REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta’ 31.10.2017
li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kundizzjonijiet tat-temperatura matul it-trasportazzjoni tal-laħam
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(1)(d) u (e) tiegħu,
Billi:
(1)Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 jistabbilixxi regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali għall-operaturi fin-negozju tal-ikel. Dak ir-Regolament fih previst li l-operaturi fin-negozju tal-ikel iridu jiżguraw konformità mar-rekwiżiti speċifiċi tat-temperatura qabel u matul it-trasportazzjoni tal-laħam.
(2)F’konformità mal-Anness III ta’ dak ir-Regolament, il-laħam, minbarra l-ġewwieni, tal-ungulati domestiċi jrid jitkessaħ immedjatament wara l-ispezzjoni post-mortem għal temperatura tal-qalba ta’ mhux iktar minn 7°C fuq firxa tat-tkessiħ li tiżgura tnaqqis kontinwu tat-temperatura, sakemm dispożizzjonijiet speċifiċi oħrajn ma jipprovdux mod ieħor. Dan irid isir fil-kmamar tat-tkessiħ tal-biċċerija, qabel ma tkun tista’ tibda t-trasportazzjoni.
(3)Fis-6 ta’ Marzu 2014, il-Panel Xjentifiku dwar il-perikli bijoloġiċi tal-Awtorità Ewropea tas-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adotta l-Parti 1 ta’ opinjoni xjentifika dwar ir-riskji tas-saħħa pubblika relatati mal-manutenzjoni tal-katina tal-kesħa matul il-ħażna u t-trasportazzjoni tal-laħam, li jikkonċerna l-laħam tal-ungulati domestiċi biss. Dik l-opinjoni tikkonkludi li ladarba ħafna mill-kontaminazzjoni batterjali tokkorri fuq il-wiċċ tal-karkassi, it-temperatura tal-wiċċ hija indikatur xieraq tal-iżvilupp tal-batterji. Fiha previst ukoll kombinazzjonijiet tat-temperaturi massimi tal-wiċċ mat-tagħbija tal-karkassi u fil-ħinijiet massimi tat-tkessiħ u tat-trasportazzjoni, li jirriżultaw fl-iżvilupp ta’ patoġeni (mikro-organiżmi li jikkawżaw mard li jinġarr mill-ikel) ekwivalenti għal dak miksub meta l-karkassi jitkessħu għal temperatura tal-qalba ta’ 7°C fil-biċċerija jew inqas minnu.
(4)Fit-8 ta’ Ġunju 2016, l-EFSA adottat opinjoni xjentifika ulterjuri dwar l-iżvilupp tal-batterji tat-tħassir matul il-ħażna u t-trasportazzjoni tal-laħam. Dik l-opinjoni sabet li xi batterji tat-tħassir (batterji li mhux neċessarjament imarrdu, iżda jistgħu jrendu l-ikel inaċċetabbli għall-konsum mill-bniedem minħabba t-tħassir), b’mod partikolari Pseudomonas spp., jistgħu jilħqu livelli kritiċi iktar malajr mill-patoġeni, skont il-livell tal-kontaminazzjoni inizjali tal-batterji tat-tħassir, kif ukoll skont il-kundizzjonijiet tat-temperatura.
(5)L-għadd tal-kolonji aerobiċi jrid jgħaddi minn valutazzjoni ta’ rutina mill-operaturi fin-negozju tal-ikel f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005. Jista’ jintuża bħala indikatur tal-limitu superjuri tal-konċentrazzjoni ta’ kwalunkwe speċi ta’ batterji tat-tħassir preżenti fuq il-laħam.
