REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta’ 28.3.2019
dwar programm multiannwali tal-Unjoni kkoordinat u ta’ kontroll għall-2020, l-2021 u l-2022 biex tiġi żgurata l-konformità mal-livelli massimi ta’ residwi ta’ pestiċidi fi u fuq ikel li joriġina mill-pjanti u mill-annimali u biex jiġi vvalutat l-esponiment tal-konsumatur għalihom
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 29(2) tiegħu,
Billi:
(1)Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1213/2008 2 ġie stabbilit l-ewwel programm Komunitarju multiannwali kkoordinat u ta’ kontroll li jkopri s-snin 2009, 2010 u 2011. Il-programm tkompla permezz ta’ Regolamenti konsekuttivi tal-Kummissjoni. L-aktar wieħed riċenti kien ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/555 3 .
(2)Hemm bejn tletin u erbgħin prodott tal-ikel li jikkostitwixxu l-komponenti ewlenin tad-dieta fl-Unjoni. Peress li l-użi tal-pestiċidi juru bidliet sinifikanti tul perjodu ta’ tliet snin, il-pestiċidi f’dawk il-prodotti tal-ikel jenħtieġ li jiġu ssorveljati tul sensiela ta’ ċikli ta’ tliet snin biex l-esponiment tal-konsumatur u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jkunu jistgħu jiġu vvalutati.
(3)L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”), bagħtet rapport xjentifiku dwar valutazzjoni tad-disinn tal-programm ta’ monitoraġġ tal-pestiċidi. Ikkonkludiet li rata ta’ skorriment tal-MRL li tkun ogħla minn 1 % tista’ tiġi stmata b’marġini ta’ żball ta’ 0,75 % billi jintgħażlu 683 unità ta’ kampjun għal minimu ta’ 32 prodott differenti tal-ikel 4 . Il-ġbir ta’ dawn il-kampjuni jenħtieġ li jitqassam fost l-Istati Membri skont il-kobor tal-popolazzjoni, b’minimu ta’ 12-il kampjun għal kull prodott u għal kull sena.
(4)Tqiesu r-riżultati analitiċi mill-programmi uffiċjali ta’ kontroll preċedenti tal-Unjoni biex jiġi żgurat li l-firxa ta’ pestiċidi koperti mill-programm ta’ kontroll tkun rappreżentattiva tal-pestiċidi użati.
(5)Gwida dwar il-proċeduri ta’ kontroll analitiku tal-kwalità u ta’ validazzjoni tal-analiżi tar-residwi tal-pestiċidi fl-ikel u fl-għalf (Analytical quality control and validation procedures for pesticide residues analysis in food and feed) tinsab ippubblikata fis-sit web tal-Kummissjoni 5 .
(6)Fejn id-definizzjoni ta’ residwu ta’ pestiċida tinkludi sustanzi attivi oħra, metaboliti u/jew prodotti li jirriżultaw minn diżintegrazzjoni jew minn reazzjoni, dawk il-komposti jenħtieġ li jiġu rrappurtati separatament sakemm jitkejlu b’mod individwali 6 .
(7)L-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel laħqu qbil dwar il-miżuri ta’ implimentazzjoni, bħad-Deskrizzjoni Standard tal-Kampjuni (SSD), għas-sottomissjoni tar-riżultati tal-analiżi tar-residwi tal-pestiċidi, relatati mat-tressiq tal-informazzjoni mill-Istati Membri.
(8)Għall-proċeduri tat-teħid ta’ kampjuni jenħtieġ li tapplika d-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/63/KE 7 , li tinkorpora l-metodi u l-proċeduri tat-teħid ta’ kampjuni rakkomandati mill-Kummissjoni tal-Codex Alimentarius.
(9)Jeħtieġ li jiġi evalwat jekk il-livelli massimi ta’ residwi għall-ikel tat-trabi u tat-tfal żgħar, stipulati fl-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/141/KE 8 u fl-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/125/KE 9 humiex qed jiġu rrispettati, billi jitqiesu biss id-definizzjonijiet tar-residwi kif inhuma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 396/2005.
(10)Fir-rigward tal-metodi ta’ residwu uniku, l-Istati Membri jistgħu jkunu kapaċi jilħqu l-obbligi ta’ analiżi tagħhom billi jirrikorru għal-laboratorji uffiċjali li diġà jkollhom il-metodi vvalidati meħtieġa.
(11)Jenħtieġ li l-Istati Membri jressqu l-informazzjoni li tikkonċerna s-sena kalendarja preċedenti sal-31 ta’ Awwissu ta’ kull sena.