MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT

Wieħed mill-objettivi ewlenin tar-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), introdotta bir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 1 (ir-“Regolament Bażiku”), huwa li jiġi żgurat li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu sostenibbli mil-lat ambjentali fit-tul, u li jkunu ġestiti b’mod konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjieg, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Fl-istess ħin dan ir-Regolament jiddefinixxi l-qafas ġenerali għall-kooperazzjoni reġjonali dwar miżuri ta’ konservazzjoni.

Ir-Regolament (UE) 2019/1241 2 , li jistabbilixxi miżuri reġjonali tekniċi għall-Baħar tat-Tramuntana fl-Anness V, daħal fis-seħħ biss fl-14 ta’ Awwissu 2019, u ma jipprevedix miżuri tranżizzjonali fir-rigward tal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ atti delegati li jemendaw dawn il-miżuri tekniċi reġjonali. Ir-rakkomandazzjoni konġunta ġiet sottomessa mill-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, in-Netherlands, l-Iżvezja u r-Renju Unit u vvalutata mill-STECF qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2019/1241 u għalhekk ma tagħmilx referenza għar-Regolament (UE) 2019/1241. Madankollu, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tqis li, abbażi tal-informazzjoni disponibbli f’dan l-istadju fir-rakkomandazzjoni konġunta u fil-valutazzjoni tal-STECF, ma jidher ebda element li jindika li l-miżuri tekniċi proposti ma jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti għall-miżuri tekniċi tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2019/1241.

Ir-Regolament (UE) 2018/973 3 jistabbilixxi pjan pluriennali bħal dan għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet. L-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2018/973 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament fir-rigward tal-miżuri tekniċi skont l-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament. Miżuri tekniċi bħal dawn jistgħu jinkludu speċifikazzjonijiet tal-karatteristiċi tal-irkapti tas-sajd u regoli li jirregolaw l-użu tiegħu, kif ukoll limitazzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq l-użu ta’ ċerti rkapti tas-sajd u fuq attivitajiet tas-sajd, f’ċerti żoni jew perjodi.

Meta l-Kummissjoni tkun ingħatat setgħat biex tadotta miżuri permezz ta’ atti delegati, l-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku jipprevedi li l-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett jistgħu jissottomettu rakkomandazzjonijiet konġunti (RK) sabiex jiksbu l-objettivi tal-miżuri ta’ konservazzjoni rilevanti tal-Unjoni, il-pjanijiet pluriennali jew il-pjanijiet speċifiċi għall-iskartar tal-ħut. Meta jaqblu fuq RK l-Istati Membri jistgħu jipproponu lill-Kummissjoni biex tiġi tradotta f’att delegat.

F’dan l-isfond, il-Grupp ta’ Scheveningen adotta r-RK li ġejja bil-għan li jiġu implimentati miżuri li jikkostitwixxu l-eżitu tal-konsultazzjonijiet irreġistrati fil-minuti miftiehma mil-laqgħa man-Norveġja fl-2018 4 . Dawn il-miżuri jirriżultaw mill-ħidma fil-grupp ta’ ħidma UE-Norveġja dwar miżuri tekniċi fl-Iskagerrak u kienu diskussi fil-konsultazzjonijiet formali bejn l-UE u n-Norveġja fil-5 u s-6 ta’ Settembru 2018 f’Göteborg, fl-Iżvezja, u f’konformità mal-Artikoli 3 u 4 tal-Ftehim UE-Norveġja dwar l-aċċess reċiproku għas-sajd fl-Iskagerrak 5 . Din ir-RK tinkludi wkoll proposti ta’ emendi għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 724/2010  tat-12 ta’ Awwissu 2010 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ għeluq f’ħin reali ta’ ċertu sajd fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-Iskagerrak 6 .

Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku, id-Diretturi tas-Sajd tal-Istati Membri tal-Baħar tat-Tramuntana li ilhom jikkooperaw fil-Grupp ta’ Scheveningen sa mill-2004 stabbilew Grupp ta’ Livell Għoli (HLG) f’Diċembru 2013 u qablu dwar Memorandum ta’ Ftehim li jistabbilixxi l-prinċipji u l-metodi ta’ ħidma tal-Grupp. Il-Membri tal-Grupp huma l-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, in-Netherlands, l-Iżvezja u r-Renju Unit. Il-grupp huwa ppresedut minn president annwali, bid-Danimarka li qed tippresjedi mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2019. L-HLG huwa assistit minn grupp tekniku għall-iżvilupp tar-rakkomandazzjonijiet konġunti

2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Grupp ta’ Scheveningen huwa konxju mill-importanza ta’ input siewi mill-partijiet ikkonċernati fil-proċess tat-tfassil tar-rakkomandazzjonijiet konġunti, fid-dawl tal-Artikolu 18(2) tar-Regolament Bażiku.

Kien hemm involviment regolari u dettaljat mal-partijiet ikkonċernati matul il-ħidma tal-grupp ta’ ħidma UE-Norveġja u l-konsultazzjonijiet UE-Norveġja dwar miżuri tekniċi fl-Iskaggerak li wasslu għal din ir-RK. B’mod partikolari, il-grupp ta’ ħidma kellu diskussjonijiet wiesgħa mal-membri tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Iskagerrak u l-Kattegat tal-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar tat-Tramuntana (NSAC) u mal membri tal-industrija Norveġiża affettwati minn din ir-RK, b’mod partikolari matul il-konsultazzjonijiet UE-Norveġja fil-25 ta’ April 2018 fi Skagen, fid-Danimarka u fis-26 ta’ Mejju 2018 f’Göteborg, fl-Iżvezja. Barra dan, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri attendew laqgħat mal-grupp ta’ ħidma dwar l-Iskagerrak u l-Kattegat tal-NSAC.

