REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta’ 3.5.2017
li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ miżuri li għalihom għandha tiġi ppubblikata ċerta informazzjoni dwar il-benefiċjarji
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 1 , u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Billi:
(1)Skont l-Artikolu 111(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-Istati Membri jridu jippubblikaw informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, inkluż, fost affarijiet oħra, l-ammont tal-ħlas riċevut għal kull miżura ffinanzjata minn dawn il-Fondi u n-natura u d-deskrizzjoni ta’ kull miżura.
(2)L-Artikolu 57 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 2 jistipula aktar dettalji li jridu jiġu ppubblikati fir-rigward ta’ dawk il-miżuri u jirreferi għall-Anness XIII ta' dak ir-Regolament, li fih lista tal-miżuri kkonċernati.
(3)Bħala riżultat tal-projbizzjoni Russa fuq l-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-Unjoni u tar-rata baxxa ta' tkabbir fid-domanda globali għall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, b’mod partikolari b’riżultat tat-tnaqqis fl-esportazzjoni lejn iċ-Ċina, il-Kummissjoni adottat il-miżuri neċessarji sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 219(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 fis-setturi tal-bhejjem. Dawk il-miżuri huma stabbiliti fir-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2015/1853 4 , (UE) 2016/1612 5 u (UE) 2016/1613 6 . Dawk il-miżuri ngħataw bħala miżuri ta’ appoġġ tas-swieq agrikoli skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u japplikaw għas-sena finanzjarja 2016 jew 2017, iżda mhumiex koperti mil-lista fl-Anness XIII tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014. Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġu inklużi f’dik il-lista.
(4)Għaldaqstant, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014 għandu jiġi emendat skont dan.
(5)Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Anness XIII tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014, jiżdied il-punt 10 li ġej:
"10. Il-miżuri mogħtija fis-setturi tal-bhejjem skont l-Artikolu 219(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 bħala miżuri ta’ appoġġ għas-swieq agrikoli skont l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013."
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.