MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT
L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali, u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE, jagħti setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 290 tat-TFUE, għar-reviżjoni tal-livelli limitu. Dan l-Artikolu jipprovdi wkoll, f’każ ta’ restrizzjonijiet ta’ żmien, għall-użu tal-proċedura ta’ urġenza, f’konformità mal-Artikolu 104 ta’ dik id-Direttiva.
Skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2014/25/UE, il-kalkolu tal-livelli limitu għandu jsir abbażi tal-medja tal-valur ta’ kuljum tal-euro, fit-termini tad-drittijiet speċjali ta’ prelevament (SDRs), matul perjodu ta’ 24 xahar li jagħlaq fil-31 ta’ Awwissu ta’ qabel ir-reviżjoni, b’effett mill-1 ta’ Jannar. B’konsegwenza, il-kalkolu tal-livelli limitu ma jistax jibda qabel l-1 ta’ Settembru minħabba d-disponibbiltà tad-dejta. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 17(3) ta’ dik id-Direttiva, il-livelli limitu riveduti (f’EURO) u l-valuri korrispondenti tagħhom fil-valuti nazzjonali ta’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea (UE) għandhom jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE fil-bidu ta’ Novembru.
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, u sabiex tintlaħaq l-iskadenza msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tirrikorri għall-proċedura ta’ urġenza għall-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament.
2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL MA JIĠI ADOTTAT L-ATT
Il-Grupp ta’ Esperti dwar l-Akkwist Pubbliku ġie kkonsultat dwar dan ir-Regolament u dwar il-Komunikazzjoni li takkumpanjah.
3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT
Il-kalkolu tal-livelli limitu tad-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku huwa operazzjoni purament matematika u, għalhekk, ir-reviżjoni tal-livell limitu bħala tali hija sempliċiment eżerċizzju tekniku. Jeħtieġ li jsir kull sentejn skont it-termini tal-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA). L-iskop tal-aġġustamenti hu li jsiru korrezzjonijiet għal kull ċaqliq fil-muniti bejn il-firmatarji li jista’ jolqot il-livell li fih is-swieq tal-akkwisti tagħhom ikunu miftuħa għall-kompetizzjoni minn kumpaniji f’pajjiżi firmatarji oħra.
Il-GPA għandu mekkaniżmu biex jiġi kkalkulat il-valur ekwivalenti għal-livelli limitu tiegħu, li jiġu ffissati f’SDRs, fil-muniti tal-partijiet kontraenti tiegħu kull sentejn. Dan il-mekkaniżmu jingħata effett legali permezz tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/25/UE. Għal raġunijiet ta’ koerenza, huwa xieraq li jiġu allinjati wkoll dawk il-livelli limitu tad-Direttiva 2014/25/UE li mhumiex koperti mill-Ftehim.
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta’ 18.12.2017
li jemenda d-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livelli limitu ta’ applikazzjoni fil-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE 1 , u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(4) tagħha,
Billi:
(1)Permezz tad-Deċiżjoni 2014/115/UE 2 , il-Kunsill approva l-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (“il-Ftehim”) 3 konkluż fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Il-Ftehim huwa strument plurilaterali u għandu l-għan li jiftaħ is-swieq tal-akkwist pubbliku b’mod reċiproku fost il-partijiet kontraenti tiegħu. Huwa japplika għal kwalunkwe kuntratt ta’ akkwist pubbliku b’valur li jilħaq jew li jaqbeż l-ammonti (“il-livelli limitu”) stipulati fil-Ftehim u espressi bħala drittijiet speċjali ta’ prelevament.