Fl-10 ta’ Lulju 2018 il-grupp ta’ ħidma UE-Norveġja bagħat abbozz tar-rapport tiegħu lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi (OP) tas-sajd għal konsultazzjoni (għall-Iżvezja: Sveriges Fiskares Producentorganisation, Havs- och Kustfiskarnas Producentorganisation, Swedish Pelagic Federation; għad-Danimarka: Danmarks Fiskeriforening Producent Organisation). Il-kummenti miktubin mill-OP ikkonċernati għal dan l-abbozz ta’ rapport kienu mehmużin mar-rapport finalizzat qabel il-konsultazzjonijiet UE-Norveġja f’Settembru 2018.

Rakkomandazzjonijiet konġunti

F’konformità mal-proċedura deskritta fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, ir-RK hija r-riżultat ta’ diskussjonijiet bejn l-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett.

Ir-rakkomandazzjoni konġunta fiha żewġ elementi ewlenin.

1.L-ispeċifikazzjoni tal-għeluq f’ħin reali għall-protezzjoni tal-frieħ tal-gamblu tat-Tramuntana (Pandalus borealis). Ir-RK tinkludi l-eżenzjoni tax-xbieki tat-tkarkir għall-gambli mgħammra b’apparati speċifiċi biex inaqqsu l-qabdiet mhux mixtieqa tal-frieħ. Dawn l-elementi huma f’konformità ma’ dawk indikati fir-rekord maqbul mill-konsultazzjonijiet UE-Norveġja li saru fil-5 u s-6 ta’ Settembru 2018.

2.L-estensjoni ta’ din il-lista ta’ rkapti eżentati għal dawk speċifikati fl-għeluq f’ħin reali eżistenti għall-protezzjoni tal-frieħ ta’ speċijiet ta’ ħut fil-Baħar tat-Tramuntanta u fl-Iskagerrak. Ir-RK tipproponi l-inklużjoni tax-xibka tat-tkarkir għall-gambli kif speċifikat fil-punt 1 hawn fuq u li teskludi xbieki tat-tkarkir użati għas-sajd biex jimmiraw għan-Nephrops sakemm dawn ma jkunux mgħammra bi gradilja Nordmøre.

Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF)

L-elementi ewlenin tar-RK sottomessa lill-Kummissjoni fis-7 ta’ Marzu 2019 kienu evalwati mill-Plenarja tal-STECF li saret bejn l-1 u l-5 ta’ Lulju 2019 fuq il-bażi ta’ valutazzjoni inizjali 7 fuq bażi ad hoc.

Rigward l-elementi speċifiċi, l-STECF ikkonkluda li:

Is-sistema ta’ għeluq f’ħin reali (RTC) proposta għandha benefiċċji ta’ konservazzoni pożittivi potenzjali f’konformità mal-objettiv tar-Regolament (UE) 2018/973. Għalhekk, jidher li huwa xieraq li din tiġi introdotta fl-Iskagerrak skont l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fir-RK kif sottomessa mill-Grupp ta’ Scheveningen. L-effikaċja tas-sistema ta’ RTC jenħtieġ li tkun soġġetta għal monitoraġġ bir-reqqa u evalwata skont il-mekkaniżmu ta’ valutazzjoni stabbilit fir-RK. Jenħtieġ li jiġi inkorporat fis-sistema programm ta’ monitoraġġ speċifiku tal-gradilja kkumbinata li jiżgura li din iżżomm b’mod konsistenti l-qabdiet tal-Pandalus żgħir taħt il-livell ta’ attivazzjoni.

Ir-Regolament (KE) Nru 724/2010 jista’ jiġi emendat biex jinkludi l-irkapti mgħammra b’tagħmir ta’ selettività fil-lista ta’ rkapti eżentati mill-għeluq f’ħin reali fuq il-bażi li dawn huma biżżejjed biex iżommu l-qabdiet inċidentali tal-ħut taħt il-livelli ta’ attivazzjoni speċifikati f’dak ir-regolament. Madankollu, fil-każ ta’ xbieki tat-tkarkir għas-sajd tan-Nephrops mgħammra bi gradilja selettiva Nordmøre, l-effiċjenza tagħhom tiddependi fuq l-istruttura tat-tul sottostanti tal-ispeċijiet maqbuda b’mod inċidentali. Għalhekk huwa xieraq li jiġi inkorporat programm ta’ monitoraġġ dedikat għal irkapti bħal dawn biex jiġi żgurat li l-livelli limitu ma jintlaħqux. Barra dan, ir-rikonoxximent tal-istat serju tal-bakkaljaw tal-Baħar tat-Tramuntana u l-effikaċja ppruvata tal-gradilji Nordmøre biex inaqqsu l-qabdiet inċidentali tal-bakkaljaw għal inqas minn 1% tal-qabdiet totali meta użati fis-sajd tan-Nephrops , huwa xieraq li jiġi promoss l-użu ta’ rkapti bħal dawn u li l-Istati Membri jitħallew jiġbru data dwar l-effikaċja tagħhom biex inaqqsu l-qbid ta’ frieħ tal-ħut fil-kuntest tal-għeluq f’ħin reali. Fil-każ li data bħal din tindika li l-livelli ta’ attivazzjoni nqabżu, jenħtieġ li l-użu ta’ rkapti bħal dawn ma jibqax permess fl-RTCs rilevanti.

Filwaqt li f’konformità mal-punt 18.15 tal-Gwida Prattika Konġunta huwa possibbli, għal raġunijiet ta’ urġenza jew għal raġunijiet oħra prattiċi u għas-sempliċità, li jiġu inklużi fid-dispożizzjonijiet tal-att li fil-fatt jikkostitwixxu emendi sostantivi għal att ieħor. Emendi sostantivi bħal dawn jistgħu jikkonċernaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-att l-ieħor, derogi mill-obbligi tiegħu, eċċezzjonijiet għall-perjodu ta’ applikazzjoni tal-att, u oħrajn.) Il-punt 18.15.2 jistabbilixxi wkoll li fejn emenda sostantiva jkollha kamp ta’ applikazzjoni limitat ħafna, huwa aċċettabbli li ma ssirx emenda tat-test tal-att korrispondenti.

