MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT

Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (il-Kodiċi), b’konsistenza mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tissupplimenta ċerti elementi mhux essenzjali tal-Kodiċi, skont l-Artikolu 290 tat-TFUE. Il-Kummissjoni eżerċitat dawn is-setgħat billi fit-28 ta’ Lulju 2015 adottat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Dan ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni stabbilixxa dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali biex jissupplimentaw il-Kodiċi bil-ħsieb li jiżguraw applikazzjoni ċara u kif suppost tad-dispożizzjonijiet tiegħu.

Wara l-ewwel sena ta’ applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446, l-implimentazzjoni prattika tiegħu wriet il-ħtieġa li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 84 jiġu adattati sabiex ikun hemm applikazzjoni iktar effiċjenti u effettiva tar-regoli bażiċi stabbiliti permezz tal-Kodiċi u jkun hemm promozzjoni aħjar tat-tranżazzjonijiet doganali b’konformità mal-prattiki moderni.

Diversi Stati Membri u r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet kummerċjali ġibdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni b’mod ripetut għall-fatt li jeżistu numru ta’ diffikultajiet fir-rigward tal-applikazzjoni prattika tal-kundizzjoni speċifika dwar riżorsi finanzjarji biżżejjed fl-Artikolu 84 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 u ħeġġew lill-Kummissjoni biex tindirizza s-sitwazzjoni mill-aktar fis possibbli. Ġew ippreżentati r-raġunijiet u l-elementi rilevanti li ġejjin:

Ġie argumentat li r-riżorsi finanzjarji tal-operatur ekonomiku, li bħalissa jsir riferiment għalihom bħala kundizzjoni awtonoma fl-Artikolu 84, ma jistgħux jitqiesu li jirrappreżentaw l-istampa sħiħa tal-kapaċità ta’ dak l-operatur ekonomiku li jħallas l-ammont tad-dejn doganali u ħlasijiet oħrajn mhux koperti mill-garanzija. Din il-kundizzjoni li għandha x’taqsam mar-riżorsi finanzjarji biżżejjed hija limitata għal-likwidità u ġiet meqjusa restrittiva wisq. Għalhekk, ġie ssuġġerit li jitqiesu assi oħra, li jistgħu jinbidlu faċilment, sabiex tiġi determinata din il-kapaċità tal-operatur ekonomiku f’dan il-kuntest tad-deċiżjoni dwar it-tnaqqis jew ir-rinunzja tal-garanzija.

Barra minn hekk, fil-prattika ntwera li f’każijiet speċifiċi, l-ammont ta’ referenza stabbilit skont l-Artikolu 90 tal-Kodiċi għal djun doganali potenzjali u ħlasijiet oħra li jistgħu jiġġarrbu, jista’ jilħaq livell għoli ħafna li ma jkunx ġustifikat fit-termini tal-probabbiltà tal-ispiża attwali ta’ dak id-dejn doganali (eż. dejn doganali li jista’ jiġġarrab għat-tiswija ta’ vapur fi dħul temporanju). Il-fatt li dan il-fattur ta’ riskju ma jistax jiġi inkluż deher bħala ristrezzjoni żejda.

Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-applikazzjonijiet minn Operatur Ekonomiku Awtorizzat (AEO) għal tnaqqis jew għal rinunzja tal-garanzija, jidher li r-rekwiżiti attwali fl-Artikolu 84 huma aktar stretti mill-modalitajiet għall-valutazzjoni tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 95 tal-Kodiċi, u jeħtieġu valutazzjoni doppja meta mqabbel mal-operaturi ekonomiċi mhux awtorizzati, li ma jidhirx loġiku u huwa kemxejn kontradittorju.

2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT

Il-Kummissjoni żviluppat dan l-Att Delegat skont il-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea u l-Fehim Komuni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-atti delegati. L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra kollha ġew involuti kif xieraq u ġew ikkonsultati b’mod kostanti matul il-ħidma ta’ tħejjija.

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri dwar l-abbozz tat-test tal-proposta permezz ta’ laqgħat tal-grupp ta’ esperti rilevanti (il-Grupp ta’ Esperti dwar il-Kodiċi Doganali). Il-komunità tan-negozji ġiet ikkonsultata permezz ta’ korp konsultattiv tal-partijiet ikkonċernati rilevanti (il-Grupp ta’ Kuntatt dwar il-Kummerċ) f’laqgħat konġunti mal-esperti tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni qieset b’mod attiv il-kummenti kollha li waslulha matul dan l-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni, u sa fejn kien possibbli, inkludiethom f’din il-proposta, filwaqt li qieset dan l-objettiv – jenħtieġ li din tipprovdi raġunijiet suffiċjenti kemm għall-għoti jew għaċ-ċaħda tat-talba għal tnaqqis tal-garanzija jew għal rinunzja tal-garanzija, f’każ ta’ djun doganali potenzjali.

