MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT
Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli stabbilixxa regoli ġodda rigward l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-Settur tal-Frott u l-Ħxejjex. Dan ir-Regolament jagħti wkoll lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati u ta’ implimentazzjoni.
L-iskop ta’ dan l-att delegat huwa li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-kriterji tar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, il-fondi operattivi u l-programmi operattivi, il-miżuri ta’ prevenzjoni u ġestjoni tal-kriżijiet, l-assistenza finanzjarja nazzjonali, ir-rapporti u n-notifiki, il-penali, l-estensjoni tar-regoli, is-sistema tal-prezz tad-dħul u d-dazji tal-importazzjoni.
Dan l-att delegat jemenda l-Artikoli korrispondenti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat.
2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL MA JIĠI ADOTTAT L-ATT
Il-konsultazzjonijiet li jinvolvu esperti mit-28 Stat Membru kollha twettqu fi ħdan il-Grupp ta’ Esperti dwar atti delegati taħt l-organizzazzjoni komuni unika tas-swieq. Minħabba l-għadd kbir ta’ Artikoli, it-testi riveduti ġew diskussi matul l-ewwel ħames laqgħat (l-14 ta’ April, il-5 ta’ Mejju, id-9 ta’ Ġunju, it-3 ta’ Lulju u s-27 ta’ Lulju 2015) billi nqasmu fi gruppi ta’ Artikoli. Dawn il-laqgħat taw lok għal preżentazzjoni tal-ideat tal-Kummissjoni dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-att, kif ukoll għal skambju ta’ opinjonijiet. Waqt is-sitt laqgħa li saret fid-29 ta’ Settembru 2015 ġew ippreżentati għall-ewwel darba l-verżjonijiet sħaħ tal-abbozz ta’ testi kemm għall-atti delegati, kif ukoll għall-atti ta’ implimentazzjoni. Id-diskussjoni mal-Grupp ta’ Esperti ssoktat fil-laqgħat li saru fit-12 u fis-27 ta’ Ottubru, fl-24 ta’ Novembru u fil-15 ta’ Diċembru 2015 u fid-19 ta’ Jannar, fil-15 ta’ Frar, fil-15 ta’ Marzu, fid-19 ta’ April, fis-17 ta’ Mejju, fl-14 ta’ Ġunju, fit-12, fid-19 u fil-25 ta’ Awwissu 2016. L-għan tal-eżerċizzju kien li jiġi ċċarat l-approċċ tal-Kummissjoni u li jinstemgħu l-fehmiet tal-esperti. L-abbozz imbagħad ġie rivedut wara li tqiesu l-osservazzjonijiet u l-kummenti li saru bil-fomm matul dawk il-laqgħat u li ntbagħtu bil-miktub lill-Kummissjoni. L-abbozz tal-verżjonijiet tal-att preżenti ntbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill meta ġew organizzati l-laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti.
L-abbozz ta’ Regolament Delegat tpoġġa fil-portal ta’ Regolamentazzjoni Aħjar mit-13 ta’ Jannar 2017 sal-10 ta’ Frar 2017 u ġie riċevut feedback mingħand 55 parti kkonċernata (10 relatati mal-abbozz ta’ Regolament ta’ Implimentazzjoni). B’mod ġenerali, il-feedback kien pożittiv u kien jikkonsisti b’mod partikolari minn suġġerimenti għal azzjonijiet speċifiċi, li kienu diġà ġew diskussi mal-Istati Membri u li ma ġewx ikkunsidrati speċjalment minħabba ż-żieda konsiderevoli fil-livell tan-nefqa u minħabba ir-riskji għall-FAEG. Madankollu, intlaqgħu tnejn mill-kwistjonijiet li tqajmu f’diversi kontribuzzjonijiet. L-ewwel waħda marbuta mal-Artikolu 12 ta’ dan l-att dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-produzzjoni li ma tkunx tal-organizzazzjoni tal-produtturi, filwaqt li l-perċentwal tal-produzzjoni ta’ kwalunkwe produttur membru kkummerċjalizzata barra mill-organizzazzjoni tal-produtturi ma għandux jaqbeż il-25 %, li jista’ jiġi kkalkolat f’termini ta’ volum jew f’termini ta’ valur. Dan ġie introdott biex jitqiesu l-partikolaritajiet tal-bejgħ f’ċertu Stati Membri. It-tieni modifika hija marbuta mal-Artikolu 78 dwar in-notifika ta’ force majeure u kienet ibbażata fuq il-kummenti riċevuti; il-perjodu għan-notifika ġie estiż mill-proposta oriġinali ta’ 10 ijiem tax-xogħol għal 30 jum tax-xogħol mid-data li fiha seħħ il-każ ta’ force majeure.
3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT
Dan l-att delegat fih dispożizzjonijiet li jissupplimentaw ċerti regoli tar-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 u (UE) Nru 1306/2013 li huma meħtieġa sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-Settur tal-Frott u l-Ħxejjex fil-qafas ġuridiku ġdid. Huwa jiċċara wkoll ċerti dispożizzjonijiet u jintroduċi elementi ta’ simplifikazzjoni.
L-att jemenda l-Artikoli korrispondenti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat. L-Artikoli dwar l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni mhumiex emendati, minħabba li dawn ser jiġu riveduti f’qafas usa’. Sabiex l-implimentazzjoni tal-emendi ssir mingħajr xkiel, ġew inklużi regoli tranżitorji, kif ukoll ġie pprovdut perjodu ta’ żmien suffiċjenti bejn il-pubblikazzjoni u l-applikazzjoni tar-Regolament.
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) …/...
ta’ 13.3.2017
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-penali li jridu jiġu applikati f’dawk is-setturi u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, u b’mod partikolari, l-Artikolu 37(a)(i), (ii), (iii) u (vi), (b), (c), (d)(i), (iii) sa (vi), (viii), (x), (xi) u (xii) u (e)(i), l-Artikolu 173(1)(b), (c), (d) u (f) sa (j), l-Artikolu 181(2), l-Artikolu 223(2)(a) u l-Artikolu 231(1) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008, u b’mod partikolari, l-Artikolu 62(1) u l-Artikolu 64(6)(a) tiegħu,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 issostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 u jistabbilixxi regoli ġodda dwar is-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat. Huwa jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta atti delegati u ta’ implimentazzjoni f’dak ir-rigward. Dawk l-atti għandhom jissostitwixxu d-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011.
(2)Sabiex tissaħħaħ is-setgħa tan-negozjar tal-produtturi tal-frott u l-ħxejjex u titrawwem distribuzzjoni aktar ġusta tal-valur miżjud tul il-katina tal-provvista, għandu jkun inkoraġġit ir-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-assoċjazzjonijiet tagħhom. Dan għandu jinkiseb waqt li jiġu rrispettati l-istrutturi amministrattivi u ġuridiċi nazzjonali.
(3)Għandhom jiġu stipulati dispożizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi għall-prodotti li jitolbu. Meta dan ir-rikonoxximent jintalab għal prodotti intiżi biss għall-ipproċessar, għandu jiġi żgurat li dawn il-prodotti jkunu fil-fatt ikkonsenjati għall-ipproċessar. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-istrutturi neċessarji sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tagħhom. Barra minn hekk, sabiex jimplimentaw programm operattiv, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom ikunu meħtieġa li jiksbu valur minimu ta’ produzzjoni kkummerċjalizzata, li għandu jkun stipulat mill-Istat Membru sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza tal-appoġġ irċevut u b’hekk jgħin sabiex tissaħħaħ is-setgħa tan-negozjar tal-produtturi tal-frott u l-ħxejjex.
(4)Sabiex tingħata spinta lill-kisba tal-għanijiet tal-iskema tal-frott u l-ħxejjex u sabiex ikun żgurat li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jwettqu xogħolhom b’mod sostenibbli u effettiv, jeħtieġ li jkun hemm stabbiltà fost l-organizzazzjonijiet tal-produtturi. Għalhekk, is-sħubija ta’ organizzazzjoni tal-produtturi għandha tkun għal perjodu ta’ żmien minimu. Għandu jkun f’idejn l-Istati Membri li jistabbilixxu l-perjodi ta’ notifika u d-dati li fihom tista’ tidħol fis-seħħ ir-riżenja mis-sħubija.
(5)Meta organizzazzjoni tal-produtturi tkun rikonoxxuta għal prodott li jeħtieġ jiġu pprovduti mezzi tekniċi għalih, din għandha titħalla tipprovdi dawk il-mezzi permezz tal-membri tagħha, permezz tal-kumpaniji sussidjarji, permezz ta’ assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi li tagħha hija membru jew permezz tal-esternalizzazzjoni.
(6)L-attivitajiet essenzjali u ewlenin ta’ organizzazzjoni tal-produtturi għandhom jirrigwardjaw il-konċentrazzjoni tal-provvista u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti tagħhom sabiex b’hekk tissaħħaħ is-setgħa tan-negozjar tal-produtturi tal-frott u l-ħxejjex u tinkiseb distribuzzjoni aktar ġusta tal-benefiċċji li jirriżultaw tul il-katina tal-provvista. Madankollu, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jitħallew jinvolvu ruħhom f’attivitajiet oħrajn, kemm jekk dawn ikunu ta’ natura kummerċjali kif ukoll jekk le. Għandha tiġi inkoraġġita kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u, f’dak ir-rigward, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jitħallew jikkummerċjalizzaw il-frott u l-ħxejjex mixtrija esklussivament mingħand organizzazzjoni tal-produtturi rrikonoxxuta oħra, bil-kundizzjoni li l-valur ta’ dawn il-prodotti jitħalla barra mill-kalkoli tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata kemm għall-finijiet tal-attività ewlenija kif ukoll għal attivitajiet oħrajn.
(7)Għalkemm l-attività ewlenija ta’ organizzazzjoni tal-produtturi hija l-konċentrazzjoni tal-provvista u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti tal-membri tagħha li għalihom hija rikonoxxuta, f’xi każijiet, il-membri produtturi għandhom jitħallew ibigħu ċertu perċentwal tal-produzzjoni tagħhom barra mill-organizzazzjoni tal-produtturi, meta l-organizzazzjoni tal-produtturi tawtorizza dan, u meta dan ikun konformi mat-termini u l-kundizzjonijiet tal-Istat Membru u tal-organizzazzjoni tal-produtturi. Il-perċentwal totali tal-bejgħ barra mill-organizzazzjoni tal-produtturi ma għandux jaqbeż limitu massimu.
(8)Id-dispożizzjonijiet li jirrigwardjaw l-esternalizzazzjoni meta l-attivitajiet jiġu esternalizzati lil entitajiet relatati mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom ikunu speċifikati aktar.
(9)Sabiex tkun iffaċilitata l-konċentrazzjoni tal-provvista, il-fużjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi eżistenti bil-għan li jissawru organizzazzjonijiet ġodda għandha tkun inkoraġġita billi jiġu pprovduti regoli għall-fużjoni tal-programmi operattivi tal-organizzazzjonijiet magħquda.
(10)Filwaqt li jiġu rrispettati l-prinċipji li bihom trid tissawwar organizzazzjoni tal-produtturi fuq l-inizjattiva tal-produtturi nfushom u li bihom għandha tkun skrutinizzata mill-produtturi, għandu jitħalla f’idejn l-Istati Membri li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li taħthom persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħrajn jistgħu jiġu aċċettati bħala membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi jew ta’ assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi.
(11)Sabiex ikun żgurat li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jirrappreżentaw ġenwinament għadd minimu ta’ produtturi, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex jiżguraw li minoranza ta’ membri li jistgħu jikkostitwixxu l-biċċa l-kbira tal-produzzjoni jew l-ishma jew il-kapital fl-organizzazzjoni tal-produtturi ma jiddominawx aktar milli huwa xieraq il-ġestjoni u t-tħaddim tagħha. Ir-responsabbiltà demokratika hija diġà żgurata meta l-entitajiet ikollhom forma ġuridika li titlobha skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali qabel ikunu jistgħu jiġu rikonoxxuti bħala organizzazzjoni tal-produtturi. F’każijiet oħrajn, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu perċentwal massimu ta’ drittijiet tal-vot jew parteċipazzjonijiet azzjonarji u jwettqu l-kontrolli rilevanti.
(12)Għandhom jiġu stipulati regoli dwar ir-rikonoxximent u l-funzjonament tal-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-organizzazzjonijiet transnazzjonali tal-produtturi u tal-assoċjazzjonijiet transnazzjonali tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi. Għall-fini ta’ konsistenza, dawn għandhom jirriflettu, safejn ikun possibbli, ir-regoli stipulati għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi.
(13)Sabiex ikun iffaċilitat l-użu tal-iskema ta’ appoġġ għall-programmi operattivi, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi għandha tkun definita b’mod ċar, inklużi regoli li abbażi tagħhom jistgħu jitqiesu l-prodotti u l-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni li fih għandu jiġi kkalkolat il-valur tal-produzzjoni. Għall-finijiet ta’ kontroll u simplifikazzjoni, huwa xieraq li tintuża rata fissa bl-iskop li jiġi kkalkolat il-valur tal-frott u l-ħxejjex maħsuba għall-ipproċessar. Din ir-rata fissa għandha tiġi kkalkolata fuq il-bażi tal-valur tal-prodott bażiku, jiġifieri l-frott u l-ħxejjex maħsuba għall-ipproċessar, li miegħu jiżdied il-valur ta’ dawk l-attivitajiet biss li mhumiex attivitajiet ta’ pproċessar ġenwini. Billi l-volumi ta’ frott u ħxejjex meħtieġa għall-produzzjoni tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati jvarjaw ħafna bejn il-gruppi ta’ prodotti, dawk id-differenzi għandhom ikunu riflessi fir-rati fissi applikabbli. Fil-każ tal-frott u l-ħxejjex maħsuba għall-ipproċessar li jiġu ttrasformati fi ħwawar aromatiċi u trab tal-paprika pproċessati, huwa xieraq ukoll li tiddaħħal rata fissa sabiex jiġi kkalkolat il-valur tal-frott u l-ħxejjex maħsuba għall-ipproċessar, li jkun jirrappreżenta biss il-valur tal-prodott bażiku. Il-metodu tal-kalkolu tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għandu jnaqqas il-varjazzjonijiet annwali jew id-dejta insuffiċjenti u jevita l-għadd doppju, b’mod partikolari fil-każ tal-organizzazzjonijiet transnazzjonali tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom. Sabiex jiġi evitat li din l-iskema tintuża b’mod ħażin, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi ġeneralment ma għandhomx jitħallew ibiddlu l-metodoloġija għall-iffissar tal-perjodu ta’ referenza matul iż-żmien li jkun għaddej il-programm.
(14)L-organizzazzjonijiet tal-produtturi jista’ jkollhom ishma jew kapital f’kumpaniji sussidjarji li jgħinu sabiex iżidu l-valur miżjud tal-produzzjoni tal-membri tagħhom. Għandhom jiġu stabbiliti regoli għall-kalkolu tal-valur ta’ din il-produzzjoni kkummerċjalizzata. L-attivitajiet ewlenin ta’ dawn il-kumpaniji sussidjarji għandhom ikunu l-istess bħal dawk tal-organizzazzjoni tal-produtturi.
(15)Sabiex ikun żgurat l-użu korrett tal-għajnuna, għandhom jiġu stabbiliti regoli għall-ġestjoni u l-kontabbiltà tal-fondi operattivi u tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri, li jippermettu kemm jista’ jkun flessibbiltà, bil-kundizzjoni li l-produtturi kollha jkunu jistgħu japprofittaw ruħhom mill-fond operattiv u jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod demokratiku fid-deċiżjonijiet dwar l-użu tiegħu.
(16)Għandhom jiġu stipulati dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-kamp ta’ applikazzjoni u l-istruttura tal-istrateġija nazzjonali għal programmi operattivi sostenibbli u l-qafas nazzjonali għal azzjonijiet ambjentali. L-għan għandu jkun li tittejjeb kemm jista’ jkun l-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u li tittejjeb il-kwalità tal-istrateġija. Għandhom jiġu stipulati wkoll dispożizzjonijiet sabiex jiġi evitat il-finanzjament doppju tal-istess azzjoni permezz ta’ skemi ta’ appoġġ oħrajn, bħall-programmi tal-iżvilupp rurali jew tal-promozzjoni.
(17)Għal raġunijiet ta’ sigurtà finanzjarja u ċertezza legali, għandha titħejja kemm lista ta’ operazzjonijiet u nfiq li ma jistgħux ikunu koperti mill-programmi operattivi, kif ukoll lista mhux eżawrjenti ta’ operazzjonijiet li jistgħu jkunu koperti mill-programmi operattivi. Għandhom jiġu stipulati dispożizzjonijiet li jirrigwardjaw l-infiq eliġibbli, l-użu ta’ rati fissi u skali ta’ spejjeż għal kull unità, kif ukoll l-investimenti. L-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistabbilixxi għadd ta’ objettivi għall-programmi operattivi, inklużi objettivi li jikkonċernaw il-prodotti li jiġu prodotti kemm f’forma friska kif ukoll f’forma pproċessata. Bil-għan li jkun żgurat li dawk l-objettivi jintlaħqu, huwa xieraq li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li taħthom l-azzjonijiet relatati mat-trasformazzjoni tal-frott u l-ħxejjex fi frott u ħxejjex ipproċessati jistgħu jkunu eliġibbli għall-appoġġ. Fir-rigward tal-investimenti implimentati fuq azjendi individwali, għandhom jiġu stipulati dispożizzjonijiet għall-irkupru tal-valur residwu għal dawk il-każijiet fejn membru jirriżenja mill-organizzazzjoni tal-produtturi.
(18)Għalkemm il-programmi operattivi tal-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom ikunu soġġetti għall-istess regoli bħall-programmi operattivi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, xi rekwiżiti għandhom jiġu applikati fil-livell tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi membri.
(19)Sabiex tkun tista’ ssir evalwazzjoni xierqa tat-tagħrif mill-awtoritajiet kompetenti u sabiex il-miżuri u l-attivitajiet ikunu jistgħu jiġu inklużi fil-programmi jew esklużi minnhom, għandhom jiġu stabbiliti l-proċeduri għall-preżentazzjoni u l-approvazzjoni tal-programmi operattivi, inklużi d-dati ta’ skadenza. Minħabba li l-ġestjoni tal-programmi ssir fuq bażi annwali, għandu jkun hemm dispożizzjoni li tgħid li l-programmi li ma jkunux approvati qabel data partikolari għandhom jiġu posposti għal sena.
(20)Għandu jkun hemm proċedura għall-emendar tal-programmi operattivi għas-snin sussegwenti, sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu aġġustati bil-għan li jitqiesu kwalunkwe kundizzjonijiet ġodda li ma setgħux jiġu previsti meta kienu ppreżentati inizjalment. Barra minn hekk, il-miżuri u l-ammonti tal-fond operattiv għandhom ikunu jistgħu jinbidlu matul is-sena tal-eżekuzzjoni ta’ programm. Sabiex ikun żgurat li l-programmi approvati jżommu l-objettivi ġenerali tagħhom, dawn il-bidliet kollha għandhom ikunu soġġetti għal ċerti limiti u kundizzjonijiet, li għandhom jiġu definiti mill-Istati Membri, kif ukoll għal notifika obbligatorja tal-bidliet lill-awtoritajiet kompetenti.
(21)Sabiex ikunu evitati d-diffikultajiet fil-flussi tal-flus, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom sistema ta’ ħlas bil-quddiem, li tkun akkumpanjata minn garanziji xierqa. Fil-każ ta’ waqfien ta’ programm operattiv jew tal-irtirar ta’ rikonoxximent, kemm jekk ikun volontarju jew obbligatorju, jew inkella fil-każ ta’ xoljiment ta’ organizzazzjoni tal-produtturi, għandu jkun żgurat li l-għanijiet li għalihom tkun tħallset l-għajnuna ntlaħqu, inkella l-għajnuna mħallsa għandha tiġi rrimborżata lill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija.
