MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT

Din id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (tfassil mill-ġdid) 1 (id-Direttiva RoHS 2) fir-rigward ta’ eżenzjoni għal applikazzjonijiet speċifiċi li fihom iċ-ċomb.

Id-Direttiva RoHS 2 tirrestrinġi l-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku. Id-Direttiva RoHS 2 daħlet fis-seħħ fil-21 ta’ Lulju 2011.

Is-sustanzi ristretti huma elenkati fl-Anness II tad-Direttiva RoHS 2; filwaqt li r-restrizzjoni fuq iċ-ċomb, il-merkurju, il-kadmju, il-kromju eżavalenti, il-bifenili polibromurati u l-eteri tad-difenil polibromurati qed tiġi infurzata sal-lum, ir-restrizzjoni fuq id-di-(2-etileżil)ftalat (DEHP), il-benżilbutilftalat (BBP), il-ftalat tad-dibutil (DBP) u l-ftalat tad-diisobutil (DIBP) għandha tiġi applikata mit-22 ta’ Lulju 2019. L-Annessi III u IV tad-Direttiva RoHS 2 jelenkaw il-materjali u l-komponenti tat-tagħmir elettriku u elettroniku (EEE) għal applikazzjonijiet speċifiċi eżentati mir-restrizzjoni fuq is-sustanzi mogħtija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva RoHS 2.

L-Artikolu 5 jipprevedi l-adattament għall-progress xjentifiku u tekniku (l-inklużjoni, it-tiġdid, l-emendi u t-tħassir tal-eżenzjonijiet) tal-Annessi III u IV. Għall-eżenzjonijiet li jridu jiġu inklużi fl-Annessi III u IV, skont l-Artikolu 5(1)(a), irid jiġi stipulat li l-inklużjoni ma ddgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa li jagħti r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u li tiġi ssodisfata xi waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin: it-tneħħija jew is-sostituzzjoni tagħhom permezz ta’ bidliet fid-disinn jew fil-materjali u l-komponenti li ma jkunux jeħtieġu l-materjali jew is-sustanzi elenkati fl-Anness II ma tkunx prattikabbli mil-lat xjentifiku jew tekniku; l-affidabbiltà tas-sostituti mhijiex żgurata; jew it-total tal-impatti negattivi fuq l-ambjent, is-saħħa u s-sikurezza tal-konsumatur ikkawżati mis-sostituzzjoni x’aktarx li jkun ogħla mit-total tal-benefiċċji tagħhom għall-ambjent, għas-saħħa u għas-sikurezza tal-konsumatur.

Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1) jistipula li l-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni) għandha tinkludi materjali u komponenti tal-EEE għal applikazzjonijiet speċifiċi fil-listi tal-Annessi III u IV permezz ta’ atti delegati individwali f’konformità mal-Artikolu 20. L-Artikolu 5(3) u l-Anness V jistabbilixxu l-proċedura għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-għoti, għat-tiġdid jew għar-revoka ta’ eżenzjoni.

2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT

Bħala konsegwenza tad-dispożizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 5(3) u fl-Anness V li jippermettu lill-partijiet ikkonċernati japplikaw għal eżenzjoni mir-restrizzjonijiet fuq is-sustanzi, minn meta ġiet ippubblikata d-Direttiva RoHS 2 il-Kummissjoni rċeviet bosta 2 talbiet kemm għall-għoti ta’ eżenzjonijiet ġodda kif ukoll għat-tiġdid ta’ eżenzjonijiet eżistenti.

Fil-11 ta’ Novembru 2014 il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għat-tiġdid tal-eżenzjoni 13(a) tal-Anness III fir-rigward tal-użu taċ-ċomb fi ħġieġ abjad użat għal applikazzjonijiet ottiċi.

Sabiex issir evalwazzjoni tal-applikazzjoni għal eżenzjoni, il-Kummissjoni nediet studju biex twettaq il-valutazzjoni teknika u xjentifika meħtieġa, li kien jinkludi konsultazzjoni online miftuħa 3 ta’ tmien ġimgħat mal-partijiet ikkonċernati 4 dwar l-applikazzjoni. Waqt il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati ma waslu l-ebda kontribuzzjonijiet.

Ir-rapport finali li jinkludi l-valutazzjoni tal-applikazzjoni ġie ppubblikat 5 ; u l-partijiet ikkonċernati ġew notifikati b’dan. Il-paġna tal-proġett hija aċċessibbli permezz tal-paġna web tal-Europa 6 .

Sussegwentement, il-Kummissjoni kkonsultat il-grupp ta’ esperti tal-Istati Membri għall-atti delegati skont id-Direttiva RoHS 2. Proposta ta’ emenda għall-Anness III tad-Direttiva RoHS intbagħtet fis-17 ta’ Marzu 2016 bl-informazzjoni ġenerali kollha meħtieġa, u l-esperti ġew mistiedna jikkummentaw dwar il-proposta fil-laqgħa tad-19 ta’ April 2016. Il-grupp ta’ esperti appoġġja b’mod unanimu l-proposta biex jiġi eżentat iċ-ċomb fi ħġieġ abjad użat għal applikazzjonijiet ottiċi għal ħames snin mid-data ta’ skadenza oriġinali tal-eżenzjoni 13(a). Skont il-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar, l-abbozz tal-Att Delegat ġie ppubblikat fuq il-Portal għal Regolamentazzjoni Aħjar għal perjodu ta’ erba’ ġimgħat li matulu l-pubbliku jista’ jippreżenta r-reazzjonijiet tiegħu. Waslu tliet kummenti. Kollha kemm huma esprimew appoġġ għall-adozzjoni tal-abbozz tal-Att Delegat. Il-passi kollha meħtieġa skont l-Artikolu 5(3) sa (7) twettqu. Il-Kunsill u l-Parlament ġew notifikati bl-attivitajiet rilevanti.

Ir-rapport finali enfasizza b’mod partikolari l-informazzjoni teknika li ġejja (ara r-rapport fin-nota ta’ qiegħ il-paġna5):

Il-ħġieġ b’bażi ta’ ċomb jintuża peress li għandu kombinazzjonijiet uniċi ta’ proprjetajiet u karatteristiċi, bħall-prestazzjoni tat-trażmissjoni tad-dawl, id-dispersjoni ottika, il-konduttività termali, il-birefrazzjoni u oħrajn.

Il-ħġieġ ottiku mingħajr ċomb ta’ disinni alternattivi jeżisti fil-forma ta’ ħġieġ mingħajr ċomb, lentijiet tal-plastik u tagħmir b’disinn alternattiv. Madankollu, dawk l-alternattivi ma jistgħux jipprevedu bosta karatteristiċi u l-kombinazzjonijiet tagħhom meta mqabbel mal-ħġieġ b’bażi ta’ ċomb.

F’każijiet fejn is-sejba ta’ sostituti kienet relattivament sempliċi, dan diġà seħħ u qed jintużaw is-sostituti. L-alternattivi għall-applikazzjonijiet li fadal għadhom mhumiex disponibbli. Għalhekk is-sostituzzjoni għall-medda sħiħa tal-applikazzjonijiet mhijiex possibbli b’mod ġenerali.

Ir-riżultati tal-evalwazzjoni għall-kategoriji 1 sa 7 u għall-kategorija 10 juru li mill-inqas wieħed mill-kriterji rilevanti speċifikati fl-Artikolu 5(1)(a) jiġi ssodisfat bit-talba għal eżenzjoni fir-rigward tal-entrata 13(a) fl-Anness III meta fformulata bħala “Iċ-ċomb fi ħġieġ abjad użat għal applikazzjonijiet ottiċi”, u t-tiġdid għalhekk huwa ġġustifikat. Peress li għall-applikazzjonijiet ikkonċernati ma hemmx alternattivi affidabbli biżżejjed disponibbli llum jew li huma mistennija jitqiegħdu fis-suq fil-ġejjieni qarib, u filwaqt li jitqies ir-ritmu tipiku tal-innovazzjoni f’dan is-settur, il-perjodu ta’ validità ta’ ħames snin tal-eżenzjoni mhux mistenni li jkollu impatti negattivi fuq l-innovazzjoni. Għal kategoriji oħrajn għajr il-kategoriji 1 sa 7 u l-kategorija 10, l-eżenzjoni attwali tibqa’ tgħodd skont il-perjodi ta’ validità stabbiliti fl-Artikolu 5(2). L-eżenzjoni speċifika ma ddgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa li jagħti r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH), f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/65/UE.

3.ELEMENTI LEGALI TAL-ATT DELEGAT

L-att propost jagħti eżenzjoni mir-restrizzjonijiet fuq is-sustanzi tad-Direttiva 2011/65/UE għall-użu taċ-ċomb f’applikazzjonijiet speċifiċi.

L-istrument propost huwa direttiva delegata, kif stipulat fid-Direttiva 2011/65/UE, u b’mod partikolari fl-Artikolu 5(1)(a) tagħha.

L-għan tal-att propost huwa li jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u kundizzjonijiet sostenibbli fis-suq għall-manifatturi tat-tagħmir elettriku u elettroniku, billi l-att jippermetti l-użu ta’ sustanzi li suppost huma pprojbiti għal applikazzjonijiet speċifiċi, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva RoHS 2 u skont il-kundizzjonijiet mogħtija fiha u f’konformità mal-proċedura stabbilita fiha għall-adattament tal-Annessi III u IV għall-progress xjentifiku u tekniku.

F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-miżura ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan tagħha.

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.

DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta’ 15.3.2017

li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għaċ-ċomb fi ħġieġ abjad użat għal applikazzjonijiet ottiċi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku 7 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)Id-Direttiva 2011/65/UE tipprojbixxi l-użu taċ-ċomb fit-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq.

(2)Il-ħġieġ b’bażi ta’ ċomb jintuża peress li għandu kombinazzjonijiet uniċi ta’ proprjetajiet u karatteristiċi, bħall-prestazzjoni tat-trażmissjoni tad-dawl, id-dispersjoni ottika, il-konduttività termali, il-birefrazzjoni u oħrajn.

(3)Il-ħġieġ ottiku mingħajr ċomb ta’ disinni alternattivi jeżisti fil-forma ta’ ħġieġ mingħajr ċomb, lentijiet tal-plastik u tagħmir b’disinn alternattiv. Madankollu, dawk l-alternattivi ma jistgħux jipprevedu bosta karatteristiċi u l-kombinazzjonijiet tagħhom meta mqabbel mal-ħġieġ b’bażi ta’ ċomb.

(4)F’każijiet fejn is-sejba ta’ sostituti kienet relattivament sempliċi, dan diġà seħħ u qed jintużaw is-sostituti. L-alternattivi għall-applikazzjonijiet li fadal għadhom mhumiex disponibbli. Għalhekk is-sostituzzjoni għall-medda sħiħa tal-applikazzjonijiet mhijiex possibbli b’mod ġenerali. Iċ-ċomb fi ħġieġ abjad użat għal applikazzjonijiet ottiċi jenħtieġ għalhekk li jiġi eżentat sal-21 ta’ Lulju 2021 għall-kategoriji 1 sa 7 u għall-kategorija 10. Minħabba ċ-ċikli ta’ innovazzjoni ta’ dawn it-tipi ta’ applikazzjonijiet ottiċi, id-durata ta’ din l-eżenzjoni mhux mistennija jkollha impatti negattivi fuq l-innovazzjoni.

(5)Id-Direttiva 2011/65/UE jenħtieġ għalhekk li tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard minn [Data - 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Dawn għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Dawn għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn [Data - 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza meta jiġu ppubblikati b’mod uffiċjali. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 15.3.2017

   Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Jean-Claude JUNCKER

(1) ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.
(2) Il-lista hija disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/environment/waste/rohs_eee/adaptation_en.htm.
(3) Il-lista tal-partijiet ikkonċernati kkonsultati tiġi aġġornata u miżmuma b’mod regolari; din tinkludi organizzazzjonijiet tal-industrija, manifatturi u fornituri, riċiklaturi, assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, NGOs, akkademiċi, rappreżentanti tal-Istati Membri u partijiet oħrajn.
(4) Perjodu ta’ konsultazzjoni : mill-24 ta’ April 2015 sad-19 ta’ Ġunju 2015.
(5)

    Rapport ta’ evalwazzjoni.

(6) http://ec.europa.eu/environment/waste/rohs_eee/adaptation_en.htm.
(7) ĠU L , , p. .

ANNESS

tad-

DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE)

li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għaċ-ċomb fi ħġieġ abjad użat għal applikazzjonijiet ottiċi

Fl-Anness III, il-punt 13(a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

13(a)

Iċ-ċomb fi ħġieġ abjad użat għal applikazzjonijiet ottiċi

Tapplika għall-kategoriji kollha; tiskadi:

fil-21 ta’ Lulju 2023 għall-apparat mediku dijanjostiku in vitro tal-kategorija 8;

fil-21 ta’ Lulju 2024 għall-istrumenti ta’ monitoraġġ u kontroll industrijali tal-kategorija 9 u għall-kategorija 11;

fil-21 ta’ Lulju 2021 għall-kategoriji u s-subkategoriji l-oħrajn kollha