MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-ATT DELEGAT

Matul in-negozjati tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data (EMIR), il-Kunsill u l-Parlament Ewropew ftiehmu dwar eżenzjoni ta' tliet snin mill-obbligi tal-ikklerjar għall-Arranġamenti ta' Skemi tal-Pensjonijiet (Pension Scheme Arrangements - PSAs) li jilħqu ċerti kriterji. Dan il-perjodu ta' tranżizzjoni huwa stipulat fl-Artikolu 89(1) tal-EMIR u jipprovdi aktar żmien għall-kontropartijiet ċentrali (CCPs) biex jiżviluppaw soluzzjonijiet tekniċi għat-trasferiment minn PSAs ta' kollateral mhux fi flus biex jiġi ssodisfat l-eżerċitar ta’ kollateral. Skont l-Artikolu 85(2) tal-EMIR, l-eżenzjoni tista' tiġi estiża b'sentejn, u darba b'sena, permezz ta' atti delegati.

Fil-5 ta' Ġunju 2015, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat 2015/1515 (ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1515 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' tranżizzjoni li jirrigwardaw l-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet, ĠU L239/63 tal-15.9.2015) li estenda l-eżenzjoni tal-perjodu ta' tliet snin imsemmija fl-Artikoli 89(1) b'sentejn, sas-16 ta' Awwissu 2017. Il-Kummissjoni issa qiegħda tipproponi li ttawwal l-eżenzjoni eżistenti b'sena oħra, permezz ta' dan l-abbozz ta’ Att Delegat.

2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT

Sabiex tiġi vvalutata s-sitwazzjoni attwali b'mod sħiħ, il-Kummissjoni ordnat studju ta' referenza dwar jekk sarux l-isforzi meħtieġa mis-CCPs biex jiżviluppaw soluzzjonijiet tekniċi xierqa għat-trasferiment ta' kollateral mhux fi flus mill-PSAs. Dan l-istudju ta' referenza pprovda wkoll analiżi ta' soluzzjonijiet potenzjali u alternattivi. Barra minn hekk l-istudju ta' referenza analizza l-impatt tat-tneħħija tal-eżenzjoni fin-nuqqas ta' soluzzjoni, filwaqt li kkalkula t-tnaqqis fl-introjtu tal-irtirar għall-benefiċjarji pensjonanti tal-PSAs milquta.

F’rapport (COM/2015/039 tat-3.2.2015) ibbażat fuq l-istudju, il-Kummissjoni kkonkludiet li sa dak inhar ma kinux saru l-isforzi meħtieġa biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet tekniċi xierqa u li l-effett ħażin fuq il-benefiċċji tal-irtirar tal-pensjonanti futuri, jekk il-kuntratti ta' derivattivi jiġu kklerjarti ċentralment, baqa’ l-istess.

Skont l-Artikolu 85(2) tal-EMIR, il-Kummissjoni kkonsultat lill-ESMA u lill-EIOPA dwar ir-rapport. Kemm l-ESMA kif ukoll l-EIOPA appoġġjaw l-adozzjoni tar-rapport.

Mill-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2015/1515, il-Kummissjoni wettqet żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi li pprovdew aktar input dwar l-eżenzjoni mill-obbligu tal-ikklirjar għall-PSAs. Is-sottomissjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika dwar l-EMIR 1 u s-Sejħa għall-Evidenza dwar il-qafas regolatorju tal-UE għas-servizzi finanzjarji 2 kkonfermaw li l-konklużjonijiet tar-rapport għadhom validi.

Is-servizzi tal-Kummissjoni ddiskutew l-abbozz tal-Att Delegat mal-Grupp ta' Esperti tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli. Dan il-proċess ta' konsultazzjoni wassal għal kunsens wiesa' dwar l-abbozz tal-Att Delegat.

