DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta’ 29.7.2019

dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti tal-Amerika bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(6) tiegħu,

Billi:

(1)L-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta deċiżjoni dwar l-ekwivalenza fejn il-qafas legali u superviżorju ta’ pajjiż terz jiżgura li l-aġenziji ta’ gradazzjoni tal-kreditu (“CRAs”) awtorizzati jew irreġistrati f’dak il-pajjiż terz jikkonformaw ma’ rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti f’dak ir-Regolament u li huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi f’dak il-pajjiż terz.

(2)L-għan ta’ din id-deċiżjoni ta’ ekwivalenza huwa li tippermetti lis-CRAs mill-Istati Uniti, sakemm ma jkunux sistemikament importanti għall-istabbiltà finanzjarja jew l-integrità tas-swieq finanzjarji ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, li japplikaw għal ċertifikazzjoni mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”). Din id-deċiżjoni dwar l-ekwivalenza toffri l-possibbiltà għall-ESMA li tevalwa dawk is-CRAs każ każ u li tagħti eżenzjoni minn xi wħud mir-rekwiżiti organizzazzjonali għas-CRAs attivi fl-Unjoni Ewropea, inkluż ir-rekwiżit ta’ preżenza fiżika fl-Unjoni Ewropea.

(3)Sabiex il-qafas superviżorju u legali ta’ pajjiż terz jitqies ekwivalenti għandu jissodisfa mill-inqas it-tliet kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

(4)Fil-5 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/628/UE 2 , filwaqt li osservat dawn it-tliet kundizzjonijiet u tqis il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti għas-CRAs bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 fis-seħħ f’dak iż-żmien.

(5)Skont l-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, CRAs f’pajjiż terz iridu jkunu soġġetti għal awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni u jridu jkunu soġġetti wkoll għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa. Il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti jirrikjedi lis-CRAs li jirreġistraw bħala Organizzazzjonijiet ta’ Klassifikazzjonijiet Statistiċi Rikonoxxuti Nazzjonalment (Nationally Recognized Statistical Ratings Organizations, NRSRO) mal-Kummissjoni dwar it-Titoli u l-Kambju (Securities and Exchange Commission, SEC) biex tippermetti l-użu tal-gradazzjonijiet tagħhom għal skopijiet regolatorji. Sussegwentement jiġu ssorveljati mill-SEC fuq bażi kontinwa. L-SEC għandha firxa komprensiva ta’ setgħat superviżorji li jippermettulha tinvestiga jekk l-aġenziji ta’ gradazzjoni tal-kreditu jikkonformawx mal-obbligi legali tagħhom. Dawk is-setgħat jinkludu s-setgħa li taċċessa dokumenti, li twettaq investigazzjonijiet u li twettaq spezzjonijiet fuq il-post, kif ukoll is-setgħa li tesiġi aċċess għar-rekords ta’ reġistrazzjonijiet telefoniċi u ta’ komunikazzjoni elettronika. L-SEC tista’ teżerċita dawn is-setgħat mhux biss fir-rigward tal-aġenziji ta’ gradazzjoni tal-kreditu, iżda wkoll fir-rigward ta’ persuni oħra involuti f’attivitajiet ta’ gradazzjoni tal-kreditu. Il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti jesiġi li l-SEC twettaq eżami ta’ kull NRSRO mill-inqas kull sena u li tirrapporta dwar is-sejbiet ta’ dawn l-eżamijiet. Fejn l-SEC diġà stabbiliet li NRSRO kisret xi obbligu li jirriżulta mir-regoli rilevanti, hija tista’ tadotta firxa wiesgħa ta’ miżuri superviżorji sabiex twaqqaf il-ksur. Dawk il-miżuri jinkludu s-setgħa li tirtira r-reġistrazzjoni, tissospendi l-użu ta’ gradazzjonijiet għall-finijiet regolatorji u li tordna lill-aġenziji ta’ gradazzjoni tal-kreditu biex iwaqqfu l-ksur. L-SEC tista’ wkoll timponi penali severi fuq aġenziji ta’ gradazzjoni tal-kreditu għall-ksur tar-rekwiżiti rilevanti. Għalhekk, l-NRSROs huma soġġetti għas-superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa. Fil-ftehim ta’ kooperazzjoni konkluż bejn l-ESMA u l-SEC huwa previst skambju ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ miżuri ta’ infurzar u dawk superviżorji meħuda fil-konfront ta’ CRAs transfruntieri.

(6)Skont it-tieni kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, CRAs f’pajjiż terz iridu jkunu soġġetti għal regoli legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 12 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 u l-Anness I ta’ dak ir-Regolament. Il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti hija meqjusa ekwivalenti għar-Regolament dwar is-CRAs fir-rigward tal-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, il-proċessi organizzazzjonali u l-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti mill-aġenziji ta’ gradazzjoni tal-kreditu, il-kwalità tal-gradazzjonijiet u l-metodoloġiji tal-gradazzjonijiet, id-divulgazzjoni tal-gradazzjonijiet tal-kreditu u d-divulgazzjoni ġenerali u perjodika tal-attivitajiet ta' gradazzjoni tal-kreditu. Għalhekk, il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti jipprovdi protezzjoni ekwivalenti f’termini ta’ integrità, trasparenza, governanza tajba tal-aġenziji ta’ gradazzjoni tal-kreditu u affidabbiltà tal-attivitajiet ta’ gradazzjoni tal-kreditu.

