MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-ATT DELEGAT

It-terminu “vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija” jkopri firxa wiesgħa ta’ tipi differenti ta’ vetturi b’tal-anqas żewġ fusien, pereżempju t-tratturi ta’ karreġġata dejqa, it-tratturi b’wisa’ addizzjonali, it-tratturi biċ-ċineg, il-karrijiet agrikoli u t-tagħmir irmunkat interkambjabbli, bħar-rombli, l-imħaret, il-magni taż-żrigħ, eċċ.

Ir-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip applikabbli għall-vetturi agrikoli u forestali huma stabbiliti fid-Direttiva 2003/37/KE 1 u d-Direttivi ta’ implimentazzjoni tagħha li tħassru b’effett mill-1 ta’ Jannar 2016 u ġew sostitwiti bir-Regolament (UE) Nru 167/2013 2 u l-erba’ atti delegati u l-att wieħed ta’ implimentazzjoni tiegħu.

Il-Kummissjoni Ewropea tixtieq taġġorna dan il-pakkett leġiżlattiv ġdid skont il-progress tekniku billi temenda r-Regolament (UE) 2015/208 permezz tal-aġġornament ta’ ċerti rekwiżiti skont l-aħħar avvanzi tekniċi u billi tikkoreġi ċerti żbalji editorjali, wara li rċeviet kumment mill-partijiet ikkonċernati u mill-Istati Membri fl-ewwel perjodu ta’ implimentazzjoni. Aktar preċiżament, dan l-att jinkludi referenzi aġġornati għal Regolamenti tan-NU/KEE applikabbli direttament, rekwiżiti mtejba għas-sistemi tal-istering biex dawn jiġu allinjati mar-regolamentazzjoni internazzjonali, rekwiżiti għall-viżibbiltà mtejba maħsuba biex jitnaqqsu l-inċidenti tat-traffiku, meded ta’ frekwenza xierqa għat-testjar tal-kompatibbiltà elettromanjetika, rekwiżiti ta’ sikurezza għal vetturi b’wisa’ sa 3 m, jekk tali dimensjoni tkun meħtieġa biex jiġu akkomodati tajers usa’, jew għodod għal xogħol fl-għelieqi kif ukoll korrezzjonijet u titjib tar-rekwiżiti marbuta mat-testjar u l-użu tal-igganċjar mekkaniku.

2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT

FIt-tħejjija ta’ dan l-att, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjonijiet xierqa fil-livell tal-esperti, li kienu jinkludu l-partijiet ikkonċernati industrijali rilevanti, l-imsieħba soċjali u l-esperti mill-Istati Membri, skont l-Artikolu 7 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat dwar il-Vetturi Agrikoli u Forestali (ENTR/1644/04) adottati mill-Kumitat għall-adattament għall-progress tekniku tad-Direttivi dwar “Tratturi Agrikoli” - CATP-AT tal-14 ta’ Diċembru 2004 3 . Ġie osservat li l-CATP-AT inħoloq skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/37/KE.

Dan l-att ġie soġġett għal konsultazzjoni pubblika permezz tal-Portal għal Regolamentazzjoni Aħjar mill-5 ta’ Diċembru 2017 sat-2 ta’ Jannar 2018; ma waslux kummenti.

3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT

(a)Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika ta’ dan l-att delegat huwa r-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija.

(b)L-għażla tal-istrumenti

Regolament huwa l-istrument ix-xieraq biex jiġi emendat ir-Regolament (UE) 2015/208.

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta’ 15.2.2018

li jemenda u jikkoreġi r-Regolament Delegat (UE) 2015/208 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tas-sikurezza funzjonali tal-vetturi għall-approvazzjoni ta’ vetturi għall-agrikoltura u l-forestrija

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija 4 , u b’mod partikulari l-Artikoli 17(5) u 49(3) tiegħu,

Billi:

(1)Ir-regolamenti tan-NU/KEE li japplikaw fuq bażi obbligatorja u li huma stipulati fl-Anness I tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/208 5 jiġu aġġornati regolarment. F’dak ir-rigward, il-lista għandha tiġi kkomplementata b’nota ta’ spjegazzjoni li tiċċara li l-manifatturi huma permessi jużaw supplimenti sussegwenti tas-serje ta’ emendi applikabbli ta’ dawk ir-regolamenti tan-NU/KEE, anke jekk mhumiex ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(2)Ċerti żbalji editorjali fil-lista ta’ Regolamenti tan-NU/KEE stipulati fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2015/208 jeħtieġ li jiġu kkoreġuti.