Il-partijiet ikkonċernati kollha qablu li din l-emenda jenħtieġ li:

1) tindirizza s-sitwazzjoni fejn il-kundizzjoni li turi biżżejjed riżorsi finanzjarji hija interpretata bħala limitata għad-disponibbiltà tal-likwidità neċessarja u b’hekk tidher restrittiva wisq;

2) tiċċara l-valutazzjoni tal-kundizzjoni dwar qagħda finanzjarja suffiċjenti;

3) tinvolvi l-introduzzjoni tal-element tar-riskju marbut mal-probabbiltà li jiġġarrab dejn doganali, fir-rigward tal-volum u tat-tip ta’ attivitajiet kummerċjali tal-operatur ekonomiku relatati mad-dwana u tat-tip ta’ prodotti li għalihom tenħtieġ il-garanzija;

4) tipprovdi serħan il-moħħ fir-rigward tad-dispożizzjoni legali stabbilita bl-Artikolu 38(5) tal-Kodiċi, li mhu se jsir l-ebda rieżami tal-kundizzjonijiet tal-AEO meta dawn ikunu diġà ġew ivvalutati matul il-fażi tal-għoti tal-istatus ta’ AEO, u li l-valutazzjoni tal-kapaċità li jitħallas l-ammont tad-dejn doganali u ħlasijiet oħrajn mhux koperti mill-garanzija għandha titwettaq matul l-evalwazzjoni tal-qagħda finanzjarja suffiċjenti fil-qafas tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni għal tnaqqis tal-livell tal-garanzija komprensiva jew tar-rinunzja tal-garanzija.

3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT

Il-bażi ġuridika ta’ dan ir-Regolament tinsab fid-delegi tas-setgħa tal-Artikolu 99(c) tal-Kodiċi.

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Peress li la l-Kodiċi u lanqas ir-Regolament Delegat li qed jiġi emendat b’dan ir-Regolament ma kienu soġġetti għal test tas-sussidjarjetà mhuwiex xieraq li jsir test bħal dan għal dan ir-Regolament. Ta’ min jinnota li l-Unjoni Doganali hija żona mingħajr fruntieri interni u hija bbażata fuq qafas armonizzat u awtomatizzat fil-livell tal-Unjoni u l-interdipendenza tal-Istati Membri. Għalhekk, sabiex tiffunzjona bla xkiel teħtieġ li kwalunkwe azzjoni legali rilevanti ulterjuri tiġi adottata fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk li jinvolvu sistemi transfruntiera.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità

F’termini ta’ proporzjonalità, dan ir-Regolament jirrispetta l-limiti tas-setgħat mogħtija mill-koleġiżlaturi u jikkonċerna biss elementi li jadattaw aħjar id-dispożizzjonijiet ġuridiċi eżistenti għar-rekwiżiti tal-prattika ta’ kuljum tal-awtoritajiet doganali u tal-operaturi ekonomiċi u ta’ persuni oħra għajr l-operaturi ekonomiċi.

