REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta’ 19.12.2017
li jispeċifika l-karatteristiċi tekniċi tal-modulu ad hoc tal-2019 dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-arranġamenti tal-ħin tax-xogħol fir-rigward tal-istħarriġ ta’ kampjuni tal-forza tax-xogħol skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 tad-9 ta’ Marzu 1998 dwar l-organizzazzjoni ta’ stħarriġ ta’ kampjuni tal-forza tax-xogħol fil-Komunità 1 , b’mod partikolari l-Artikolu 7a(5) tiegħu,
Billi:
(1)L-istrateġija Ewropea dwar l-impjiegi, il-linji gwida dwar l-impjiegi 2 u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 3 , b’mod partikolari l-prinċipji tagħha dwar l-impjieg sigur u flessibbli, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u l-ambjent tax-xogħol adattat b’mod tajjeb, jesprimu l-ħtieġa ta’ adattabilità akbar kemm tal-intrapriżi kif ukoll tal-ħaddiema fl-Ewropa u jenfasizzaw il-ħtieġa li tinġabar dejta ta’ stħarriġ Ewropew fuq skala kbira dwar l-applikazzjoni ta’ forom diversi ta’ prattiki ġodda fl-organizzazzjoni tax-xogħol u ta’ arranġamenti tal-ħin tax-xogħol u l-esperjenzi tal-ħaddiema b’dawk il-prattiki u l-arranġamenti.
(2)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1851 4 jispeċifika u jiddeskrivi l-oqsma li dwarhom għandha tiġi pprovduta informazzjoni aktar dettaljata, jiġifieri s-submoduli ad hoc, u li jenħtieġ li jiġu inklużi fil-modulu ad hoc tal-2019 dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-arranġamenti tal-ħin tax-xogħol fir-rigward tal-istħarriġ ta’ kampjuni tal-forza tax-xogħol skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98.
(3)Għalhekk, jenħtieġ li jiġu speċifikati l-karatteristiċi tekniċi, il-filtri, il-kodiċijiet u l-iskadenza għat-trażmissjoni tad-dejta mill-Istati Membri skont il-modulu ad hoc dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-arranġamenti tal-ħin tax-xogħol.
(4)Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-karatteristiċi tekniċi tal-modulu ad hoc tal-2019 dwar l-organizzazzjoni tax-xogħol u l-arranġamenti tal-ħin tax-xogħol, il-filtri, il-kodiċijiet u l-iskadenza sa meta l-Istati Membri għandhom jibgħatu r-riżultati lill-Kummissjoni huma stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 19.12.2017