|
SEJĦA GĦAL EVIDENZA GĦAL INIZJATTIVA (mingħajr valutazzjoni tal-impatt) |
|
|
Titolu tal-inizjattiva |
Viżjoni 2040 għas-sajd u għall-akkwakultura |
|
DĠ ewlieni — unità responsabbli |
DĠ MARE, Unità D3 (PKS u Appoġġ Strutturali – Żvilupp u Koordinazzjoni tal-Politiki |
|
Tip Probabbli ta’ inizjattiva |
Komunikazzjoni |
|
Żmien Indikattiv |
Q3/4-2026 (data ppjanata għall-adozzjoni) |
|
Informazzjoni Addizzjonali |
Ittra ta’ missjoni lill-Kummissarju Kadis Patt Ewropew għall-Oċeani |
|
Dan id-dokument huwa biss għal finijiet ta’ informazzjoni. Ma jippreġudikax id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar jekk din l-inizjattiva hijiex se tiġi segwita jew dwar il-kontenut finali tagħha. L-elementi kollha tal-inizjattiva deskritti f’dan id-dokument, inkluż it-twaqqit tagħha, huma soġġetti għal tibdil. |
|
|
A. Kuntest politiku, definizzjoni tal-problema u analiżi tas-sussidjarjetà |
|
Kuntest politiku |
|
Fl-ittra ta’ missjoni tiegħu mill-President von der Leyen, il-Kummissarju Kadis ingħata l-kompitu li jiżviluppa “viżjoni għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura b’perspettiva għall-2040”. L-iskop ta’ din il-viżjoni għall-2040 għas-sajd u għall-akkwakultura (il-Viżjoni 2040) huwa li jiġi stabbilit qafas strateġiku ta’ 15-il sena biex jiggwida l-iżviluppi tal-politiki tul il-katina tal-valur fis-setturi tas-sajd, tal-akkwakultura u tal-ipproċessar. Il-Viżjoni 2040 hija maħsuba wkoll biex tindirizza l-isfidi sistemiċi li jaffettwaw lis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, filwaqt li fl-istess ħin tiżgura s-sostenibbiltà u l-kompetittività fit-tul tiegħu. Il-prinċipju sottostanti tal-Viżjoni 2040 se jkun li tikkollega l-inizjattivi differenti tal-Kummissjoni, filwaqt li tissejjes fuq l-istudju ta’ prospettiva “Fishers of the Future” (Sajjieda tal-Futur), il-Patt Ewropew għall-Oċeani u l-evalwazzjoni li għadha għaddejja tar-Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd sabiex toħloq allinjament mal-prijoritajiet tal-UE u tinkorpora t-tagħlimiet meħuda. L-inizjattiva se tinkorpora l-pjan direzzjonali għat-tranżizzjoni enerġetika għas-sajd u għall-akkwakultura tal-UE, li se jitħejja b’mod parallel prepared in parallel, u se tipprovdi l-qafas kumplessiv għall-istrateġija tal-UE għall-azzjoni esterna għas-sajd, li se tiġi adottata fl-istess żmien bħall-Viżjoni 2040. Se tkun allinjata wkoll mal-istrateġija għal komunitajiet kostali u gżejjer reżiljenti. B’dan il-mod, il-Viżjoni 2040 se tkun parti mill-aġenda attwali tal-Kummissjoni għas-simplifikazzjoni, il-baġit propost tal-UE għall-2028-2034, il-Boxxla għall-Kompetittività, il-viżjoni għall-ikel u għall-agrikoltura, l-Unjoni tal-Ħiliet, l-Aġenda tal-Konsumatur għall-2030, l-Istrateġija dwar il-Bijoekonomija, u r-Regolament dwar ir-Restawr tan-Natura. |
|
Problema li l-inizjattiva timmira li tindirizza |
|