(6)Abbażi tal-opinjoni tal-EFSA u b’konsiderazzjoni tal-għodod ta’ valutazzjoni disponibbli, huwa għalhekk possibbli li jiġu introdotti approċċi alternattivi, iktar flessibbli għall-kundizzjonijiet tat-temperatura matul it-trasportazzjoni tal-laħam frisk, b’mod partikolari karkassi jew qatgħat ikbar mingħajr kwalunkwe żieda ta’ riskju għas-saħħa pubblika, u mingħajr devjazzjoni mill-prinċipju bażiku li tali laħam għandu jitkessaħ għal 7°C permezz ta’ tnaqqis kontinwu tat-temperatura. Din iż-żieda fil-flessibbiltà tkun qed tagħmilha possibbli li l-laħam jasal għand il-konsumatur iktar malajr wara t-tbiċċir, u b’hekk tiffaċilita l-flussi kummerċjali tal-laħam frisk fl-Unjoni.
(7)Filwaqt li l-approċċi alternattivi huma bbażati fuq it-temperaturi tal-arja fil-wiċċ u tat-trasportazzjoni, it-tnaqqis kontinwu tat-temperatura kif diġà huwa mandatorju mid-dispożizzjonijiet attwali jirrikjedi li parti mit-temperatura tal-ġisem għandha titneħħa wkoll qabel trasportazzjoni fit-tul. L-issettjar tat-temperatura tal-qalba li għaliha l-karkassi u l-qatgħat il-kbar għandhom jitkessħu qabel it-trasportazzjoni huwa mod kif ikun żgurat li parti sinifikanti tat-temperatura tal-ġisem titneħħa.
(8)Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 fih previst ukoll deroga mill-obbligu tat-tkessiħ tal-laħam għal 7°C qabel it-trasportazzjoni fir-rigward ta’ prodotti speċifiċi taħt kundizzjonijiet speċifiċi. Sabiex jiġi evitat l-użu skorrett ta’ din id-deroga, jixraq li jiġi ċċarat li dan huwa permess biss jekk ġustifikat għal raġunijiet teknoloġiċi, eż. meta t-tkessiħ għal 7°C ma jkunx jista’ jikkontribwixxi għall-ipproċessar iġeniku u tekniku li jixraq l-iżjed għal dan il-prodott.
(9)L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.
(10)Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 huwa emendat kif ġej:
1.Fit-Taqsima I, il-Kapitolu VII, il-punt 3 jinbidel b’dan li ġej:
“3.Il-laħam għandu jilħaq it-temperatura msemmija fil-punt 1 qabel ma jiġi ttrasportat u jżomm dik it-temperatura matul it-trasportazzjoni.
Madankollu, għandhom japplikaw il-punti (a) u (b) li ġejjin.
(a)it-trasportazzjoni tal-laħam għall-produzzjoni ta’ prodotti speċifiċi tista’ sseħħ qabel ma tinkiseb it-temperatura speċifikata fil-punt 1 jekk l-awtorità kompetenti hekk tawtorizza, sakemm:
(i)tali trasportazzjoni iseħħ skont ir-rekwiżiti li l-awtoritajiet kompetenti tal-oriġini u destinatarji jispeċifikaw fir-rigward tat-trasportazzjoni minn stabbiliment magħruf wieħed għall-ieħor;
(ii)il-laħam jitlaq mill-biċċerija, jew mill-kamra tat-tqattigħ fl-istess sit tal-biċċerija, immedjatament u t-trasportazzjoni ma ddumx iktar minn sagħtejn;
u,
(iii)tali trasportazzjoni hija ġustifikata għal raġunijiet tekniċi.
