MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-ATT DELEGAT

Ir-riforma tal-2013 tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) ikkonfermat li s-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni agrikoli bħala għodda għall-monitoraġġ tal-flussi kummerċjali għandha tkompli tapplika bħala rekwiżit ta’ ġestjoni primarja (għandhom jiġu indirizzati b’mod flessibbli).

Għalhekk, id-dispożizzjonijiet rigward ir-regoli ġenerali għall-għoti ta’ liċenzja ġew aġġornati wara r-riforma u ġew mibdula ma’ dawk ta’ qabel permezz tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1237 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1239.

Fost affarijiet oħra, ir-Regolament Delegat (UE) 2016/1237 jistabbilixxi lista ta’ prodotti bl-obbligu ta’ liċenzja tal-importazzjoni u/jew tal-esportazzjoni li tinkludi r-ross. Barra minn hekk, hemm stabbiliti wkoll in-natura u t-tip ta’ informazzjoni li għandha tiġi notifikata mill-Istati Membri lill-Kummissjoni. Sabiex tinżamm il-prattika fis-seħħ [f’konformità mal-Artikolu 16(1)(a)(i) u mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 1342/2003 li tħassru permezz tal-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament (UE) 2016/1237] u biex isir użu tad-dejta miġbura permezz tal-liċenzji, ir-Regolament (UE) 2016/1237 jenħtieġ li jistabbilixxi wkoll in-natura u t-tip ta’ informazzjoni li għandha tiġi notifikata mill-Istati Membri fir-rigward tan-notifiki dwar il-kwantitajiet ta’ ross koperti minn liċenzji.

2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT

Fil-perjodu bejn Lulju 2014 sa Lulju 2015, id-dispożizzjonijiet dwar il-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni stipulati fir-Regolamenti tal-Kummissjoni fis-seħħ f’dak il-perjodu u l-kwistjonijiet li nħolqu minħabba fihom, ġew diskussi b’mod estensiv mal-esperti tal-Istati Membri, u wasslu għall-adozzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1237 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1239. L-abbozz attwali tal-Att Delegat huwa maħsub biss biex jallinja formalment il-prattika attwali rigward in-notifiki dwar il-kwantitajiet ta’ ross koperti minn liċenzji.

Il-Kummissjoni ddiskutiet l-abbozz tal-Att Delegat mal-esperti maħturin mill-Istati Membri fil-qafas tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-OKS u qieset l-opinjonijiet u l-pożizzjonijiet espressi.

L-esperti tal-Parlament Ewropew ġew infurmati dwar dawn id-diskussjonijiet kollha, u ġew mistedna għal-laqgħat. Barra minn hekk, l-abbozz tar-Regolament Delegat ġie soġġett għall-Mekkaniżmu ta’ Feedback.

Il-konsultazzjoni pubblika permezz tal-mekkaniżmu ta’ feedback dwar l-abboz tar-Regolament Delegat saret fuq erba’ ġimgħat (06/06/2017 – 04/07/2017) u matul dan il-perjodu ma waslet l-ebda kontribuzzjoni.

3.L-ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT

L-att delegat jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni. B’mod partikolari, l-att bażiku li jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati fir-rigward tan-natura u t-tip ta’ informazzjoni li għandha tiġi notifikata (l-Artikolu 223(2)(a)).

L-att delegat jikkonferma l-prattika stabbilita fir-rigward tan-notifiki mill-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar il-kwantitajiet ta’ ross koperti minn liċenzji.

Fl-aħħar nett, l-att delegat jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1237 eżistenti f’dan ir-rigward.

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta’ 17.8.2017

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1237 fir-rigward tan-natura u t-tip ta’ informazzjoni li għandha tiġi notifikata għal-liċenzji fis-settur tar-ross

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 223(2)(a) tiegħu,

Billi:

(1)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1237 2 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tar-regoli għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni. Dan jistabbilixxi r-regoli rilevanti għar-ross u jistabbilixxi wkoll in-natura u t-tip ta’ informazzjoni li għandha tiġi notifikata mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.

(2)Huwa xieraq li jiddaħħal l-obbligu għall-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-kwantitajiet ta’ ross koperti minn liċenzji, kif kien hemm fir-Regolamenti preċedenti.

(3)Filwaqt li qed jiġi emendat ir-Regolament Delegat (UE) 2016/1237 huwa xieraq li jiġi allinjat terminu użat fl-Artikolu 2(2)(c)(iii) ta’ dak ir-Regolament bit-terminoloġija doganali użata fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u li ssir referenza aktar preċiża għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 .

(4)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2016/1237 jiġi emendat skont dan.

(5)Billi r-raġuni ewlenija għall-emenda fir-Regolament Delegat (UE) 2016/1237 hija biex formalment jiġi kkonfermat obbligu ta’ notifika stabbilit u minħabba l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kontinwità u ċ-ċertezza legali għan-notifiki li jikkonċernaw ir-ross, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1237 huwa emendat kif ġej:

(1) fl-Artikolu 2(2)(c), il-punt (iii) jinbidel b’dan li ġej:

“(iii) prodotti li huma soġġetti għal ħlas lura jew għal remissjoni tal-ammont tad-dazju tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni kif stabbilit fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* li fir-rigward tagħhom tkun għadha ma tteħditx deċiżjoni finali.

-------

*Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).”

(2) fl-Artikolu 8, jiddaħħal il-punt (ea) li ġej wara l-punt (e):

“(ea)fir-rigward tar-ross, il-kwantitajiet imsemmija fl-Artikolu 19a tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1239.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, 17.8.2017

   Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Jean-Claude JUNCKER

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1237 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli dwar ir-rilaxx u t-telf ta’ garanziji ppreżentati għal tali liċenzji, li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2535/2001, (KE) Nru 1342/2003, (KE) Nru 2336/2003, (KE) Nru 951/2006, (KE) Nru 341/2007 u (KE) Nru 382/2008 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2390/98, (KE) Nru 1345/2005, (KE) Nru 376/2008 u (KE) Nru 507/2008 (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).