Il-kontenut tal-proposta

Wara li vvalutat is-sitwazzjoni bir-reqqa, il-Kummissjoni waslet għall-fehma li jenħtieġ li l-kundizzjoni dwar “biżżejjed riżorsi finanzjarji” titħassar mit-test filwaqt li l-kunċett tal-valutazzjoni tal-qagħda finanzjarja jenħtieġ li jiġi ċċarat aktar fit-test legali. Barra minn hekk, hemm bżonn li f’din il-valutazzjoni jitqiesu l-elementi kollha rilevanti għas-sitwazzjoni waqt li tinżamm flessibbli u adattata għas-sitwazzjoni partikolari. Huwa importanti li l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jqisu r-riskji potenzjali relatati mat-tiġrib tad-djun doganali fir-rigward tal-karatteristiċi tal-attività kummerċjali, l-ispeċifiċità tat-tranżazzjoni u t-tip ta’ prodotti li għalihom tenħtieġ il-garanzija. Barra minn hekk, tqies importanti li jiġi ċċarat kif hemm bżonn li tinftiehem il-valutazzjoni tal-applikazzjoni mill-AEO f’dan ir-rigward, fid-dawl tad-duplikazzjoni tal-kriterji. Skont l-Artikolu 38(5) tal-Kodiċi, jenħtieġ li dawn ma jkunux soġġetti għal duplikazzjoni tal-proċeduri ta’ valutazzjoni. Madankollu jenħtieġ li jiġi ċċarat li s-simplifikazzjonijiet speċifiċi li AEO jista’ jkun jixtieq jibbenefika minnhom huma soġġetti għall-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet doganali u jeħtieġu li r-rekwiżiti speċifiċi relatati mas-simplifikazzjoni mitluba jkunu ssodisfati.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Peress li dan ir-Regolament huwa maħsub biss biex jadatta aħjar ir-regoli ġuridiċi attwali tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 għall-objettivi maħsuba tagħhom u peress li mhumiex previsti xi tibdiliet sostanzjali, ma tinħoloq l-ebda implikazzjoni baġitarja diretta minn dan ir-Regolament.

Il-kundizzjonijiet għall-għoti tar-rinunzja tal-garanzija jew ta’ tnaqqis ieħor tal-garanzija skont dan l-Artikolu huma tali li juru li d-debitur innifsu jipprevedi livell għoli ta’ ċertezza li d-dejn doganali se jitħallas. Din l-emenda mhix se tibdel is-sitwazzjoni f’dan ir-rigward.

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta’ 7.6.2018

li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 fir-rigward tal-kundizzjonijiet għal tnaqqis tal-livell tal-garanzija komprensiva u tar-rinunzja tal-garanzija

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 99(c) tiegħu,

Billi:

(1)L-Artikolu 95(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati minn operatur ekonomiku sabiex ikun awtorizzat jipprovdi garanzija komprensiva biex jiżgura l-ħlas tad-dejn doganali u ta’ ħlasijiet oħrajn. L-Artikolu 95(2) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 jistabbilixxi kriterji ulterjuri, li l-operaturi ekonomiċi jridu jissodisfaw sabiex ikunu awtorizzati jipprovdu tali garanzija komprensiva b’ammont imnaqqas jew biex ikollhom rinunzja tal-garanzija fir-rigward ta’ djun doganali u ħlasijiet oħrajn li jistgħu jġarrbu. Wieħed minn dawk il-kriterji huwa l-kriterju tas-solvenza finanzjarja 2 . Dan il-kriterju jitqies bħala ssodisfat meta l-applikant ikollu qagħda finanzjarja tajba, li tippermettilu jonora l-impenji tiegħu, filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-karatteristiċi tat-tip ta’ attività kummerċjali kkonċernata.

(2)Fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal tnaqqis tal-garanzija komprensiva jew għal rinunzja tal-garanzija, jenħtieġ li l-amministrazzjonijiet doganali jivvalutaw jekk l-applikant għandux il-kapaċità li jħallas l-ammont tad-dejn doganali u ħlasijiet oħra jekk dan ikun meħtieġ.

(3)L-Artikolu 84 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti minn operatur ekonomiku sabiex jiġi awtorizzat juża garanzija komprensiva b’ammont imnaqqas jew rinunzja tal-garanzija. Minbarra l-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti abbażi tal-kriterju dwar is-solvenza finanzjarja, dan jirrikjedi li l-applikant juri li għandu biżżejjed riżorsi finanzjarji sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu fir-rigward tal-ammont tad-dejn doganali u ta’ ħlasijiet oħrajn mhux koperti mill-garanzija li jista’ jġarrab. Madankollu, l-esperjenza prattika mill-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 u tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 turi li din il-kundizzjoni hija wisq restrittiva peress li hija interpretata bħala limitata għall-ħtieġa li wieħed ikollu l-likwidità neċessarja disponibbli. Il-likwidità mhux dejjem tirrappreżenta l-kapaċità unika ta’ operatur ekonomiku li jħallas l-ammont tad-dejn doganali jew ħlasijiet oħrajn li mhumiex koperti mill-garanzija. Jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll elementi oħra bħall-assi li jistgħu jinbidlu faċilment. Għalhekk jenħtieġ li l-element tal-likwidità jitqies bħala kundizzjoni awtonoma u tingħata kjarifika b’tali mod li l-valutazzjoni tal-kapaċità li l-operatur jissodisfa l-obbligi tiegħu li jħallas l-ammont tad-dejn doganali u ħlasijiet oħrajn mhux koperti mill-garanzija tkun integrata fil-valutazzjoni tal-qagħda finanzjarja tal-applikant.