(3)Biex l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jimplimentaw ir-Regolament Delegat 2015/208 mingħajr xkiel, ikun meħtieġ titjib editorjali għall-Anness IV kif ukoll referenzi preċiżi għall-kategoriji ta’ vetturi li japplika għalihom dak l-Anness.

(4)Ir-rekwiżiti dwar l-istering, stabbiliti fl-Anness V tar-Regolament Delegat (UE) 2015/208, jeħtieġ li jiġu adattati għall-progress tekniku f’konformità mal-istandard tal-ISO 10998:2008 u mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament tan-NU/KEE Nru 79, li huwa inkluż fil-lista stabbilita fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2015/208.

(5)Il-vetturi agrikoli u tal-forestrija moderni jiġu esposti għal sinjali elettromanjetiċi li l-frekwenza tagħhom tilħaq sa 2 000 MHz. Għalhekk, l-Anness XV tar-Regolament Delegat (UE) 2015/208 jenħtieġ li jiġi emendat biex jinkludi l-firxiet ta’ frekwenzi xierqa għat-testjar u li jiġi allinjat mar-Regolament tan-NU/KEE Nru 10, li jinkludi dawn ir-rekwiżiti tat-testjar u japplika bħala alternattiva għar-rekwiżiti stipulati fl-Anness XV.

(6)It-tekniki moderni tal-agrikoltura jeħtieġu li jintużaw tajers usa’ biex il-ħamrija ma tiġix kompatta żżejjed, kif ukoll l-użu ta’ għodod ta’ daqs akbar. Għaldaqstant, ir-rekwiżiti dwar id-dimensjonijiet u mases tal-karrijiet stipulati fl-Anness XXI tar-Regolament Delegat (UE) 2015/208 jeħtieġ li jiġu adattati fir-rigward tal-wisa’ tal-vettura f’konformità ma’ dak li diġà huwa permess f’għadd ta’ Stati Membri.

(7)L-adattament tar-rekwiżiti tad-dimensjonijiet jinvolvi l-ħtieġa li jiġu adattati xi wħud mir-rekwiżiti stipulati fl-Annessi tar-Regolament Delegat (UE) 2015/208, jiġifieri l-Anness VII dwar il-kamp ta' viżjoni u l-wajpers tal-windskrin, l-Anness XII dwar l-installazzjonijiet tad-dawl, l-Anness XIV dwar il-parti esterna u l-aċċessorji tal-vettura, l-Anness XXVI dwar strutturi protettivi fuq in-naħa ta’ wara u l-Anness XXVIII dwar il-pjattaformi tat-tagħbija peress li d-dispożizzjonijiet tagħhom jiddependu direttament fuq il-wisa’ permissibbli tal-vettura.

(8)Huwa stmat li l-inċidenti fatali jistgħu jitnaqqsu b’mod konsiderevoli jekk tittejjeb il-viżibbiltà tal-vetturi agrikoli u forestali permezz tal-adattament tar-rekwiżiti għal installazzjonijiet tad-dawl imtejba kif xieraq fl-Anness XII tar-Regolament Delegat (UE) 2015/208.

(9)Biex ir-rekwiżiti tat-testjar stipulati fl-Anness XXXIV tar-Regolament Delegat (UE) 2015/208 ikunu jistgħu jiġu applikati b’mod korrett, huwa xieraq li formula matematika partikolari marbuta ma’ dan it-testjar tiġi aġġornata.

(10)Biex jiġi żgurat li tiġi mħarsa is-sikurezza fit-toroq, fir-rigward tal-karrijiet u l-makkinarju irmunkat interkambjabbli li għalihom japplika r-Regolament (UE) Nru 167/2013, ir-rekwiżiti għall-igganċjar mekkaniku fl-Anness XXXIV tar-Regolament Delegat (UE) 2015/208 jenħtieġ li jiġi adattat biex ikunu jistgħu jintuża l-igganċar mekkaniku bi tliet (3) punti u jenħtieġ li jiddaħħlu speċifikazzjonijiet imtejba għall-igganċar mekkaniku fuq il-vetturi rmunkati.

