MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT
Din id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (tfassil mill-ġdid) 1 (id-Direttiva RoHS 2) fir-rigward ta’ eżenzjoni għal applikazzjonijiet speċifiċi li fihom iċ-ċomb.
Id-Direttiva RoHS 2 tirrestrinġi l-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku, hekk kif previst fl-Artikolu 4 tagħha. Daħlet fis-seħħ fil-21 ta’ Lulju 2011.
Is-sustanzi ristretti huma elenkati fl-Anness II tad-Direttiva RoHS 2. Filwaqt li r-restrizzjonijiet fuq iċ-ċomb, il-merkurju, il-kadmju, il-kromju eżavalenti, il-bifenili polibromurati u l-eteri tad-difenil polibromurati huma diġà fis-seħħ, ir-restrizzjonijiet fuq il-bis(2-etileżil)ftalat (DEHP), il-benżilbutilftalat (BBP), il-ftalat tad-dibutil (DBP) u l-ftalat tad-diisobutil (DIBP) jibdew japplikaw mit-22 ta’ Lulju 2019 jew aktar tard. L-Annessi III u IV tad-Direttiva RoHS 2 jelenkaw il-materjali u l-komponenti tat-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) għal applikazzjonijiet speċifiċi eżentati mir-restrizzjoni fuq is-sustanzi mogħtija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva RoHS 2.
L-Artikolu 5 jipprevedi l-adattament għall-progress xjentifiku u tekniku (l-inklużjoni, it-tiġdid, l-emendi u r-revokar tal-eżenzjonijiet) tal-Annessi III u IV. Skont l-Artikolu 5(1)(a) l-eżenzjonijiet iridu jiġu inklużi fl-Annessi III u IV biss jekk l-inklużjoni ma ddgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa li jagħti r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 2 u meta tiġi ssodisfata xi waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin: it-tneħħija jew is-sostituzzjoni tagħhom permezz ta’ bidliet fid-disinn jew fil-materjali u l-komponenti li ma jeħtieġu l-ebda materjal jew sustanza elenkati fl-Anness II mhumiex prattikabbli mil-lat xjentifiku jew tekniku; l-affidabbiltà tas-sostituti mhijiex żgurata; jew it-total tal-impatti negattivi fuq l-ambjent, is-saħħa u s-sikurezza tal-konsumatur ikkawżati mis-sostituzzjoni x’aktarx li jkun ogħla mit-total tal-benefiċċji għall-ambjent, is-saħħa u s-sikurezza tal-konsumatur.
Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1) jistipula li l-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni) għandha tinkludi materjali u komponenti tal-EEE għal applikazzjonijiet speċifiċi fil-listi tal-Annessi III u IV permezz ta’ atti delegati individwali f’konformità mal-Artikolu 20. L-Artikolu 5(3) u l-Anness V jistabbilixxu l-proċedura għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-għoti, għat-tiġdid jew għar-revoka ta’ eżenzjoni.
2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT
Mill-pubblikazzjoni tad-Direttiva RoHS 2, il-Kummissjoni rċeviet għadd 3 ta’ rikjesti mill-operaturi ekonomiċi, skont id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 5(3) u fl-Anness V, kemm għall-għoti ta’ eżenzjonijiet ġodda u kif ukoll għat-tiġdid ta’ dawk eżistenti.
L-eżenzjoni 34 attwali tal-Anness III tippermetti l-użu taċ-ċomb fl-elementi ċerametalliċi ta’ potenzjometri trimmer. Il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni waħda għat-tiġdid ta’ din l-eżenzjoni f’Jannar 2015. Filwaqt li l-eżenzjoni 34 kellha l-21 ta’ Lulju 2016 bħala d-data ta’ skadenza għall-kategoriji 1 sa 7 u l-kategorija 10 4 , f’konformità mal-ħtiġijiet tad-Direttiva RoHS (l-Artikolu 5(5), it-tieni subparagrafu), din għandha tkompli tapplika sakemm ma tittieħed deċiżjoni mill-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-applikazzjoni.
Sabiex issir evalwazzjoni tal-applikazzjoni għal eżenzjoni, il-Kummissjoni nediet studju biex twettaq il-valutazzjoni teknika u xjentifika meħtieġa, li kien jinkludi konsultazzjoni 5 online miftuħa ta’ tmien ġimgħat mal-partijiet ikkonċernati dwar l-applikazzjoni. Waqt il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati waslu żewġ kontributi.