Skont il-Linji Gwida dwar Regolamentazzjoni Aħjar (SWD (2015) 111 finali tad-19.5.2015), l-abbozz tal-Att Delegat ġie ppubblikat fuq il-Portal tar-Regolamentazzjoni Aħjar għal perjodu ta’ erba’ ġimgħat li matulhom il-pubbliku seta’ jagħti r-reazzjonijiet tiegħu. Waslu erba’ kumment. Kollha esprimew appoġġ għall-adozzjoni tal-abbozz tal-Att Delegat.

3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT

Id-dritt li tadotta att delegat jisab fl-Artikolu 85(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (EMIR).

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta’ 20.12.2016

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' tranżizzjoni li jirrigwardaw l-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet 3 u b'mod partikolari l-Artikolu 85(2) tiegħu,

Billi:

(1)Il-kontropartijiet ċentrali (CCPs) jinterponu lilhom infushom bejn il-kontropartijiet għall-kuntratti nnegozjati f'suq finanzjarju wieħed jew aktar. Ir-riskju ta' kreditu ta' dawk il-kontropartijiet huwa mmitigat permezz tad-depożitar ta' kollateral li huwa kkalkulat biex ikopri kull telf potenzjali f'każ ta' inadempjenza. Is-CCPs jaċċettaw biss assi likwidi ħafna, ġeneralment flus, bħala kollateral biex jissodisfaw l-eżerċitar tal-marġini ta' varjazzjoni (MV) sabiex ikun hemm likwidazzjoni rapida f'każ ta' inadempjenza.

(2)L-Arranġamenti ta' Skemi tal-Pensjonijiet (PSAs) f'ħafna Stati Membri huma parteċipanti attivi fis-swieq tad-derivattivi OTC. Madankollu, il-PSAs ġeneralment jimminimizzaw il-pożizzjonijiet tal-flus tagħhom, u minflok iżommu investimenti li jrendu iktar bħal titoli sabiex jiżguraw redditu għoli għall-pensjonanti. Entitajiet li joperaw arranġamenti għal skemi tal-pensjonijiet, li l-għan primarju tagħhom huwa li jipprovdu benefiċċji mal-irtirar, normalment fil-forma ta' ħlasijiet tul il-ħajja kollha, iżda wkoll fil-forma ta' ħlasijiet li jsiru għal perjodu temporanju jew ta' somma f'daqqa, tipikament jimminimizzaw l-allokazzjoni tagħhom għall-flus sabiex jimmassimizzaw l-effiċjenza u r-rendiment għad-detenturi tal-poloz tagħhom. Għalhekk, li dawn l-entitajiet ikunu meħtieġa jikklerjaw ċentralment il-kuntratti tad-derivattivi OTC jirriżulta fl-iżvestiment ta' proporzjon sinifikanti tal-assi tagħhom fi flus sabiex huma jkunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-marġini fis-seħħ tas-CCPs.

(3)L-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għalhekk jipprevedi illi, għal tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-obbligu ta' kklerjar stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 ma japplikax għall-kuntratti tad-derivattivi OTC li huma oġġettivament miżurabbli bħala li jnaqqsu r-riskji tal-investiment direttament relatati mas-solvenza finanzjarja tal-PSAs. Il-perjodu ta' tranżizzjoni japplika wkoll għall-entitajiet stabbiliti għall-fini li jingħata kumpens lil membri tal-PSAs f'każ ta' inadempjenza. 

(4)L-Artikolu 85(2) tar-Regolment (UE) Nru 648/2012 jeħtieġ lill-Kummissjoni tħejji rapport li jivvaluta jekk sarux l-isforzi meħtieġa mis-CCPs biex jiżviluppaw soluzzjonijiet tekniċi xierqa għat-trasferiment ta’ kollateral mhux fi flus bħala MV mill-PSAs. Sabiex twettaq il-valutazzjoni, il-Kummissjoni ordnat studju ta' referenza dwar soluzzjonijiet għad-depożitar ta' kollateral mhux fi flus għand kontropartijiet ċentrali minn arranġamenti ta' skemi tal-pensjoni, kif ukoll dwar l-impatt tat-tneħħija tal-eżenzjoni fin-nuqqas ta' soluzzjoni f'termini tat-tnaqqis fl-introjtu tal-irtirar għall-pensjonanti li huma benefiċjarji tal-PSAs milquta. Fit-3 ta' Frar 2015 il-Kummissjoni adottat r-rapport tagħha 4 fuq din il-bażi. 