(11)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2015/208 jiġi emendat u kkoreġut skont dan.

(12)Minħabba li dan ir-Regolament fih għadd ta’ korrezzjonijiet li jridu jsiru fir-Regolament Delegat (UE) 2015/208, jenħtieġ li dan jidħol fis-seħħ b’urġenza,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1
Emendi tar-Regolament Delegat (UE) 2015/208

L-Annessi I, V, VII, XII, XIV, XV, XXI, XXVI, XXVII, XXVIII u XXXIV tar-Regolament Delegat(UE) 2015/208 huma emendati skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2
Korrezzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2015/208

L-Annessi I, IV, XII u XXXIV tar-Regolament Delegat (UE) 2015/208 huma kkoreġuti skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3
Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 15.2.2018

   Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Jean-Claude JUNCKER

(1)    Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2003/37/KE tas-26 ta' Mejju 2003 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' tratturi għall-agrikoltura jew għall-foresti, il-karrijiet tagħhom u makkinarju rmunkat interkambjabbli, flimkien mas-sistemi tagħhom, komponenti u unitajiet tekniċi separati u r-revoka tad-Direttiva 74/150/KEE (ĠU L 171, 9.7.2003, p. 1).
(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 1).
(3)    https://circabc.europa.eu/sd/a/18f12b3e-2608-47a7-8b96-073fee056b25/19_en.pdf
(4)    ĠU L 60, 2.3.2013, p. 1.
(5)    Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/208 tat-8 ta' Diċembru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' rekwiżiti ta' sikurezza funzjonali tal-vetturi għall-approvazzjoni ta' vetturi għall-agrikoltura u l-forestrija (ĠU L 42, 17.2.2015, p. 1).

ANNESS I

Emendi tar-Regolament Delegat (UE) 2015/208 

L-Annessi I, V, VII, XII, XIV, XV, XXI, XXVI, XXVII, XXVIII u XXXIV tar-Regolament Delegat(UE) 2015/208 huma emendati hekk:

1.Tiddaħħal in-nota li ġejja wara t-tabella fl-Anness I:

“Id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali tar-Regolamenti tan-NU/KEE elenkati fit-tabella japplikaw, ħlief fejn dan ir-Regolament jipprevedi dati alternattivi speċifiċi. Il-konformità mal-preskrizzjonijiet skont emendi sussegwenti għal dawk elenkati f'din it-tabella għandhom jiġu aċċettati wkoll.”.

2.Fl-Anness V, l-ewwel sentenza tal-punt 3.1.2 tinbidel b’dan li ġej:

“L-isforz tal-istering meħtieġ sabiex il-vettura ddur dawra tond b’radju ta’ 12-il m, mill-pożizzjoni fejn l-istering jipponta eżatt faċċata, m’għandux jeċċedi 25 daN fil-każ ta’ apparat tal-istering intatt.

3.Fl-Anness VII, is-sentenza li ġejja tiżdied mal-punt 2:

“It-testijiet u l-kriterji ta’ aċċettazzjoni stipulati fl-ISO 5721-2:2014 għandhom japplikaw ukoll għal tratturi wiesa’ aktar minn 2,55 m.”.

4.L-Anness XII huwa emendat kif ġej:

(a)Il-punt 6.15.1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.15.1. Preżenza: Obbligatorja fuq il-vetturi kollha b’tul li jaqbeż l-4,6 m. Fakultattiva għall-vetturi l-oħra kollha.”;

(b)il-punt 6.15.6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.15.6. Orjentament: Lejn il-ġenb. Fejn l-orjentament ma jinbidilx, jista’ jdur ir-riflettur.”;

(c)il-punt 6.18.1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.18.1. Preżenza: Obbligatorja fuq it-tratturi kollha b’tul li jaqbeż l-4,6 m. Obbligatorja fuq il-karrijiet tal-kategoriji R3 u R4 li t-tul tagħhom jaqbeż l-4,6 m. Fakultattiva għall-vetturi l-oħra kollha.”;

(d)fil-punt 6.18.4.3, l-aħħar paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

“Madanakollu, għall-vetturi li t-tul tagħhom ma jaqbiżx is-6 m u għall-kabini tax-xażi, huwa biżżejjed li jkun hemm fanal wieħed li jimmarka l-ġnub imwaħħal fl-ewwel terz jew fl-aħħar terz ta' tul il-vettura. Għat-tratturi, biżżejjed li jkun hemm fanal wieħed li jimmarka l-ġnub imwaħħal fit-terz tan-nofs tat-tul tal-vettura.”;

(e)jiżdied il-paragrafu li ġej fil-punt 6.18.4.3.:

“Il-fanal li jimmarka l-ġenb jista’ jkun parti mill-istess superfiċje li titfa’ d-dawl bħar-retroriflettur li jindika l-ġenb.”;

(f)il-punt 6.26.1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.26.1. Preżenza:

Obbligatorja fuq vetturi b’wisa’ totali ta’ aktar minn 2,55 m.

Fakultattiv fuq vetturi b’wisa’ totali li ma taqbiżx it-2,55 m.”.

5.Fl-Anness XIV, il-punt 2.1. jinbidel b’dan li ġej:

“2.1.Dan l-Anness għandu japplika għal dawk il-partijiet tas-superfiċje ta' barra li, bil-vettura f'kondizzjoni mgħobbija, b'tajers tal-ogħla dijametru jew sett ta' ċineg tal-ogħla dimensjoni vertikali, li mhumiex maħsuba għall-protezzjoni tal-ħamrija u li għalihom tkun approvata, bil-bibien, it-twieqi u l-għotjien ta' aċċess kollha eċċ, fil-pożizzjoni magħluqa, ikunu:”.

6.L-Anness XV huwa emendat kif ġej:

(a)fil-Parti 2, fil-punt 3.4.2.1., in-numru “1 000” jiġi sostitwit bin-numru “2 000” fiż-żewġ okkorrenzi tiegħu;

(b)Il-Parti 5 hija emendata kif ġej:

(i)fil-punt 1.2., jitħassru l-aħħar tliet sentenzi;

(ii)fil-punt 5.1.3., in-numru “1 000” jiġi sostitwit bin-numru “2 000”;

(iii)fil-punt 6.1., in-numru “1 000” jiġi sostitwit bin-numru “2 000”;

(iv)il-punt 6.1.1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.1.1. Biex ikun ikkonfermat li l-vettura tissodisfa r-rekwiżiti ta’ din il-Parti, il-vettura għandha tkun ittestjata sa 14-il frekwenza spot fil-medda, pereżempju: 27, 45, 65, 90, 120, 150, 190, 230, 280, 380, 450, 600, 750, 900 u minn 1 000 sa 2 000 MHz, skont l-inkrement speċifikat fl-ISO 11451-1, it-3et. ed., 2005 u Amd 1:2008.";

(v)fil-punt 7.1.2., in-numru “1 000” jiġi sostitwit bin-numru “2 000”;

(vi)fil-punt 7.4., tiżdied is-sentenza li ġejja:

Il-vettura għandha tkun esposta għar-radjazzjoni elettromanjetika fil-firxiet ta' frekwenza bejn 20 u 2 000 MHz f'polarizzazzjoni vertikali.”;

(vii)il-punt 7.4.2 jinbidel b'dan li ġej:

“7.4.2. Il-forma tal-mewġa tas-sinjal tat-test

Il-modulazzjoni tas-sinjal għat-test għandha tkun:

a) Il-Modulazzjoni tal-Amplitudni (AM, b’modulazzjoni ta’ 1 kHz u fond tal-modulazzjoni ta’ 80 % (m=0,8 ± 0,04) fil-medda ta’ frekwenzi 20 – 1 000 Mhz (kif definit fil-Figura 3 ta’ din il-parti), u

b) Modulazzjoni tal-Impulsi (PM) b’ton = 577 μs u perjodu = 4 600 μs, fil-medda ta’ frekwenzi 1 000-2 000 Mhz, kif speċifikat fl-ISO 11451-1, it-3et ed., 2005 u Amd1:2008.";

(viii)jiddaħħal il-punt 7.4.4. li ġej:

“7.4.4 Ħin ta’ esponiment

Il-ħin ta’ esponiment għal kull frekwenza tat-test għandu jkun biżżejjed biex il-vettura ttestjata tirreaġixxi f’kundizzjonijiet normali. Fi kwalunkwe każ, dan ma jridx ikun inqas minn 2 sekondi.

