DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI (UE) .../…
ta’ 15.5.2019
li temenda d-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-istabbiliment ta’ indikaturi tar-riskju armonizzati
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi 1 , u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tagħha,
Billi:
(1)Id-Direttiva 2009/128/KE timmira li tnaqqas ir-riskji u l-impatti tal-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u li tippromwovi l-użu ta’ ġestjoni integrata ta’ organiżmi ta’ ħsara u ta’ approċċi jew tekniki alternattivi sabiex tnaqqas id-dipendenza fuq l-użu tal-pestiċidi.
(2)Fir-rapport tagħha ta’ Ottubru 2017 dwar il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali tal-Istati Membri u dwar il-progress fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/128/KE dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi 2 , il-Kummissjoni impenjat ruħha biex taħdem mal-Istati Membri biex tilħaq kunsens magħhom dwar l-iżvilupp ta’ indikaturi tar-riskju armonizzati.
(3)F’Diċembru 2017, fir-risposta tagħha għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “Projbizzjoni tal-glifosat biex b’hekk in-nies u l-ambjent ikunu protetti mill-pestiċidi tossiċi” 3 , il-Kummissjoni impenjat ruħha li tistabbilixxi indikaturi tar-riskju armonizzati sabiex jiġu mmonitorjati x-xejriet fit-tnaqqis tar-riskju mill-użu tal-pestiċidi fil-livell tal-Unjoni.
(4)Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti indikaturi tar-riskju armonizzati sabiex jitkejjel il-progress miksub fl-ilħiq ta’ dawn l-objettivi fil-livell tal-Unjoni, u b'hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jimmaniġġjaw u jirrapportaw dwar ir-riskju fil-livell nazzjonali.
(5)Skont l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2009/128/KE il-Kummissjoni trid tikkalkula l-indikaturi tar-riskju fil-livell tal-Unjoni billi tuża data statistika miġbura b’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rigward l-istatistika dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u data rilevanti oħra, sabiex tagħmel stima tax-xejriet fir-riskji mill-użu tal-pestiċidi.
(6)Skont l-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 1185/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 l-istatistika prodotta skont dak ir-Regolament, flimkien ma’ data rilevanti oħra, isservi l-iskop tal-Artikoli 4 u 15 tad-Direttiva 2009/128/KE, jiġifieri l-istabbiliment ta’ Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali u l-kalkolu tal-indikaturi. Sal-lum, ma nkiseb l-ebda approċċ armonizzat fil-livell tal-Unjoni għall-ġbir tal-istatistika dwar l-użu tal-prodotti gћall-protezzjoni tal-pjanti skont ir-Regolament (KE) Nru 1185/2009 u għalhekk tali data mhijiex disponibbli.
(7)Skont l-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 l-Istati Membri jistgħu, f’ċirkostanzi speċjali, jawtorizzaw għal perjodu li ma jaqbiżx il-120 jum, it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, għal użu limitat u kkontrollat, fejn miżura bħal din tidher li tkun meħtieġa minħabba periklu li ma jistax jiġi kkontrollat b’ebda mezz raġonevoli ieħor. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi approvati jew mhux approvati.
(8)L-indikatur tar-riskju armonizzat jista’ jkun ibbażat biss fuq data statistika miġbura b’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-istatistika ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u data rilevanti oħra, u, fin-nuqqas ta’ statistika dwar l-użu tal-prodotti gћall-protezzjoni tal-pjanti, l-unika data rilevanti u attwalment disponibbli hija l-istatistika dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u n-numru ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-Istati Membri f’ċirkostanzi speċjali skont l-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Tali indikaturi jenħtieġ li jiġu ssupplimentati b’indikaturi oħra b’tali mod li jistgħu jiġu inklużi elementi oħra ta’ riskju.
(9)Huwa xieraq li l-kategorizzazzjoni tas-sustanzi attivi użata f’din id-Direttiva tirrifletti l-kategorizzazzjoni prevista fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, jew bħala sustanzi attivi b’riskju baxx, bħala kandidati għas-sostituzzjoni jew bħala sustanzi attivi oħra, abbażi, fost l-oħrajn, tal-klassifikazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 .
(10)Is-sustanzi attivi skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jistgħu jkunu sustanzi attivi kimiċi jew mikroorganiżmi. Skont id-Direttiva 2009/128/KE l-Istati Membri jridu jagħtu prijorità, meta jkun possibbli, lill-metodi mhux kimiċi tal-ġestjoni tal-organiżmi ta’ ħsara. Għalhekk, huwa xieraq, meta jiġu stabbiliti l-indikaturi tar-riskju armonizzati, li s-sustanzi attivi kimiċi u l-mikroorganiżmi jiġu kategorizzati separatament.
(11)F’każijiet fejn l-Istati Membri jagħtu awtorizzazzjonijiet skont l-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 dwar is-sustanzi attivi mhux approvati, il-kwantitajiet ta’ sustanzi attivi mhux approvati li jinsabu fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti mqiegħda fis-suq sussegwentement, jiġu kkomunikati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1185/2009. Sal-lum, ma hemmx approċċ armonizzat fil-livell tal-Unjoni għall-ġbir ta’ data dwar il-kwantitajiet speċifiċi ta’ sustanzi attivi approvati li jinsabu fi prodotti gћall-protezzjoni tal-pjanti li jitqiegħdu fis-suq marbuta mal-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.