Bis-saħħa tal-isforzi kontinwi mis-sajjieda, mill-produtturi tal-akkwakultura, mill-komunità xjentifika, u mill-amministrazzjonijiet tal-UE u dawk nazzjonali, is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura fl-UE ilu jtejjeb b’mod kostanti s-sostenibbiltà tiegħu, uissa hemm ħafna inqas stokkijiet li qed jiġu mistada b’mod eċċessiv fl-UE meta mqabbel ma’ 20 sena ilu. Madankollu, is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura tal-UE għadu qed jiffaċċja sfidi sinifikanti, uħud antiki u oħrajn ġodda. Diversi stokkijiet tal-ħut għadhom qed jiġu sfruttati lil hinn mil-limiti bijoloġiċi sikuri minħabba, fost affarijiet oħra, pressjoni eċċessiva tas-sajd. Madankollu, l-ewtrofikazzjoni, it-tniġġis u t-tibdil fil-klima joħolqu xkiel addizzjonali għall-ksib tas-sostenibbiltà. Problema oħra hija l-qerda tal-ħabitats tal-baħar ikkawżata, pereżempju, mis-sajd u minn attività marittima oħra, u speċifikament mill-użu ta’ rkaptu li jħalli impatt negattiv fuq il-bijodiversità jew l-ekosistemi tal-baħar. Il-fatturi ta’ stress ambjentali u l-impatt dejjem akbar tat-tibdil fil-klima, flimkien mal-prestazzjoni ekonomika varjabbli tas-settur, it-tnaqqis fl-impjiegi, u ż-żieda tal-iskarsezza ta’ ħaddiema, jheddu l-vijabbiltà fit-tul tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura tal-UE. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet tax-xogħol diffiċli fis-settur, li l-pagi ma jirremunerawx b’mod proporzjonat, u l-inċertezza dwar il-vijabbiltà u l-investimenti kummerċjali futuri, qed inaffru liż-żgħażagħ milli jidħlu fis-settur, ixekklu t-tiġdid ġenerazzjonali u jikkontribwixxu għal kriżi eżistenzjali f’bosta komunitajiet lokali. Il-fatt li s-settur tas-sajd għadu jiddependi ħafna fuq il-fjuwils fossili u li ċerti tipi ta’ akkwakultura huma intensivi ħafna fl-użu tal-enerġija jagħmel lis-settur partikolarment vulnerabbli għall-fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet tal-enerġija fossili u jimmina wkoll is-sostenibbiltà tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura. Żviluppi usa’, inkluż il-kompetizzjoni għall-ispazju marittimu (sorsi ta’ enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta, kejbils f’qiegħ il-baħar, żoni tal-baħar protetti) u bidliet ġeopolitiċi (il-Brexit jew il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna), komplew jikkumplikaw il-prospettiva għas-settur. Mingħajr direzzjoni strateġika ċara, se jkun diffiċli li jinstabu soluzzjonijiet ta’ politika koerenti, u b’hekk dan se jnaqqas il-kompetittività, se jaggrava r-riskji ambjentali, se jnaqqas ir-ritmu tat-tranżizzjoni enerġetika, se jżid ir-riskji għas-sigurtà tal-ikel, u se jipperpetwa l-iskarsezza ta’ ħaddiema. Għalhekk, l-indirizzar ta’ dawn il-fatturi ewlenin huwa kritiku biex jiġi żgurat settur tas-sajd u tal-akkwakultura tal-UE li jkun sostenibbli, kompetittiv u soċjalment vijabbli u vibranti sal-2040. |
|
Bażi għall-azzjoni tal-UE (bażi legali u analiżi tas-sussidjarjetà) |
|
L-UE għandha kompetenza esklużiva għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar skont il-Politika Komuni tas-Sajd. Għal oqsma bħall-akkwakultura u l-politika tas-suq, fejn il-kompetenza hija kondiviża mal-Istati Membri, japplika l-prinċipju tas-sussidjarjetà. Dan il-prinċipju jiddefinixxi ċ-ċirkostanzi li fihom trid tittieħed azzjoni mill-UE iktar milli mill-Istati Membri waħedhom. Il-Viżjoni 2040 se tipprovdi direzzjoni strateġika kumplessiva għall-azzjoni kollha tal-UE fil-qasam tas-sajd u tal-akkwakultura. Din l-inizjattiva essenzjali se tiżgura azzjoni koerenti u se tagħti perspettiva u direzzjoni lis-settur futur tas-sajd u tal-akkwakultura tal-UE, kemm għal kwistjonijiet ta’ kompetenza esklużiva tal-UE kif ukoll għal kwistjonijiet ta’ kompetenza kondiviża mal-Istati Membri. |