7.L-Anness XXI huwa emendat kif ġej:

(a)il-punt 2.1. jinbidel b’dan li ġej:

“2.1.Id-dimensjonijiet massimi ta’ kwalunkwe vettura tal-kategorija T jew C huma kif ġej:

2.1.1. tul: 12-il m;

2.1.2.wisa’: 2,55 (mingħajr il-parti tal-ħitan tat-tajers li tingħafas ’il barra fil-punt tal-kuntatt mal-art)

Il-wisa’ tista’ tiżdied sa 3,00 m jekk dan ikun riżultat biss tal-installazzjoni ta’ tajers, ta’ ċineg tal-lastiku jew ta’ konfigurazzjonijiet b’tajers doppji, meħtieġa għall-protezzjoni tal-ħamirja, inkluż sistemi tas-soppressjoni tat-titjir, bil-kundizzjoni li l-wisa’ tal-istruttura permanenti tal-vettura tkun limitata għal 2,55m u l-vettura bl-approvazzjoni tat-tip tkun mgħammra wkoll b’sett wieħed ta’ tajers jew ta’ ċineg tal-lastku li meta jkunu armati, il-wisa’ tal-vettura ma jkunx aktar minn 2,55.

2.1.3.għoli: 4 m.";

(b)jiddaħħlu l-punti 2.3., 2.3.1., 2.3.2 u 2.3.3. li ġejjin:

“2.3. Id-dimensjonijiet massimi ta’ kwalunkwe vettura tal-kategorija R huma kif ġej:

2.3.1. tul: 12-il m;

2.3.2. wisa’: 2,55 m (mingħajr il-parti tal-ħitan tat-tajers li tingħafas ’il barra fil-punt tal-kuntatt mal-art);

Il-wisa’ jista’ jiżdied sa 3,00 m jekk jirriżulta biss minn waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a) l-użu ta’ konfigurazzjonijiet ta’ tajers għall-protezzjoni tal-ħamrija, bil-kundizzjoni li l-vettura tista’ wkoll tiġi mgħammra b’tal-anqas sett wieħed ta’ tajers fejn il-wisa’ ma taqbiżx it-2,55m. L-Istruttura tal-vettura meħtieġa għall-finijiet tat-trasport ma għandhiex teċċedi it-2,55 fil-wisa’. Fejn vettura tista’ wkoll tiġi mgħammra b’tal-anqas sett wieħed ta’ tajers fejn il-wisa’ ma taqbiżx it-2,55m, is-sistemi tas-soppressjoni tat-titjir, jekk armati, għandhom ikunu tali li l-wisa’ tal-vettura tkun limitata għal 2,55m;

(b) il-preżenza ta’ għodod, meħtieġa għat-tħaddim tal-vettura u f’konformità mad-dispożizzjonijiet li jimplimentaw id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*. L-istruttura tal-vettura meħtieġa għall-finijiet tat-trasport m’għandiex teċċedi t-2,55m fil-wisa’;

2.3.3. għoli: 4 m.

_________________

*    Id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (riformulazzjoni) (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24).”.

8.Fl-Anness XXVI, il-punt 2.4.2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.4.2.il-wisa’ tal-apparat fl-ebda punt ma għandu jeċċedi l-wisa’ tal-fus ta’ wara mkejjel mill-punti l-aktar fuq barra tar-roti, u eskluża l-qabża 'l barra tat-tajers qrib l-art, u lanqas m’għandha tkun aktar minn 10 cm iqsar fuq kull naħa. Meta hemm aktar minn fus ta’ wara wieħed, il-wisa’ li għandha tiġi kkunsidrata hija dik tal-iktar fus wiesa’. Fi kwalunkwe każ, il-wisa’ tal-apparat ma għandhiex teċċedi 2,55 m.”.