(b)it-trasportazzjoni ta’ karkassi, nofs karkassi, kwarti, jew nofs karkassi maqtugħin fi tliet qatgħat sħaħ ta’ annimali ovini u kaprini, annimali bovini u annimali porċini, tista’ tibda qabel ma tinkiseb it-temperatura speċifikata fil-punt 1, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(i)it-temperatura hija mmonitorjata u rreġistrata fi ħdan il-qafas tal-proċeduri abbażi tal-prinċipji HACCP;
(ii)l-operaturi fin-negozju tal-ikel li jkunu qed jibgħatu u jittrasportaw il-karkassi, in-nofs karkassi, il-kwarti, jew in-nofs karkassi maqtugħin fi tliet qatgħat sħaħ irċevew awtorizzazzjoni ddokumentata mill-awtorità kompetenti fil-post tat-tluq sabiex jagħmlu użu minn din id-deroga;
(iii)il-vettura li tittrasporta l-karkassi, in-nofs karkassi, il-kwarti, jew in-nofs karkassi maqtugħin fi tliet qatgħat sħaħ, għandha strument li jimmonitorja u jirreġistra t-temperaturi tal-arja li għalihom il-karkassi, in-nofs karkassi, il-kwarti, jew in-nofs karkassi maqtugħin fi tliet qatgħat sħaħ huma soġġetti f’tali mod li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jivverifikaw il-konformità mal-ħin u mal-kundizzjonijiet tat-temperatura stabbiliti fil-punt (viii);
(iv)il-vettura li tittrasporta l-karkassi, in-nofs karkassi, il-kwarti, jew in-nofs karkassi maqtugħin fi tliet qatgħat sħaħ tiġbor il-laħam minn biċċerija waħda biss għal kull trasportazzjoni;
(v)il-karkassi, in-nofs karkassi, il-kwarti, jew in-nofs karkassi maqtugħin fi tliet qatgħat sħaħ soġġetti għal din id-deroga jrid ikollhom temperatura tal-qalba ta’ 15-il grad fil-bidu tat-trasportazzjoni jekk se jiġu ttrasportati fl-istess kompartament bħall-karkassi, in-nofs karkassi, il-kwarti, jew in-nofs karkassi maqtugħin fi tliet qatgħat sħaħ, li jissodisfa r-rekwiżit tat-temperatura fil-Punt 1 (jiġifieri 7 gradi);
(vi)dikjarazzjoni mill-operatur fin-negozju tal-ikel li jakkumpanja l-kunsinna; dik id-dikjarazzjoni trid tiddikjara d-durata tat-tkessiħ qabel it-tagħbija, il-ħin li fih bdiet it-tagħbija tal-karkassi, in-nofs karkassi, il-kwarti, jew in-nofs karkassi maqtugħin fi tliet qatgħat sħaħ, it-temperatura tal-wiċċ dak il-ħin, it-temperatura tal-arja massima tat-trasportazzjoni li għaliha l-karkassi, in-nofs karkassi, il-kwarti, jew in-nofs karkassi maqtugħin fi tliet qatgħat jistgħu jkunu soġġetti, il-ħin massimu ta’ trasportazzjoni permess, id-data tal-awtorizzazzjoni u l-isem tal-awtorità kompetenti li tforni dik id-deroga;
(vii)l-operatur fin-negozju tal-ikel destinatarju jrid jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti qabel ma jirċievi għall-ewwel darba l-karkassi, in-nofs karkassi, il-kwarti, jew in-nofs karkassi maqtugħin fi tliet qatgħat sħaħ, li ma jilħqux it-temperatura speċifikata fil-punt 1 qabel it-trasportazzjoni;
(viii)tali laħam huwa ttrasportat skont il-parametri li ġejjin:
–Għal ħin massimu ta’ trasportazzjoni ta’ sitt sigħat1:
Speċi
|
Temperatura tal-wiċċ2
|
Ħin massimu biex jitkessaħ għat-temperatura tal-wiċċ3
|
Temperatura massima tal-arja għat-trasportazzjoni4
|
Għadd medju massimu ta’ kuljum tal-kolonja aerobika tal-karkassa5
|
Annimali ovini u kaprini
|
7°C
|
8 sigħat
|
6 °C
|
log10 3.5 cfu/cm2
|
Annimali bovini
|
|
20 siegħa
|
|
log10 3.5 cfu/cm2
|
Annimali porċini
|
|
16-il siegħa