|
B. X’objettivi għandha l-inizjattiva u kif se tiksibhom? |
|
Il-Viżjoni 2040 se tipprovdi qafas koerenti għar-riżultati tanġibbli ta’ politika relatati mal-ħtiġijiet tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura tal-UE. Se tkun infurmata minn diskussjonijiet kontinwi dwar il-ksib ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, it-tisħiħ tas-sigurtà tal-ikel, il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, u l-implimentazzjoni tar-riformi u l-innovazzjoni. Bl-użu ta’ dawn id-diskussjonijiet bħala bażi, l-għan hu li jittejbu l-kompetittività, it-tiġdid ġenerazzjonali u l-ħiliet, titmexxa ’l quddiem it-tranżizzjoni ekoloġika, diġitali u soċjali u jiġu żviluppati l-komunitajiet kostali u tal-gżejjer. Barra minn hekk, il-Viżjoni 2040 se tittratta l-aċċess għall-finanzjament biex jintlaħqu dawn l-objettivi u se tiffoka fuq is-simplifikazzjoni sabiex jintlaħqu b’mod kosteffettiv. Il-Viżjoni 2040 se tippreżenta approċċ olistiku li jipproponi direzzjoni futura koerenti għall-aspetti kollha tal-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura, inkluż id-domanda tal-konsumatur, il-provvista tal-ikel akkwatiku, forza tax-xogħol imfassla apposta skont id-domanda u għodod ta’ produzzjoni ottimizzati (bastimenti, farms, portijiet, eċċ.). Meta tiżviluppa l-Viżjoni 2040, il-Kummissjoni se tfittex li tidentifika l-iżjed kompromessi ekonomiċi, soċjali u ambjentali rilevanti u se tindirizzahom b’mod konsistenti, filwaqt li tipprovdi perkors għat-trasformazzjoni tas-settur sal-2040. Dawn il-kompromessi se jkollhom iqisu wkoll l-inċertezzi futuri marbuta ma’, pereżempju, l-instabbiltà ġeopolitika u l-impatti tat-tibdil fil-klima. B’mod iktar speċifiku, il-Viżjoni 2040 se jkollha tkopri aspetti bħall-futur tal-Politika Komuni tas-Sajd, il-prestazzjoni ekonomika tal-flotta tal-UE, l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni, l-evoluzzjoni tas-sistema tal-ikel akkwatiku tal-UE, l-opportunitajiet għas-simplifikazzjoni biex tiġi żgurata implimentazzjoni xierqa tal-oqfsa leġiżlattivi, il-perkorsi tat-tranżizzjoni enerġetika għas-settur biex tinkiseb in-newtralità karbonika sal-2050, it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tas-settur, l-attraenza tas-setturi mill-perspettiva tal-impjiegi, it-tiġdid ġenerazzjonali, il-kwistjonijiet tal-ippjanar spazjali, u l-opportunitajiet biex jiġi żgurat finanzjament għal mudelli kummerċjali reżiljenti b’attenzjoni partikolari u b’miżuri mfassla apposta għal reġjuni bi ħtiġijiet speċifiċi. Kif iddikjarat fil-Patt għall-Oċeani, il-Viżjoni 2040 se tipproponi perkors għas-setturi tas-sajd, tal-akkwakultura u tal-ipproċessar. Barra minn hekk, se tkun akkumpanjata mill-istrateġija tal-UE għall-azzjoni esterna tas-sajd, proposta wkoll fil-Patt għall-Oċeani. Il-pjan direzzjonali għat-tranżizzjoni enerġetika, li se jiġi inkorporat fil-Komunikazzjoni dwar il-Viżjoni 2040, se jkollu l-għan li jiffaċilita t-tranżizzjoni enerġetika tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura tal-UE billi jnaqqas id-dipendenza tiegħu fuq il-fjuwils fossili u billi jtejjeb l-effiċjenza enerġetika permezz tal-adozzjoni ta’ sorsi tal-enerġija b’livell baxx u newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Il-Viżjoni 2040 se titressaq bħala Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u se tistabbilixxi d-direzzjoni strateġika għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura tal-UE sal-2040. Mhijiex maħsuba bħala pjan ta’ azzjoni jew pjan direzzjonali, għaldaqstant ma teħtieġx pjan ta’ implimentazzjoni. |