9.Fl-Anness XXVII, il-punt 2.1, l-ewwel sentenza tinbidel b’dan li ġej:

“Il-wisa’ tal-vettura bl-apparat magħha m’għandhiex taqbeż il-wisa’ totali massimu tal-vettura, jew 2,55m, skont liema jkun l-idjaq. Il-parti ewlenija tas-superfiċe ta’ barra tagħha m’għandhiex tkun aktar minn 120 mm ’il ġewwa mill-aktar pjan fuq barra (il-wisa’ massima) tal-vettura.”.

10.Fl-Anness XXVIIIII, il-punt 2, it-tieni inċiż jinbidel b'dan li ġej:

“— il-wisa’ ma taqbiżx il-wisa’ totali massima tat-trattur mingħajr apparat, jew 2,55m, skont liema jkun l-idjaq.

11.Fl-Anness XXXIV, jiddaħħal il-punt li ġej:

“2.9.    Fejn vettura rmunkata tkun qed tirmonka vettura oħra, l-igganċar mekkaniku tal-ewwel waħda għandu jikkonforma mar-rekwiżiti dwar l-igganċar mekkaniku għat-tratturi.”.



ANNESS II

Korrezzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2015/208 

L-Annessi I, IV, XII u XXXIV tar-Regolament Delegat (UE) Nru 2015/208 huma kkoreġuti kif ġej:

1.L-Anness I huwa kkoreġut kif ġej:

(a)ir-ringiela taħt ir-ringiela bir-Regolament Numru 5 titħassar;

(b)ir-ringiela taħt ir-ringiela bir-Regolament Numru 21 titħassar;

(c)ir-ringiela taħt ir-ringiela bir-Regolament Numru 75 titħassar.

2.L-Anness IV huwa kkoreġut kif ġej:

(a)il-punti 1.1., 1.2. u 2. jitħassru;

(b)jiżdiedu l-punti 2., 3. u 4. li ġejjin:

“2.Ir-rekwiżiti ta’ ISO 10998:2008, Amd 1 2014 għandhom japplikaw għall-istering ta’ vetturi li jappartjenu għall-kategoriji Tb u Cb b’veloċità massima skont id-disinn li teċċedi l-40 km/h u mhux aktar minn 60 km/h.

3. L-azzjoni tal-istering tat-tratturi tal-kategorija C trid tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 3.9 tal-Anness XXXIII.

4. Ir-rekwiżiti dwar l-isforz tal-istering għall-vetturi msemmija fil-punt 1 għandhom ikunu l-istess bħal dawk għall-vetturi tal-kategorija N2 stabbiliti fit-taqsima 6 tar-Regolament NU/KEE Nru 79 kif imsemmi fl-Anness I.

Għal vettura mgħammra b’sarġ u manubriji, l-istess sforz tal-istering għandu japplika f’nofs il-maqbad.”.

3.L-Anness XXII huwa kkoreġut kif ġej:

(a)l-aħħar sentenza tal-punt 6.15.5 tinbidel b'dan li ġej:

“L-angolu vertikali ta’ taħt l-orizzontali jista’ jitnaqqas għal 5o jekk l-għoli tar-riflettur mill-art ikun inqas minn 750 mm.”;

(b)fl-Appendiċi 3 it-titlu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Dimensjonijiet, daqs minimu tas-superfiċje li tirrifletti, rekwiżiti minimi fotometriċi u tal-kulur u identifikazzjoni u mmarkar tal-panels ta' sinjalar u tal-foils ta' sinjalar għall-vetturi b’wisa’ ta’ aktar minn 2,55 m”.

4.L-Anness XXXIV huwa kkoreġut kif ġej:

(a)fil-punt 3.4.1., il-formula għal h2 tinbidel b'dan li ġej:

"h2 ≤ (((mla - 0,2 × mt ) × 1 - (S × c))/(0,6 × (mlt - 0,2 × mt + S)))";

(b)fil-punt 8, il-punt (b) jinbidel b’dan li ġej:

"(b)tagħmir irmunkat interkambjabbli tal-kategorija R1a jew R2a maħsub primarjament biex jipproċessa materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(9) tar-Regolament (UE) Nru 167/2013;”.