REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta’ 25.11.2019

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni uniformi ta’ rati ta’ frekwenza għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi fuq ċerti kunsinni ta’ annimali u oġġetti li jidħlu fl-Unjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali)( 1 ), u b’mod partikolari il-punti (a) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 54(3) tiegħu,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi r-regoli dwar it-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fuq annimali u oġġetti li jidħlu fl-Unjoni sabiex jivverifikaw il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-katina agroalimentari tal-Unjoni.

(2)L-Artikolu 54(3) tar-Regolament (UE) 2017/625 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni uniformi tar-rata ta’ frekwenza xierqa għall-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi fuq il-kunsinni tal-kategoriji ta’ annimali u ta’ oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1)(a) u (b) ta’ dak ir-Regolament. Għaldaqstant, ir-rati ta’ frekwenza tal-verifiki tal-identità u tal-verifiki fiżiċi għandhom jiġu stabbiliti skont ir-riskju ppreżentat minn kull annimal, oġġett jew kategorija ta’ annimali jew oġġetti, għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, għall-benessri tal-annimali jew, fir-rigward tal-organiżmi ġenetikament modifikati għas-saħħa tal-ambjent ukoll.

(3)Sabiex jiġi żgurat li r-rati ta’ frekwenza tal-verifiki fiżiċi meħtieġa skont dan ir-Regolament jiġu osservati b’mod uniformi, jenħtieġ li f’dan ir-Regolament issir dispożizzjoni biex is-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali (IMSOC) imsemmija fl-Artikolu 131 tar-Regolament (UE) 2017/625 tintuża għall-għażla tal-kunsinni għall-verifiki fiżiċi.

(4)Ir-rati ta’ frekwenza stabbiliti f’konformità ma’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu applikabbli għall-annimali u għall-oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1)(a) u (b) tar-Regolament (UE) 2017/625 maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq. Madankollu, jenħtieġ li l-frekwenza tal-verifiki fiżiċi mwettqa fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera biex jaċċertaw il-konformità mar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 tiġi ddeterminata f’konformità mal-Artikolu 45(5) ta’ dak ir-Regolament.

(5)Id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE 3 tistabbilixxi r-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq l-annimali li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi. L-Artikolu 4 ta’ dik id-Direttiva jipprevedi li kull kunsinna ta’ annimali jenħtieġ li tkun soġġetta għal verifiki tal-identità u verifiki fiżiċi.

(6)Id-Direttiva 91/496/KEE titħassar bir-Regolament (UE) 2017/625 b’effett mill-14 ta’ Diċembru 2019. Filwaqt li jitqies ir-riskju ppreżentat minn ċerti kategoriji ta’ annimali għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali u għall-benessri tal-annimali, jenħtieġ li l-istess rati ta’ frekwenza tal-verifiki tal-identità u tal-verifiki fiżiċi jibqgħu japplikaw għall-annimali li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi bħal dawk stabbiliti fid-Direttiva 91/496/KEE jew f’konformità magħha.

(7)Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-kontrolli uffiċjali, il-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi jenħtieġ li jitwettqu b’tali mod li ma jkunx possibbli għall-operatur responsabbli mill-kunsinna li jipprevedi jekk xi kunsinna partikolari tkunx se tiġi soġġetta għall-verifiki fiżiċi.

(8)L-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni [C(2019)7002] 4 jistabbilixxi r-regoli dettaljati dwar il-verifiki tal-identità msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, skont jekk il-kunsinna tkunx soġġetta għal kontrolli.

(9)Jenħtieġ li l-kriterji tal-linja bażi sabiex jiġu ddeterminati r-rati ta’ frekwenza tal-linja bażi għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi mwettqa fuq il-prodotti li joriġinaw mill-annimali, il-prodotti ġerminali, il-prodotti sekondarji mill-annimali, il-prodotti derivati, il-ħuxlief u t-tiben u l-prodotti komposti jiġu stabbiliti billi titqies l-informazzjoni dwar ir-riskji assoċjati mal-kategoriji tal-annimali u tal-prodotti u mal-valutazzjonijiet xjentifiċi disponibbli.

(10)Abbażi tal-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 125(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, dwar ir-riżultat tal-kontrolli mwettqa mill-esperti tal-Kummissjoni f’pajjiżi terzi f’konformità mal-Artikolu 120(1) ta’ dak ir-Regolament u abbażi tal-informazzjoni miġbura permezz tal-IMSOC, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu mmodifikati r-rati ta’ frekwenza għall-verifiki fiżiċi li jirriżultaw mill-kriterji tal-linja bażi.