Ir-rapport finali li jinkludi l-valutazzjoni tal-applikazzjoni ġie ppubblikat 6 ; u l-partijiet ikkonċernati ġew notifikati b’dan.
Sussegwentement, il-Kummissjoni kkonsultat lill-grupp ta’ esperti tal-Istati Membri għall-atti delegati skont id-Direttiva RoHS 2 matul il-laqgħa ta’ esperti fil-15 ta’ Diċembru 2016, li involviet ukoll preżentazzjonijiet mill-applikanti u l-partijiet l-aktar ikkonċernati. L-esperti qablu mal-abbozz ippreżentat mill-Kummissjoni, b’maġġoranza kbira ta’ membri assenti jew li ma ddikjarawx il-fehma tagħhom. Skont il-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar, l-abbozz tad-Direttiva Delegata ġie ppubblikat fuq il-Portal għal Regolamentazzjoni Aħjar għal perjodu ta’ erba’ ġimgħat li matulu l-pubbliku seta’ jippreżenta r-reazzjonijiet tiegħu. Waslu żewġ kummenti, it-tnejn li huma jappoġġaw l-abbozz tal-att. Twettqu l-passi kollha meħtieġa relatati mal-eżenzjonijiet mir-restrizzjoni tas-sustanza skont l-Artikoli 5(3) sa 5(7). Minħabba l-ammont kbir ta’ talbiet ta’ eżenzjoni simultanji u rekwiżiti amministrattivi konnessi, il-proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni segwiet dati ta’ skadenza alternattivi skont l-Artikolu 5(5). Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew ġew notifikati dwar l-attivitajiet kollha.
Ir-rapport finali enfasizza b’mod partikolari l-informazzjoni u l-valutazzjoni tekniċi li ġejjin:
Il-potenzjometri trimmer huma reżisters varjabbli. Jaħdmu b’wajper biex jaġġustaw ir-reżistenza taċ-ċirkwit. Huma applikati f’firxa wiesgħa ta’ prodotti bħal perżempju t-tagħmir awdjoviżiv, it-tagħmir tal-komunikazzjoni, il-ġugarelli u l-istrumenti tal-kejl, l-apparat domestiku elettriku. Fihom iċ-ċomb bħala l-ossidu taċ-ċomb fil-linek reżistenti fejn jaġixxi bħala aġent li jgħaqqad.
Bħalissa, ma hemm l-ebda alternattiva affidabbli mingħajr ċomb disponibbli u għalhekk is-sostituzzjoni taċ-ċomb għadha xjentifikament u teknikament imprattikabbli.
Ir-riżultati tal-evalwazzjoni għall-kategoriji 1 sa 7 u għall-kategorija 10 juru li mill-inqas wieħed mill-kriterji rilevanti speċifikati fl-Artikolu 5(1)(a) jiġi ssodisfat mit-talba għal eżenzjoni fir-rigward tal-entrata 34 fl-Anness III. Minħabba li għall-applikazzjonijiet ikkonċernati llum ma hemm l-ebda alternattiva affidabbli biżżejjed jew alternattiva li x’aktarx titqiegħed fis-suq dalwaqt, il-perjodu ta’ validità sal-21 ta’ Lulju 2021 huwa ġġustifikat; peress li għadhom mhumiex disponibbli sostituti affidabbli, l-ebda impatt soċjoekonomiku negattiv tas-sostituzzjoni ma hu mistenni għal dan il-perjodu. Il-perjodu ta’ validità mogħti lanqas ma huwa mistenni li jkollu impatti negattivi fuq l-innovazzjoni. Għal kategoriji oħrajn għajr il-kategoriji 1 sa 7 u l-kategorija 10, l-eżenzjoni attwali tibqa’ tgħodd skont il-perjodi ta’ validità stabbiliti fl-Artikolu 5(2). L-eżenzjoni speċifika ma ddgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa li jagħti r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH), f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/65/UE.
3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT
Id-Direttiva Delegata tagħti eżenzjoni mir-restrizzjonijiet fl-Artikolu 4(1), li jridu jiġu elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, għall-użu taċ-ċomb f’applikazzjonijiet speċifiċi.