqas ta’ kwalunkwe ksur serju jew ripetut tal-leġiżlazzjoni doganali u r-regoli tat-tassazzjoni, inkluż ebda rekord ta’ reati kriminali serji marbuta mal-attività ekonomika tal-applikant, jeħtieġ li jiġu ċċarati ċerti dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 2 . L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi ċċarat li, fir-rigward ta’ ksur, il-kriterju jkun issodisfat meta l-ebda awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja ma tkun ħadet deċiżjoni li tikkonkludi li wieħed mill-persuni deskritti fil-punt (b) tal-Artikolu 24(1) ikun wettaq tali ksur fl-aħħar tliet snin. Il-fatti li jwasslu għall-ksur iridu jkunu seħħew fit-tliet snin ta’ qabel, minkejja li l-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja tista’ f’xi każijiet tikkonkludi dwar dawk il-fatti wara li jkunu għaddew dawk it-tliet snin. It-tieni, jeħtieġ li jiġi ċċarat li l-ksur serju jew ripetut rilevanti tal-leġiżlazzjoni doganali u r-regoli tat-tassazzjoni huwa dak relatat mal-attività ekonomika tal-persuni deskritti fil-punt (b) ta’ dak l-Artikolu. It-tielet, jeħtieġ li jiġi ċċarat liema persuni minbarra l-applikant iridu, skont l-istruttura organizzazzjonali tal-applikant, jiġu vvalutati fir-rigward tal-kriterju.

(2)Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 jiġi emendat skont dan.

(3)Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447

L-Artikolu 24 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 huwa emendat kif ġej:

(1)Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li gej:

“1. Il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 39(a) tal-Kodiċi għandu jitqies li jkun issodisfat jekk,

ma tkun ittieħdet ebda deċiżjoni minn awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja li tikkonkludi li tul l-aħħar tliet snin wieħed mill-persuni deskritti fil-punt (b) wettaq ksur serju jew ripetut tal-leġiżlazzjoni doganali jew tar-regoli tat-tassazzjoni fir-rigward tal-attività ekonomika tiegħu/tagħha; kif ukoll

(b) l-ebda waħda mill-persuni elenkati hawn taħt ma għandha kondotta ta’ reat kriminali serju fir-rigward tal-attività ekonomika tagħha, inkluża l-attività ekonomika tal-applikant fejn japplika:

(i) l-applikant,

(ii) l-impjegat(i) responsabbli mill-kwistjonijiet doganali tal-applikant, u

(iii) il-persuna/i responsabbli għall-applikant jew li teżerċita/jeżerċitaw kontroll fuq il-ġestjoni tiegħu.”;

(2)Il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li gej:

“3. Meta l-persuna msemmija fil-paragrafu1(b) (iii), għajr l-applikant, tkun stabbilita jew ikollha r-residenza tagħha f’pajjiż terz, sabiex tieħu d-deċiżjoni, l-awtorità doganali kompetenti għandha tivvaluta l-osservanza tal-kriterju msemmi fl-Artikolu 39(a) tal-Kodiċi abbażi tar-rekords u l-informazzjoni li jkollha.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 18.11.2020

   Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Ursula VON DER LEYEN

(1)    ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
(2)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).