(22)Il-produzzjoni tal-frott u l-ħxejjex hija imprevedibbli u l-prodotti jistgħu jeħżienu. Ammont żejjed fis-suq, anki jekk ma jkunx kbir wisq, jista’ jfixkel is-suq b’mod sinifikanti. Għaldaqstant, għandhom jiġu stipulati regoli dwar il-kamp ta’ applikazzjoni u l-applikazzjoni tal-miżuri għall-ġestjoni u l-prevenzjoni tal-kriżijiet b’rabta mal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Sa fejn huwa possibbli, dawk ir-regoli għandhom jipprevedu l-flessibbiltà u l-applikazzjoni ta’ malajr fil-perjodi ta’ kriżi u, għalhekk, għandhom jippermettu lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi jieħdu d-deċiżjonijiet huma stess. Madankollu, dawk ir-regoli għandhom jevitaw milli jkun hemm abbuż tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni u, għalhekk, għandhom jipprevedu limiti fuq l-użu ta’ ċerti miżuri, inkluż f’termini finanzjarji. Huma għandhom jiżguraw ukoll li r-rekwiżiti fitosanitarji u ambjentali jitħarsu kif xieraq.
(23)F’dak li jirrigwardja l-irtirar mis-suq, għandhom jiġu adottati regoli li jieħdu f’kunsiderazzjoni l-importanza potenzjali ta’ dik il-miżura. B’mod partikulari, għandhom jiġu stipulati regoli li jipprevedu sistema ta’ appoġġ akbar għall-frott u l-ħxejjex irtirati mis-suq, li jiġu distribwiti bla ħlas bħala għajnuna umanitarja minn organizzazzjonijiet karitatevoli u ċerti stabbilimenti u istituzzjonijiet oħrajn. Sabiex tkun iffaċilitata d-distribuzzjoni bla ħlas, huwa xieraq li jkun hemm dispożizzjoni dwar il-possibbiltà li l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet karitatevoli jitħallew jitolbu kontribuzzjoni simbolika mingħand il-benefiċjarji finali tal-prodotti li jkunu ġew irtirati. Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti l-livelli massimi ta’ appoġġ għall-irtirar mis-suq sabiex ikun żgurat li dan ma jsirx punt tal-ħruġ alternattiv permanenti għall-prodotti, meta mqabbel mat-tqegħid tagħhom fis-suq. F’dan il-kuntest, huwa xieraq li jkomplu jintużaw livelli komuni ta’ appoġġ għall-prodotti ewlenin. Għal prodotti oħrajn, fejn l-esperjenza għadha ma wriet ebda riskju ta’ rtirar eċċessiv, huwa xieraq li jiġu stabbiliti livelli massimi ta’ appoġġ bħala perċentwal tal-medja tal-prezzijiet irreġistrati f’kull Stat Membru. Madankollu, għal raġunijiet simili, fil-każijiet kollha huwa xieraq li jiġi stabbilit limitu kwantitattiv ta’ rtirar għal kull prodott għal kull organizzazzjoni tal-produtturi.
(24)Abbażi tal-esperjenza tal-imgħoddi, id-dispożizzjonijiet dwar il-ħsad bikri u n-nuqqas ta’ ħsad għandhom jiġu elaborati aktar. Bl-istess mod, għandhom jiġu ssimplifikati d-dispożizzjonijiet dwar l-appoġġ għall-ispejjeż amministrattivi sabiex jiġu stabbiliti fondi mutwi u għat-tħawwil mill-ġdid tal-ġonna wara l-qlugħ obbligatorju tad-dwieli.
(25)Għandhom jiġu adottati regoli dwar l-assistenza finanzjarja nazzjonali li l-Istati Membri jistgħu jagħtu f’reġjuni tal-Unjoni li fihom il-livell ta’ organizzazzjoni tal-produtturi huwa partikolarment baxx, inklużi regoli dwar kif jiġi kkalkolat il-livell ta’ organizzazzjoni u jiġi kkonfermat livell baxx ta’ organizzazzjoni. Tali regoli għandhom jirriflettu dawk li japplikaw bħalissa.
(26)L-appoġġ lill-gruppi ta’ produtturi sar parti mill-politika tal-iżvilupp rurali skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, iżda r-regoli dwar in-notifiki li jirrigwardjaw il-gruppi ta’ produtturi msawra skont l-Artikolu 125e tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, li huma meħtieġa sabiex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tal-iskema ta’ għajnuna, għandhom jinżammu f’dan ir-Regolament.
(27)Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar it-tip, il-format u l-mezzi ta’ notifiki li huma meħtieġa sabiex dan ir-Regolament jiġi implimentat. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jinkludu notifiki mill-produtturi u mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi lill-Istati Membri u mill-Istati Membri lill-Kummissjoni. L-esperjenza tal-imgħoddi f’dak li għandu x’jaqsam mad-dejta rreġistrata tippermetti ċerta simplifikazzjoni fuq l-għadd u l-frekwenza tad-dejta mitluba.
(28)Għandu jkun hemm dispożizzjoni għal monitoraġġ u evalwazzjoni xierqa ta’ programmi u skemi li jkunu għaddejjin sabiex ikunu vvalutati l-effettività u l-effiċjenza tagħhom kemm mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi kif ukoll mill-Istati Membri. Huwa possibbli li jitnaqqsu l-għadd u d-dettall tar-rekwiżiti attwali mingħajr ma tiġi affettwata l-kwalità tal-valutazzjoni.
(29)Għandhom jiġu stabbiliti miżuri fir-rigward tal-penali amministrattivi xierqa applikabbli meta jinstabu l-irregolaritajiet. Dawk il-miżuri għandhom jinvolvu kemm kontrolli u penali amministrattivi speċifiċi stabbiliti fil-livell tal-Unjoni, kif ukoll kontrolli u penali amministrattivi nazzjonali addizzjonali.
(30)Għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet proċedurali li jkunu jikkonċernaw il-kundizzjonijiet li bihom ir-regoli maħruġa mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi, mill-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi u mill-organizzazzjonijiet interprofessjonali fis-settur tal-frott u l-ħxejjex ikunu jistgħu jiġu estiżi għall-produtturi kollha stabbiliti f’żona ekonomika speċifika. Fir-rigward tal-prodotti mibjugħa mis-siġra, għandu jkun ċar liema regoli għandhom ikunu estiżi għall-produtturi u għax-xerrejja, rispettivament.
(31)Għandhom jiġu adottati regoli dwar is-sistema tal-prezz tad-dħul għall-frott u l-ħxejjex. Il-fatt li ħafna mill-frott u l-ħxejjex li jistgħu jitħassru kkonċernati jiġu fornuti mal-kunsinna joħloq diffikultajiet speċjali sabiex jiġi ddeterminat il-valur tagħhom. Għandhom jiġu stabbiliti l-metodi li jistgħu jintużaw sabiex jiġi kkalkolat il-prezz tad-dħul li abbażi tiegħu l-prodotti importati jiġu kklassifikati fit-tariffa doganali komuni. Għandu jkun hemm regoli għall-provvediment ta’ garanzija f’ċerti ċirkostanzi sabiex ikun żgurat li s-sistema tiġi applikata b’mod korrett.
(32)Għandhom jiġu stipulati dispożizzjonijiet dwar in-notifika tal-prezzijiet u l-kwantitajiet tal-prodotti importati sabiex ikun żgurat li t-tagħrif neċessarju jasal għand il-Kummissjoni b’mod koerenti u f’waqtu. Għandhom jiġu previsti regoli dwar in-notifika ta’ każijiet ta’ force majeure sabiex jiġu indirizzati l-konsegwenzi ta’ sitwazzjonijiet bħal dawn.
(33)Għal raġunijiet ta’ ċarezza u ċertezza legali, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 li huma sostitwiti minn dan ir-Regolament Delegat u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/xxx għandhom jitħassru. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 dwar l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għandhom jinżammu sakemm jiġu sostitwiti. Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-gruppi ta’ produtturi msawra skont l-Artikolu 125e tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 direttament għandhom jinżammu, filwaqt li xi Artikoli oħrajn li jikkonċernawhom indirettament għandhom ikomplu japplikaw sal-aħħar tal-implimentazzjoni tal-pjan tar-rikonoxximent tagħhom u r-rikonoxximent tagħhom bħala organizzazzjoni tal-produtturi.
(34)Għandhom jiġu stipulati dispożizzjonijiet tranżitorji sabiex tkun żgurata tranżizzjoni bla xkiel mir-rekwiżiti preċedenti għal dawk ġodda. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandu jkollhom il-possibbiltà li jiffinalizzaw il-programmi operattivi li għaddejjin skont ir-regoli preċedenti.
(35)Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ u jibda japplika mis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
TITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET INTRODUTTORJI
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati msemmija fl-Artikolu 1(2)(i) u (j) ta’ dak ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, kif ukoll jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-penali li jridu jiġu applikati f’dawk is-setturi.
Madankollu, it-Titolu II ta’ dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-prodotti tas-settur tal-frott u l-ħxejjex imsemmija fl-Artikolu 1(2)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u għal tali prodotti maħsuba għall-ipproċessar.
TITOLU II
ORGANIZZAZZJONIJIET TAL-PRODUTTURI
KAPITOLU I
Rekwiżiti u rikonoxximent
Taqsima 1
Definizzjonijiet
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan it-Titolu, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a)
‘produttur’ ifisser bidwi skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jipproduċi frott u ħxejjex kif imsemmi fl-Artikolu 1(2)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u tali prodotti maħsuba biss għall-ipproċessar;
(b)
“membru produttur” ifisser produttur jew entità legali kostitwiti minn produtturi li huma membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi jew ta’ assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi;
(c)
“kumpanija sussidjarja” tfisser kumpanija li fiha waħda jew aktar mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew mill-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi ħadu ishma jew ikkostitwew kapital u li tikkontribwixxi għall-objettivi ta’ dawk l-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet;
(d)
“organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi” tfisser kwalunkwe organizzazzjoni li fiha mill-inqas waħda mill-azjendi tal-produtturi tkun tinsab fi Stat Membru li ma jkunx dak fejn l-organizzazzjoni jkollha l-uffiċċju ewlieni tagħha;
(e)
“assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi” tfisser kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi li fiha mill-inqas waħda mill-organizzazzjonijiet assoċjati tkun tinsab fi Stat Membru li ma jkunx dak fejn l-assoċjazzjoni jkollha l-uffiċċju ewlieni tagħha;
(f)
“miżura” tfisser waħda minn dawn li ġejjin:
(i)
azzjonijiet immirati lejn l-ippjanar tal-produzzjoni, inklużi investimenti f’assi fiżiċi;
(ii)
azzjonijiet immirati lejn it-titjib jew iż-żamma tal-kwalità tal-prodotti, kemm jekk f’forma friska jew inkella f’forma pproċessata, inklużi investimenti f’assi fiżiċi;
(iii)
azzjonijiet immirati sabiex jagħtu spinta lill-valur kummerċjali tal-prodotti u jtejbu l-kummerċjalizzazzjoni, inklużi investimenti f’assi fiżiċi, kif ukoll il-promozzjoni tal-prodotti, kemm jekk f’forma friska jew inkella f’forma pproċessata, u attivitajiet ta’ komunikazzjoni għajr l-attivitajiet ta’ promozzjoni u komunikazzjoni li jaqgħu taħt il-punt (vi);
(iv)
azzjonijiet ta’ riċerka u produzzjoni sperimentali, inklużi investimenti f’assi fiżiċi;
(v)
azzjonijiet ta’ taħriġ u skambju tal-aqwa prassi, għajr it-taħriġ li jaqa’ taħt il-punt (vi) u azzjonijiet immirati lejn il-promozzjoni tal-aċċess għas-servizzi ta’ konsulenza u l-assistenza teknika;
(vi)
kwalunkwe waħda mill-azzjonijiet ta’ prevenzjoni u ġestjoni tal-kriżijiet elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;
(vii)
azzjonijiet ambjentali msemmija fl-Artikolu 33(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, inklużi investimenti f’assi fiżiċi;
(viii)
azzjonijiet oħrajn, inklużi investimenti f’assi fiżiċi, għajr dawk li jaqgħu taħt il-punti (i) sa (vii) li jissodisfaw wieħed jew aktar mill-objettivi msemmija jew stabbiliti fl-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;
(g)
“azzjoni” tfisser attività speċifika jew strument speċifiku mmirati sabiex jikkontribwixxu għal wieħed jew aktar mill-objettivi msemmija jew stabbiliti fl-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;
(h)
“investiment f’assi fiżiċi” ifisser l-akkwist ta’ assi tanġibbli mmirati sabiex jikkontribwixxu għal wieħed jew aktar mill-objettivi msemmija jew stabbiliti fl-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;
(i)
“prodott sekondarju” ifisser prodott li jirriżulta mill-preparazzjoni ta’ prodott ta’ frott jew ħxejjex li għandu valur ekonomiku pożittiv, iżda li mhuwiex il-prodott ewlieni maħsub;
(j)
“preparazzjoni” tfisser attivitajiet preparatorji bħall-ħasil, it-tqattigħ, it-tqaxxir, it-tirqim u t-tnixxif tal-frott u l-ħxejjex, mingħajr ma dawn jiġu ttrasformati fi frott u ħxejjex ipproċessati;
(k)
“bażi interprofessjonali”, kif imsemmija fl-Artikolu 34(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, tfisser l-attivitajiet li jsegwu wieħed jew aktar mill-objettivi elenkati fl-Artikolu 157(1)(c) ta’ dak ir-Regolament approvati mill-Istat Membru u ġestiti b’mod konġunt minn organizzazzjoni tal-produtturi jew assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi u mill-inqas parteċipant wieħed ieħor fil-katina tal-ipproċessar jew tad-distribuzzjoni tal-ikel;
(l)
“indikatur tal-linja bażi” ifisser kull indikatur li jirrifletti stat jew xejra eżistenti fil-bidu ta’ perjodu ta’ programmazzjoni li jista’ jipprovdi tagħrif utli:
(i)
fl-analiżi tas-sitwazzjoni inizjali, sabiex tkun stabbilita strateġija nazzjonali għal programmi operattivi sostenibbli jew programm operattiv;
(ii)
bħala referenza li magħha jkunu jistgħu jitqabblu u jiġu vvalutati r-riżultati u l-impatt ta’ strateġija nazzjonali jew ta’ programm operattiv; jew inkella
(iii)
fl-interpretazzjoni tar-riżultati u tal-impatt ta’ strateġija nazzjonali jew ta’ programm operattiv;
(m)
“spejjeż speċifiċi” jfissru l-ispejjeż addizzjonali, ikkalkolati bħala d-differenza bejn l-ispejjeż konvenzjonali u l-ispejjeż effettivament imġarrba, u d-dħul mitluf, li jirriżultaw minn azzjoni, minbarra d-dħul addizzjonali u l-iffrankar tal-ispejjeż.
Taqsima 2
Il-kriterji tar-rikonoxximent u rekwiżiti oħrajn
Artikolu 3
L-istatus legali tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi
L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-entitajiet legali li jistgħu japplikaw għal rikonoxximent skont l-Artikolu 154 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fid-dawl tal-istrutturi legali u amministrattivi nazzjonali tagħhom. Fejn ikun applikabbli, huma għandhom jistabbilixxu wkoll dispożizzjonijiet dwar partijiet definiti b’mod ċar ta’ entitajiet legali li jistgħu japplikaw għal rikonoxximent skont dak l-Artikolu. L-Istati Membri jistgħu jadottaw regoli kumplimentari dwar ir-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u dwar l-entitajiet legali li jistgħu japplikaw għal rikonoxximent bħala organizzazzjonijiet tal-produtturi.
Artikolu 4
Kopertura tal-prodott
1. L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fir-rigward tal-prodott jew tal-grupp ta’ prodotti speċifikati fl-applikazzjoni għal rikonoxximent.
2. L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fir-rigward tal-prodott jew tal-grupp ta’ prodotti maħsuba biss għall-ipproċessar f’każijiet fejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jkunu kapaċi jiżguraw li dawk il-prodotti jiġu kkonsenjati għall-ipproċessar, kemm jekk dan isir permezz ta’ sistema ta’ kuntratti ta’ provvista kif ukoll jekk isir b’mod ieħor.
Artikolu 5
Għadd minimu ta’ membri
Għall-finijiet tal-Artikolu 154(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri għandhom jistipulaw għadd minimu ta’ membri.
Meta jistipulaw l-għadd minimu ta’ membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li fejn applikant għar-rikonoxximent ikun totalment jew parzjalment magħmul minn membri li minnhom infushom huma entitajiet legali jew partijiet definiti b’mod ċar ta’ entitajiet legali magħmula minn produtturi, l-għadd minimu ta’ produtturi jista’ jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-għadd ta’ produtturi assoċjati ma’ kull waħda mill-entitajiet legali jew mill-partijiet definiti b’mod ċar tal-entitajiet legali.
Artikolu 6
Tul minimu ta’ sħubija
1. Il-perjodu minimu ta’ sħubija ta’ produttur ma għandux ikun ta’ inqas minn sena.
2. Ir-riżenja mis-sħubija għandha tiġi nnotifikata lill-organizzazzjoni tal-produtturi bil-miktub. L-Istati Membri għandhom jistipulaw il-perjodu ta’ notifika, li ma għandux ikun ta’ aktar minn sitt xhur, kif ukoll id-data li fiha tidħol fis-seħħ ir-riżenja.
Artikolu 7
Strutturi u attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi
L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom il-persunal, l-infrastruttura u t-tagħmir neċessarju sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 152, 154 u 160 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u sabiex jiżguraw il-funzjonament essenzjali tagħhom, b’mod partikolari rigward:
(a)
il-konoxxenza tal-produzzjoni tal-membri tagħhom;
(b)
il-mezzi tekniċi għall-ġbir, l-issortjar, il-ħażna u l-imballaġġ tal-produzzjoni tal-membri tagħhom;
(c)
il-kummerċjalizzazzjoni tal-produzzjoni tal-membri tagħhom;
(d)
il-ġestjoni kummerċjali u baġitarja; u
(e)
il-kontabbiltà ċentralizzata bbażata fuq l-ispejjeż u sistema ta’ fatturar skont il-liġi nazzjonali.
Artikolu 8
Il-valur jew il-volum tal-produzzjoni li tista’ tiġi kkummerċjalizzata
1. Għall-finijiet tal-Artikolu 154(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-valur jew il-volum tal-produzzjoni li tista’ tiġi kkummerċjalizzata għandu jiġi kkalkolat fuq l-istess bażi bħall-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata stabbilit fl-Artikoli 22 u 23 ta’ dan ir-Regolament.
2. F’ċirkostanzi meta d-dejta storika dwar il-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ membru għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ma tkunx biżżejjed, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għandu jkun daqs il-valur proprju tal-produzzjoni kkummerċjalizzata matul perjodu ta’ 12-il xahar konsekuttivi. Dawk it-12-il xahar għandhom jaqgħu fil-perjodu ta’ tliet snin qabel is-sena li fiha titressaq l-applikazzjoni għar-rikonoxximent.
Artikolu 9
Il-valur minimu tal-produzzjoni kkummerċjalizzata
Għall-finijiet tal-Artikolu 154(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri għandhom, minbarra għadd minimu ta’ membri, jistabbilixxu valur minimu ta’ produzzjoni kkummerċjalizzata għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi li qegħdin jimplimentaw programm operattiv.
Artikolu 10
Provvista ta’ mezzi tekniċi
Għall-finijiet tal-Artikolu 154(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u tal-Artikolu 7(b) ta’ dan ir-Regolament, organizzazzjoni tal-produtturi li tkun rikonoxxuta għal prodott li għalih il-provvista ta’ mezzi tekniċi tkun neċessarja għandha titqies bħala li tissodisfa l-obbligu tagħha f’dak ir-rigward, meta tipprovdi livell adegwat ta’ mezzi tekniċi hija stess jew permezz tal-membri tagħha, inkella permezz ta’ kumpaniji sussidjarji, permezz ta’ assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi li tagħha tkun membru jew permezz ta’ esternalizzazzjoni.
Artikolu 11
L-attivitajiet ewlenin tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi
1. L-attività ewlenija ta’ organizzazzjoni tal-produtturi għandha tirrigwardja l-konċentrazzjoni tal-provvista u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti tal-membri tagħha li għalihom tkun rikonoxxuta.
It-tqegħid fis-suq imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jsir mill-organizzazzjoni tal-produtturi, jew taħt il-kontroll tal-organizzazzjoni tal-produtturi fil-każ tal-esternalizzazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 13. It-tqegħid fis-suq għandu jinkludi, fost l-oħrajn, id-deċiżjoni dwar il-prodott li jrid jinbiegħ, il-mod kif isir il-bejgħ u, sakemm il-bejgħ ma jsirx permezz ta’ rkant, in-negozjar tal-kwantità u tal-prezz tiegħu.
L-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom iżommu rekords, inklużi dokumenti ta’ kontabbiltà, għal mill-inqas ħames snin, li juru li l-organizzazzjoni tal-produtturi kkonċentrat il-provvista u qiegħdet fis-suq il-prodotti tal-membri li għalihom hija rikonoxxuta.
2. Organizzazzjoni tal-produtturi tista’ tbigħ prodotti minn produtturi li ma jkunux membri ta’ organizzazzjoni tal-produtturi jew ta’ assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, f’każ li tkun rikonoxxuta għal dawk il-prodotti u sakemm il-valur ekonomiku ta’ dik l-attività jkun inqas mill-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tagħha kkalkolat skont l-Artikolu 22.
3. Il-kummerċjalizzazzjoni ta’ frott u ħxejjex li jinxtraw direttament mingħand organizzazzjoni tal-produtturi oħra u ta’ prodotti li għalihom l-organizzazzjoni tal-produtturi mhijiex rikonoxxuta ma għandhiex titqies bħala attività li tagħmel parti mill-attivitajiet tal-organizzazzjoni tal-produtturi.
4. F’każijiet fejn japplika l-Artikolu 22(8), il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu japplika mutatis mutandis għall-kumpaniji sussidjarji kkonċernati.
Artikolu 12
Il-kummerċjalizzazzjoni tal-produzzjoni barra l-organizzazzjoni tal-produtturi
1. Meta l-organizzazzjoni tal-produtturi tawtorizza dan u meta dan ikun konformi mat-termini u l-kundizzjonijiet stipulati mill-Istat Membru u mill-organizzazzjoni tal-produtturi, il-membri produtturi jistgħu:
(a)ibigħu l-prodotti direttament jew barra l-azjendi tagħhom lill-konsumaturi għall-ħtiġijiet personali tagħhom;
(b)jikkummerċjalizzaw huma stess jew permezz ta’ organizzazzjoni tal-produtturi oħra maħtura mill-organizzazzjoni tagħhom stess, kwantitajiet ta’ prodotti li huma marġinali meta mqabbla mal-volum ta’ produzzjoni li tista’ tiġi kkummerċjalizzata tal-organizzazzjoni tagħhom għall-prodotti kkonċernati;
(a)jikkummerċjalizzaw huma stess jew permezz ta’ organizzazzjoni tal-produtturi oħra maħtura mill-organizzazzjoni tagħhom stess, prodotti li, minħabba l-karatteristiċi tagħhom, ma jkunux normalment koperti mill-attivitajiet kummerċjali tal-organizzazzjoni tal-produtturi kkonċernata.
2. Il-perċentwal tal-produzzjoni ta’ kwalunkwe membru produttur ikkummerċjalizzata barra mill-organizzazzjoni tal-produtturi ma għandux jaqbeż il-25 % fil-volum jew fil-valur. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perċentwal aktar baxx. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jżidu dak il-perċentwal sa 40 % fil-każ ta’ prodotti koperti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 jew meta l-membri produtturi jikkummerċjalizzaw il-produzzjoni tagħhom permezz ta’ organizzazzjoni tal-produtturi oħra maħtura mill-organizzazzjoni tal-produtturi tagħhom stess.
Artikolu 13
Esternalizzazzjoni
1. L-attivitajiet li Stat Membru jista’ jippermetti li jiġu esternalizzati skont l-Artikolu 155 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom jirrigwardjaw l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 152(1)(c) ta’ dak ir-Regolament u jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, il-ġbir, il-ħażna, l-imballaġġ u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi.
2. Organizzazzjoni tal-produtturi li testernalizza attività għandha tidħol f’arranġament kummerċjali bil-miktub permezz ta’ kuntratt, ftehim jew protokoll ma’ entità oħra, inkluż ma’ wieħed jew aktar mill-membri tagħha jew ma’ kumpanija sussidjarja, bl-iskop li twettaq l-attività kkonċernata. L-organizzazzjoni tal-produtturi għandha tibqa’ responsabbli sabiex tiżgura t-twettiq tal-attività esternalizzata u l-kontroll tal-ġestjoni ġenerali u s-superviżjoni tal-arranġament kummerċjali għat-twettiq tal-attività.
Madankollu, l-attività għandha titqies bħala li twettqet mill-organizzazzjoni tal-produtturi jekk hija titwettaq minn assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew minn kooperattiva li l-membri tagħha nfushom huma kooperattivi fejn l-organizzazzjoni tal-produtturi tkun membru tagħha, jew inkella minn kumpanija sussidjarja li tkun konformi mar-rekwiżit ta’ 90 % imsemmi fl-Artikolu 22(8).
3. Il-kontroll u s-superviżjoni tal-ġestjoni ġenerali msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 għandhom ikunu effettivi u jitolbu li l-kuntratt, il-ftehim jew il-protokoll tal-esternalizzazzjoni:
(a)
jippermetti lill-organizzazzjoni tal-produtturi toħroġ struzzjonijiet vinkolanti u jinkludi dispożizzjonijiet li jippermettu lill-organizzazzjoni tal-produtturi ttemm il-kuntratt, il-ftehim jew il-protokoll jekk il-fornitur tas-servizz ma jissodisfax it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt tal-esternalizzazzjoni;
(b)
jistipula termini u kundizzjonijiet dettaljati, inklużi l-obbligi ta’ rapportar regolari u skadenzi li jippermettu lill-organizzazzjoni tal-produtturi teżerċita kontroll effettiv fuq l-attivitajiet esternalizzati.
Il-kuntratti, il-ftehimiet jew il-protokolli tal-esternalizzazzjoni, kif ukoll ir-rapporti msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandhom jinżammu mill-organizzazzjoni tal-produtturi għal mill-inqas 5 snin għall-finijiet ta’ kontrolli ex-post u għandhom ikunu aċċessibbli għall-membri kollha, jekk jintalbu.
Artikolu 14
Organizzazzjonijiet transnazzjonali tal-produtturi
1. L-uffiċċju ewlieni ta’ organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi għandu jkun jinsab fl-Istat Membru fejn l-organizzazzjoni tikseb il-maġġoranza tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata kkalkolat skont l-Artikoli 22 u 23.
B’mod alternattiv, l-uffiċċju ewlieni jista’ jkun stabbilit fl-Istat Membru fejn ikunu jinsabu l-maġġoranza tal-membri produtturi, jekk l-Istati Membri kkonċernati jaqblu ma’ dan.
2. Meta l-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi timplimenta programm operattiv u meta, fil-mument tal-applikazzjoni għal programm operattiv ġdid, il-maġġoranza tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tinkiseb fi Stat Membru ieħor jew meta l-maġġoranza tal-membri produtturi jkunu jinsabu fi Stat Membru ieħor li ma jkunx dak fejn jinsab l-uffiċċju ewlieni ta’ dik l-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi, l-uffiċċju ewlieni għandu jinżamm fl-Istat Membru attwali sal-aħħar tal-implimentazzjoni tal-programm operattiv ġdid.
Madankollu, jekk fl-aħħar tal-implimentazzjoni ta’ dak il-programm operattiv ġdid, il-maġġoranza tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tinkiseb xorta waħda jew il-maġġoranza tal-membri tal-organizzazzjoni jkunu għadhom jinsabu fi Stat Membru li ma jkunx dak fejn attwalment jinsab l-uffiċċju ewlieni, dan tal-aħħar għandu jiġi ttrasferit lejn dak l-Istat Membru l-ieħor, sakemm l-Istati Membri kkonċernati ma jaqblux li l-post tal-uffiċċju ewlieni ma għandux jinbidel.
3. L-Istat Membru li fih ikun jinsab l-uffiċċju ewlieni tal-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi għandu jkun responsabbli għal dawn li ġejjin:
(a)
ir-rikonoxximent tal-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi;
(b)
l-approvazzjoni tal-programm operattiv tal-organizzazzjoni transnazzjonali tal-produtturi;
(c)
it-twaqqif tal-kooperazzjoni amministrattiva meħtieġa mal-Istati Membri l-oħrajn fejn ikunu jinsabu l-membri fir-rigward tal-konformità mat-termini tar-rikonoxximent u s-sistema tal-kontrolli u l-penali amministrattivi. Dawk l-Istati Membri l-oħrajn għandhom jagħtu l-assistenza kollha meħtieġa lill-Istat Membru fejn jinsab l-uffiċċju ewlieni fi żmien xieraq; u
(d)
l-għoti, fuq talba ta’ Stat Membru fejn jinsabu l-membri, tad-dokumentazzjoni rilevanti kollha, inkluża kwalunkwe leġiżlazzjoni applikabbli disponibbli, tradotta fil-lingwa uffiċjali jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ dak l-Istat Membru.
Artikolu 15
Fużjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi
1. Meta l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jingħaqdu flimkien, l-organizzazzjoni tal-produtturi li tirriżulta mill-fużjoni għandha tassumi d-drittijiet u l-obbligi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi individwali li ngħaqdu flimkien. L-Istat Membru għandu jiżgura li l-organizzazzjoni tal-produtturi ġdida tkun konformi mal-kriterji tar-rikonoxximent kollha u għandu jassenjalha numru ġdid għall-finijiet tas-sistema ta’ identifikazzjoni unika msemmija fl-Artikolu 22 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/xxx.
L-organizzazzjoni tal-produtturi li tirriżulta mill-fużjoni tista’ jew tħaddem il-programmi b’mod parallel u separat sal-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara l-fużjoni, jew inkella tgħaqqad il-programmi operattivi flimkien mill-mument tal-fużjoni.
L-Artikolu 34 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika għall-programmi operattivi li jingħaqdu flimkien.
2. B’deroga mit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, abbażi ta’ talba li tkun debitament ġustifikata, li l-programmi operattivi jkomplu jiġu implimentati b’mod parallel sakemm dawn jaslu għall-konklużjoni naturali tagħhom.
Artikolu 16
Membri li mhumiex produtturi
1. L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li taħthom kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li mhijiex produttur tista’ tkun aċċettata bħala membru ta’ organizzazzjoni tal-produtturi.
2. Meta jistabbilixxu l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, b’mod partikolari, il-konformità mal-Artikolu 153(2)(c) u mal-Artikolu 159(a)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
3. Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx:
(a)
ikunu kkunsidrati għall-kriterji tar-rikonoxximent;
(b)
jibbenifikaw direttament mill-miżuri ffinanzjati mill-Unjoni.
L-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu jew jipprojbixxu d-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jivvotaw dwar deċiżjonijiet li jirrigwardjaw il-fondi operattivi, skont il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.
Artikolu 17
Ir-responsabbiltà demokratika tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi
1. Meta organizzazzjoni tal-produtturi jkollha struttura legali li tkun teħtieġ responsabbiltà demokratika skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, hija għandha titqies bħala li tissodisfa dan ir-rekwiżit għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, sakemm l-Istat Membru ma jiddeċidix mod ieħor.
2. Għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi minbarra dik imsemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu perċentwal massimu ta’ drittijiet tal-vot u ishma jew kapital li jista’ jkollha kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika f’organizzazzjoni tal-produtturi. Il-perċentwal massimu tad-drittijiet tal-vot u tal-ishma jew tal-kapital għandu jkun inqas minn 50 % tad-drittijiet tal-vot totali u inqas minn 50 % tal-ishma jew tal-kapital.
F’każijiet debitament ġustifikati, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perċentwal massimu ogħla ta’ ishma jew kapital li jista’ jkollha persuna ġuridika f’organizzazzjoni tal-produtturi, diment li jiġu adottati miżuri li jiżguraw li, fi kwalunkwe każ, ikun evitat kull abbuż ta’ poter minn tali persuna ġuridika.
B’deroga mill-ewwel subparagrafu, fil-każ ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi li jimplimentaw programm operattiv fis-17 ta’ Mejju 2014, il-perċentwal massimu ta’ ishma jew kapital stabbilit mill-Istat Membru skont l-ewwel subparagrafu għandu japplika biss wara li jintemm il-programm operattiv.
3. L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli, abbażi ta’ analiżi tar-riskji, fuq id-drittijiet tal-vot u l-parteċipazzjonijiet azzjonarji. Meta l-membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi jkunu persuni ġuridiċi huma stess, dawn il-kontrolli għandhom jinkludu l-identitajiet tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom l-ishma jew il-kapital tal-membri.
4. Meta organizzazzjoni tal-produtturi tkun parti definita b’mod ċar minn entità legali, l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jirrestrinġu jew jipprojbixxu s-setgħat ta’ dik l-entità legali li timmodifika, tapprova jew tirrifjuta deċiżjonijiet tal-organizzazzjoni tal-produtturi.
Taqsima 3
Assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi
Artikolu 18
Regoli dwar l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li japplikaw għall-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi
L-Artikoli 3, 6, 11(3), 13, 15 u 17 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi. Meta l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi tbigħ il-prodotti tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi membri tagħha, l-Artikolu 11(2) għandu japplika mutatis mutandis.
Artikolu 19
Rikonoxximent tal-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi
1. L-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi skont l-Artikolu 156 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-attività jew l-attivitajiet li jikkonċernaw il-prodott jew il-grupp ta’ prodotti speċifikati fl-applikazzjoni għar-rikonoxximent meta l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi tkun tista’ twettaq dawk l-attivitajiet b’mod effettiv.
2. Assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuta skont l-Artikolu 156 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tista’ twettaq kwalunkwe waħda mill-attivitajiet jew mill-funzjonijiet ta’ organizzazzjoni tal-produtturi, anki meta l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kkonċernati tkompli titwettaq mill-membri tagħha.
3. Għal prodott partikolari jew grupp ta’ prodotti u attività partikolari, organizzazzjoni tal-produtturi għandha tkun membru biss ta’ assoċjazzjoni waħda ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi li timplimenta programm operattiv.
4. L-Istati Membri jistgħu jadottaw regoli kumplimentari dwar ir-rikonoxximent tal-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi.
Artikolu 20
Membri ta’ assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi li mhumiex organizzazzjonijiet tal-produtturi
1. L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li taħthom il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, għajr organizzazzjoni tal-produtturi rikonoxxuta, jistgħu jkunu membru ta’ assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi.
2. Il-membri ta’ assoċjazzjoni rikonoxxuta ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi li ma jkunux organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti ma għandhomx:
(a)
ikunu kkunsidrati għall-kriterji tar-rikonoxximent;
(b)
jibbenifikaw direttament mill-miżuri ffinanzjati mill-Unjoni.
L-Istati Membri jistgħu jippermettu, jirrestrinġu jew jipprojbixxu d-dritt ta’ dawk il-membri li jivvutaw dwar deċiżjonijiet li jirrigwardjaw il-programmi operattivi.
Artikolu 21
Assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi
1. L-uffiċċju ewlieni ta’ assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi għandu jkun jinsab fl-Istat Membru fejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi membri jiksbu l-maġġoranza tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata.
B’mod alternattiv, l-uffiċċju ewlieni jista’ jkun stabbilit fl-Istat Membru fejn ikunu jinsabu l-maġġoranza tal-produtturi membri, jekk l-Istati Membri kkonċernati jaqblu ma’ dan.
2. Meta l-assoċjazzjoni transnazzjonali ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi timplimenta programm operattiv u meta, fil-mument tal-applikazzjoni għal programm operattiv ġdid, il-maġġoranza tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tinkiseb fi Stat Membru ieħor jew meta l-maġġoranza tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi membri jkunu jinsabu fi Stat Membru ieħor li ma jkunx dak fejn jinsab l-uffiċċju ewlieni ta’ dik l-assoċjazzjoni transnazzjonali, l-uffiċċju ewlieni għandu jinżamm fl-Istat Membru attwali sal-aħħar tal-implimentazzjoni tal-programm operattiv ġdid.
Madankollu, jekk fl-aħħar tal-implimentazzjoni ta’ dak il-programm operattiv ġdid, il-maġġoranza tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tinkiseb xorta waħda jew il-maġġoranza tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi membri jkunu għadhom jinsabu fi Stat Membru li ma jkunx dak fejn attwalment jinsab l-uffiċċju ewlieni, dan tal-aħħar għandu jiġi ttrasferit lejn dak l-Istat Membru l-ieħor, sakemm l-Istati Membri kkonċernati ma jaqblux li l-post tal-uffiċċju ewlieni ma għandux jinbidel.
3. L-Istat Membru li fih ikun jinsab l-uffiċċju ewlieni tal-assoċjazzjoni transnazzjonali tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandu jkun responsabbli għal dawn li ġejjin:
(a)
ir-rikonoxximent tal-assoċjazzjoni;
(b)
l-approvazzjoni, fejn ikun applikabbli, tal-programm operattiv tal-assoċjazzjoni transnazzjonali;
(c)
it-twaqqif tal-kooperazzjoni amministrattiva meħtieġa mal-Istati Membri l-oħrajn li fihom jinsabu l-organizzazzjonijiet assoċjati fir-rigward tal-konformità mat-termini tar-rikonoxximent, l-implimentazzjoni tal-programm operattiv mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi membri u s-sistema ta’ kontrolli u penali amministrattivi. Dawk l-Istati Membri l-oħrajn għandhom jagħtu l-assistenza kollha meħtieġa lill-Istat Membru li fih ikun jinsab l-uffiċċju ewlieni; u
(d)
l-għoti, fuq talba ta’ Stat Membru fejn jinsabu l-membri, tad-dokumentazzjoni rilevanti kollha, inkluża kwalunkwe leġiżlazzjoni applikabbli disponibbli, tradotta fil-lingwa uffiċjali jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ dak l-Istat Membru.
KAPITOLU II
Fondi operattivi u programmi operattivi
Taqsima 1
Il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata
Artikolu 22
Il-bażi għall-kalkolu
1. Il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għal organizzazzjoni tal-produtturi għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-produzzjoni tal-organizzazzjoni tal-produtturi nnifisha u tal-membri produtturi tagħha, u għandu jinkludi biss il-produzzjoni ta’ dawk il-frott u l-ħxejjex li għaliha kienet rikonoxxuta l-organizzazzjoni tal-produtturi. Il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata jista’ jinkludi frott u ħxejjex li ma hemmx bżonn li jkunu konformi mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, meta dawk l-istandards ma japplikawx.
Il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għal assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-produzzjoni kkummerċjalizzata mill-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi nnifisha u mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi membri tagħha, u għandu jinkludi biss il-produzzjoni ta’ dawk il-frott u l-ħxejjex li għaliha hija rikonoxxuta l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi. Meta jsir dan il-kalkolu, għandu jiġi evitat għadd doppju.
2. Il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ma għandux jinkludi l-valur tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati jew ta’ kwalunkwe prodott ieħor li mhuwiex prodott tas-settur tal-frott u l-ħxejjex.
Madankollu, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-frott u l-ħxejjex maħsuba għall-ipproċessar, li jkunu ġew ittrasformati f’wieħed mill-prodotti tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati elenkati fil-Parti X tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1308/2013 jew fi kwalunkwe prodott ipproċessat ieħor imsemmi f’dan l-Artikolu u deskritt aktar fl-Anness I għal dan ir-Regolament, minn organizzazzjoni tal-produtturi, assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew mill-membri produtturi jew il-kumpaniji sussidjarji tagħhom li jikkonformaw mar-rekwiżit ta’ 90 % msemmi fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu, minnhom stess jew permezz tal-esternalizzazzjoni, għandu jiġi kkalkolat bħala rata fissa f’perċentwal applikata għall-valur iffatturat ta’ dawk il-prodotti pproċessati. Dik ir-rata fissa għandha tkun:
(a)
53 % għall-meraq tal-frott;
(b)
73 % għall-meraq ikkonċentrat;
(c)
77 % għall-kunserva;
(d)
62 % għall-frott u l-ħxejjex iffriżati;
(e)
48 % għall-frott u l-ħxejjex tal-bott;
(f)
70 % għall-faqqiegħ tal-bott tal-ġeneru Agaricus;
(g)
81 % għall-frott ippriservat b’mod provviżorju fis-salmura;
(h)
81 % għall-frott imnixxef;
(i)
27 % għall-frott u l-ħxejjex ipproċessati għajr dawk imsemmija fil-punti (a) sa (h);
(j)
12 % għall-ħwawar aromatiċi pproċessati;
(k)
41 % għat-trab tal-paprika.
3. L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi jinkludu l-valur tal-prodotti sekondarji fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata.
4. Il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għandu jinkludi l-valur tal-irtirar mis-suq imneħħi kif previst fl-Artikolu 34(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Il-valur għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-prezz medju ta’ dawk il-prodotti kkummerċjalizzati mill-organizzazzjoni tal-produtturi fil-perjodu kkonċernat.
5. Hija biss il-produzzjoni tal-organizzazzjoni tal-produtturi u tal-membri produtturi tagħha li hija kkummerċjalizzata minn dik l-organizzazzjoni tal-produtturi li għandha tingħadd fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata. Il-produzzjoni tal-membri produtturi tal-organizzazzjoni tal-produtturi kkummerċjalizzata minn organizzazzjoni tal-produtturi oħra maħtura mill-organizzazzjoni tagħhom stess għandha tingħadd fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata tat-tieni organizzazzjoni tal-produtturi. Għandu jiġi evitat għadd doppju.
6. Ħlief fejn japplika l-paragrafu 8, il-produzzjoni kkummerċjalizzata tal-frott u l-ħxejjex għandha tinħarġilha fattura fl-istadju ta’ “meta toħroġ mill-organizzazzjoni tal-produtturi” bħala prodott elenkat fil-Parti IX tal-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li huwa ppreparat u ppakkjat, li ma tkunx tinkludi:
(a)
il-VAT;
(b)
l-ispejjeż tat-trasport intern għall-organizzazzjoni tal-produtturi, meta d-distanza bejn il-punti ċentralizzati tal-ġbir u l-ippakkjar tal-organizzazzjoni tal-produtturi u l-punt tad-distribuzzjoni tal-organizzazzjoni tal-produtturi tkun ta’ aktar minn 300 km.
7. Il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata jista’ jiġi kkalkolat ukoll fl-istadju ta’ “meta toħroġ mill-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi” u fuq l-istess bażi bħal dik stabbilita fil-paragrafu 6.
8. Il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata jista’ jiġi kkalkolat ukoll fl-istadju ta’ “meta toħroġ mill-kumpanija sussidjarja”, fuq l-istess bażi bħal dik stabbilita fil-paragrafu 6, sakemm mill-inqas 90 % tal-ishma jew tal-kapital tal-kumpanija sussidjarja jkun:
(a)
ta’ organizzazzjoni tal-produtturi waħda jew aktar jew ta’ assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi waħda jew aktar; jew inkella
(b)
soġġett għal approvazzjoni ta’ Stat Membru, ta’ membri produtturi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew tal-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, jekk dan il-fatt jikkontribwixxi għall-objettivi elenkati fl-Artikolu 152(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
9. Fil-każ tal-esternalizzazzjoni, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għandu jiġi kkalkolat fl-istadju ta’ “meta toħroġ mill-organizzazzjoni tal-produtturi” u għandu jinkludi l-valur ekonomiku miżjud tal-attività li l-organizzazzjoni tal-produtturi esternalizzat lill-membri tagħha, lil partijiet terzi jew lil kumpanija sussidjarja oħra minbarra dik imsemmija fil-paragrafu 8.
10. Meta jseħħ tnaqqis fil-produzzjoni minħabba diżastru naturali, avveniment klimatiku, mard tal-pjanti jew tal-annimali jew infestazzjonijiet ta’ organiżmi ta’ ħsara, kwalunkwe kumpens tal-assigurazzjoni li jingħata fir-rigward tal-azzjonijiet tal-assigurazzjoni tal-ħsad koperti mit-Taqsima 7 tal-Kapitolu III, jew għal azzjonijiet ekwivalenti ġestiti mill-organizzazzjoni tal-produtturi, minħabba dawk il-kawżi, jista’ jiġi inkluż fil-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata.
Artikolu 23
Perjodu ta’ referenza u limitu massimu fuq l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni
1. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw perjodu ta’ referenza ta’ 12-il xahar għal kull organizzazzjoni tal-produtturi, li għandu jibda mhux aktar kmieni mill-1 ta’ Jannar tas-sena li tiġi tliet snin qabel is-sena li għaliha tkun qed tintalab l-għajnuna u li jintemm mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sena li għaliha tkun qed tintalab l-għajnuna.
Il-perjodu ta’ referenza ta’ 12-il xahar għandu jkun il-perjodu tal-kontabbiltà tal-organizzazzjoni tal-produtturi kkonċernata.
Il-metodoloġija li tintuża sabiex jiġi stabbilit il-perjodu ta’ referenza ma għandux ivarja matul programm operattiv, ħlief f’sitwazzjonijiet li jkunu debitament ġustifikati.
2. Il-limitu massimu fuq l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandu jiġi kkalkolat kull sena fuq il-bażi tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata matul il-perjodu ta’ referenza tal-produtturi li huma membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi jew tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi fl-1 ta’ Jannar tas-sena li għaliha tkun qed tintalab l-għajnuna.
3. Bħala alternattiva għall-metodu stabbilit fil-paragrafu 2, fir-rigward tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi mhux transnazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jużaw il-valur proprju tal-produzzjoni kkummerċjalizzata fil-perjodu ta’ referenza kkonċernat tal-organizzazzjoni tal-produtturi jew tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi inkwistjoni. F’dak il-każ, ir-regola għandha tapplika għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi transnazzjonali kollha f’dak l-Istat Membru.
4. F’każ li jkun seħħ tnaqqis ta’ mill-inqas 35 % fil-valur ta’ prodott minħabba raġunijiet li jaqgħu barra mir-responsabbiltà u l-kontroll tal-organizzazzjoni tal-produtturi, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ dak il-prodott għandu jitqies bħala li jirrappreżenta 65 % tal-valur tiegħu fil-perjodu ta’ referenza preċedenti.
L-organizzazzjoni tal-produtturi għandha tiġġustifika r-raġunijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.
Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll għall-fini tad-determinazzjoni tal-konformità mal-valur minimu tal-produzzjoni kkummerċjalizzata kif previst fl-Artikolu 9.
5. Meta d-dejta storika dwar il-produzzjoni kkummerċjalizzata għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jkunu ġew rikonoxxuti reċentement ma tkunx biżżejjed għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1, il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata għandu jkun il-valur tal-produzzjoni li tista’ tiġi kkummerċjalizzata pprovdut mill-organizzazzjoni tal-produtturi għall-finijiet tar-rikonoxximent.
Artikolu 24
Il-kontabbiltà
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jikkonformaw mal-istandards nazzjonali tal-kontabbiltà bbażata fuq l-ispejjeż, li jippermettu lill-awdituri indipendenti jidentifikaw, jivverifikaw u jiċċertifikaw fil-pront l-infiq u d-dħul tagħhom.
Taqsima 2
Fondi operattivi
Artikolu 25
Finanzjament tal-fondi operattivi
1. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-fond operattiv imsemmija fl-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom jiġu ddeterminati mill-organizzazzjoni tal-produtturi jew mill-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi.
2. Il-membri produtturi jew l-organizzazzjonijiet membri kollha għandu jkollhom l-opportunità li jibbenifikaw mill-fond operattiv u li jipparteċipaw b’mod demokratiku fid-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-użu tal-fond operattiv tal-organizzazzjoni tal-produtturi jew tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-użu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-fond operattiv.
3. L-istatuti ta’ organizzazzjoni tal-produtturi jew ir-regoli ta’ assoċjazzjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jitolbu li l-membri produtturi tagħha jew l-organizzazzjonijiet membri jħallsu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji skont l-istatuti jew ir-regoli ta’ assoċjazzjoni tagħha għat-twaqqif u r-rikostituzzjoni tal-fond operattiv previst fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
Artikolu 26
Notifika tal-ammont stmat
1. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jgħarrfu lill-Istat Membru, li jkun ta r-rikonoxximent, dwar l-ammonti stmati tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni u l-kontribuzzjoni, tal-membri tagħhom kif ukoll tal-organizzazzjoni tal-produtturi jew tal-assoċjazzjoni nnifisha, għall-fondi operattivi għas-sena ta’ wara, sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Settembru, flimkien mal-programmi operattivi jew ma’ kwalunkwe talba għall-approvazzjoni tal-emendi għal programm operattiv eżistenti.
Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu data li tkun aktar tard mill-15 ta’ Settembru.
2. Il-kalkolu tal-ammont stmat tal-fondi operattivi għandu jkun ibbażat fuq il-programmi operattivi u fuq il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata. Il-kalkolu għandu jinqasam bejn l-infiq għall-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet u dak għal miżuri oħrajn.
Taqsima 3
Programmi operattivi
Artikolu 27
Strateġija nazzjonali
1. L-istrateġija nazzjonali msemmija fl-Artikolu 36(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, inkluż il-qafas nazzjonali msemmi fl-Artikolu 36(1) ta’ dak ir-Regolament, għandha tiġi stabbilita qabel is-sottomissjoni annwali tal-abbozz ta’ programmi operattivi. Il-qafas nazzjonali għandu jkun integrat fl-istrateġija nazzjonali wara li jkun ġie sottomess lill-Kummissjoni u, fejn ikun applikabbli, wara li jkun ġie emendat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
L-istrateġija nazzjonali tista’ tiġi subdiviża f’elementi reġjonali.
2. Minbarra l-elementi msemmija fl-Artikolu 36(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-istrateġija nazzjonali għandha tintegra d-deċiżjonijiet kollha meħuda u d-dispożizzjonijiet adottati mill-Istat Membru għall-finijiet tal-Artikoli 152 sa 165 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
3. Analiżi tas-sitwazzjoni inizjali għandha tifforma parti mill-proċess tat-tfassil tal-istrateġija nazzjonali u għandha titwettaq taħt ir-responsabbiltà tal-Istat Membru.
Hija għandha tidentifika u tivvaluta l-ħtiġijiet li huma ta’ prijorità, l-objettivi, ir-riżultati mistennija u l-miri kkwantifikati meta mqabbla mas-sitwazzjoni inizjali.
Hija għandha tistabbilixxi wkoll l-istrumenti u l-azzjonijiet intiżi sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.
4. L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw u jevalwaw l-istrateġija nazzjonali u l-implimentazzjoni tagħha permezz tal-programmi operattivi.
L-istrateġija nazzjonali tista’ tiġi emendata qabel is-sottomissjoni annwali tal-abbozz ta’ programmi operattivi.
5. Fl-istrateġija nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-perċentwali massimi tal-fond operattiv li jistgħu jintefqu fuq kwalunkwe miżura individwali jew fuq kull tip ta’ azzjoni sabiex ikun żgurat bilanċ bejn il-miżuri differenti.
Artikolu 28
Qafas nazzjonali għall-azzjonijiet ambjentali
Minbarra li jissottomettu l-qafas propost imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bi kwalunkwe emendi fil-qafas nazzjonali, li għandhom ikunu soġġetti għall-proċedura stabbilita f’dak is-subparagrafu.
Il-Kummissjoni għandha tqiegħed il-qafas nazzjonali għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri l-oħrajn permezz tal-mezzi li tqis li huma xierqa.
Artikolu 29
Regoli kumplimentari tal-Istati Membri
L-Istati Membri jistgħu jadottaw regoli li jikkumplimentaw ir-Regolament (KE) Nru 1308/2013, dan ir-Regolament u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/xxx dwar l-eliġibbiltà tal-miżuri, l-azzjonijiet jew l-infiq fil-kuntest tal-programmi operattivi.
Artikolu 30
Ir-relazzjoni mal-programmi ta’ żvilupp rurali, għajnuna mill-Istat u promozzjoni
1. Meta l-appoġġ fil-kuntest tal-programm jew programmi ta’ żvilupp rurali ta’ Stat Membru jkun ingħata għal operazzjonijiet li jkunu identiċi għall-azzjonijiet li potenzjalment ikunu eliġibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dak l-Istat Membru għandu jiżgura li benefiċjarju jkun jista’ jirċievi appoġġ għal azzjoni partikolari taħt skema waħda biss.
Meta Stat Membru jinkludi tali operazzjonijiet fil-programm jew programmi ta’ żvilupp rurali tiegħu, huwa għandu jiżgura li l-istrateġija nazzjonali tindika s-salvagwardji, id-dispożizzjonijiet u l-kontrolli implimentati sabiex jiġi evitat il-finanzjament doppju tal-istess azzjoni jew operazzjoni.
2. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jkunu ngħataw l-appoġġ previst fl-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jew fl-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 ma għandhomx jimplimentaw programm operattiv fl-istess perjodu.
3. Fejn ikun applikabbli u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 34(1) u (3) u għall-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1308/2013, il-livell ta’ appoġġ għal miżuri koperti minn dan ir-Regolament ma għandux jaqbeż il-livell applikabbli għall-miżuri fil-kuntest tal-programm ta’ żvilupp rurali.
4. L-appoġġ għall-azzjonijiet ambjentali li huma identiċi għall-impenn agroambjentali klimatiku u għall-impenn tal-biedja organika msemmija fl-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, rispettivament, għandu jkun limitat għall-ammonti massimi stipulati fl-Anness II għal dak ir-Regolament għal pagamenti agroambjentali klimatiċi jew għal pagamenti tal-biedja organika. Dawk l-ammonti jistgħu jiżdiedu f’każijiet debitament issostanzjati b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi speċifiċi li jridu jkunu ġġustifikati fl-istrateġija nazzjonali u fil-programmi operattivi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi.
5. Il-paragrafu 4 ma għandux japplika għall-azzjonijiet ambjentali li mhumiex relatati, direttament jew indirettament, ma’ roqgħa art partikolari.
6. Meta l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew l-organizzazzjonijiet interprofessjonali jibbenifikaw minn programmi ta’ promozzjoni approvati skont ir-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li benefiċjarju jkun jista’ jirċievi appoġġ għal azzjoni partikolari taħt skema waħda biss.
Artikolu 31
Eliġibbiltà tal-azzjonijiet skont il-programmi operattivi
1. Il-programmi operattivi ma għandhomx jinkludu azzjonijiet jew infiq elenkati fl-Anness II. Lista mhux eżawrjenti ta’ azzjonijiet eliġibbli hija stabbilita fl-Anness III.
2. L-infiq fil-kuntest tal-programmi operattivi eliġibbli għall-għajnuna għandu jkun ristrett għall-ispejjeż li effettivament ikunu saru. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu rati fissi standard jew skali ta’ spejjeż għal kull unità fil-każijiet li ġejjin:
(a)
meta tali rati fissi standard jew skali ta’ spejjeż għal kull unità jissemmew fl-Anness III;
(b)
għal spejjeż addizzjonali għal kull kilometru ta’ trasport estern, meta mqabbel mal-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, li jkunu saru meta jintuża t-trasport bil-ferrovija jew bil-baħar bħala parti minn miżura sabiex jitħares l-ambjent.
Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jużaw skali differenzjati ta’ spejjeż għal kull unità sabiex jieħdu f’kunsiderazzjoni l-ispeċifiċitajiet lokali jew reġjonali.
L-Istati Membri għandhom jirrevedu r-rati fissi standard jew l-iskali ta’ spejjeż għal kull unità mill-inqas kull ħames snin.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kalkoli rilevanti jkunu adegwati u preċiżi u jiġu stabbiliti minn qabel fuq il-bażi ta’ kalkolu ġust, ekwitabbli u verifikabbli. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom:
(a)jiżguraw li korp, li jkun funzjonalment indipendenti mill-awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programmi u li jkollu l-kompetenza xierqa, jagħmel il-kalkoli jew jikkonferma l-adegwatezza u l-preċiżjoni tal-kalkoli;
(b)iżommu l-evidenza dokumentarja kollha li tikkonċerna l-istabbiliment ta’ rati fissi standard jew skali ta’ spejjeż għal kull unità u r-reviżjoni tagħhom.
4. Sabiex azzjoni tkun eliġibbli, il-prodotti li għalihom tkun rikonoxxuta l-organizzazzjoni tal-produtturi għandhom jikkostitwixxu aktar minn 50 % tal-valur tal-prodotti koperti minn dik l-azzjoni. Barra minn hekk, il-prodotti kkonċernati għandhom joriġinaw mill-membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi jew mill-membri produtturi ta’ organizzazzjoni tal-produtturi oħra jew ta’ assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi. L-Artikoli 22 u 23 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-kalkolu tal-valur.
5. L-investimenti f’assi fiżiċi għandhom jinvolvu l-impenji li ġejjin:
(a)
mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, l-assi fiżiċi akkwistati għandhom jintużaw skont l-użu maħsub tagħhom, kif deskritt fil-programm operattiv approvat ikkonċernat;
(b)
mingħajr preġudizzju għat-tielet subparagrafu u għar-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 6, l-assi fiżiċi akkwistati għandhom jibqgħu kemm fil-proprjetà kif ukoll fil-pussess tal-benefiċjarju jew sal-aħħar tal-perjodu ta’ deprezzament fiskali tal-assi fiżiku, jew inkella għal 10 snin, skont liema perjodu jkun l-iqsar. Il-benefiċjarju għandu jiżgura wkoll il-manutenzjoni tal-assi fiżiku matul dak il-perjodu. Madankollu, meta l-investiment isir fuq art mikrija skont regoli tal-proprjetà nazzjonali partikolari, ir-rekwiżit li jkun fil-proprjetà tal-benefiċjarju jista’ ma japplikax, sakemm l-investimenti kienu fil-pussess tal-benefiċjarju mill-inqas għall-perjodu meħtieġ stabbilit fl-ewwel sentenza ta’ dan il-punt;
(c)
meta l-organizzazzjoni tal-produtturi tkun is-sid u l-membru tal-organizzazzjoni tal-produtturi jkun id-detentur tal-assi fiżiku li miegħu huwa relatat l-investiment, l-organizzazzjoni tal-produtturi għandu jkollha drittijiet ta’ aċċess għal dak l-assi matul il-perjodu kollu ta’ deprezzament fiskali.
Madankollu, għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li għandu japplika perjodu differenti minn dak tal-perjodu ta’ deprezzament fiskali. Tali perjodu għandu jiġi indikat u jkun debitament ġustifikat fl-istrateġija nazzjonali tagħhom u għandu jkopri mill-inqas il-perjodu msemmi fl-Artikolu 71(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
6. L-investimenti, inklużi dawk taħt kuntratti ta’ lokazzjoni, jistgħu jiġu ffinanzjati permezz tal-fond operattiv f’ammont wieħed jew fi ħlasijiet parzjali identiċi kif approvati fil-programm operattiv. L-Istati Membri jistgħu japprovaw emendi fil-programm operattiv li jipprevedu distribuzzjoni ġdida tal-ħlasijiet parzjali f’każijiet li jkunu debitament ġustifikati.
Jekk il-perjodu ta’ deprezzament fiskali ta’ investiment jaqbeż it-tul tal-programm operattiv, huwa jista’ jiġi riportat għal programm operattiv sussegwenti.
Meta l-investimenti jiġu sostitwiti, il-valur residwu tal-investimenti sostitwiti għandu:
(a)
jiżdied mal-fond operattiv tal-organizzazzjoni tal-produtturi; jew inkella
(b)
jitnaqqas mill-ispiża tas-sostituzzjoni.
Jekk l-investiment jinbiegħ qabel l-aħħar tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 5, iżda ma jiġix sostitwit, l-għajnuna mill-Unjoni mħallsa sabiex jiġi ffinanzjat l-investiment għandha tiġi rkuprata u rimborżata lill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) fi proporzjon għan-numru ta’ snin sħaħ li jifdal sal-aħħar tal-perjodu ta’ deprezzament imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5.
7. L-azzjonijiet, inklużi l-investimenti, jistgħu jiġu implimentati f’azjendi individwali jew fl-istabbilimenti tal-membri produtturi tal-organizzazzjoni tal-produtturi, tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew tal-kumpaniji sussidjarji tagħhom, li jikkonformaw mar-rekwiżit ta’ 90 % msemmi fl-Artikolu 22(8), inkluż meta l-azzjonijiet ikunu esternalizzati lil membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi jew tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, sakemm ikunu jikkontribwixxu għall-objettivi tal-programm operattiv.
Jekk il-membru produttur jitlaq mill-organizzazzjoni tal-produtturi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-investiment jew il-valur residwu tiegħu jiġi rkuprat mill-organizzazzjoni tal-produtturi u, fil-każ tal-aħħar, miżjud mal-fond operattiv.
Madankollu, f’ċirkostanzi debitament ġustifikati, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li l-organizzazzjoni tal-produtturi ma għandhiex tkun meħtieġa li tirkupra l-investiment jew il-valur residwu tiegħu.
8. L-azzjonijiet, inklużi l-investimenti, relatati mat-trasformazzjoni tal-frott u l-ħxejjex fi frott u ħxejjex ipproċessati jistgħu jkunu eliġibbli għall-appoġġ meta tali investimenti u azzjonijiet ifittxu li jilħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 160 ta’ dak ir-Regolament u sakemm dawn ikunu identifikati fl-istrateġija nazzjonali msemmija fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
9. L-investimenti f’assi intanġibbli jistgħu jkunu eliġibbli għall-appoġġ meta tali investimenti jfittxu li jilħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 160 ta’ dak ir-Regolament u sakemm dawn ikunu identifikati fl-istrateġija nazzjonali msemmija fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
Artikolu 32
Programmi operattivi tal-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi
1. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-produtturi membri ta’ assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi li mhumiex organizzazzjonijiet tal-produtturi, iżda li huma membri ta’ tali assoċjazzjonijiet skont l-Artikolu 20, jiffinanzjaw il-miżuri implimentati mill-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi fi proporzjon mal-kontribut tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi membri.
2. L-Artikoli 30, 31, 33 u 34 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikoli 4 sa 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/xxx għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-programmi operattivi tal-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi. Madankollu, ma għandux ikun meħtieġ bilanċ bejn l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/xxx fir-rigward tal-programmi operattivi parzjali tal-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi.
3. Il-limitu għan-nefqa fuq il-ġestjoni u l-prevenzjoni tal-kriżijiet, imsemmija fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, fil-kuntest tal-programmi operattivi tal-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, għandu jkun ikkalkolat fil-livell ta’ kull membru tal-organizzazzjoni tal-produtturi.
Artikolu 33
Deċiżjoni
1. L-Istati Membri għandhom:
(a)
japprovaw l-ammonti tal-fondi operattivi u l-programmi operattivi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u dawk ta’ dan il-Kapitolu;
(b)
japprovaw il-programmi operattivi, bil-kundizzjoni li l-organizzazzjoni tal-produtturi taċċetta ċerti emendi; jew inkella
(c)
jirrifjutaw il-programmi operattivi jew partijiet minnhom.
2. L-Istati Membri għandhom jieħdu deċiżjonijiet dwar il-programmi operattivi u l-fondi operattivi sal-15 ta’ Diċembru tas-sena li fiha jkunu tressqu.
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi b’dawk id-deċiżjonijiet sal-15 ta’ Diċembru.
Madankollu, għal raġunijiet debitament ġustifikati, tali deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu wara dik id-data, iżda mhux aktar tard mill-20 ta’ Jannar wara d-data tas-sottomissjoni. Id-deċiżjoni tal-approvazzjoni tista’ tistabbilixxi li l-infiq ikun eliġibbli mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara dik li fiha ssir is-sottomissjoni.
Artikolu 34
Emendi fil-programmi operattivi
1. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi jistgħu jitolbu li jsiru emendi fil-programmi operattivi, inkluż it-tul ta’ żmien tagħhom, għas-snin sussegwenti. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu skadenzi għas-sottomissjoni u l-approvazzjoni ta’ tali talbiet sabiex b’hekk l-emendi approvati jibdew japplikaw mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.
Għal raġunijiet debitament ġustifikati, tali talbiet jistgħu jiġu approvati wara l-iskadenzi stabbiliti mill-Istati Membri, iżda mhux aktar tard mill-20 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara dik li fiha ssir it-talba. Id-deċiżjoni tal-approvazzjoni tista’ tistabbilixxi li l-infiq ikun eliġibbli mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara dik li fiha ssir it-talba.
2. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw emendi fil-programmi operattivi matul is-sena, taħt kundizzjonijiet li jridu jiġu ddeterminati minnhom stess. Id-deċiżjonijiet fuq dawk l-emendi għandha jittieħdu sal-20 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara dik li fiha jintalbu l-emendi.
L-organizzazzjonijiet tal-produtturi jistgħu jkunu awtorizzati mill-Istati Membri, matul is-sena, sabiex:
(a)
jimplimentaw biss parti mill-programmi operattivi tagħhom;
(b)
ibiddlu l-kontenut tal-programmi operattivi;
(c)
iżidu l-ammont tal-fond operattiv b’massimu ta’ 25 % tal-ammont li kien approvat inizjalment jew inaqqsuh b’perċentwal ta’ dan l-ammont li għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri, sakemm jinżammu l-objettivi ġenerali tal-programm operattiv;
(d)
iżidu l-fond operattiv b’għajnuna finanzjarja nazzjonali f’każ li jkun qed jiġi applikat l-Artikolu 53.
L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar il-kundizzjonijiet li bihom il-programmi operattivi jistgħu jkunu emendati matul is-sena mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru. Dawk l-emendi huma eliġibbli għall-għajnuna biss jekk l-organizzazzjoni tal-produtturi tgħarraf lill-awtorità kompetenti dwarhom mingħajr dewmien.
L-Istati Membri jistgħu jimmodifikaw il-perċentwali msemmija fil-punt (c) tat-tieni subparagrafu fil-każ tal-fużjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi msemmija fl-Artikolu 15(1).
3. It-talbiet għall-emendi għandhom ikunu akkumpanjati minn dokumenti ta’ sostenn li jagħtu r-raġuni, in-natura u l-implikazzjonijiet tal-bidliet.
Taqsima 4
Għajnuna
Artikolu 35
Ħlasijiet bil-quddiem
1. L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi japplikaw għal ħlas bil-quddiem ta’ parti mill-għajnuna. Dak il-ħlas bil-quddiem għandu jikkorrispondi għan-nefqa prevista li tirriżulta mill-programm operattiv matul il-perjodu ta’ tliet xhur jew erba’ xhur li jibda fix-xahar li fih titressaq l-applikazzjoni għal ħlas bil-quddiem.
L-Istati Membri għandhom jipprevedu kundizzjonijiet sabiex ikun żgurat li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-fond operattiv ikunu ġew imposti skont l-Artikoli 24 u 25 u li l-ħlasijiet bil-quddiem li jkunu saru qabel u l-kontribuzzjoni tal-organizzazzjoni tal-produtturi korrispondenti ikunu fil-fatt intefqu.
2. L-applikazzjonijiet għar-rilaxx tal-garanziji jistgħu jitressqu matul is-sena tal-programm attwali u għandhom ikunu akkumpanjati minn dokumenti ta’ sostenn, bħalma huma fatturi u dokumenti li juru li sar il-ħlas.
Il-garanziji għandhom jiġu rilaxxati għal ammonti li jkunu sa 80 % tal-avvanzi mħallsa.
3. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-programmi operattivi jew ta’ nuqqas serju ta’ ssodisfar tal-obbligazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(b) u (c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/xxx, il-garanzija għandha tintilef, mingħajr preġudizzju għal penali oħrajn li għandhom jiġu applikati skont it-Taqsima 3 tal-Kapitolu V ta’ dan it-Titolu.
Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti l-oħrajn, il-garanzija għandha tintilef b’mod proporzjonali għall-gravità tal-irregolarità li kienet stabbilita.
Artikolu 36
Waqfien ta’ programm operattiv u diskontinwità tar-rikonoxximent
1. Jekk organizzazzjoni tal-produtturi jew assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi tieqaf timplimenta l-programm operattiv tagħha qabel tmiem id-durata skedata, ma għandhomx isiru ħlasijiet oħrajn lil dik l-organizzazzjoni jew l-assoċjazzjoni għall-azzjonijiet implimentati wara d-data tal-waqfien.
2. L-għajnuna rċevuta għall-azzjonijiet eliġibbli mwettqa qabel il-waqfien tal-programm operattiv ma għandhiex tkun irkuprata, sakemm:
(a)
l-organizzazzjoni tal-produtturi jew l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jkunu kkonformaw mal-kriterji tar-rikonoxximent u l-objettivi tal-azzjonijiet stipulati fil-programm operattiv ikunu ġew issodisfati fil-mument tal-waqfien; u
(b)
l-investimenti ffinanzjati bl-appoġġ mill-fond operazzjonali jinżammu fil-pussess ta’, u jintużaw minn, l-organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew il-kumpaniji sussidjarji tagħha li jikkonformaw mar-rekwiżit ta’ 90 % msemmi fl-Artikolu 22(8) jew il-membri tagħhom mill-inqas sal-aħħar tal-perjodu ta’ deprezzament tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 31(5). Inkella, l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni mħallsa sabiex tiffinanzja dawk l-investimenti għandha tiġi rkuprata u rrimborżata lill-FAEG.
3. L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għal impenji multiannwali, bħall-azzjonijiet ambjentali, fejn l-objettivi fit-tul u l-benefiċċji mistennija tagħhom ma jkunux jistgħu jiġu rrealizzati minħabba l-interruzzjoni tal-miżura, għandha tiġi rkuprata u rrimborżata lill-FAEG.
4. Dan l-Artikolu għandu japplika mutatis mutandis f’każ ta’ diskontinwità volontarja tar-rikonoxximent, irtirar tar-rikonoxximent jew xoljiment tal-organizzazzjoni tal-produtturi jew tal-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi.
5. L-għajnuna indebitament imħallsa għandha tiġi rkuprata skont l-Artikolu 67.
KAPITOLU III
Miżuri ta’ prevenzjoni u ġestjoni tal-kriżijiet
Taqsima 1
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 37
Għażla tal-miżuri ta’ prevenzjoni u ġestjoni tal-kriżijiet
L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li waħda jew aktar mill-miżuri elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ma għandhiex/għandhomx tapplika/japplikaw fit-territorju tagħhom.
Artikolu 38
Is-self sabiex jiġu ffinanzjati miżuri ta’ prevenzjoni u ġestjoni tal-kriżijiet
Is-self meħud sabiex jiġu ffinanzjati miżuri ta’ prevenzjoni u ġestjoni tal-kriżijiet skont il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jista’, għal raġunijiet ekonomiċi debitament ġustifikati, jiġi riportat għal programm operattiv sussegwenti, jekk il-perjodu tar-ripagament tas-self jaqbeż it-tul tal-programm operattiv.
Taqsima 2
Investimenti li jagħmlu l-ġestjoni tal-volumi mqiegħda fis-suq aktar effiċjenti
Artikolu 39
Investimenti relatati mal-ġestjoni tal-volumi
1. L-Istati Membri għandhom jinkludu fl-istrateġija nazzjonali tagħhom il-lista ta’ investimenti eliġibbli mmirati biex jagħmlu l-ġestjoni tal-volumi mqiegħda fis-suq aktar effiċjenti kif imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
2. Qabel japprovaw il-programmi operattivi li jinkludu azzjonijiet li jirrigwardjaw l-investimenti msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jitolbu ġustifikazzjoni li l-investiment propost huwa addattat sabiex jipprevjeni b’mod effettiv jew jirreżisti aħjar kriżi.
Taqsima 3
Appoġġ għall-ispejjeż amministrattivi sabiex jiġu stabbiliti fondi mutwi
Artikolu 40
Il-kundizzjonijiet għall-appoġġ għall-ispejjeż amministrattivi sabiex jiġu stabbiliti fondi mutwi
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-appoġġ għall-ispejjeż amministrattivi sabiex jiġu stabbiliti fondi mutwi kif imsemmi fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
2. L-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi kemm l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni kif ukoll il-kontribuzzjoni mill-organizzazzjoni tal-produtturi. L-ammont totali ta’ dak l-appoġġ ma għandux jaqbeż il-perċentwali ta’ 5 %, 4 % u 2 %, rispettivament, tal-kontribuzzjoni tal-organizzazzjoni tal-produtturi għall-fond mutwu fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet sena tal-operat tiegħu:
3. Organizzazzjoni tal-produtturi tista’ tirċievi l-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 darba biss u matul l-ewwel tliet snin tal-operat tal-fond biss. Meta organizzazzjoni tal-produtturi titlob għall-appoġġ biss fit-tieni jew fit-tielet sena tal-operat tal-fond, l-appoġġ għandu jkun ta’ 4 % u 2 %, rispettivament.
4. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti massimi għall-ammonti li organizzazzjoni tal-produtturi tista’ tirċievi bħala appoġġ għall-ispejjeż amministrattivi sabiex jiġu stabbiliti fondi mutwi.
Taqsima 4
It-tħawwil mill-ġdid ta’ ġonna wara l-qlugħ obbligatorju tad-dwieli
Artikolu 41
It-tħawwil mill-ġdid ta’ ġonna
1. Meta l-Istati Membri jinkludu fl-istrateġija nazzjonali tagħhom it-tħawwil mill-ġdid ta’ ġonna, wara l-qlugħ obbligatorju tad-dwieli għal raġunijiet ta’ saħħa jew raġunijiet fitosanitarji kif imsemmi fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-miżuri meħuda għandhom ikunu konformi mad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE.
2. It-tħawwil mill-ġdid tal-ġonna ma għandux ikopri aktar minn 20% tan-nefqa totali fil-kuntest tal-programmi operattivi. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu perċentwal aktar baxx.
Taqsima 5
Irtirar mis-suq
Artikolu 42
Kamp ta’ Applikazzjoni
Din it-Taqsima tistabbilixxi regoli li jikkonċernaw l-irtirar mis-suq u d-distribuzzjoni bla ħlas imsemmija, rispettivament, fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikoli 33(3) u 34(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
Artikolu 43
Medja ta’ tliet snin għall-irtirar mis-suq għad-distribuzzjoni bla ħlas
1. Il-limitu ta’ 5 % tal-volum tal-produzzjoni kkummerċjalizzata msemmi fl-Artikolu 34(4) tar-Regolament (KE) Nru 1308/2013 għandu jkun ikkalkolat fuq il-bażi ta’ medja aritmetika tal-volumi globali ta’ prodotti li għalihom tkun rikonoxxuta l-organizzazzjoni tal-produtturi u li jkunu kkummerċjalizzati permezz tal-organizzazzjoni tal-produtturi matul it-tliet snin preċedenti.
2. Għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jkunu ġew rikonoxxuti reċentement, id-dejta għas-snin tal-kummerċjalizzazzjoni qabel ir-rikonoxximent għandha tkun:
(a)
f’każ li l-organizzazzjoni kienet grupp tal-produtturi, id-dejta ekwivalenti għal dak il-grupp tal-produtturi, fejn dan ikun applikabbli; jew inkella
(b)
il-volum li japplika għall-applikazzjoni għar-rikonoxximent.
Artikolu 44
Notifika minn qabel tal-operazzjonijiet ta’ rtirar
1. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bil-miktub jew b’mezzi elettroniċi qabel juru l-intenzjoni li jirtiraw il-prodotti.
Din in-notifika għandha tispeċifika, b’mod partikolari, il-lista ta’ prodotti li jridu jiġu rtirati u l-karatteristiċi prinċipali tagħhom skont l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni rilevanti, il-kwantità stmata ta’ kull prodott ikkonċernat, id-destinazzjoni maħsuba tagħhom u l-post fejn il-prodotti rtirati jistgħu jiġu spezzjonati kif previst fl-Artikolu 29 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/xxx.
In-notifiki għandhom jinkludu dikjarazzjoni bil-miktub li tiċċertifika li l-prodotti li jridu jiġu rtirati huma konformi mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni applikabbli jew mar-rekwiżiti minimi msemmija fl-Artikolu 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/xxx.
2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dettaljati għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u għall-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rigward in-notifiki previsti fil-paragrafu 1, b’mod partikolari rigward il-limiti taż-żmien.
. Artikolu 45
Appoġġ
1. L-appoġġ għall-irtirar mis-suq, li jinkludi kemm l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni kif ukoll il-kontribuzzjoni tal-organizzazzjoni tal-produtturi, ma għandux ikun aktar mill-ammonti stabbiliti fl-Anness IV.
Għall-prodotti mhux inklużi fl-Anness IV, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu ammonti massimi ta’ appoġġ, li jinkludu kemm l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni kif ukoll il-kontribuzzjoni tal-organizzazzjoni tal-produtturi, f’livell ta’ mhux aktar minn 40 % tal-medja tal-prezzijiet tas-suq għall-ħames snin preċedenti f’każ ta’ distribuzzjoni bla ħlas u f’livell ta’ mhux aktar minn 30 % tal-medja tal-prezzijiet tas-suq għall-ħames snin preċedenti għal destinazzjonijiet għajr id-distribuzzjoni bla ħlas.
F’każ li l-organizzazzjoni tal-produtturi tkun irċeviet kumpens minn partijiet terzi għall-prodotti rtirati, l-appoġġ imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jitnaqqas b’ammont ekwivalenti għall-kumpens riċevut. Sabiex ikunu eliġibbli għall-appoġġ, il-prodotti kkonċernati ma għandhomx jerġgħu jidħlu fis-suq kummerċjali għall-frott u l-ħxejjex.
2. L-irtirar mis-suq ma għandux jaqbeż il-5 % tal-volum tal-produzzjoni kkummerċjalizzata ta’ kwalunkwe prodott partikolari ta’ kwalunkwe organizzazzjoni tal-produtturi partikolari. Madankollu, l-ammonti li jitneħħew b’wieħed mill-modi msemmija fl-Artikolu 34(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, jew bi kwalunkwe mod ieħor approvat mill-Istati Membri skont l-Artikolu 46(2) ta’ dan ir-Regolament, ma għandhomx jittieħdu f’kunsiderazzjoni f’dak il-proporzjon.
Il-volum tal-produzzjoni kkummerċjalizzata msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun il-medja tal-volum tal-produzzjoni kkummerċjalizzata fit-tliet snin preċedenti. Jekk dan it-tagħrif ma jkunx disponibbli, għandu jintuża l-volum tal-produzzjoni kkummerċjalizzata li għalih kienet rikonoxxuta l-organizzazzjoni tal-produtturi.
Il-perċentwal imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun il-medji annwali fuq perjodu ta’ tliet snin, inklużi s-sena inkwistjoni u s-sentejn ta’ qabel, b’marġni annwali ta’ qbiż tal-limitu ta’ ħames punti perċentwali.
3. L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni fil-każ tal-irtirar mis-suq tal-frott u l-ħxejjex li jitneħħew permezz ta’ distribuzzjoni bla ħlas lill-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet karitatevoli msemmija fl-Artikolu 34(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandha tkopri biss il-ħlas għall-prodotti mneħħija skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-ispejjeż imsemmija fl-Artikoli 16(1) u 17(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/xxx.
Artikolu 46
Destinazzjonijiet għall-prodotti rtirati
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu d-destinazzjonijiet permissibbli għall-prodotti rtirati mis-suq. Huma għandhom jadottaw dispożizzjonijiet sabiex jiżguraw li l-irtirar jew id-destinazzjoni tal-prodotti rtirati ma jwasslu għall-ebda impatt negattiv fuq l-ambjent u għall-ebda konsegwenza fitosanitarja negattiva.
2. Id-destinazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu d-distribuzzjoni bla ħlas skont it-tifsira tal-Artikolu 34(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u kwalunkwe destinazzjoni ekwivalenti oħra approvata mill-Istati Membri.
Fuq talba, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet karitatevoli msemmija fl-Artikolu 34(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 sabiex jitolbu kontribuzzjoni mingħand il-benefiċjarji finali tal-prodotti rtirati mis-suq.
Meta l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet karitatevoli jkunu kisbu l-awtorizzazzjoni, huma għandhom, minbarra l-obbligi skont l-Artikolu 47(1) ta’ dan ir-Regolament, iżommu kontijiet finanzjarji għall-operazzjoni inkwistjoni.
Jista’ jiġi permess il-ħlas in natura mill-benefiċjarji tad-distribuzzjoni bla ħlas lil dawk li jipproċessaw il-frott u l-ħxejjex, meta tali ħlas jikkumpensa biss l-ispejjeż tal-ipproċessar u meta l-Istat Membru li fih isir il-ħlas ikun ippreveda regoli li jiżguraw li l-prodotti pproċessati huma verament maħsuba għall-konsum mill-benefiċjarji finali msemmija fit-tieni subparagrafu.
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiffaċilitaw il-kuntatti u l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet karitatevoli msemmija fl-Artikolu 34(4) tar-Regolament (KE) Nru 1308/2013 li jkunu approvaw.
3. Wieħed għandu jkun jista’ jneħħi l-prodotti wkoll billi jagħtihom lill-industrija tal-ipproċessar. L-Istati Membri għandhom jadottaw dispożizzjonijiet iddettaljati sabiex jiżguraw li ma jkunx hemm tfixkil fil-kompetizzjoni għall-industriji kkonċernati fl-Unjoni jew għall-prodotti importati u sabiex jiżguraw li l-prodotti rtirati ma jerġgħux jiddaħħlu fis-suq kummerċjali. L-alkoħol li jkun ġej mid-distillazzjoni għandu jintuża esklussivament għal għanijiet industrijali jew tal-enerġija.
Artikolu 47
Il-kundizzjonijiet għall-benefiċjarji tal-prodotti rtirati
1. Il-benefiċjarji tal-prodotti rtirati msemmija fl-Artikolu 34(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom jintrabtu li:
(a)
jikkonformaw mar-regoli stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, skont ma jgħid l-istess Regolament;
(b)
iżommu reġistri separati tal-ħażniet għall-operazzjonijiet inkwistjoni;
(c)
jaċċettaw il-kontrolli previsti mil-liġi tal-Unjoni; u
(d)
jipprovdu d-dokumenti ta’ sostenn dwar id-destinazzjoni finali ta’ kull wieħed mill-prodotti kkonċernati, fil-forma ta’ ċertifikat ta’ akkwiżizzjoni jew dokument ekwivalenti, li jiċċertifikaw li l-prodotti rtirati ġew akkwistati minn terza persuna bil-għan li jiġu distribwiti bla ħlas.
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-benefiċjarji ma jkollhomx bżonn iżommu r-reġistri msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, jekk huma jirċievu kwantitajiet taħt livell massimu li jrid jiġi ddeterminat minnhom abbażi ta’ analiżi tar-riskji ddokumentata.
2. Il-benefiċjarji tal-prodotti rtirati għal destinazzjonijiet oħrajn għandhom jintrabtu li:
(a)
jikkonformaw mar-regoli stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, skont ma jgħid l-istess Regolament;
(b)
iżommu reġistri tal-ħażniet u kontijiet finanzjarji separati għall-operazzjonijiet inkwistjoni jekk l-Istat Membru jqis li dan huwa xieraq minkejja l-fatt li l-prodott tkun inbidlitlu n-natura tiegħu qabel il-kunsinna;
(c)
jaċċettaw il-kontrolli previsti mil-liġi tal-Unjoni; u
(d)
ma jitolbux għajnuna addizzjonali għall-alkoħol prodott mill-prodotti kkonċernati fil-każ ta’ prodotti rtirati maħsuba għad-distillazzjoni.
Taqsima 6
Ħsad bikri u nuqqas ta’ ħsad
Artikolu 48
Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-ħsad bikri u tan-nuqqas ta’ ħsad
1. Il-ħsad bikri u n-nuqqas ta’ ħsad imsemmija fil-punt (g) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom ikunu addizzjonali għall-prattiki ta’ kultivazzjoni normali u differenti minnhom.
2. Il-pjanti tal-frott u l-ħxejjex li jkunu għaddew minn ħsad bikri jew nuqqas ta’ ħsad ma għandhomx jintużaw għal finijiet ta’ produzzjoni ulterjuri fl-istess staġun ta’ tkabbir wara li tkun seħħet l-operazzjoni.
3. Il-miżuri ta’ ħsad bikri ma għandhomx jitwettqu fir-rigward tal-frott u l-ħxejjex li l-ħsad normali tagħhom ikun diġà beda, filwaqt li l-miżuri ta’ nuqqas ta’ ħsad ma għandhomx jitwettqu meta l-produzzjoni kummerċjali tkun ittieħdet miż-żona kkonċernata matul iċ-ċiklu ta’ produzzjoni normali.
L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika meta l-pjanti tal-frott u l-ħxejjex ikollhom perjodu ta’ ħsad ta’ aktar minn xahar. F’każijiet bħal dawn, l-ammonti msemmija fil-paragrafu 4 għandhom jikkumpensaw biss għall-produzzjoni li għandha tinħasad fis-sitt ġimgħat ta’ wara l-operazzjoni ta’ ħsad bikri u ta’ nuqqas ta’ ħsad. Dawk il-pjanti tal-frott u tal-ħxejjex ma għandhomx jintużaw għal finijiet ta’ produzzjoni ulterjuri fl-istess staġun ta’ tkabbir wara li tkun seħħet l-operazzjoni.
Għall-finijiet tat-tieni subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ ħsad bikri u ta’ nuqqas ta’ ħsad jekk, fil-każ ta’ ħsad bikri, tkun twettqet parti sinifikanti tal-ħsad normali u, fil-każ tan-nuqqas ta’ ħsad, tkun diġà ttieħdet parti sinifikanti mill-produzzjoni kummerċjali. Stat Membru li jkollu l-ħsieb li japplika din id-dispożizzjoni għandu jistabbilixxi, fl-istrateġija nazzjonali tiegħu, il-parti li jqis bħala sinifikanti.
Il-ħsad bikri u n-nuqqas ta’ ħsad ma għandhomx ikunu applikati għall-istess prodott u fl-istess żona partikolari fi kwalunkwe sena partikolari, ħlief għall-finijiet tat-tieni subparagrafu fejn iż-żewġ operazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu applikati simultanjament.
4. L-appoġġ għall-ħsad bikri għandu jkopri biss il-prodotti li huma fiżikament fl-għelieqi u li effettivament jinħasdu kmieni. L-ammonti ta’ kumpens, li jinkludu kemm l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni kif ukoll il-kontribuzzjoni tal-organizzazzjoni tal-produtturi għall-ħsad bikri u għan-nuqqas ta’ ħsad, għandhom ikunu ħlasijiet għal kull ettaru stabbiliti mill-Istat Membru skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 f’livell sabiex ikun kopert mhux aktar minn 90 % tal-livell ta’ appoġġ massimu għall-irtirar mis-suq applikabbli għall-irtirar għal destinazzjonijiet għajr id-distribuzzjoni bla ħlas, kif imsemmi fl-Artikolu 34(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
5. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru bil-miktub jew b’mezzi elettroniċi qabel juru l-intenzjoni ta’ ħsad bikri jew ta’ nuqqas ta’ ħsad.
Artikolu 49
Obbligi tal-Istati Membri
L-Istati Membri għandhom jadottaw:
(a)
dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ ħsad bikri u ta’ nuqqas ta’ ħsad, inkluż dwar in-notifiki minn qabel tal-ħsad bikri u tan-nuqqas ta’ ħsad, il-kontenut u d-dati ta’ skadenza tagħhom, dwar l-ammont ta’ kumpens li għandu jitħallas u dwar l-applikazzjoni tal-miżuri, kif ukoll il-lista tal-prodotti eliġibbli skont il-miżuri;
(b)
dispożizzjonijiet sabiex jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-miżuri ma twassal għall-ebda impatt negattiv fuq l-ambjent u għall-ebda konsegwenza fitosanitarja negattiva.
L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li l-miżuri jitwettqu b’mod korrett, inkluż fir-rigward tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel paragrafu. Jekk l-Istati Membri jsibu li l-miżuri ma twettqux b’mod korrett, huma ma għandhomx japprovaw l-applikazzjoni tal-miżuri.
Taqsima 7
Assigurazzjoni tal-ħsad
Artikolu 50
L-għan tal-azzjonijiet għall-assigurazzjoni tal-ħsad
L-azzjonijiet għall-assigurazzjoni tal-ħsad imsemmija fil-punt (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom jikkontribwixxu sabiex jissalvagwardjaw id-dħul tal-produtturi u sabiex ikopru t-telf tas-suq imġarrab mill-organizzazzjoni tal-produtturi jew mill-membri tagħha, meta dawn ikunu affettwati minn diżastri naturali, avvenimenti klimatiċi u, fejn ikun applikabbli, minn mard jew infestazzjonijiet ta’ organiżmi ta’ ħsara.
Artikolu 51
Implimentazzjoni tal-azzjonijiet għall-assigurazzjoni tal-ħsad
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet għall-assigurazzjoni tal-ħsad, inklużi dawk meħtieġa sabiex jiżguraw li l-azzjonijiet għall-assigurazzjoni tal-ħsad ma jfixklux il-kompetizzjoni fis-suq tal-assigurazzjoni.
2. L-Istati Membri jistgħu jagħtu finanzjament nazzjonali addizzjonali sabiex jappoġġaw l-azzjonijiet għall-assigurazzjoni tal-ħsad li jkunu qed jibbenifikaw mill-fond operattiv. Madankollu, l-appoġġ pubbliku totali għall-assigurazzjoni tal-ħsad ma għandux jaqbeż:
(a)
80 % tal-ispiża tal-primjums tal-assigurazzjoni mħallsa mill-produtturi għall-assigurazzjoni kontra telf bħala riżultat ta’ avvenimenti klimatiċi avversi li jistgħu jkunu assimilati f’diżastri naturali;
(b)
50 % tal-ispiża tal-primjums tal-assigurazzjoni mħallsa mill-produtturi għall-assigurazzjoni kontra:
(i)
it-telf imsemmi fil-punt (a) u kontra telf ieħor ikkawżat minn avvenimenti klimatiċi avversi; u
(ii)
it-telf ikkawżat minn mard tal-pjanti jew tal-annimali jew minn infestazzjonijiet ta’ organiżmi ta’ ħsara.
Il-limitu stabbilit fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandu japplika anki fil-każijiet fejn il-fond operattiv ikun eliġibbli b’mod ieħor għal 60 % tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni skont l-Artikolu 34(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
3. L-azzjonijiet għall-assigurazzjoni tal-ħsad ma għandhomx ikopru l-ħlasijiet tal-assigurazzjoni li jikkumpensaw lill-produtturi għal aktar minn 100 % tat-telf imġarrab fid-dħul, filwaqt li jitqies kwalunkwe kumpens li l-produtturi jiksbu minn skemi ta’ appoġġ oħrajn relatati mar-riskju assigurat.
KAPITOLU IV
Assistenza finanzjarja nazzjonali
Artikolu 52
Il-livell ta’ organizzazzjoni tal-produtturi u d-definizzjoni ta’ reġjun
1. Għall-finijiet tal-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-livell ta’ organizzazzjoni tal-produtturi f’reġjun ta’ Stat Membru għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-valur tal-frott u l-ħxejjex li jiġu prodotti fir-reġjun ikkonċernat u kkummerċjalizzati minn:
(a)
organizzazzjonijiet tal-produtturi u assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti; u
(b)
gruppi ta’ produtturi msawra skont l-Artikolu 125e tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u organizzazzjonijiet tal-produtturi u gruppi ta’ produtturi msemmija fl-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.
Il-valur tal-frott u l-ħxejjex li jiġu prodotti għandu jiġi diviż bil-valur totali tal-frott u l-ħxejjex li jkunu ġew prodotti f’dak ir-reġjun.
Il-valur tal-frott u l-ħxejjex prodotti fir-reġjun ikkonċernat u kkummerċjalizzati mill-organizzazzjonijiet, mill-assoċjazzjonijiet u mill-gruppi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu għandu jinkludi biss dawk il-prodotti li għalihom jiġu rikonoxxuti dawk l-organizzazzjonijiet, l-assoċjazzjonijiet u l-gruppi ta’ produtturi. L-Artikolu 22 għandu japplika mutatis mutandis.
Huma biss il-frott u l-ħxejjex li jiġu prodotti fir-reġjun ikkonċernat minn organizzazzjonijiet tal-produtturi, assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, gruppi ta’ produtturi u l-membri tagħhom, kif ukoll miksuba u kkummerċjalizzati minnhom, li għandhom jiġu inklużi fil-kalkolu ta’ dak il-valur.
Għall-kalkolu tal-valur totali tal-produzzjoni tal-frott u l-ħxejjex li jkunu ġew prodotti f’dak ir-reġjun, il-metodoloġija stabbilita fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 138/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandha tapplika mutatis mutandis.
2. Il-livell ta’ organizzazzjoni tal-produtturi f’reġjun ta’ Stat Membru għandu jitqies bħala partikolarment baxx meta l-medja tal-livelli ta’ organizzazzjoni, ikkalkolata skont il-paragrafu 1, għall-aħħar tliet snin li għalihom tkun disponibbli d-dejta, tkun ta’ inqas minn 20 %.
3. Huma biss il-frott u l-ħxejjex li jiġu prodotti fir-reġjun imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 li għandhom jibbenifikaw mill-assistenza finanzjarja nazzjonali.
4. Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu r-reġjuni bħala parti distinta mit-territorju tagħhom skont kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, bħall-karatteristiċi agronomiċi u ekonomiċi tagħhom u l-potenzjal agrikolu/tal-frott u l-ħxejjex reġjonali tagħhom, jew l-istruttura istituzzjonali jew amministrattiva tagħhom u li hija disponibbli d-dejta għalihom, sabiex jiġi kkalkolat il-livell ta’ organizzazzjoni skont il-paragrafu 1.
Ir-reġjuni definiti minn Stat Membru għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu ma għandhomx jiġu emendati għal mill-inqas ħames snin, sakemm tali emenda ma tkunx oġġettivament ġustifikata minn raġunijiet sostantivi mingħajr rabta mal-kalkolu tal-livell ta’ organizzazzjoni tal-produtturi fir-reġjun jew reġjuni kkonċernati.
Meta Stat Membru jagħmel talba għal rimborż parzjali tal-assistenza finanzjarja nazzjonali skont l-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/xxx, din it-talba għandha tikkonċerna l-istess definizzjoni tar-reġjuni speċifikata fit-talba għall-awtorizzazzjoni.
Artikolu 53
Emendi għall-programm operattiv
Organizzazzjoni tal-produtturi li tixtieq tapplika għall-assistenza finanzjarja nazzjonali għandha, jekk ikun meħtieġ, temenda l-programm operattiv tagħha skont l-Artikolu 34.
KAPITOLU V
Dispożizzjonijiet ġenerali
Taqsima 1
Notifiki u rapporti
Artikolu 54
Notifiki tal-Istati Membri dwar l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-gruppi ta’ produtturi
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bit-tagħrif u d-dokumenti li ġejjin:
(a)
sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, l-ammont totali tal-fondi operattivi approvati dik is-sena għall-programmi operattivi kollha. Din in-notifika għandha turi l-ammont totali tal-fondi operattivi u l-ammont totali ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni mogħtija inkluża f’dawk il-fondi. Dawk iċ-ċifri għandhom ikomplu jinqasmu bejn l-ammonti għall-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet u l-ammonti għal miżuri oħrajn;
(b)
sal-15 ta’ Novembru ta’ kull sena, rapport annwali dwar l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, kif ukoll dwar il-gruppi ta’ produtturi msawra skont l-Artikolu 125e tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, u l-fondi operattivi, il-programmi operattivi u l-pjanijiet ta’ rikonoxximent imħaddma matul is-sena ta’ qabel. Dan ir-rapport annwali għandu jkun fih it-tagħrif stabbilit fl-Anness V għal dan ir-Regolament;
(c)
sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, l-ammonti li jikkorrispondu għal kull perjodu annwali li jmiss tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ rikonoxximent tal-gruppi ta’ produtturi msawra skont l-Artikolu 125e tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, inkluża s-sena ta’ implimentazzjoni attwali. Għandhom jingħataw l-ammonti approvati jew dawk stmati. Din in-notifika għandha tinkludi t-tagħrif li ġej għal kull grupp ta’ produtturi u kull perjodu annwali li jmiss tal-implimentazzjoni tal-pjan:
(i)
l-ammont totali għall-perjodu annwali tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ rikonoxximent, tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni u tal-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri, mill-gruppi ta’ produtturi u mill-membri tal-gruppi ta’ produtturi;
(ii)
tqassim bejn l-għajnuna mogħtija skont l-Artikolu 103a(1)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, rispettivament.
Artikolu 55
Notifiki tal-Istati Membri dwar il-prezzijiet tal-produtturi għall-frott u l-ħxejjex fis-suq intern
1. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni, sa nofsinhar (12:00 ħin ta’ Brussell) kull nhar ta’ Erbgħa, dwar il-medja pponderata tal-prezzijiet irreġistrati għall-frott u l-ħxejjex elenkati fl-Anness VI matul il-ġimgħa ta’ qabel, meta d-dejta tkun disponibbli.
Għall-frott u l-ħxejjex koperti mill-istandard ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni stabbilit fil-Parti A tal-Anness I għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, għandhom jiġu nnotifikati biss il-prezzijiet tal-prodotti li jilħqu dak l-istandard, filwaqt li l-prezzijiet tal-prodotti koperti minn standard speċifiku tal-kummerċjalizzazzjoni stabbilit fil-Parti B ta’ dak l-Anness għandhom jikkonċernaw biss il-prodotti tal-klassi I.
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw prezz medju ponderat wieħed li jkun jikkorrispondi għat-tipi u l-varjetajiet ta’ prodotti, daqsijiet u preżentazzjonijiet speċifikati fl-Anness VI għal dan ir-Regolament. Meta l-prezzijiet irreġistrati jkunu jikkonċernaw tipi, varjetajiet, daqsijiet jew preżentazzjonijiet oħrajn minbarra dawk speċifikati f’dak l-Anness, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar it-tipi, il-varjetajiet, id-daqsijiet u l-preżentazzjonijiet tal-prodotti li magħhom ikunu jikkorrispondu l-prezzijiet.
Il-prezzijiet innotifikati għandhom ikunu dawk tal-prodotti ssortjati u ppakkjati, u, fejn ikun applikabbli, fuq palits, hekk kif joħorġu mill-post tal-imballaġġ, u għandhom jiġu espressi f’euro għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett.
2. L-Istati Membri għandhom jidentifikaw swieq rappreżentattivi fiż-żona tal-produzzjoni tal-frott u l-ħxejjex ikkonċernati. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar is-swieq rappreżentattivi u l-piż tagħhom fil-medja mal-ewwel notifika jew meta jimmodifikawhom. L-Istati Membri jistgħu jinnotifikaw prezzijiet oħrajn fuq bażi volontarja.
Taqsima 2
Monitoraġġ u evalwazzjoni tal-programmi operattivi u tal-istrateġiji nazzjonali
Artikolu 56
Indikaturi komuni tal-prestazzjoni
1. Kemm il-programmi operattivi kif ukoll l-istrateġiji nazzjonali għandhom ikunu soġġetti għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni mmirati lejn il-valutazzjoni tal-progress magħmul sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti għall-programmi operattivi, kif ukoll l-effiċjenza u l-effettività fir-rigward ta’ dawk l-objettivi.
2. Il-progress, l-effiċjenza u l-effettività għandhom jiġu vvalutati permezz ta’ indikaturi komuni tal-prestazzjoni, kif stabbiliti fl-Anness II għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/xxx, li jirrigwardjaw is-sitwazzjoni bażika, kif ukoll l-inputs (l-eżekuzzjoni finanzjarja), l-outputs, ir-riżultati u l-impatt tal-programmi operattivi implimentati.
3. L-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw indikaturi addizzjonali fl-istrateġija nazzjonali tagħhom.
Artikolu 57
Proċeduri ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni marbutin mal-programmi operattivi
1. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jistabbilixxu sistema sabiex jiġbru, jirreġistraw u jżommu t-tagħrif għall-kumpilazzjoni tal-indikaturi applikabbli għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi operattivi.
2. L-eżerċizzju ta’ monitoraġġ għandu jitwettaq b’tali mod li r-riżultati tiegħu:
(a)
jivverifikaw il-kwalità tal-implimentazzjoni tal-programm;
(b)
jidentifikaw kwalunkwe ħtieġa għal aġġustamenti jew reviżjoni tal-programm operattiv;
(c)
jipprovdu tagħrif għar-rekwiżiti tar-rapportar. It-tagħrif dwar ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ għandu jiġi inkluż fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 21(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/xxx.
3. L-evalwazzjoni għandha tieħu l-forma ta’ rapport fis-sena ta’ qabel tal-aħħar tal-implimentazzjoni tal-programm operattiv kif imsemmi fl-Artikolu 21(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/xxx.
L-eżerċizzju tal-evalwazzjoni għandu jeżamina l-progress magħmul fir-rigward tal-objettivi ġenerali tal-programm. Għal dan l-għan, għandhom jintużaw indikaturi komuni tal-prestazzjoni li jirrigwardjaw is-sitwazzjoni bażika, l-output u r-riżultati.
Fejn ikun applikabbli, l-eżerċizzju tal-evalwazzjoni għandu jinkludi valutazzjoni kwalitattiva tar-riżultati u tal-impatt tal-azzjonijiet ambjentali bil-għan li:
(a)
tiġi evitata l-erożjoni tal-ħamrija;
(b)
jitnaqqas l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew tittejjeb il-ġestjoni tagħhom;
(c)
jitħarsu l-ħabitats u l-bijodiversità; u
(d)
jiġi kkonservat il-pajsaġġ.
Ir-riżultati tal-eżerċizzju għandhom jintużaw sabiex:
(a)
tittejjeb il-kwalità tal-programm operattiv;
(b)
tiġi identifikata kwalunkwe ħtieġa għal bidla sostantiva fil-programm operattiv; u
(c)
jingħataw lezzjonijiet utli fit-titjib tal-programmi operattivi futuri.
Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jiġi mehmuż mar-rapport annwali korrispondenti msemmi fl-Artikolu 21(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/xxx.
Artikolu 58
Proċeduri ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni marbutin mal-istrateġija nazzjonali
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema sabiex jiġbru, jirreġistraw u jżommu t-tagħrif f’forma elettronika adegwata għall-iskop tal-kumpilazzjoni tal-indikaturi msemmija fl-Artikolu 56. Għal dan il-għan, huma għandhom jużaw it-tagħrif mibgħut mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u mill-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi b’rabta mal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi operattivi tagħhom.
2. Il-monitoraġġ għandu jkun kontinwu sabiex jiġi vvalutat il-progress magħmul biex jinkisbu l-objettivi tal-programmi operattivi. Għal dan il-għan, għandu jsir użu mit-tagħrif ipprovdut fir-rapporti annwali mibgħuta mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u mill-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi. L-eżerċizzju ta’ monitoraġġ għandu jitwettaq b’tali mod li r-riżultati tiegħu:
(a)
jivverifikaw il-kwalità tal-implimentazzjoni tal-programmi operattivi;
(b)
jidentifikaw kwalunkwe ħtieġa ta’ aġġustamenti jew reviżjoni tal-istrateġija nazzjonali bil-għan li jintlaħqu l-miri stabbiliti għall-istrateġija jew bil-għan li tittejjeb il-ġestjoni tal-implimentazzjoni tal-istrateġija, inkluża l-ġestjoni finanzjarja tal-programmi operattivi.
3. L-evalwazzjoni għandu jkollha l-għan li tivvaluta l-progress magħmul lejn il-kisba tal-objettivi ġenerali tal-istrateġija. Għal dan il-għan, għandu jsir użu mir-riżultati tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi operattivi kif indikat fir-rapport annwali u fir-rapport tas-sena ta’ qabel tal-aħħar mibgħuta mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi. Ir-riżultati tal-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni għandhom jintużaw sabiex:
(a)
tittejjeb il-kwalità tal-istrateġija;
(b)
tiġi identifikata kwalunkwe ħtieġa għal bidla sostantiva fl-istrateġija.
L-evalwazzjoni għandha tinkludi eżerċizzju ta’ evalwazzjoni mwettaq fl-2020. Ir-riżultati ta’ dan l-eżerċizzju għandhom ikunu parti mir-rapport nazzjonali annwali tal-istess sena msemmi fl-Artikolu 54(b). Ir-rapport għandu jeżamina l-livell ta’ utilizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji, l-effiċjenza u l-effettività tal-programmi operattivi implimentati u għandu jivvaluta l-effetti u l-impatt ta’ dawk il-programmi, fir-rigward tal-objettivi, il-miri u l-miżuri stabbiliti mill-istrateġija u, fejn ikun applikabbli, l-objettivi l-oħrajn stabbiliti fl-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
Taqsima 3
Penali amministrattivi
Artikolu 59
Nuqqas ta’ ħarsien tal-kriterji tar-rikonoxximent
1. Jekk Stat Membru jkun stabbilixxa li organizzazzjoni tal-produtturi tonqos milli tħares wieħed mill-kriterji ta’ rikonoxximent marbuta mar-rekwiżiti tal-Artikoli 5 u 7, tal-Artikolu 11(1) u (2) u tal-Artikolu 17, huwa għandu jibgħat lill-organizzazzjoni tal-produtturi inkwistjoni sa mhux aktar tard minn xahrejn wara li jkun ġie identifikat in-nuqqas, ittra rreġistrata ta’ twissija li tindika n-nuqqas identifikat, il-miżuri korrettivi u l-perjodi ta’ żmien li matulhom għandhom jittieħdu dawn il-miżuri, li ma għandhomx ikunu ta’ aktar minn erba’ xhur. Mill-mument li jiġi stabbilit nuqqas, l-Istati Membri għandhom jissospendu l-ħlasijiet ta’ għajnuna sakemm il-miżuri korrettivi jkunu ttieħdu b’mod sodisfaċenti.
2. Nuqqas ta’ teħid tal-miżuri korrettivi msemmija fil-paragrafu 1 fil-perjodu ta’ żmien iffissat mill-Istat Membru għandu jwassal għas-sospensjoni tar-rikonoxximent tal-organizzazzjoni tal-produtturi. L-Istat Membru għandu jinnotifika lill-organizzazzjoni tal-produtturi bil-perjodu tas-sospensjoni, li għandu jibda immedjatament wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ żmien iffissat sabiex jittieħdu dawk il-miżuri korrettivi u ma għandux jaqbeż it-12-il xahar mid-data li fiha l-organizzazzjoni tal-produtturi tirċievi l-ittra ta’ twissija. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali orizzontali li tista' tipprevedi s-sospensjoni ta' azzjoni bħal din wara li jibdew il-proċedimenti legali marbuta.
Waqt is-sospensjoni tar-rikonoxximent, l-organizzazzjoni tal-produtturi tista' tkompli l-attività tagħha, iżda l-ħlasijiet għall-għajnuna għandhom jinżammu sakemm titneħħa s-sospensjoni tar-rikonoxximent. L-ammont ta’ għajnuna fis-sena għandu jitnaqqas bi 2 % għal kull xahar tal-kalendarju jew parti minnu, li matulu r-rikonoxximent ikun sospiż.
Is-sospensjoni għandha tintemm fil-jum tal-kontroll, li jikkonferma li l-kriterji tar-rikonoxximent inkwistjoni kienu ssodisfati.
3. Jekk il-kriterji ma jiġux issodisfati sal-aħħar tal-perjodu tas-sospensjoni stabbilit mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, l-Istat Membru għandu jirtira r-rikonoxximent b’effett mid-data li minnha l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent ma jkunux ġew issodisfati, jew, jekk ma jkunx possibbli li tiġi identifikata dik id-data, mid-data meta kien stabbilit in-nuqqas. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali orizzontali, li tista’ tipprevedi s-sospensjoni tar-rikonoxximent wara li jibdew il-proċedimenti legali konnessi. L-għajnuna pendenti li tikkonċerna l-perjodu li matulu jkun ġie identifikat in-nuqqas ma għandhiex titħallas u l-għajnuna indebitament imħallsa għandha tiġi rkuprata.
4. Jekk Stat Membru jkun stabbilixxa li organizzazzjoni tal-produtturi tonqos milli tħares kwalunkwe wieħed mill-kriterji ta’ rikonoxximent stipulati fl-Artikolu 154 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1, huwa għandu jibgħat lill-organizzazzjoni tal-produtturi inkwistjoni, sa mhux aktar tard minn xahrejn wara li jkun ġie stabbilit in-nuqqas, ittra rreġistrata ta’ twissija li tindika n-nuqqas identifikat, il-miżuri korrettivi u l-perjodi ta’ żmien li matulhom għandhom jittieħdu dawn il-miżuri, li ma għandhomx ikunu ta’ aktar minn erba’ xhur.
5. Nuqqas ta’ teħid tal-miżuri korrettivi msemmija fil-paragrafu 4 fil-perjodu ta’ żmien iffissat mill-Istat Membru għandu jwassal għal sospensjoni tal-ħlasijiet u għal tnaqqis tal-ammont ta’ għajnuna fis-sena b’1 % għal kull xahar tal-kalendarju, jew parti minnu, wara l-iskadenza ta’ dak il-perjodu ta’ żmien. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali orizzontali, li tista’ tipprevedi s-sospensjoni ta’ azzjoni bħal din wara li jibdew il-proċedimenti legali konnessi.
6. L-Istati Membri għandhom jirtiraw ir-rikonoxximent jekk l-organizzazzjoni tal-produtturi ma tagħtix prova tal-konformità mal-volum jew il-valur minimu tal-kriterji tal-produzzjoni kkummerċjalizzata kif mitlub mill-Artikolu 154(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 sal-15 ta’ Ottubru tat-tieni sena wara s-sena li fiha dawk il-kriterji ma jkunux ġew irrispettati. L-irtirar għandu jidħol fis-seħħ mid-data li fiha l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent ma kinux issodisfati, jew, jekk ma jkunx possibbli li tiġi identifikata dik id-data, mid-data meta kien stabbilit in-nuqqas. L-għajnuna pendenti li tikkonċerna l-perjodu li matulu jkun ġie identifikat in-nuqqas ma għandhiex titħallas u l-għajnuna indebitament imħallsa għandha tiġi rkuprata.
Madankollu, meta organizzazzjoni tal-produtturi tagħti lill-Istat Membru prova li minħabba diżastri naturali, avvenimenti klimatiċi avversi, mard jew infestazzjonijiet ta’ organiżmi ta’ ħsara, minkejja li tkun ħadet il-miżuri ta’ prevenzjoni tar-riskji meħtieġa, hija ma tkunx tista’ tħares il-kriterji ta’ rikonoxximent stipulati fl-Artikolu 154(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-volum jew il-valur minimu tal-produzzjoni li tista’ tiġi kkummerċjalizzata kif stabbilit mill-Istati Membri, l-Istat Membru jista’, għas-sena inkwistjoni, jidderoga mill-volum jew il-valur minimu tal-produzzjoni li tista’ tiġi kkummerċjalizzata għal din l-organizzazzjoni tal-produtturi.
7. F’każijiet fejn japplikaw il-paragrafi 1, 2, 4 u 5, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu ħlasijiet wara d-data ta’ skadenza stabbilita fl-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/xxx. Madankollu, dawn il-ħlasijiet ma għandhomx isiru wara l-15 ta’ Ottubru tat-tieni sena wara dik li fiha jiġi implimentat il-programm.
8. Il-paragrafi 1 sa 5 għandhom japplikaw mutatis mutandis f’każijiet ta’ nuqqas minn organizzazzjoni tal-produtturi milli tipprovdi lill-Istat Membru bit-tagħrif meħtieġ skont l-Artikolu 21 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/xxx.
Artikolu 60
Frodi
1. L-Istati Membri għandhom jissospendu l-ħlasijiet lil u r-rikonoxximent ta’ organizzazzjoni tal-produtturi jew assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, li qegħdin jiġu investigati minn awtorità nazzjonali b’konnessjoni ma’ ħlas ta’ frodi fir-rigward tal-għajnuna koperta mir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, sakemm ikun ġie ddeterminat il-ħlas.
2. Meta organizzazzjoni tal-produtturi jew assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi tkun wettqet frodi fir-rigward tal-għajnuna koperta mir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri għandhom, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe penali oħrajn applikabbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni:
(a)
jirtiraw ir-rikonoxximent ta’ dik l-organizzazzjoni jew l-assoċjazzjoni;
(b)
jeskludu l-azzjonijiet ikkonċernati mill-appoġġ fil-kuntest tal-programm operattiv ikkonċernat u jirkupraw kwalunkwe għajnuna li tkun diġà tħallset għal dawk l-azzjonijiet; u
(c)
jeskludu dik l-organizzazzjoni jew l-assoċjazzjoni mir-rikonoxximent matul is-sena ta’ wara.
Artikolu 61
Penali għall-ammonti ineliġibbli
1. Il-ħlasijiet għandhom jiġu kkalkolati fuq il-bażi tal-azzjonijiet eliġibbli.
2. L-Istat Membru għandu jeżamina l-applikazzjoni għall-għajnuna u jistabbilixxi l-ammonti li huma eliġibbli għall-appoġġ. Huwa għandu jistabbilixxi l-ammont li:
(a)
għandu jitħallas lill-benefiċjarju abbażi biss tal-applikazzjoni;
(b)
jitħallas lill-benefiċjarju wara li tiġi eżaminata l-eliġibbiltà tal-applikazzjoni.
3. Jekk l-ammont stabbilit skont il-paragrafu 2(a) jaqbeż l-ammont stabbilit skont il-paragrafu 2(b) b’aktar minn 3 %, għandu jiġi applikat penali. L-ammont tal-penali għandu jkun daqs id-differenza bejn l-ammonti kkalkolati skont il-paragrafu 2(a) u (b). Madankollu, ma għandu jiġi applikat ebda penali jekk l-organizzazzjoni tal-produtturi tkun tista’ turi li hija mhijiex responsabbli għall-inklużjoni tal-ammont ineliġibbli.
4. Il-paragrafi 2 u 3 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-infiq ineliġibbli li jiġi identifikat waqt il-kontrolli fuq il-post jew il-kontrolli li jsiru wara.
5. Jekk il-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata jiġi ddikjarat u vverifikat qabel titressaq l-applikazzjoni għall-għajnuna, għandhom jintużaw il-valuri ddikjarati u approvati meta jiġu stabbiliti l-ammonti skont il-paragrafu 2(a) u (b), rispettivament.
6. Meta fi tmiem il-programm operattiv, il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 33(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ma jkunux ġew irrispettati, l-ammont totali tal-appoġġ għall-aħħar sena tal-programm operattiv għandu jitnaqqas b’mod proporzjonali għall-ammont ta’ nfiq mhux imġarrab fuq l-azzjonijiet ambjentali.
Artikolu 62
Penali amministrattivi wara l-kontrolli tal-ewwel livell fuq l-operazzjonijiet ta’ rtirar
1. Jekk, wara l-kontroll imsemmi fl-Artikolu 29 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/xxx, jinstabu nuqqasijiet ta’ konformità fir-rigward tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni jew ir-rekwiżiti minimi msemmija fl-Artikolu 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/xxx, li jaqbżu t-tolleranzi stabbiliti, l-organizzazzjoni tal-produtturi kkonċernata għandha tintalab tħallas penali kkalkolat skont il-proporzjon tal-prodotti rtirati li ma jkunux konformi:
(a)
meta dawk il-kwantitajiet ikunu inqas minn 10 % tal-kwantitajiet effettivament irtirati skont l-Artikolu 44 ta’ dan ir-Regolament, il-penali għandu jkun ugwali għall-assistenza finanzjarja tal-Unjoni, ikkalkolat abbażi tal-kwantitajiet tal-prodotti rtirati li ma jkunux konformi;
(b)
meta dawk il-kwantitajiet ikunu bejn 10 % u 25 % tal-kwantitajiet effettivament irtirati, il-penali għandu jkun id-doppju tal-ammont tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni, ikkalkolat abbażi tal-kwantitajiet tal-prodotti rtirati li ma jkunux konformi; jew inkella
(c)
meta dawk il-kwantitajiet jaqbżu l-25 % tal-kwantità effettivament irtirata, il-penali għandu jkun ugwali għall-ammont tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għall-kwantità kollha nnotifikata skont l-Artikolu 44 ta’ dan ir-Regolament.
2. Il-penali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe penali applikat skont l-Artikolu 61.
Artikolu 63
Penali amministrattiv applikabbli għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ rtirar
L-infiq għall-operazzjonijiet ta’ rtirar ma għandux ikun eliġibbli jekk il-prodotti li ma tqegħdux għall-bejgħ ma jkunux tneħħew kif previst mill-Istat Membru skont l-Artikolu 46(1) jew jekk l-operazzjoni kellha impatt negattiv fuq l-ambjent jew kwalunkwe konsegwenza fitosanitarja negattiva, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe penali applikat skont l-Artikolu 61.
Artikolu 64
Penali amministrattivi applikabbli għall-benefiċjarji ta’ prodotti rtirati mis-suq
Meta jiġu identifikati irregolaritajiet li jistgħu jkunu attribwiti lill-benefiċjarji ta’ prodotti rtirati mis-suq waqt il-kontrolli magħmula skont l-Artikoli 29 u 30 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/xxx, dawk il-benefiċjarji:
(a)
għandhom jiġu esklużi mid-dritt li jirċievu prodotti rtirati mis-suq; u
(b)
għandhom ikunu obbligati jħallsu l-valur tal-prodotti li jkunu rċevew kif ukoll l-ispejjeż tal-issortjar, tal-imballaġġ u tat-trasport relatati skont ir-regoli stipulati mill-Istati Membri.
L-esklużjoni prevista fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu għandha tidħol fis-seħħ minnufih u ddum tgħodd għal mill-inqas sena b’possibbiltà ta’ estensjoni.
Artikolu 65
Penali amministrattivi fir-rigward tal-ħsad bikri u n-nuqqas ta’ ħsad
1. Jekk l-organizzazzjoni tal-produtturi ma tkunx wettqet l-obbligi tagħha fir-rigward tal-ħsad bikri, hija għandha tħallas, permezz ta’ penali, l-ammont tal-kumpens li jirrigwardja ż-żoni li għalihom l-obbligu ma kienx irrispettat. Nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi għandu jinkludi każijiet fejn:
(a)
iż-żona nnotifikata għall-ħsad bikri ma tkunx eliġibbli għal dan;
(b)
ma kienx hemm ħsad totali fiż-żona jew il-produzzjoni ma nbidlitilhiex in-natura tagħha.
(c)
kien hemm impatt negattiv fuq l-ambjent jew konsegwenza fitosanitarja negattiva li għalihom hija responsabbli l-organizzazzjoni tal-produtturi.
2. Jekk l-organizzazzjoni tal-produtturi ma tkunx wettqet l-obbligi tagħha fir-rigward tan-nuqqas ta’ ħlas, hija għandha tħallas, permezz ta’ penali, l-ammont tal-kumpens li jirrigwardja ż-żoni li għalihom l-obbligu ma kienx irrispettat. Nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi għandu jinkludi każijiet fejn:
(a)
iż-żona nnotifikata għan-nuqqas ta’ ħsad ma tkunx eliġibbli għal dan;
(b)
xorta waħda sar ħsad jew ħsad parzjali;
(c)
kien hemm impatt negattiv fuq l-ambjent jew konsegwenza fitosanitarja negattiva li għalihom hija responsabbli l-organizzazzjoni tal-produtturi.
Il-Punt (b) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandux japplika fejn japplika t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 48(3).
3. Il-penali msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw flimkien ma’ kwalunkwe penali impost skont l-Artikolu 61.
Artikolu 66
Meta ma jitħalliex isir kontroll fuq il-post
Talba għal rikonoxximent, approvazzjoni ta’ programm operattiv jew applikazzjoni għall-għajnuna għandha tiġi miċħuda għall-entrata jew il-parti tan-nefqa kkonċernata jekk organizzazzjoni tal-produtturi, inklużi l-membri tagħha jew ir-rappreżentanti rilevanti, ma tippermettix li jsir kontroll fuq il-post.
Artikolu 67
Ħlas tal-għajnuna rkuprata u tal-penali
1. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew operaturi oħrajn ikkonċernati għandhom iħallsu lura, bl-imgħax, l-għajnuna mħallsa b’mod mhux dovut u għandhom iħallsu l-penali previsti f’din it-Taqsima.
L-imgħax għandu jiġi kkalkolat:
(a)
fuq il-bażi tal-perjodu li jgħaddi bejn l-irċevuta tal-ħlas mhux dovut u r-rimborż tiegħu mill-benefiċjarju;
(b)
bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin, ippubblikata fis-serje “Ċ” ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u li tkun fis-seħħ fil-jum li fih ikun sar il-ħlas mhux dovut, biż-żieda ta’ tliet punti perċentwali.
2. L-għajnuna rkuprata, l-imgħax u l-penali imposti għandhom jitħallsu lill-FAEG.
KAPITOLU VI
Estensjoni tar-regoli
Artikolu 68
Il-kundizzjonijiet għall-estensjoni tar-regoli
1. L-Artikolu 164 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandu japplika għall-prodotti tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati, sakemm ir-regoli msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dak l-Artikolu:
(a)
ikunu ilhom fis-seħħ għal mill-inqas sena;
(b)
isiru vinkolanti għal mhux aktar minn tliet snin.
Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-kundizzjoni stipulata fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu meta l-għan tar-regoli li jridu jiġu estiżi jkun wieħed minn dawk imsemmija fil-punti (a), (e), (f), (h), (i), (j), (m) u (n) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 164(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
2. Ir-regoli li jsiru vinkolanti fuq il-produtturi kollha f’żona ekonomika speċifika ma għandhomx japplikaw għall-prodotti li jiġu kkonsenjati għall-finijiet ta’ pproċessar skont kuntratt iffirmat qabel il-bidu tal-ħsad, sakemm l-estensjoni tar-regoli ma tkunx tkopri espliċitament dawn il-prodotti, bl-eċċezzjoni tar-regoli dwar ir-rapportar fis-suq imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 164(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
3. Ir-regoli tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew tal-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi ma jistgħux isiru vinkolanti fuq il-produtturi ta’ prodotti organiċi koperti mir-Regolament (KE) Nru 834/2007, sakemm ma jkunx intlaħaq qbil dwarhom minn mill-inqas 50 % tal-produtturi koperti minn dak ir-Regolament fiż-żona ekonomika fejn topera l-organizzazzjoni tal-produtturi jew l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi u sakemm dik l-organizzazzjoni jew l-assoċjazzjoni ma tkunx tkopri mill-inqas 60 % ta’ tali produzzjoni ta’ dik iż-żona.
4. Ir-regoli msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 164(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ma għandhomx japplikaw għall-prodotti li ġew prodotti barra miż-żona ekonomika speċifika msemmija fl-Artikolu 164(2) ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 69
Regoli nazzjonali
1. Għall-finijiet tal-Artikolu 164(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ż-żona ekonomika li tittieħed f’kunsiderazzjoni fil-każ ta’ estensjoni tar-regoli ta’ organizzazzjoni interprofessjonali hija reġjun jew it-territorju nazzjonali kollu fejn il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni huma omoġenji.
2. Għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-rappreżentattività tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi skont it-tifsira tal-Artikolu 164(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli li jeskludu:
(a)lill-produtturi li l-produzzjoni tagħhom hija essenzjalment maħsuba għal bejgħ dirett lill-konsumaturi minn fuq l-impriża jew miż-żona tal-produzzjoni;
(b)il-bejgħ dirett kif imsemmi fil-punt (a);
(c)il-prodotti kkonsenjati għall-ipproċessar skont kuntratt iffirmat qabel il-bidu tal-ħsad, sakemm ir-regoli estiżi ma jkunux ikopru espliċitament dawn il-prodotti;
(d)il-produtturi jew il-produzzjoni ta’ prodotti organiċi koperti mir-Regolament (KE) Nru 834/2007.
Artikolu 70
Notifika tal-estensjoni tar-regoli u taż-żoni ekonomiċi
1. Meta Stat Membru jinnotifika regoli li jkun għamel vinkolanti għal prodott partikolari u għal żona ekonomika partikolari skont l-Artikolu 164(6) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, huwa għandu jinforma minnufih lill-Kummissjoni dwar:
(a)
iż-żona ekonomika li fiha japplikaw dawk ir-regoli;
(b)
l-organizzazzjoni tal-produtturi, l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew l-organizzazzjoni interprofessjonali li talbet għall-estensjoni tar-regoli u d-dejta li turi l-konformità mal-Artikolu 164(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;
(c)
meta l-estensjoni tar-regoli tintalab minn organizzazzjoni tal-produtturi jew assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-għadd ta’ produtturi li jappartjenu għal dik l-organizzazzjoni jew l-assoċjazzjoni u l-għadd totali ta’ produtturi fiż-żona ekonomika kkonċernata; dan it-tagħrif għandu jingħata għas-sitwazzjoni kif tkun fiż-żmien meta ssir it-talba għall-estensjoni;
(d)
meta t-talba għall-estensjoni tar-regoli ssir minn organizzazzjoni tal-produtturi jew assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, il-produzzjoni totali taż-żona ekonomika u l-produzzjoni kkummerċjalizzata minn dik l-organizzazzjoni jew l-assoċjazzjoni matul l-aħħar sena li għaliha jkun hemm figuri disponibbli;
(e)
id-data minn meta r-regoli li għandhom jiġu estiżi bdew japplikaw għall-organizzazzjoni tal-produtturi, għall-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew għall-organizzazzjoni interprofessjonali kkonċernata; u
(f)
id-data minn meta l-estensjoni għandha tidħol fis-seħħ u t-tul ta’ żmien tagħha.
2. Meta Stat Membru jkun stabbilixxa regoli nazzjonali rigward ir-rappreżentattività fil-każ ta’ estensjoni tar-regoli tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 164(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, huwa għandu jinnotifika dawk ir-regoli u l-ġustifikazzjoni tagħhom lill-Kummissjoni, flimkien man-notifika tal-estensjoni tar-regoli nnifisha.
3. Qabel tagħmel ir-regoli estiżi disponibbli għall-pubbliku, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri b’dawk ir-regoli bi kwalunkwe mezz li hija tqis li huwa xieraq.
Artikolu 71
Tħassir tal-estensjoni tar-regoli
Il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 175(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, li titlob lil Stat Membru jħassar estensjoni tar-regoli deċiżi minn dak l-Istat Membru skont l-Artikolu 164(1) ta’ dak ir-Regolament, meta hija ssib li:
(a)
id-deċiżjoni tal-Istat Membru teskludi l-kompetizzjoni f’parti sostanzjali mis-suq intern jew tipperikola l-kummerċ ħieles, jew inkella li l-objettivi tal-Artikolu 39 tat-Trattat ikunu kompromessi;
(b)
l-Artikolu 101(1) tat-Trattat japplika għar-regoli estiżi għal produtturi oħrajn;
(c)
id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu ma jkunux ġew irrispettati.
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ dawk ir-regoli għandha tapplika mid-data tan-notifika ta’ tali sejba lill-Istat Membru kkonċernat.
Artikolu 72
Ix-xerrejja ta’ prodotti mibjugħa mis-siġra
1. F’każijiet fejn produtturi li ma jappartjenux lil organizzazzjoni tal-produtturi jbigħu l-prodott tagħhom mis-siġra, il-bejjiegħ għandu, għall-finijiet ta’ konformità mar-regoli li jirrigwardjaw il-kummerċjalizzazzjoni u r-rapportar tal-produzzjoni, jitqies bħala li pproduċa dak il-prodott.
2. L-Istat Membru kkonċernat jista’ jiddeċiedi li regoli oħrajn minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu magħmula vinkolanti fuq il-bejjiegħa, meta dawn tal-aħħar ikunu responsabbli għall-ġestjoni tal-produzzjoni kkonċernata.
TITOLU III
KUMMERĊ MA’ PAJJIŻI TERZI
Sistema tal-prezz tad-dħul
Artikolu 73
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu:
(a)
“lott” ifisser l-oġġetti ppreżentati skont dikjarazzjoni tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera, li tkopri biss oġġetti tal-istess oriġini li jaqgħu fi ħdan kodiċi NM wieħed; u
(b)
“importatur” ifisser id-dikjarant skont it-tifsira tal-Artikolu 5(15) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Artikolu 74
Notifika tal-prezzijiet u tal-kwantitajiet tal-prodotti impurtati
1. Għal kull prodott u għall-perjodi stabbiliti fil-Parti A tal-Anness VII, għal kull jum tas-suq u għal kull oriġini, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni, sa nofsinhar (12:00 ħin ta’ Brussell) tal-jum tax-xogħol ta’ wara, dwar:
(a)
il-prezzijiet rappreżentattivi medji tal-prodotti importati minn pajjiżi terzi u mibjugħa fis-swieq tal-importazzjoni tal-Istati Membri; u
(b)
il-kwantitajiet totali li jirrigwardjaw il-prezzijiet imsemmija fil-punt (a).
Għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar is-swieq tal-importazzjoni li huma jqisu bħala rappreżentattivi u li għandhom jinkludu lil Londra, Milan, Perpignan u Rungis.
Meta l-kwantitajiet totali msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu jkunu inqas minn għaxar tunnellati, il-prezzijiet korrispondenti ma għandhomx ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni.
2. Il-prezzijiet imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom jiġu rreġistrati:
(a)
għal kull wieħed mill-prodotti elenkati fil-Parti A tal-Anness VII;
(b)
għal kull varjetà u daqs disponibbli; u
(c)
fl-istadju tal-importatur/tal-bejjiegħ bl-ingrossa jew fl-istadju tal-bejjiegħ bl-ingrossa/tal-bejjiegħ bl-imnut meta ma jkunu disponibbli ebda prezzijiet fl-istadju tal-importatur/tal-bejjiegħ bl-ingrossa.
Huma għandhom jitnaqqsu bl-ammonti li ġejjin:
(a)
marġini tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ 15 % għaċ-ċentri tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ Londra, Milan u Rungis u ta’ 8 % għaċ-ċentri tal-kummerċjalizzazzjoni l-oħrajn; u
(b)
l-ispejjeż tat-trasport u tal-assigurazzjoni fit-territorju doganali tal-Unjoni.
Għall-ispejjeż tat-trasport u tal-assigurazzjoni li jridu jitnaqqsu skont it-tieni subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu ammonti standard għat-tnaqqis. Dawn l-ammonti standard u l-metodi sabiex jiġu kkalkolati għandhom ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni minnufih.
3. Il-prezzijiet irreġistrati skont il-paragrafu 2 għandhom, meta jkunu stabbiliti fl-istadju tal-bejgħ bl-ingrossa/imnut, jitnaqqsu:
(a)
b’ammont ugwali għal 9 % sabiex jittieħed f’kunsiderazzjoni l-marġini tal-kummerċ tal-bejjiegħ bl-ingrossa, u
(b)
b’ammont ugwali għal EUR 0,7245 għal kull 100 kilogramma fir-rigward tal-ispejjeż tal-immaniġġjar u t-taxxi u l-ħlasijiet tas-suq.
4. Għall-prodotti elenkati fil-Parti A tal-Anness VII li huma koperti minn standard speċifiku tal-kummerċjalizzazzjoni, il-prezzijiet li ġejjin għandhom jitqiesu li huma rappreżentattivi:
(a)
il-prezzijiet tal-prodotti tal-Klassi I, meta l-kwantitajiet f’dik il-klassi jkunu jirrappreżentaw mill-inqas 50 % tal-kwantitajiet totali kkummerċjalizzati;
(b)
il-prezzijiet tal-prodotti tal-Klassi I u tal-Klassi II, meta l-kwantitajiet f’dawk il-klassijiet ikunu jirrappreżentaw mill-inqas 50 % tal-kwantitajiet totali kkummerċjalizzati;
(c)
il-prezzijiet tal-prodotti tal-Klassi II, meta l-prodotti tal-Klassi I ma jkunux disponibbli, sakemm ma jkunx deċiż li għandu jiġi applikat koeffiċjent ta’ aġġustament għalihom jekk, bħala riżultat tal-karatteristiċi tal-kwalità tagħhom, dawk il-prodotti ma jkunux normalment ikkummerċjalizzati fil-Klassi I.
Il-koeffiċjent ta’ aġġustament imsemmi fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu għandu jiġi applikat wara li jitnaqqsu l-ammonti msemmija fil-paragrafu 2.
Għall-prodotti elenkati fil-Parti A tal-Anness VII li mhumiex koperti minn standard speċifiku tal-kummerċjalizzazzjoni, il-prezzijiet tal-prodotti li huma konformi mal-istandard ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni għandhom jitqiesu li huma rappreżentattivi.
Artikolu 75
Bażi tal-prezz tad-dħul
1. Għall-finijiet tal-Artikolu 181(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-prodotti tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati msemmija f’dak l-Artikolu għandhom ikunu dawk elenkati fl-Anness VII għal dan ir-Regolament.
2. Meta l-valur doganali tal-prodotti elenkati fil-Parti A tal-Anness VII ikun iddeterminat skont il-valur tat-tranżazzjoni msemmi fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 u dak il-valur doganali jkun ogħla b’aktar minn 8 % mir-rata fissa kkalkolata mill-Kummissjoni bħala valur standard tal-importazzjoni fil-mument li ssir id-dikjarazzjoni tar-rilaxx tal-prodotti għaċ-ċirkolazzjoni libera, l-importatur għandu jipprovdi garanzija msemmija fl-Artikolu 148 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447. Għal dan l-għan, l-ammont ta’ dazju tal-importazzjoni li għalih jistgħu jkunu soġġetti l-prodotti elenkati fil-Parti A tal-Anness VII għal dan ir-Regolament, għandu jkun l-ammont ta’ dazju dovut li kieku l-prodott inkwistjoni kien ikklassifikat fuq il-bażi tal-valur standard tal-importazzjoni kkonċernat.
L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika meta l-valur standard tal-importazzjoni jkun ogħla mill-prezzijiet tad-dħul elenkati fl-Anness 2 tat-Taqsima I tal-Parti III tal-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, jew meta d-dikjarant jitlob id-dħul immedjat fil-kontijiet tal-ammonti ta’ dazji li għalihom fl-aħħar mill-aħħar jistgħu jkunu soġġetti l-oġġetti, minflok ma jipprovdi garanzija.
3. Meta l-valur doganali tal-prodotti elenkati fil-Parti A tal-Anness VII jiġi kkalkolat skont l-Artikolu 74(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, id-dazju għandu jitnaqqas kif previst fl-Artikolu 38(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/xxx. F’dak il-każ, l-importatur għandu jipprovdi garanzija li tkun daqs l-ammont ta’ dazju li kien iħallas kieku l-prodotti kienu kklassifikati fuq il-bażi tal-valur standard tal-importazzjoni applikabbli.
4. Il-valur doganali tal-oġġetti importati mal-konsenja għandu jiġi ddeterminat direttament skont l-Artikolu 74(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 u, għal dan il-għan, il-valur standard tal-importazzjoni kkalkolat skont l-Artikolu 38 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/xxx għandu jiġi applikat matul il-perjodi fis-seħħ.
5. L-importatur għandu jkollu xahar mill-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni, soġġett għal limitu ta’ erba’ xhur mid-data tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera, sabiex juri li l-lott tneħħa skont il-kundizzjonijiet li jikkonfermaw il-korrettezza tal-prezzijiet imsemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, jew sabiex jiddetermina l-valur doganali msemmi fl-Artikolu 74(2)(c) ta’ dak ir-Regolament.
In-nuqqas ta’ ssodisfar ta’ waħda minn dawn l-iskadenzi għandu jinvolvi t-telf tal-garanzija pprovduta, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-paragrafu 6.
Il-garanzija pprovduta għandha tiġi rrilaxxata jekk l-awtoritajiet doganali jingħataw prova tal-kundizzjonijiet tat-tneħħija li tkun tissodisfahom. Inkella, il-garanzija għandha tintilef permezz tal-ħlas tad-dazji tal-importazzjoni.
Sabiex juri li l-lott tneħħa skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu, l-importatur għandu jagħmel disponibbli, minbarra l-fattura, id-dokumenti kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kontrolli doganali rilevanti fir-rigward tal-bejgħ u t-tneħħija ta’ kull prodott tal-lott inkwistjoni, inklużi dokumenti relatati mat-trasport, l-assigurazzjoni, l-immaniġġjar u l-ħażna tal-lott.
Meta l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jitolbu li l-varjetà tal-prodott jew it-tip tal-frott u l-ħxejjex jiġu indikati fuq l-imballaġġ, il-varjetà tal-prodott jew it-tip tal-frott u l-ħxejjex li jifformaw parti mil-lott għandhom jiġu indikati fuq id-dokumenti relatati mat-trasport, il-fatturi u l-ordni tal-kunsinna.
6. Il-limitu ta’ żmien ta’ erba’ xhur imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5 jista’ jiġi estiż mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru b’massimu ta’ tliet xhur fuq talba tal-importatur, li għandha tkun debitament iġġustifikata.
Jekk meta jivverifikaw, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistabbilixxu li r-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu ma ġewx issodisfati, huma għandhom jirkupraw id-dazju dovut skont l-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. L-ammont tad-dazju li għandu jiġi rkuprat, jew li għad irid jiġi rkuprat, għandu jinkludi l-imgħax mid-data li fiha l-oġġetti kienu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera sad-data tal-irkupru. Ir-rata tal-imgħax applikata għandha tkun dik li tkun fis-seħħ għall-operazzjonijiet ta’ rkupru skont il-liġi nazzjonali.
TITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI, TRANŻITORJI U FINALI
Artikolu 76
Penali nazzjonali
Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe penali stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013, fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, f’dan ir-Regolament jew fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/xxx, l-Istati Membri għandhom japplikaw penali fil-livell nazzjonali għall-irregolaritajiet fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti f’dawk ir-regolamenti, inkluż fir-rigward tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi li ma jkunux qegħdin jimplimentaw programm operattiv. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi sabiex b’hekk jipprovdu protezzjoni adegwata għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
Artikolu 77
Notifiki
1. L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità jew entità kompetenti waħda li tkun responsabbli għat-twettiq tal-obbligi tan-notifiki fir-rigward ta’ kull wieħed mis-suġġetti li ġejjin:
(a)
il-gruppi ta’ produtturi, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali, kif previst fl-Artikolu 54;
(b)
il-prezzijiet tal-produtturi għall-frott u l-ħxejjex fis-suq intern, kif previst fl-Artikolu 55;
(c)
il-prezzijiet u l-kwantitajiet tal-prodotti importati minn pajjiżi terzi u mibjugħa fis-swieq rappreżentattivi tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 74;
(d)
il-volumi tal-importazzjoni mpoġġija f’ċirkolazzjoni libera, kif previst fl-Artikolu 39 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/xxx.
2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-ħatra u bid-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità jew tal-entità kkonċernata, kif ukoll b’kull bidla f’dan it-tagħrif.
Il-lista tal-awtoritajiet jew tal-entitajiet maħtura, li jkun fiha l-ismijiet u l-indirizzi tagħhom, għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri u tal-pubbliku b’kull mezz xieraq permezz tas-sistemi ta’ tagħrif implimentati mill-Kummissjoni, inkluża l-pubblikazzjoni fuq l-internet.
3. In-notifiki previsti f’dan ir-Regolament u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/xxx għandhom isiru b’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009.
4. Jekk Stat Membru jonqos milli jagħmel notifika kif mitlub skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dan ir-Regolament jew ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/xxx, jew jekk jagħmel notifika li tidher li ma tkunx korretta fid-dawl tal-fatti oġġettivi li jkollha f’idejha l-Kummissjoni, din tal-aħħar tista’ tissospendi l-ħlasijiet kollha jew parti mill-ħlasijiet li jsiru kull xahar imsemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tas-settur tal-frott u l-ħxejjex sakemm in-notifika ssir kif suppost.
Artikolu 78
Notifika ta’ force majeure
Għall-finijiet tal-Artikoli 59(7) u 64(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, kwalunkwe każ ta’ force majeure għandu jiġi nnotifikat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, b’evidenza rilevanti għas-sodisfazzjon ta’ dik l-awtorità, fi żmien 30 jum tax-xogħol mid-data li fiha seħħ il-każ ta’ force majeure.
Artikolu 79
Emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huwa emendat kif ġej:
(1)
L-Artikolu 2 jitħassar;
(2)
L-Artikoli 19 sa 35 jitħassru;
(3)
L-Artikoli 50 sa 148 jitħassru;
(4)
L-Annessi VI sa XVIII jitħassru.
Artikolu 80
Dispożizzjonijiet tranżitorji
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 34, fuq talba ta’ organizzazzjoni tal-produtturi jew ta’ assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi, programm operattiv approvat skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jista’:
(a)
ikompli jopera sat-tmiem tiegħu taħt il-kundizzjonijiet applikabbli skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011;
(b)
jiġi mmodifikat sabiex jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ta’ dan ir-Regolament u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/xxx; jew inkella
(c)
jiġi sostitwit minn programm operattiv ġdid approvat skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dan ir-Regolament u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/xxx.
2. B’deroga mill-Artikolu 23, il-limitu fuq l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għall-2017 għandu jiġi kkalkolat skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011.
3. Fir-rigward tal-gruppi ta’ produtturi msawra skont l-Artikolu 125e tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, id-dispożizzjonijiet imħassrin tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 imsemmija fl-Artikolu 79 ta’ dan ir-Regolament għandhom ikomplu japplikaw sakemm dawk il-gruppi ta’ produtturi jkunu ġew rikonoxxuti bħala organizzazzjonijiet tal-produtturi jew sakemm l-Istat Membru kkonċernat ikun irkupra l-għajnuna mħallsa skont l-Artikolu 116(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011.
Artikolu 81
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmula fi Brussell, 13.3.2017
Il-President
Jean-Claude JUNCKER