Abbażi tal-evalwazzjoni tal-STECF u tal-valutazzjoni interna mis-servizzi tal-Kummissjoni tal-informazzjoni li ngħatat mill-Grupp ta’ Scheveningen, il-Kummissjoni tqis li r-RK li ġiet sottomessa tikkonforma mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 kif deskritt hawn fuq.

3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT

Sommarju tal-azzjoni proposta

L-azzjoni legali ewlenija hija li jiġu adottati l-miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa għall-konformità mal-obbligi skont il-liġi ambjentali tal-Unjoni.

Ir-Regolament jispeċifika s-sajd f’ċerti żoni li għalih ikunu japplikaw miżuri speċifiċi.

Bażi ġuridika

L-Artikoli 15 u 19 tar-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Prinċipju ta’ sussidjarjetà

Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea.

Prinċipju ta’ proporzjonalità

Il-proposta taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħat delegati mogħtija lill-Kummissjoni bl-Artikoli 15 u 19 tar-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan ta’ dik id-dispożizzjoni.

Għażla tal-istrument

L-istrument propost: Regolament Delegat tal-Kummissjoni.



REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta’ 1.10.2019

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-għeluq f’ħin reali għas-sajd tal-gamblu tat-Tramuntana fl-Iskagerrak.

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) Nru 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 8 , u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu

Billi:

(1)Fl-14 ta’ Awwissu 2019 daħal fis-seħħ Regolament (UE) 2019/1241 ġdid dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi. Dan jistabbilixxi fl-Anness V dispożizzjonijiet speċifiċi dwar miżuri tekniċi stabbiliti fil-livell reġjonali għall-Baħar tat-Tramuntana, għall-Iskagerrak u għall-Kattegat, li jinkludu wkoll regoli dwar id-daqsijiet tal-malji, il-kundizzjonijiet assoċjati u l-qabdiet inċidentali. L-Artikolu 15 ta’ dak ir-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati sabiex temenda, tissupplimenta, tħassar jew tidderoga mill-miżuri tekniċi stabbiliti fl-Annessi tar-Regolament (UE) 2019/1241, inkluż għall-iskop ta’ żoni li jingħalqu f’ħin reali u dispożizzjonijiet dwar meta ż-żona tinbidel.

(2)Ir-Regolament (UE) 2019/1241 jistabbilixxi l-qafas ta’ miżuri tekniċi li jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-ksib tal-objettivi tal-PKS li s-sajd isir f’livelli ta’ rendiment massimu sostenibbli, li jonqsu l-qabdiet mhux mixtieqa u li jiġi eliminat l-iskartar tal-ħut, u li jikkontribwixxu għall-ksib ta’ status ambjentali tajjeb kif stabbilit fid-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Jenħtieġ li t-tali miżuri tekniċi jikkontribwixxu speċifikament għall-protezzjoni tal-frieħ u l-ġlejjeb ta’ speċijiet tal-baħar bl-użu ta’ rkaptu tas-sajd selettiv u ta’ miżuri biex jiġu evitati l-qabdiet mhux mixtieqa.

(3)Ir-Regolament (UE) 2019/1241 ma jipprevedix miżuri tranżizzjonali. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata l-kompatibilità bejn dan ir-Regolament Delegat, u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 724/2010 9 u r-Regolament (UE) 2019/1241 li ħassar fit-taqsima 3 tat-Titolu IV tal-Kapitolu IV tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 10 , jeħtieġ li jiġu applikati l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/1241, filwaqt li fl-istess ħin jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali involuti.

(4)Abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) ivvaluta 11 b’mod pożittiv l-informazzjoni mogħtija mill-grupp reġjonali b’appoġġ għall-miżuri tekniċi inklużi fir-rakkomandazzjoni konġunta. Din ir-rakkomandazzjoni konġunta ġiet żviluppata u ppreżentata mill-Istati Membri u vvalutata mill-STECF qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2019/1241 u għalhekk ma rreferietx għal dak ir-Regolament. Madankollu, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tqis li fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli f’dan l-istadju fir-rakkomandazzjoni konġunta u fil-valutazzjoni tal-STECF, ma jidher ebda element li jindika li l-miżuri tekniċi addizzjonali proposti ma jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti għall-miżuri tekniċi fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2019/1241.

(5)Meta l-Istati Membri li għandhom interess ta’ ġestjoni dirett fis-sajd iqisu li huma meħtieġa miżuri biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ġlejjeb ta’ frieħ permezz ta’ għeluq f’ħin reali taż-żoni tas-sajd, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2019/1241 miżuri bħal dawn permezz ta’ atti delegati fuq rakkomandazzjoni konġunta ppreżentata minn dawk l-Istati Membri.

(6)L-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2019/1241 jistabbilixxi elementi speċifiċi li jridu jiġu inklużi f’rakkomandazzjoni konġunta fir-rigward tal-ħolqien ta’ għeluq f’ħin reali.

(7)Skont il-paragrafu (1)(d) tal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2019/1241, ir-rakkomandazzjoni konġunta sottomessa fir-rigward tal-ħolqien ta’ għeluq f’ħin reali għandha tinkludi arranġamenti ta’ kontroll u monitoraġġ. Ir-Rekord Maqbul tal-Konklużjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja tas-6 ta’ Settembru 2018 jistipula l-proċeduri u l-metodoloġija ta’ teħid ta’ kampjuni għall-adozzjoni ta’ għeluq f’ħin reali għall-gambli tat-Tramuntana (Pandalus borealis) fl-Iskagerrak.

(8)Il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, in-Netherlands, l-Iżvezja u r-Renju Unit għandhom interess ta’ ġestjoni dirett fis-sajd fl-Iskagerrak. Wara konsultazzjoni mal-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar tat-Tramuntana, dawk l-Istati Membri ssottomettew, fis-7 ta’ Marzu 2019, rakkomandazzjoni konġunta lill-Kummissjoni għal att delegat li jimplimenta fid-dritt tal-Unjoni l-miżuri stabbiliti f’dak il-Verbal Maqbul. Ir-rakkomandazzjoni konġunta ġiet emendata fis-26 ta’ Awwissu 2019.

(9)Il-Grupp ta’ Esperti għas-Sajd kien ikkonsultat dwar ir-rakkomandazzjoni konġunta fil-31 ta’ Lulju 2019.

(10)L-STECF qies li s-sistema ta’ għeluq f’ħin reali proposta għandha benefiċċji ta’ konservazzjoni potenzjali pożittivi f’konformità mal-objettiv tar-Regolament (UE) 2018/973 12 . Għalhekk, jidher xieraq li din tiġi introdotta fl-Iskagerrak skont l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fir-rakkomandazzjoni konġunta kif sottomessa mill-grupp ta’ Scheveningen. L-effikaċja tas-sistema ta’ għeluq f’ħin reali jenħtieġ li tkun soġġetta għal monitoraġġ bir-reqqa u evalwata skont il-mekkaniżmu ta’ rieżami stabbilit fir-RK. Jenħtieġ li jiġi inkorporat fis-sistema programm ta’ monitoraġġ speċifiku tal-gradilja ta’ kombinazzjoni Nordmøre selettiva skont id-daqs biex jiġi żgurat li din iżomm b’mod konsistenti l-qabdiet tal-Pandalus żgħir taħt il-livell ta’ attivazzjoni.

(11)Ir-rakkomandazzjoni konġunta tissuġġerixxi li l-bastimenti li jistadu għall-gamblu tat-Tramuntana li jużaw xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ f’firxa ta’ daqs tal-malja ta’ 35-69 mm attrezzati bi gradilji selettivi Nordmøre bi spazju massimu bejn l-iżbarri ta’ 19 mm jenħtieġ li jkunu permessi jkomplu bis-sajd għal dik l-ispeċi f’żoni soġġetti għal għeluq f’ħin reali.

(12)Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 724/2010 13 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ għeluq f’ħin reali ta’ ċertu sajd fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-Iskagerrak. L-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 724/2010 jipprovdi li, meta l-perċentwal ta’ frieħ jilħaq ċertu livell ta’ attivazzjoni, l-Istat Membru kostali kkonċernat irid jipprojbixxi s-sajd fiż-żona kkonċernata bi kwalunkwe rkaptu tas-sajd għajr: xbieki tat-tkarkir tal-ħut pelaġiku, tartaruni jduru, għeżula tat-tisqif u jiggers għall-aringi, il-kavalli, u s-sawrell; nases; gangmi għall-arzell; u xbieki tal-garġi.

(13)L-STECF evalwa x-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ f’firxa ta’ daqs tal-malja ta’ 35-69 mm immirati lejn il-gamblu tat-Tramuntana mgħammra bi gradilji selettivi Nordmøre bi spazju massimu bejn l-iżbarri ta’ 19 mm u kkonkluda li dawk ix-xbieki tat-tkarkir huma selettivi ħafna u effettivi biex inaqqsu l-qabdiet inċidentali tal-frieħ tal-ħut 14 . Fid-dawl ta’ dak il-parir, huwa xieraq li jiżdied l-użu ta’ dak l-irkaptu tas-sajd fis-sajd tal-gamblu tat-Tramuntana mal-lista ta’ rkapti eżentati stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 724/2010.

(14)Filwaqt li l-STECF jikkonferma l-effikaċja tal-gradilji Nordmøre biex inaqqsu l-qabdiet inċidentali tal-frieħ tal-ħut, jinnota wkoll li f’termini ta’ tnaqqis tal-qabdiet tal-frieħ tal-gamblu tat-Tramuntana, l-effikaċja tal-irkaptu mgħammar bi gradilja ta’ kombinazzjoni Nordmøre għad trid tiġi aċċertata. Fuq il-bażi tal-opinjoni tal-STECF, huwa xieraq li jiġu previsti programmi ta’ monitoraġġ speċifiku sabiex jiġi verifikat jekk dan l-irkaptu jżommx b’mod konsistenti l-proporzjon ta’ qabdiet tal-frieħ tal-gamblu tat-Tramuntana f’livell baxx.

(15)L-STECF jikkonferma l-benefiċċji ta’ konservazzjoni tal-użu tal-irkapti mgħammra bi gradilji Nordmøre meta jintużaw għall-iskampu (Nephrops norvegicus). Fid-dawl ta’ dak il-parir, u filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-abilità tiegħu biex inaqqas il-qabdiet inċidentali tal-bakkaljaw, huwa xieraq li l-użu ta’ dak l-irkaptu tas-sajd għas-sajd tal-iskampu jiġi miżjud mal-lista ta’ rkapti eżentati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 724/2010.

(16)Madankollu, l-STECF jinnota li l-effikaċja ta’ tagħmir bħal dan fis-sajd tal-iskampu tiddependi fuq l-istruttura tat-tul tal-ispeċijiet maqbudin b’mod inċidentali li wieħed jiltaqa’ magħhom matul l-operazzjonijiet tas-sajd u li din l-istruttura se tiddetermina jekk jintlaħqux il-livelli ta’ attivazzjoni tal-qabdiet. Sabiex jiġi żgurat li dan l-irkaptu jżomm b’mod konsistenti l-qabdiet inċidentali tal-eżemplari tal-frieħ taħt il-livell ta’ attivazzjoni, u sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiġbru data addizzjonali kif indikat mill-STECF, l-operazzjonijiet tas-sajd li jużaw irkapti bħal dawn f’żoni magħluqin jenħtieġ li jkunu soġġetti għal programm ta’ monitoraġġ dedikat.

(17)Dwar is-sustanza, fid-dawl tas-sejbiet kollha msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li jkun approċċ pragmatiku iżda fl-istess ħin prudenti lejn il-ġestjoni tas-sajd jekk dan l-irkaptu jiġi miżjud mal-lista ta’ rkapti eżentati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 724/2010 sabiex jiġu permessi eżenzjonijiet fuq bażi temporanja, bil-fehma li jekk dan ma jsirx ma tkunx tista’ tinġabar id-data. Barra dan, il-gradilji Nordmøre użati fis-sajd tan-Nephrops għandhom abilità ppruvata li jnaqqsu l-qabdiet inċidentali tal-bakkaljaw għal livelli baxxi ħafna. Minħabba l-istat attwali tal-istokk tal-bakkaljaw tal-Baħar tat-Tramuntana, il-Kummissjoni tqis għalhekk l-użu ta’ rkapti bħal dawn bħala xierqa biex inaqqsu kemm jista’ jkun il-qabdiet mhux mixtieqa tal-bakkaljaw.

(18)Meta jitqies li r-Regolament (UE) 2019/1241 ħassar, fit-taqsima 3 tat-Titolu IV tal-Kapitolu IV tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 15 , id-dispożizzjoni li tagħti setgħa li fuq il-bażi tagħha ġie adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 724/2010, u b’hekk jimpedixxi l-possibbiltà li jsiru emendi oħra għal dak l-att, u billi huwa meħtieġ li tiġi prevista l-implimentazzjoni tal-miżuri li hemm fir-Rekord Maqbul kif ippreżentat fir-rakkomandazzjoni konġunta, huwa xieraq li jiġu adottati l-bidliet meħtieġa permezz tal-inklużjoni ta’ dispożizzjoni korrispondenti permezz ta’ dan ir-Regolament Delegat.

(19)Il-miżuri suġġeriti mir-rakkomandazzjoni konġunta huma konformi mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u mal-Artikolu 15(2), (4) u (5) u mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2019/1241, u b’hekk jistgħu jiġu inklużi f’dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ għeluq f’ħin reali ta’ sajd fl-Iskagerrak għall-protezzjoni tal-frieħ tal-gamblu tat-Tramuntana (Pandalus borealis).

Artikolu 2
Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)“Skagerrak” tfisser iż-żona kkonfinata fil-Punent minn linja miġbuda mill-fanal ta’ Hanstholm għall-fanal ta’ Lindesnes u fin-Nofsinhar minn linja miġbuda mill-fanal ta’ Skagen għall-fanal ta’ Tistlarna u minn dan il-punt għall-eqreb punt fuq il-kosta Żvediża;

(b)“sett” tfisser l-azzjoni minn meta tiġi kalata x-xibka sal-mument meta din tintrefa’ lura.

(c)“Pjan ta’ Eżerċizzju Konġunt” tfisser pjan speċifikat taħt Programm ta’ Kontroll u Spezzjoni Speċifiku stabbilit skont l-Artikolu 95 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 1224/2009.

(d)“Frieħ tal-Gamblu tat-Tramuntana” tfisser eżemplari ta’ gambli tat-Tramuntana (Pandalus borealis) li għandhom tul tal-karapaċi iżgħar minn 14,8 mm. It-tul tal-karapaċi għandu jiġi mkejjel bħala t-tul tal-karapaċi, parallel għal-linja tan-nofs, mill-parti ta’ wara tal-ħofra tal-għajn sat-tarf distali tal-karapaċi.

(e)“Gradilja Nordmøre” huwa apparat selettiv inserit f’xibka tat-tkarkir li jikkonsisti minn gradilja inklinata b’fetħa minn fejn jista’ jaħrab il-ħut. It-tagħmir jippermetti l-passaġġ tal-gamblu jew tan-Nephrops filwaqt li jeskludi qabdiet inċidentali ta’ ħut mhux mixtieqa billi jiggwidahom lejn il-fetħa minn fejn jistgħu jaħarbu.

Artikolu 3

Livell ta’ attivazzjoni tal-qabdiet

Il-livell tal-qabda li jattiva l-għeluq f’ħin reali tas-sajd skont dan ir-Regolament għandu jkun 20 % bil-piż tal-frieħ tal-gamblu tat-Tramuntana meta mqabbel mal-qabda totali tal-gamblu tat-Tramuntana, f’sett.

Artikolu 4

Spezzjonijiet

1.Is-sors ta’ informazzjoni għall-monitoraġġ tal-livelli ta’ attivazzjoni tal-qabdiet għandu jkun l-ispezzjonijiet fuq il-baħar imwettqa mill-awtoritajiet ta’ kontroll kompetenti fuq bastimenti tas-sajd li jimmiraw għall-gamblu tat-Tramuntana (Pandalus borialis) bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b’daqs tal-malja ta’ mill-inqas 32 mm.

2.L-Istat Membru kostali, u /jew l-Istat Membru li jipparteċipa f’operazzjoni konġunta taħt Pjan ta’ Eżerċizzju Konġunt, għandu jidentifika żoni u perjodi ta’ żmien fejn hemm ir-riskju li jintlaħaq il-livell ta’ attivazzjoni tal-qabdiet.

3.L-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu, b’mod partikolari, fiż-żoni identifikati skont il-paragrafu 2, biex ikejlu jekk il-perċentwal ta’ frieħ tal-Gamblu tat-Tramuntana jilħaqx il-livell ta’ attivazzjoni tal-qabdiet.

4.L-awtoritajiet tal-kontroll għandhom jispezzjonaw il-qabdiet tal-gamblu tat-Tramuntana bl-użu tal-proċedura ta’ teħid ta’ kampjuni deskritta fl-Anness I.

5.Id-dettalji tal-ispezzjoni u l-kwantità ta’ frieħ tal-gamblu tat-Tramuntana fil-kampjun għandhom jiġu rreġistrati f’rapport dwar it-teħid ta’ kampjuni kif stabbilit fl-Anness II. Il-formola tar-rapport dwar it-teħid ta’ kampjuni, ippreżentata fl-Anness II, għandha timtela kif dovut minnufih wara li jitkejjel il-kampjun.

6.Jekk il-kwantità ta’ gamblu tat-Tramuntana f’sett tkun inqas minn 100 kg, dak is-sett ma għandux jintuża bħala bażi għal rakkomandazzjoni għal għeluq.

Artikolu 5

Notifiki tal-livell ta’ attivazzjoni

1.Meta r-riżultati tal-kampjuni miġburin skont l-Artikolu 4(4) minn mill-inqas żewġ settijiet meħudin fi żmien 96 siegħa juru li l-kwantità ta’ frieħ tal-gamblu tat-Tramuntana laħqet il-livell ta’ attivazzjoni tal-qabdiet, ir-rapport(i) dwar it-teħid ta’ kampjuni msemmija fl-Artikolu 4(5) għandhom jiġu kompletati minnufih u mibgħuta lill-punt ta’ kuntatt tal-Istat Membru kostali, li għandu jikkunsidra jekk jenħtieġx li jiġi stabbilit RTC. It-trażmissjoni tar-rapporti dwar it-teħid ta’ kampjuni tista’ tiġi kumplimentata minn rakkomandazzjoni mill-awtoritajiet ta’ kontroll responsabbli għall-ispezzjonijiet biex jiġi stabbilit RTC.

2.Jekk il-proporzjon ta’ frieħ tal-gamblu tat-Tramuntana huwa iktar minn 40 % tal-qabda totali ta’ dik l-ispeċi, l-awtoritajiet ta’ kontroll jistgħu jirrakkomandaw għeluq f’ħin reali fuq il-bażi ta’ kampjun wieħed.

Artikolu 6

Għeluq tas-sajd

1.Fuq il-bażi tar-rapporti dwar it-teħid ta’ kampjuni msemmija fl-Artikolu 4(4), l-Istat Membru kostali kkonċernat jista’ jipprojbixxi s-sajd għall-gamblu tat-Tramuntana bi xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b’daqs tal-malja ta’ mill-inqas 32 mm f’żona definita skont l-Artikolu 7 (“iż-żona magħluqa”).

2.Minkejja l-paragrafu 1, il-bastimenti tat-tkarkir li jimmiraw għall-gamblu tat-Tramuntana li għandhom gradilja Nordmøre selettiva skont id-daqs kif imsemmi fl-Anness III jistgħu jitħallew jistadu għall-gamblu tat-Tramuntana fiż-żona magħluqa. Il-bastimenti li jixtiequ jużaw dik l-eżenzjoni għandhom jinnotifikaw l-intenzjoni tagħhom u l-użu tal-irkaptu liċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ tas-Sajd tal-Istat Membru kostali qabel ma jidħlu fiż-żona magħluqa.

3.Bastimenti li jużaw gradilja Nordmøre selettiva skont id-daqs kif imsemmi fl-Anness III u li joperaw f’żona magħluqa għandhom ikunu soġġetti għal programm ta’ monitoraġġ speċifiku li jrid jiġi stabbilit mill-Istati Membri sabiex jivverifikaw il-proporzjon ta’ frieħ tal-Gamblu tat-Tramuntana fil-qabda totali ta’ dik l-ispeċi. Ir-riżultati minn dawk il-programmi għandhom jiġu trażmessi lill-Kummissjoni mhux iktar tard minn 6 xhur wara d-data tal-bidu tal-programm u tnax-il xahar wara dan.

4.Jekk l-ispezzjoni ta’ bastiment li juża, f’żona magħluqa, gradilja Nordmøre selettiva skont id-daqs kif imsemmi fl-Anness III, turi qabda ta’ frieħ tal-gamblu tat-Tramuntana li tilħaq il-livell ta’ attivazzjoni tal-qabdiet, dak il-bastiment għandu joħroġ miż-żona magħluqa għall-bqija tal-perjodu tal-għeluq.

5.Madankollu, il-bastiment jista’ jirritorna lejn iż-żona magħluqa wara li jaġġusta l-irkaptu u jibqa’ fiż-żona, diment li jikseb il-permess tal-awtoritajiet ta’ kontroll kompetenti. F’dak il-każ, is-sett li jmiss tal-bastiment għandu jiġi spezzjonat mill-awtoritajiet ta’ kontroll biex jiġi żgurat li l-qabda ta’ frieħ tal-gamblu tat-Tramuntana ma tilħaqx il-livell ta’ attivazzjoni tal-qabdiet.

Artikolu 7

Firxa ġeografika taż-żona magħluqa

Il-konfini ġeografiċi ta’ żona magħluqa għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin:

(a)Id-definizzjoni taż-żona għandha tikkunsidra, b’mod partikolari, it-trajettorji tas-sett li wasslu għad-deċiżjoni tal-għeluq, il-kurvi tal-fond, il-kompożizzjoni tal-qabdiet u l-attività tas-sajd;

(b)Iż-żona magħluqa ma għandhiex taqbeż 50 mil nawtiku kwadru.

Artikolu 8

Dewmien tal-għeluq f’ħin reali

1.L-għeluq f’ħin reali għandu jidħol fis-seħħ f’24.00 Ħin Universali Koordinat (UTC) fil-jum tad-deċiżjoni. L-adozzjoni tad-deċiżjoni jenħtieġ li ssir f’ħin li jippermetti biżżejjed żmien biex il-bastimenti li qed joperaw fil-viċinanzi taż-żona jiġu infurmati f’konformità mal-Artikolu 7.

2.Iż-żona għandha tingħalaq għal 14-il jum li warajhom l-għeluq għandu jieqaf japplika awtomatikament f’nofsillejl UTC.

Artikolu 9

Stati kostali ġirien

1.L-Istati Membri Kostali jistgħu jfittxu kooperazzjoni mal-Istati Kostali ġirien biex jibdew għeluq f’ħin reali bl-użu ta’ riżultati ta’ teħid ta’ kampjuni li joriġinaw miż-żewġ naħat tal-fruntiera.

2.Jekk iż-żona li se tingħalaq tolqot it-territorju u l-ilmijiet taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjonijiet ta’ żewġ Stati Membri Kostali jew iktar, l-Istat Membru Kostali għandu mingħajr dewmien jinforma lill-Istat Membru Kostali ġar u lill-pajjiżi terzi bis-sejbiet u d-deċiżjoni li jagħlaq iż-żona rilevanti. L-Istat Kostali ġar jista’ mbagħad jikkunsidra jagħlaq l-ilmijiet tiegħu.

3.Stat Membru Kostali jista’ jistieden lill-Istati Kostali ġirien biex jieħdu kampjuni f’ismu f’ilmijiet taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tagħhom.

Artikolu 10

Informazzjoni

1.Wara li jiddeċiedi li jattiva għeluq f’ħin reali skont l-Artikolu 6, l-Istat Membru kostali għandu mingħajr dewmien:

(a)ipoġġi notifika tal-għeluq f’ħin reali fuq is-sit web tiegħu li tinkludi l-mappa, il-koordinati u r-rapport(i) dwar it-teħid ta’ kampjuni sottostanti, u

(b)jinforma lill-bastimenti li jkunu fil-viċinanza taż-żona magħluqa sa fejn ikun possibbli, u

(c)jinforma, permezz ta’ notifika elettronika, lid-Direttorat tas-Sajd fin-Norveġja, lill-Kummissjoni u liċ-Ċentri ta’ Monitoraġġ tas-Sajd fl-Istati Membri rilevanti u lill-pajjiżi terzi li l-bastimenti tas-sajd tagħhom huma awtorizzati li joperaw fiż-żona kkonċernata. In-notifika għandu jkun fiha informazzjoni dwar id-data u l-ħin meta l-għeluq jidħol fis-seħħ, il-koordinati li jiddelimitaw l-għeluq u l-indirizz tal-web rilevanti li fih informazzjoni addizzjonali.

2.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li ċ-Ċentri ta’ Monitoraġġ tas-Sajd tagħhom jinfurmaw lill-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom li huma affettwati bl-għeluq f’ħin reali.

3.Fuq talba, l-Istat Membru Kostali kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bir-rapporti dettaljati dwar it-teħid ta’ kampjuni u l-ġustifikazzjonijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tal-għeluq f’ħin reali meħuda f’konformità mal-Artikolu 7.

Artikolu 11

Xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ bi gradilji Nordmøre

1.    Mingħajr ħsara għall-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) 724/2010, ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ li jużaw l-irkapti li ġejjin huma eżentati mill-projbizzjoni fuq is-sajd li ġejja mill-issodisfar tal-kundizzjonijiet stipulati f’dik id-dispożizzjoni:

- xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b’daqs tal-malja ta’ mill-inqas 32 mm li jimmiraw għall-gamblu tat-Tramuntana (Pandalus borealis) li huma mgħammra bi gradilja selettiva Nordmøre bi spazju massimu bejn l-iżbarri ta’ 19 mm mingħajr tagħmir għaż-żamma tal-ħut;

- xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ b’daqs tal-malja ikbar minn 70 mm li jimmiraw għall-iskampu (Nephrops norvegicus) li huma mgħammra bi gradilja Nordmøre bi spazju massimu bejn l-iżbarri ta’ 35 mm mingħajr tagħmir għaż-żamma tal-ħut.

2.    L-Istati Membri tal-bandiera ta’ bastimenti li jużaw l-irkapti msemmija fil-paragrafu 1 u li joperaw f’għeluq f’ħin reali għandhom jistabbilixxu programm ta’ monitoraġġ speċifiku biex jivverifikaw li l-qabdiet ma jilħqux il-livell ta’ attivazzjoni. Jekk il-qabdiet jilħqu l-livell ta’ attivazzjoni, dawk il-bastimenti għandhom joħorġu miż-żona magħluqa għall-bqija tal-perjodu ta’ għeluq. Ir-riżultati minn dawk il-programmi għandhom jiġu trażmessi lill-Kummissjoni mhux iktar tard minn 6 xhur wara d-data tal-bidu tal-programm u minn hemm ’il quddiem, kull tnax-il xahar. Jekk ir-riżultati minn programmi bħal dawn juru li l-qabdiet jaqbżu l-livelli ta’ attivazzjoni, jenħtieġ li dawn l-irkapti ma jibqgħux jiġu eżentati.

Artikolu 12

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 1.10.2019

   Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Jean-Claude JUNCKER

(1)    ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.
(2)    ĠU L 198, 25.07.2019, p. 105.
(3)    ĠU L 179, 16.7.2018, p. 1.
(4)    Rekord maqbul tal-konsultazzjonijiet tas-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja dwar miżuri tekniċi fl-Iskagerrak. Göteborg, 6 ta’ Settembru 2018
(5)    Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar aċċess reċiproku għas-sajd fl-Iskagerrak għal bastimenti li jtajru l-bandiera tad-Danimarka, tan-Norveġja u tal-Iżvezja
(6)    ĠU L 213, 13.8.2010, p. 1.
(7)    Kuntratt ad hoc Nru STECF 19-15 tad-DĠ MARE
(8)    ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105.
(9)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 724/2010 tat-12 ta’ Awwissu 2010 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ għeluq f’ħin reali ta’ ċertu sajd fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-Iskagerrak (ĠU L 213, 13.8.2010, p. 1).
(10)    Ir- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 43, 22.12.2009, p. 1).
(11)    https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2537709/STECF+PLEN+19-02.pdf
(12)    IR-REGOLAMENT (UE) 2018/973 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-4 ta’ Lulju 2018 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jispeċifika d-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ ħatt l-art fil-Baħar tat-Tramuntana u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 676/2007 u (KE) Nru 1342/2008
(13)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 724/2010 tat-12 ta’ Awwissu 2010 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ għeluq f’ħin reali ta’ ċertu sajd fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-Iskagerrak (ĠU L 213, 13.8.2010, p. 1).
(14)    https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2537709/STECF+PLEN+19-02.pdf
(15)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 43, 22.12.2009, p. 1).

ANNESS

Anness I - Metodoloġija tat-Teħid ta’ Kampjuni

Il-kampjuni għandhom jittieħdu u jitkejlu f’konformità mad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

1. Kull meta hu possibbli, il-kampjuni għandhom jittieħdu u jitkejlu b’kooperazzjoni mill-qrib mal-kaptan tal-bastiment tas-sajd u l-ekwipaġġ tiegħu. Il-kaptan tal-bastiment tas-sajd u l-ekwipaġġ tiegħu għandhom jiġu mħeġġa jipparteċipaw fil-proċess. Għandhom jiġu mħeġġa wkoll jaqsmu kwalunkwe informazzjoni li tista’ tkun rilevanti fir-rigward tad-delimitazzjoni taż-żona magħluqa.

2. Il-qabda totali fis-sett għandha tintuża bħala l-bażi għall-istima tal-kompożizzjoni tal-qabda.

3. Għandu jittieħed kampjun f’konformità mal-proċedura li ġejja:

a)    Il-kampjun irid jittieħed b’tali mod li jirrifletti l-kompożizzjoni tal-qabda tal-Pandalus fis-sett. Sabiex dan jinkiseb, il-kaptan, jew persuna li jaħtar, għandu jassisti meta jittieħed il-kampjun.

b)    Id-daqs minimu tal-kampjun għandu jkun 2 kg jew litru wieħed ta’ Pandalus.

4. Il-kwantità ta’ Pandalus taħt it-tul ta’ attivazzjoni għandha tiġi kkalkulata bħala perċentwal tal-għadd totali ta’ Pandalus fil-kampjun.

5. Il-formola tar-rapport dwar it-teħid ta’ kampjuni, ippreżentata fl-Anness II għandha tiġi kompletata kif dovut minnufih wara li jitkejjel il-kampjun.



Anness II

GĦELUQ F’ĦIN REALI – RAPPORT DWAR IT-TEĦID TA’ KAMPJUNI LILL-ISTAT KOSTALI

PANDALUS relatat mat-tul ta’ attivazzjoni.

Dettalji tal-ispezzjoni/osservazzjoni

Pjattaforma tal-ispezzjoni

Isem l-ispettur/osservatur

Isem l-ispettur/osservatur

Data u ħin (1) tal-ispezzjoni/osservazzjoni

Pożizzjoni (2) tal-ispezzjoni/osservazzjoni

 

 

 

 

 

Dettalji tal-bastiment tas-sajd

Isem

Sinjal tas-sejħa

Numru tar-reġistrazzjoni

Stat tal-bandiera

Tip ta’ rkaptu

Singlu/Doppju

Daqs tal-malja f’mm

 

 

 

 

 

 

Miżuri ta’ selezzjoni

Gradilja (għall-issortjar tal-Pandalus)

Gradilja, mm

Oħrajn

Borża tal-ġbir

Daqs tal-malja fil-borża tal-ġbir

 

 

 

 

 

 

Dettalji tal-operazzjoni tas-sajd

Bidu

Data u ħin (1)

Pożizzjoni (2)

 

 

 

 

Tmiem

Data u ħin (1)

Pożizzjoni (2)

Kemm damet l-operazzjoni tas-sajd (3)

 

 

 

 

 

Dettalji tal-qabda

Stima tal-qabda totali fis-sett (kg)

 

Stima tal-qabda tal-Pandalus fis-sett (kg)

Daqs tal-kampjun tal-Pandalus (kg/litru)

 

Għadd totali ta’ Pandalus fil-kampjun

 

Għadd ta’ Pandalus taħt it-tul ta’ attivazzjoni fil-kampjun

 

% ta’ Pandalus ta’ daqs żgħir (għadd taħt it-tul ta’ attivazzjoni/għadd totali)

 

Osservazzjonijiet u informazzjoni addizzjonali

Informazzjoni addizzjonali minn sorsi oħrajn, pereżempju riċevuti mill-kaptan.

Spettur
Firma

Mhux meħtieġa jekk jiġi kompletat b’mod elettroniku u trażmess lill-Istat kostali permezz tal-posta elettronika.

(1) jj/xx/ss sigħat u minuti (ħin lokali 24 siegħa).
(
2) pereżempju: 56°24' N 01° 30' E.
(
3) sigħat u minuti.



Anness III - Gradilja selettiva fis-sajd għall-Pandalus li hija permessa fl-RTC

Xibka tat-tkarkir tal-qiegħ b’daqs tal-malja fil-biċċa tal-estensjoni u manka ta’ mill-inqas 35 mm, mgħammra bi gradilja selettiva bi spazju massimu bejn l-iżbarri ta’ 19 mm fil-parti ta’ fuq tal-gradilja u spazju minimu bejn l-iżbarri ta’ 9,5 mm fil-parti t’isfel tal-gradilja. Wara l-parti t’isfel tal-gradilja hemm żbokk mhux imblukkat għall-qiegħ tal-baħar. Daqs tal-malja ta’ mill-inqas 35 mm japplika fuq wara tal-gradilja selettiva.