|
C. Regolamentazzjoni aħjar |
|
Valutazzjoni tal-impatt |
|
Il-Viżjoni 2040 se tiġi ppreżentata bħala Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Peress li se tistabbilixxi qafas ta’ azzjoni ta’ politika, iktar milli strumenti speċifiċi, mhux se teħtieġ valutazzjoni tal-impatt. |
|
Strateġija ta’ konsultazzjoni |
|
Il-Kummissjoni se tfittex li tiġbor informazzjoni mingħand id-diversi partijiet ikkonċernati involuti fil-katina tal-valur tas-sajd u tal-akkwakultura. Barra minn hekk, l-istrateġija ta’ konsultazzjoni tagħha se tkun immirata b’mod espliċitu lejn il-bini ta’ konsensus fost il-gruppi ta’ interess u l-awtoritajiet pubbliċi dwar viżjoni kondiviża għall-futur tas-settur sal-2040. Għalhekk, l-istrateġija ta’ konsultazzjoni se tgħaqqad sejħa għal evidenza ma’ attivitajiet ta’ konsultazzjoni mmirati, iżda se tinkorpora wkoll is-sejbiet tas-sħubija għat-tranżizzjoni enerġetika, inkluż il-konklużjonijiet tal-konferenza ta’ livell għoli li saret fi Frar 2026. Il-proċess ta’ konsultazzjoni huwa maħsub biex jipprovdi opportunità lill-partijiet ikkonċernati sabiex ifasslu l-Viżjoni 2040 għas-sajd u għall-akkwakultura b’mod kollaborattiv u inklużiv, billi jingħataw widen il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati kollha. L-ambitu tal-konsultazzjoni se jinkludi fehmiet u informazzjoni intuwittiva mill-amministrazzjonijiet nazzjonali, mill-awtoritajiet reġjonali u lokali, mis-setturi tas-sajd, tal-akkwakultura u tal-ipproċessar, mill-ħaddiema u minn atturi oħra tal-katina tal-valur, mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi, mid-dinja akkademika, mit-trade unions, mill-istituzzjonijiet tar-riċerka u miċ-ċittadini. Il-gruppi tal-partijiet ikkonċernati se jiġu mħeġġa wkoll jikkondividu kwalunkwe dokument li jkunu fasslu li jistabbilixxi l-viżjoni tagħhom għas-settur. |
|
Għaliex qed nagħmlu din il-konsultazzjoni? |
|
L-iskop tal-konsultazzjoni hu li tinġabar informazzjoni intuwittiva mingħand il-partijiet ikkonċernati biex tissawwar il-Viżjoni 2040 u, billi jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati, biex jitrawwem sens ta’ appartenenza fir-rigward tal-eżiti tagħha. Is-suċċess ta’ kwalunkwe viżjoni se jeħtieġ l-adeżjoni ta’ dawk kollha kkonċernati, jiġifieri dawk kollha b’interess akkwiżit f’settur tas-sajd u tal-akkwakultura vijabbli tal-UE. Il-Kummissjoni waħedha ma tistax tilħaq dan l-għan. |
|
Udjenza fil-mira |
|
L-amministrazzjonijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-atturi fil-katina tal-valur (is-sajd, l-akkwakultura, il-proċessuri, l-importaturi, il-bejjiegħa bl-imnut, il-portijiet, l-infrastruttura, il-bini tal-bastimenti, il-konsumaturi, eċċ.), l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (in-negozji, l-NGOs, it-trade unions), id-dinja akkademika u l-istituzzjonijiet tar-riċerka. |