(7)Skont it-tielet kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, ir-reġim regolatorju f’pajjiż terz irid jipprevjeni l-indħil mill-awtoritajiet superviżorji u awtoritajiet pubbliċi oħra ta’ dak il-pajjiż terz fil-kontenut u fil-metodoloġiji tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. F’dan ir-rigward, l-SEC u kwalunkwe awtorità pubblika oħra fl-Istati Uniti huma pprojbiti bil-liġi milli jindaħlu fis-sustanza tal-gradazzjonijiet tal-kreditu u fil-metodoloġiji tal-gradazzjoni tal-kreditu.

(8)Il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti għadu jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet stabbiliti oriġinarjament fl-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Madankollu, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 introduċa rekwiżiti addizzjonali għas-CRAs irreġistrati fl-Unjoni li jagħmlu r-reġim legali u superviżorju għal dawk is-CRAs aktar strett. Dawn ir-rekwiżiti addizzjonali jinkludu regoli legalment vinkolanti għal CRAs dwar prospetti ta’ gradazzjoni, ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità, bidliet fil-metodoloġiji ta’ gradazzjoni, u l-preżentazzjoni u d-divulgazzjoni ta’ gradazzjonijiet tal-kreditu.

(9)F’konformità mal-punt (1)(b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 462/2013, ir-rekwiżiti addizzjonali japplikaw għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-ekwivalenza ta’ oqfsa legali u superviżorji ta’ pajjiżi terzi mill-1 ta’ Ġunju 2018.

(10)F’dan id-dawl, fit-13 ta’ Lulju 2017 il-Kummissjoni talbet parir lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti, fost oħrajn, ma’ dawn ir-rekwiżiti addizzjonali introdotti mir-Regolament (UE) Nru 462/2013 u l-ġudizzju tiegħu dwar l-importanza materjali ta’ kwalunkwe differenza.

(11)Fil-parir tekniku tagħha ppubblikat fit-17 ta’ Novembru 2017, l-ESMA indikat li l-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti fir-rigward tas-CRAs jinkludi dispożizzjonijiet suffiċjenti li jissodisfaw ir-rekwiżiti addizzjonali introdotti bir-Regolament (UE) Nru 462/2013.

(12)Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi definizzjoni ta’ prospetti ta’ gradazzjoni fl-Artikolu 3(1)w u issa r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jestendi ċerti rekwiżiti applikabbli għall-gradazzjonijiet tal-kreditu għall-prospetti tal-gradazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti jirrikonoxxi osservazzjonijiet ta’ gradazzjoni, li huma tip ta’ prospetti ta’ gradazzjoni skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, bħala inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

(13)Bil-ħsieb li tissaħħaħ il-perċezzjoni tal-indipendenza tal-aġenziji tal-gradazzjoni tal-kreditu vis-à-vis l-entitajiet iggradati, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jestendi fl-Artikolu 6(4), 6a u 6b tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 ir-regoli dwar il-kunflitti ta’ interess għal dawk ikkawżati mill-azzjonisti jew membri li għandhom pożizzjoni sinifikanti fis-CRA. Bl-istess mod, il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti jinkludi dispożizzjonijiet biex jipprovdu protezzjoni f’sitwazzjoni fejn l-azzjonisti ta’ NRSRO jistgħu joħolqu kunflitti ta’ interess għas-CRAs.

(14)Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi dispożizzjonijiet ġodda biex jiżgura li informazzjoni kunfidenzjali tintuża biss għal skopijiet relatati ma’ attivitajiet ta’ gradazzjoni ta’ kreditu u tkun protetta minn frodi, serq jew użu ħażin. Għal dak il-għan, l-Artikolu 10(2a) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jeħtieġ li s-CRAs jittrattaw il-gradazzjonijiet tal-kreditu, il-prospetti ta’ gradazzjoni u l-informazzjoni kollha relatata magħhom bħala informazzjoni privileġġjata sal-punt tad-divulgazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti jirrikonoxxi li azzjoni ta’ gradazzjoni mhux ippubblikata tista’ tikkostitwixxi informazzjoni privileġġjata. NRSRO irid ikollha politiki u proċeduri biex tevita divulgazzjoni selettiva u mhux xierqa ta’ informazzjoni materjali mhux pubblika miksuba b’rabta mal-prestazzjoni ta’ servizzi ta’ gradazzjoni ta’ kreditu. Għaldaqstant hemm qafas kredibbli fis-seħħ li jipproteġi kontra l-użu ħażin ta’ informazzjoni kunfidenzjali.