(5)Skont is-sejbiet tar-rapport tagħha, il-Kummissjoni qieset li sal-lum għadu ma sarx l-isforz meħtieġ biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet tekniċi xierqa mis-CCPs u li l-effett ħażin jekk il-kuntratti tad-derivattivi OTC jiġu kklerjati ċentralment fuq il-benefiċċji tal-irtirar tal-pensjonanti futuri għadu l-istess. Għaldaqstant ġie adottat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1515 5 li jestendi l-perjodu tranżizzjonali ta' tliet snin imsemmi fl-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 b'sentejn. 

(6)Minn dak iż-żmien il-Kummissjoni għamlet konsultazzjoni pubblika li għalqet f'Awwissu 2015 biex tħejji rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet, f'konformità mal-Artikolu 85(1) ta' dak ir-Regolament. Il-Kummissjoni kkonsultat lill-pubbliku wkoll dwar Sejħa għall-Evidenza dwar il-qafas regolatorju tal-UE għas-servizzi finanzjarji. L-eżitu tal-konsultazzjoni pubblika dwar ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u s-sottomissjonijiet għal Sejħa għall-Evidenza kkonfermaw li sal-lum għadu ma sarx l-isforz meħtieġ biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet tekniċi xierqa mis-CCPs u li l-effett ħażin jekk il-kuntratti tad-derivattivi OTC jiġu kklerjati ċentralment fuq il-benefiċċji tal-irtirar tal-pensjonanti futuri baqa' l-istess, l-istess kif jgħid ir-Rapport tal-Kummissjoni. 

(7)Il-perjodu ta' tranżizzjoni ta' tliet snin imsemmi fl-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jenħtieġ għalhekk li jiġi estiż aktar. 

(8)Dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun biex jippermetti li l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali eżistenti sseħħ qabel l-iskadenza jew malajr kemm jista' jkun warajha. Dħul fis-seħħ iktar tard jista' jwassal għal inċertezza ġuridika għall-arranġamenti ta' skemi tal-pensjonijiet dwar jekk jeħtiġux li jibdew iħejju għall-obbligi tal-ikklerjar, 

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Sas-16 ta' Awwissu 2018, l-obbligu ta' kklerjar stabbilit fl-Artikolu 4 ma għandux japplika għall-kuntratti tad-derivattivi OTC li huma oġġettivament miżurabbli bħala li jnaqqsu r-riskji ta' investiment direttament relatati mas-solvenza finanzjarja tal-arranġamenti ta' skemi tal-pensjoni kif definit fl-Artikolu 2(10). Il-perjodu ta' tranżizzjoni japplika wkoll għall-entitajiet stabbiliti għall-fini li jagħtu kumpens lil membri ta' arranġamenti ta' skemi tal-pensjoni f'każ ta' inadempjenza."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, 20.12.2016

   Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Jean-Claude JUNCKER

(1) http://ec.europa.eu/finance/consultations/2015/emir-revision/index_en.htm
(2) http://ec.europa.eu/finance/consultations/2015/financial-regulatory-framework-review/index_en.htm
(3) ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.
(4) Rapport tal-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 85(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-dejta dwar it-tranżazzjonijiet, li jivvaluta l-progress u l-isforz magħmul mis-CCPs fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet tekniċi għat-trasferiment minn arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet ta' kollateral mhux fi flus kontanti bħal marġini ta' varjazzjoni, kif ukoll il-bżonn ta' kull miżura biex tiffaċilita tali soluzzjoni COM(2015) 39 finali tat-3 ta' Frar 2015. 
(5) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1515 tal-5 ta' Ġunju 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' tranżizzjoni li jirrigwardaw l-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet (ĠU L 239, 15.9.2015, p. 63).