(11)Sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza tal-kontrolli uffiċjali, jenħtieġ li r-rati ta’ frekwenza ddeterminati f’konformità ma’ dan ir-Regolament ikunu disponibbli permezz tal-IMSOC.

(12)Għal ċerti pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni kkonkludiet ftehimiet veterinarji dwar l-ekwivalenza, huwa xieraq li titnaqqas il-frekwenza tal-kontrolli fiżiċi fuq ċerti prodotti filwaqt li titqies, inter alia, l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-reġjonalizzazzjoni fil-każ ta’ marda tal-annimali, u ta’ prinċipji veterinarji oħra. Għalhekk, ir-rati ta’ frekwenza għall-verifiki fiżiċi speċifikati f’dawn il-ftehimiet veterinarji jenħtieġ li japplikaw għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

(13)Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/360/KE 5 tistabbilixi r-rati ta’ frekwenza mnaqqsa ta’ kontrolli fiżiċi għal ċerti kategoriji ta’ oġġetti soġġetti għall-kontrolli veterinarji. Peress li dan ir-Regolament jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet fl-oqsma koperti mid-Deċiżjoni 94/360/KE, dik id-Deċiżjoni jenħtieġ li titħassar b’effett mid-data speċifikata f’dan ir-Regolament.

(14)Ir-Regolament (UE) 2017/625 japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019. Għaldaqstant, ir-regoli stipulati f’dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw ukoll minn dik id-data.

(15)Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni uniformi tar-rata ta’ frekwenza xierqa tal-verifiki tal-identità u tal-verifiki fiżiċi fuq il-kunsinni tal-annimali u tal-oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1)(a) u (b) tar-Regolament (UE) 2017/625 li huma maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq.

Artikolu 2
Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament,

1.“rata ta’ frekwenza” tfisser il-perċentwal minimu ta’ kunsinni ta’ annimali u ta’ oġġetti msemmija fl-Artikolu 1, iddeterminat f’konformità ma’ dan ir-Regolament, mill-għadd ta’ kunsinni li jkunu waslu fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera matul perjodu identifikat, li fuqu jridu jitwettqu l-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi mill-awtoritajiet kompetenti;

2.“IMSOC” tfisser is-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 131 tar-Regolament (UE) 2017/625.

Artikolu 3
Għażla tal-kunsinni għall-verifiki fiżiċi

1.L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħżlu l-kunsinni għall-verifiki fiżiċi skont il-proċedura li ġejja:

(a)tintgħażel kunsinna aleatorja b’mod awtomatiku mill-IMSOC;

(b)l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li tagħżel il-kunsinna ġġenerata skont il-punt (a) jew tagħżel kunsinna differenti tal-istess kategorija u oriġini tal-oġġetti.

2.Għal kull kunsinna magħżula għall-verifiki fiżiċi f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu verifiki tal-identità kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni [C(2019)7002].

Artikolu 4
Rati ta’ frekwenza għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi

1.L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu l-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi fuq kunsinni ta’ annimali, ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, ta’ prodotti ġerminali, ta’ prodotti sekondarji mill-annimali, ta’ prodotti derivati, ta’ tiben u ħuxlief u ta’ prodotti komposti skont ir-rati ta’ frekwenza ddeterminati f’konformità mal-Artikolu 5.

2.Għall-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II li magħhom l-Unjoni kkonkludiet ftehimiet ta’ ekwivalenza, għandhom jitwettqu l-verifiki fiżiċi skont ir-rati ta’ frekwenza stabbiliti minn dawn il-ftehimiet.

Artikolu 5
Determinazzjoni u modifika tar-rati ta’ frekwenza tal-verifiki tal-identità u tal-verifiki fiżiċi mwettqa fuq l-annimali, il-prodotti li joriġinaw mill-annimali, il-prodotti ġerminali, il-prodotti sekondarji mill-annimali, il-prodotti derivati, it-tiben u l-ħuxlief u l-prodotti komposti

1.Ir-rati ta’ frekwenza tal-linja bażi għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi fuq il-kunsinni tal-annimali u tal-oġġetti msemmija fl-Artikolu 1 huma stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, fuq il-bażi tal-valutazzjonijiet xjentifiċi u tal-informazzjoni msemmija fil-punti (a)(v) u (vi) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 54(3) tar-Regolament (UE) 2017/625.