(15)Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 għandu l-għan li jżid il-livell ta’ trasparenza u kwalità tal-metodoloġiji ta’ gradazzjoni. Fl-Anness I, Taqsima D, Sottotaqsima I paragrafu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jintroduċi obbligu biex is-CRAs jipprovdu lill-entità gradata bl-opportunità li tindika kwalunkwe żball fattwali possibbli qabel il-pubblikazzjoni tal-gradazzjoni tal-kreditu jew il-prospetti ta’ gradazzjoni. Il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti ma għandux l-istess rekwiżit, iżda NRSRO għandu jkollha proċeduri biex tinforma lil obbliganti ggradati u lil emittenti ta’ titoli ggradati jew strumenti tas-suq monetarju dwar deċiżjonijiet ta’ gradazzjoni tal-kreditu u għal appelli għal deċiżjonijiet tal-gradazzjoni tal-kreditu finali u pendenti.

(16)Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi salvagwardji fl-Artikolu 8 (5a), (6) aa u ab u (7) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 biex jiżgura li kwalunkwe modifika fil-metodoloġiji tal-gradazzjoni ma tirriżultax f’metodoloġiji inqas rigorużi. Il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti jirrikjedi li kull NRSRO tistabbilixxi, tmantni, tinforza, u tiddokumenta politiki mfassla b’mod raġonevoli biex jiżguraw li l-bidliet materjali fil-proċeduri u l-metodoloġiji jiġu ppubblikati fil-pront fuq parti faċilment aċċessibbli tas-sit web tal-NRSRO. M’hemm l-ebda obbligu speċifiku biex żball identifikat f’metodoloġija jiġi kkoreġut, iżda huwa implikat minn dispożizzjonijiet aktar ġenerali dwar il-kwalità tal-metodoloġiji.

(17)Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 isaħħaħ ir-rekwiżiti dwar il-preżentazzjoni u d-divulgazzjoni tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. F’konformità mal-Artikolu 8(2) u l-Anness I, it-Taqsima D, is-Sottotaqsima I il-paragrafu 2a tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, CRA għandha takkumpanja d-divulgazzjoni ta’ metodoloġiji, mudelli u suppożizzjonijiet ewlenin ta’ gradazzjoni bi gwida ċara u li tinftiehem faċilment, li tispjega kwalunkwe suppożizzjoni, il-parametri, il-limiti u kwalunkwe inċertezza dwar il-mudelli u l-metodoloġiji ta’ gradazzjoni użati fil-proċess tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. Il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti jinkludi rekwiżiti biex tiġi żgurata li gwida adegwata li takkumpanja azzjoni u metodoloġija tal-gradazzjoni tal-kreditu. Hemm ukoll rekwiżiti li jiżguraw gradazzjoni tal-kreditu li tirrifletti l-informazzjoni kollha maħsuba li tkun rilevanti.

(18)Bil-għan li tissaħħaħ il-kompetizzjoni u jiġi limitat l-ambitu għal kunflitti ta’ interess fis-settur tas-CRA, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 jintroduċi rekwiżit fl-Anness I, it-Taqsima E, is-Sottotaqsima II tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 li jenħtieġ li t-tariffi imposti mis-CRAs għal gradazzjonijiet tal-kreditu u servizzi anċillari jkunu nondiskriminatorji u bbażati fuq kostijiet attwali. Dan jirrikjedi li s-CRAs jiddivulgaw ċerta informazzjoni finanzjarja. Il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti fih obbligi ġenerali biex tiġi rreġistrata u maħżuna informazzjoni dwar it-tariffi u l-komunikazzjoni tal-klijent li jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-objettiv ta’ trasparenza, kompetizzjoni u mitigazzjoni tal-kunflitti ta’ interess u jirrikjedi li l-NRSROs jippreżentaw għadd ta’ rapporti finanzjarji mas-SEC kull sena.

(19)Il-prinċipju ta’ proporzjonalità u approċċ ibbażat fuq ir-riskju jiggwidaw lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni ta’ reġim regolatorju ta’ pajjiż terz. Fid-dawl tal-fatturi eżaminati flimkien u l-parir tekniku pprovdut mill-ESMA, il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti għas-CRAs jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 u jenħtieġ li jibqa’ jitqies bħala ekwivalenti għall-qafas legali u superviżorju stabbilit minn dak ir-Regolament.

(20)Għal raġunijiet ta’ ċertezza tad-dritt, jenħtieġ li tiġi adottata Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni ġdida u li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/628/UE għalhekk titħassar.

(21)Jenħtieġ li l-Kummissjoni, assistita mill-ESMA, tkompli timmonitorja fuq bażi regolari, l-evoluzzjoni tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CRAs, l-iżviluppi tas-suq u l-effettività tal-kooperazzjoni superviżorja fir-rigward tal-monitoraġġ u l-infurzar fl-Istati Uniti tal-Amerika biex tiġi żgurata l-konformità kontinwa.

(22)Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, il-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti għall-aġenziji ta' gradazzjoni tal-kreditu, għandu jitqies bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/628/UE titħassar.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 29.7.2019

   Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Jean-Claude JUNCKER

(1)    ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1
(2)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/628/UE dwar ir-rikonoxximent tal-qafas legali u superviżorju tal-Istati Uniti tal-Amerika bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 274, 9.10.2012, p. 32)
(3)    Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 146, 31.5.2013, p. 1).