(4)Fl-istess ħin u sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dawn ir-regoli, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-valutazzjoni tal-kundizzjoni dwar “qagħda finanzjarja suffiċjenti” f’relazzjoni mal-kapaċità tal-operatur ekonomiku li jħallas l-ammont tad-dejn doganali u ħlasijiet oħrajn mhux koperti mill-garanzija li jista’ jġarrab, hija speċifika għall-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal garanzija komprensiva b’ammont imnaqqas jew rinunzja tal-garanzija (simplifikazzjoni). Dan huwa meħtieġ biex jiġu ddefiniti l-limiti tal-valutazzjoni fil-qafas tal-garanziji komprensivi b’kull livell ta’ tnaqqis.

(5)F’sitwazzjonijiet fejn l-ammont ta’ referenza stabbilit f’konformità mal-Artikolu 155 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 3 ikun sproporzjonat fir-rigward tal-ammonti ta’ djun doganali potenzjali li x’aktarx jiġġarrbu, jenħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà li l-awtoritajiet doganali jqisu r-riskju tat-tiġrib ta’ dejn doganali, skont id-diskrezzjoni tagħhom, sabiex jiddeċiedu dwar il-livell tat-tnaqqis.

(6)Jenħtieġ li jiġi ċċarat ukoll li l-AEO ma għandux ikun soġġett għal duplikazzjoni tal-proċeduri tal-valutazzjoni f’konformità mal-Artikolu 38(5) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, filwaqt li jibqa’ possibbli li l-awtoritajiet doganali, qabel ma jagħtu s-simplifikazzjonijiet speċifiċi li l-AEO jistgħu jkunu jixtiequ jibbenefikaw minnhom, jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti speċifiċi għal dik is-simplifikazzjoni.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 84 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 huwa emendat kif ġej:

(1)fil-paragrafu 1, jitħassar il-punt (f);

(2)fil-paragrafu 2, jitħassar il-punt (g);

(3)fil-paragrafu 3, jitħassar il-punt (l);

(4)jiddaħħlu l-paragrafi 3a u 3b li ġejjin:

“3a. Meta jivverifikaw jekk l-applikant għandux qagħda finanzjarja suffiċjenti sabiex jingħata awtorizzazzjoni għall-użu ta’ garanzija komprensiva b’ammont imnaqqas jew rinunzja tal-garanzija kif meħtieġ skont il-paragrafi 1(e), 2(f) u 3(k), l-awtoritajiet doganali għandhom iqisu l-kapaċità li applikant jissodisfa l-obbligi tiegħu tal-ħlas tad-djun doganali u ta’ ħlasijiet oħrajn li jistgħu jiġġarrbu, li ma jkunux koperti minn dik il-garanzija.

Jekk ikun ġustifikat, l-awtoritajiet doganali jistgħu jqisu r-riskju tat-tiġrib ta’ dawk id-djun doganali u ta’ ħlasijiet oħrajn filwaqt li jitqiesu t-tip u l-volum tal-attivitajiet kummerċjali relatati mad-dwana tal-applikant u tat-tip ta’ prodotti li għalihom tenħtieġ il-garanzija.

3b. Meta l-kundizzjoni dwar il-qagħda finanzjarja suffiċjenti tkun diġà ġiet ivvalutata bħala modalità tal-applikazzjoni tal-kriterju msemmi fl-Artikolu 39(c) tal-Kodiċi, l-awtoritajiet doganali għandhom jivverifikaw biss jekk il-qagħda finanzjarja tal-applikant tiġġustifikax l-għoti tal-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ garanzija komprensiva b’ammont imnaqqas jew rinunzja tal-garanzija.”

(5)    il-paragrafu 4 huwa sostitwit bil-paragrafu li ġej:

“4. Meta l-applikant ikun ilu stabbilit inqas minn tliet snin, l-issodisfar tal-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (d) u (e) tal-paragrafu 1, fil-punti (e) u (f) tal-paragrafu 2 u fil-punti (j) u (k) tal-paragrafu 3 għandu jiġi vverifikat abbażi tar-rekords u tal-informazzjoni disponibbli.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 7.6.2018

   Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Jean-Claude JUNCKER

(1)    ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.
(2)    L-Artikolu 39(c) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013
(3)    ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558.