2.Ir-rata ta’ frekwenza għall-verifiki fiżiċi fuq oġġetti speċifiċi minn pajjiż terz speċifiku tista’ tiżdied fejn jiġu identifikati nuqqasijiet serji abbażi ta’:

(a)informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 125(1) tar-Regolament (UE) 2017/625; jew

(b)ir-riżultat tal-kontrolli mwettqa mill-esperti tal-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 120(1) tar-Regolament (UE) 2017/625.

F’dan il-każ, ir-rata ta’ frekwenza ddeterminata f’konformità mal-paragrafu 1 tiżdied għar-rata ta’ frekwenza tal-linja bażi ogħla li jmiss stabbilita fl-Anness I jew għal rata ta’ frekwenza ta’ 50 % meta r-rata ta’ frekwenza applikabbli għall-kategorija speċifika tal-oġġetti tkun ta’ 30 %,

3.Ir-rata ta’ frekwenza tal-verifiki fiżiċi għandha tiżdied mir-rata ta’ frekwenza tal-linja bażi ddeterminata f’konformità mal-paragrafu 1 għar-rata ta’ frekwenza tal-linja bażi ogħla li jmiss stabbilita fl-Anness I, jew għal rata ta’ frekwenza ta’ 50 % jekk ir-rata ta’ frekwenza applikabbli għall-kategorija speċifika tal-oġġetti tkun ta’ 30 %, meta d-data u l-informazzjoni miġbura permezz tal-IMSOC jindikaw, għal oġġetti speċifiċi minn pajjiż terz speċifiku u għall-istess kategorija ta’ oġġetti, livell ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward tal-verifiki fiżiċi fl-aħħar 12-il xahar li jaqbeż bi 30 % ir-rata medja tan-nuqqas ta’ konformità għall-istess kategorija ta’ oġġetti mill-pajjiżi terzi kollha.

4.Meta l-kriterji msemmija fil-paragrafu 2 jew fil-paragrafu 3 ma jibqgħux jiġu ssodisfati, ir-rata ta’ frekwenza għandha titnaqqas għar-rata ta’ frekwenza tal-linja bażi rispettiva stabbilita fl-Anness I.

5.Permezz tal-IMSOC, il-Kummissjoni għandha tqiegħed ir-rati ta’ frekwenza ddeterminati f’konformità ma’ dan l-Artikolu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u tal-operaturi.

Artikolu 6
Tħassir

Id-Deċiżjoni 94/360/KE titħassar b’effett mill-14 ta’ Diċembru 2019.

Artikolu 7
Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

1.Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.Għandu japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 25.11.2019

   Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Jean-Claude JUNCKER

(1)    ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.
(2)    Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1).
(3)    Id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56).
(4)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni … ta’ …. li jistabbilixxi r-regoli dettaljati dwar l-operazzjonijiet li jridu jitwettqu matul u wara l-verifiki tad-dokumenti, il-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi fuq l-annimali u l-oġġetti li huma soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera (ĠU L …, …, p. …).
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/360/KE tal-20 ta’ Mejju 1994 dwar il-frekwenza mnaqqsa ta’ kontrolli fiżiċi ta’ kunsinni ta’ ċerti prodotti li jridu jiġu implimentati minn pajjiżi terzi, skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/675/KEE (ĠU L 158, 25.6.1994, p.41).

MT

ANNESSI

Anness I

Kriterji tal-linja bażi sabiex jiġu ddeterminati r-rati ta’ frekwenza tal-linja bażi għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi tal-kunsinni ta’ annimali, ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, ta’ prodotti ġerminali, ta’ prodotti sekondarji mill-annimali, ta’ prodotti derivati, ta’ tiben u ħuxlief u ta’ prodotti komposti

Kriterji tal-linja bażi sabiex jiġu ddeterminati r-rati ta’ frekwenzi tal-linja bażi għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi

Rati ta’ frekwenza tal-linja bażi li japplikaw għall-

Kategorija tar-riskju

Kategorija ta’ annimali jew oġġetti*

verifiki tal-identità

verifiki fiżiċi

I

Annimali

100 %

100 %

II

- Laħam ikkapuljat, laħam separat mekkanikament u preparazzjonijiet tal-laħam għall-konsum mill-bniedem (KB)

- Laħam tat-tjur għall-KB

- Laħam tal-fenek, laħam tal-annimali tal-kaċċa, u l-prodotti tal-laħam tagħhom għall-KB

- Bajd għall-KB

- Prodotti tal-bajd għall-KB li huma ppreservati f’temperaturi mkessħa jew iffriżati

- Ħalib għall-KB

- Prodotti tal-ħalib u prodotti li fihom il-kolostru għall-KB, li huma ppreservati f’temperaturi mkessħa jew iffriżati

- Prodotti tas-sajd mill-akkwakultura u molluski bivalvi għall-KB, li mhumiex f’kontenituri ssiġillati ermetikament maħsuba biex jagħmluhom stabbli f’temperatura ambjentali

- Prodotti sekondarji mill-annimali u prodotti derivati, għall-għalf tal-annimali tar-razzett

100 %

30 %

III

- Laħam minbarra l-laħam imsemmi fil-Kategorija II, u l-prodotti tal-laħam idderivati minn dan il-laħam, għall-KB

- Xaħam tal-annimali mdewweb u qrieqeċ għall-KB

- Prodotti tal-laħam tat-tjur għall-KB

- Prodotti tal-bajd għall-KB, minbarra dawk imsemmija fil-Kategorija II

- Prodotti tal-ħalib u prodotti li fihom il-kolostru għall-KB, minbarra dawk imsemmija fil-Kategorija II

- Prodotti tas-sajd minbarra dawk imsemmija fil-Kategorija II

- Għasel u prodotti oħra tal-apikultura għall-KB

- Prodotti komposti

- Bajd għat-tifqis

- Fertilizzanti organiċi u materjali li jtejbu l-ħamrija, idderivati minn prodotti sekondarji tal-annimali

- Koxox taż-żrinġijiet u bebbux għall-KB

- Insetti għall-KB

100 %

15 %

IV

- Ġelatina u kollaġen għall-KB

- Budellati

- Semen u embrijuni

- Prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati, minbarra dawk imsemmija fil-Kategorija II u fil-Kategorija III

100 %

5 %

V

- Prodotti raffinati ħafna għall-KB

- Ħuxlief u tiben

- Prodotti oħra minbarra dawk imsemmija fil-Kategorija II, fil-Kategorija III u fil-Kategorija IV

100 %

1 %

* Ir-rati ta’ frekwenza għall-verifiki fiżiċi tal-kunsinni ta’ kampjuni kummerċjali għandhom ikunu konformi mad-deskrizzjoni tal-kategoriji tal-oġġetti mogħtija f’dan l-Anness.

Anness II

Lista ta’ ċerti pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 4(2) u tal-frekwenzi tal-verifiki fiżiċi

1.New Zealand

Fil-każ ta’ New Zealand, il-frekwenzi għandhom ikunu dawk previsti fil-Ftehim li ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/132/KE 1 fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u New Zealand dwar il-miżuri sanitarji applikabbli għall-kummerċ ta’ annimali ħajjin u prodotti tal-annimali. 

2.Il-Kanada

Fil-każ tal-Kanada, il-frekwenzi għandhom ikunu dawk previsti fl-Anness VIII tal-Ftehim li kien approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/201/KE 2 .

3.Iċ-Ċilì

Fil-każ taċ-Ċilì, il-frekwenzi għandhom ikunu dawk previsti fil-Ftehim dwar il-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji applikabbli għall-Kummerċ tal-Annimali u tal-Prodotti tal-Annimali, tal-Pjanti, tal-Prodotti mill-Pjanti u Oġġetti oħra kif ukoll dwar il-Benessri tal-Annimali, stabbilit fl-Anness IV tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/979/KE 3 .

(1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/132/KE tas-17 ta’ Diċembru 1996 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u New Zealand dwar miżuri sanitarji applikabbli għall-kummerċ f’annimali ħajjin u prodotti tal-annimali (ĠU L 57, 26.2.1997, p. 4).

(2)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/201/KE tal-14 ta’ Diċembru 1998 dwar il-Ftehim milħuq bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Kanada dwar miżuri sanitarji biex jipproteġu s-saħħa pubblika u dik tal-annimali fir-rigward ta’ kummerċ f’annimali ħajjin u prodotti magħmulin mill-annimali (ĠU L 71, 18.3.1999, p. 1).

(3)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/979/KE tat-18 ta’ Novembru 2002 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja ta’ ċertu dispożizzjonijiet ta’ Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra (ĠU L 352, 30.12.2002, p. 1).