|
|
log10 4 cfu/cm2
|
–Għal ħin massimu ta’ trasportazzjoni ta’ tletin siegħa1:
Speċi
|
Temperatura tal-wiċċ2
|
Ħin massimu biex jitkessaħ għat-temperatura tal-wiċċ3
|
Temperatura tal-qalba6
|
Temperatura massima tal-arja għat-trasportazzjoni4
|
Għadd medju massimu ta’ kuljum tal-kolonja aerobika tal-karkassa5
|
Annimali porċini
|
7°C
|
16-il siegħa
|
15 °C
|
6 °C
|
log10 4 cfu/cm2
|
–Għal ħin massimu ta’ trasportazzjoni ta’ sittin siegħa1:
Speċi
|
Temperatura tal-wiċċ2
|
Ħin massimu biex jitkessaħ għat-temperatura tal-wiċċ3
|
Temperatura tal-qalba6
|
Temperatura massima tal-arja għat-trasportazzjoni4
|
Għadd medju massimu ta’ kuljum tal-kolonja aerobika tal-karkassa5
|
Annimali ovini u kaprini
|
4 °C
|
12-il siegħa
|
15 °C
|
3 °C
|
log10 3 cfu/cm2
|
Annimali bovini
|
|
24 siegħa
|
|
|
|
_______________________
1Il-ħin massimu permess mill-bidu tat-tagħbija tal-laħam fil-vettura sat-tlestija tal-aħħar twassil. It-tagħbija tal-laħam fil-vettura tista’ tiġi posposta lil hinn mill-ħin massimu permess għat-tkessiħ tal-laħam għat-temperatura tal-wiċċ speċifikata. Jekk jiġri dan, il-ħin massimu tat-trasportazzjoni permess irid jitqassar għall-istess tul li għalih ġiet posposta t-tagħbija. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru destinatarju tista’ tillimita l-għadd ta’ punti ta’ twassil.
2It-temperatura massima tal-wiċċ permessa mat-tagħbija u wara titkejjel fuq l-eħxen parti tal-karkassi, in-nofs karkassi, il-kwarti, jew in-nofs karkassi maqtugħin fi tliet qatgħat sħaħ.
3Il-ħin massimu permess mill-mument tal-qatla sal-ilħuq tat-temperatura massima tal-wiċċ permessa mat-tagħbija.
4It-temperatura massima tal-arja li għaliha l-laħam huwa permess li jkun soġġett minn meta tibda t-tagħbija, u matul id-durata kollha tat-trasportazzjoni.
5L-għadd medju massimu ta’ kuljum tal-kolonja aerobika tal-karkassi tal-biċċerija li juża tieqa rikorrenti ta’ 10 ġimgħat, permessa għal karkassi ta’ speċijiet rilevanti, kif ivvalutat mill-operatur għas-sodisfazzjoni tal-awtorità kompetenti, skont il-proċeduri ta’ teħid tal-kampjuni u ttestjar stipulati fil-punti 2.1.1, 2.1.2 tal-Kapitolu 2, u l-punt 3.2 tal-Kapitolu 3, tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 ta’ 15 ta’ Novembru 2005 dwar il-kriterji mikrobijoloġiċi għall-oġġetti tal-ikel (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 1).
6It-temperatura tal-qalba massima tal-laħam permessa fil-ħin tat-tagħbija, u wara.”
2.Fit-Taqsima I, il-Kapitolu V, jiddaħħal il-punt 5 li ġej:
“5.Karkassi, nofs karkassi, kwarti, jew nofs karkassi maqtugħin f’mhux iktar minn tliet qatgħat sħaħ jistgħu jiġu dissussati u maqtugħin qabel ma jilħqu t-temperatura msemmija fil-punt 2(b) meta jkunu ġew ttrasportati skont id-deroga stabbilita fil-punt 3(b) tal-Kapitolu VII tat-Taqsima I. F’dan il-każ, matul it-tqattigħ jew id-dissussar, il-laħam irid ikun soġġett għal temperaturi tal-arja li jiżguraw tnaqqis kontinwu tat-temperatura tal-laħam. Hekk kif jinqata’ u, fejn jixraq, jiġi mballat, il-laħam irid jitkessaħ għat-temperatura msemmija fil-punt 2(b) jekk ma jkunx diġà taħt din it-temperatura.”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmula fi Brussell, 31.10.2017
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER