|
SEJĦA GĦAL EVIDENZA GĦAL VALUTAZZJONI TAL-IMPATT |
|
|
Dan id-dokument għandu l-għan li jinforma lill-pubbliku u lill-partijiet ikkonċernati dwar il-ħidma leġiżlattiva futura tal-Kummissjoni sabiex ikunu jistgħu jipprovdu feedback dwar kif il-Kummissjoni tinterpreta l-problema u s-soluzzjonijiet possibbli, u jagħtuna kwalunkwe informazzjoni rilevanti li jista’ jkollhom, inkluż dwar l-impatti possibbli tal-opzjonijiet differenti. |
|
|
Titolu tal-inizjattiva |
Simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti effiċjenti fl-użu tal-enerġija |
|
DĠ ewlieni (unità responsabbli) |
DG ENER – Unità B.3, (Binjiet u Prodotti) |
|
Tip probabbli ta’ inizjattiva |
Proposta leġiżlattiva |
|
Skeda taż-żmien indikattiva |
Q2 |
|
Informazzjoni addizzjonali |
Dokument imħabbar fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2026 (regoli aktar sempliċi, twettiq aktar b’saħħtu) |
|
Dan id-dokument huwa biss għal finijiet ta’ informazzjoni. Ma jippreġudikax id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar jekk din l-inizjattiva hijiex se tiġi segwita jew dwar il-kontenut finali tagħha. L-elementi kollha tal-inizjattiva deskritti f’dan id-dokument, inkluż it-twaqqit tagħha, huma soġġetti għal tibdil. |
|
|
A. Kuntest politiku, definizzjoni tal-problema u analiżi tas-sussidjarjetà |
|
Kuntest politiku |
|
·Il-linji Gwida Politiċi tal-Kummissjoni għall-perjodu 2024-2029 1 jisħqu fuq l-importanza li l-liġijiet tal-UE nagħmluhom aktar effettivi u li noħolqu ambjent regolatorju fejn in-negozju jista’ jiffjorixxi, filwaqt, filwaqt li jiġu ppreservati l-objettivi tal-leġiżlazzjoni tal-UE. L-istrateġija għas-Suq Uniku 2 tirrikonoxxi d-diġitalizzazzjoni bħala mutur ewlieni li jippermetti l-funzjonament ottimali tas-suq uniku. ·“Omnibus” biex tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti tal-enerġija ġie inkluż fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2026. Għandu l-għan li jagħmel emendi għar-rekwiżiti eżistenti, b’mod partikulari fir-Regolament (UE) 2017/1369 3 u fir-Regolament (UE) 2020/740 4 , bil-ħsieb li jitnaqqsu l-kostijiet amministrattivi għan-negozji u titjieb il-konformità, filwaqt li tiġi ppreservata l-effettività tal-leġiżlazzjoni eżistenti u tal-qafas stabbilit mir-Regolament (UE) 2024/1781 dwar l-ekodisinn għal prodotti sostenibbli 5 , li ntlaħaq qbil dwaru reċentement. |
|
Problema li l-inizjattiva timmira li tindirizza |
|
Il-qafas regolatorju għal prodotti effiċjenti fl-enerġija huwa stabbilit sew u jgawdi l-appoġġ tal-biċċa l-kbira tal-manifatturi, tal-bejjiegħa bl-imnut, u tal-konsumaturi. Ġaladarba l-bażi tad-data tar-Reġistru Ewropew tal-Prodotti għat-Tikkettar tal-Enerġija (EPREL) 6 toffri possibbiltajiet diġitali li ma kinux previsti fil-mument meta nħolqot, jidher li jkun opportun li tiġi riveduta l-interazzjoni bejn l-obbligi li wieħed jipprovdi dokumenti stampati u dawk li jirrikjedu formati diġitali. L-omnibus ta’simplifikazzjoni se jkollu wkoll it-tir li jindirizza l-livelli għoljin ta’ prodotti mhux konformi (partikularment fil-ħwienet online), kif ġie osservat fir-Rapport Speċjali tal-2020 mill-Qorti tal-Awdituri 7 u, aktar reċentement, ir-Rapport ta’ Draghi dwar il-kompetittività tal-UE 8 . S’issa ġew identifikati l-oqsma li ġejjin li għalihom jistgħu jsiru emendi mmirati: ·Hemm opportunitajiet biex jitnaqqsu l-kumplessità amministrattiva u l-piż kumulattiv, eż. dwar kif għandhom jiġu pprovduti tikketti (stampati) u skedi ta’ informazzjoni dwar il-prodotti (stampati). ·Jista’ jkun hemm opportunitajiet biex jiġu ssimplifikati l-obbligi dwar ir-reġistrazzjoni fil-bażi tad-data tal-prodotti tar-Reġistru Ewropew tal-Prodotti għat-Tikkettar tal-Enerġija (EPREL) jew biex isir użu aħjar minn dawn ir-reġistrazzjonijiet biex tiġi ffaċilitata l-konformità online. ·Hemm indikazzjonijiet li ċerti tikketti speċifiċi għall-prodott (b’mod partikulari għat-tisħin u għat-tkessiħ kif ukoll għat-tajers) ma jintużawx b’mod adegwat biex jinfurmaw lill-konsumaturi meta jieħdu deċiżjoni dwar ix-xiri. ·Jista’ jkun hemm potenzjal li jiġu ssimplifikati l-proċessi għall-adattament tar-rekwiżiti tat-tikketti tat-tajers għall-bidliet fit-teknoloġija jew fil-kundizzjonijiet tas-suq. Din l-inizjattiva hija maħsuba biex tissimplifika l-konformità mal-elementi ewlenin tal-qafas leġiżlattiv — it-tikketta u l-bażi tad-data — mingħajr ma ddgħajjef il-fiduċja qawwija tal-konsumaturi u l-utilità tat-tikketti biex jinfurmaw deċiżjoni dwar xiri fuq il-bażi tal-konsum tal-enerġija u ta’ karatteristiċi oħrajn. Il-lista ta’ kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati tista’ tevolvi skont ir-rispons min-naħa tal-partijiet ikkonċernati u skont analiżi ulterjuri. Jekk ma jiġux adottati bħala parti mill-Omnibus IV (2025/0134 (COD)), jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll miżuri li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mid-Direttiva dwar l-Ekodisinn għar-Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli, b’mod partikulari tiġdid tad-dispożizzjonijiet tranżizzjonali. |
|
Bażi għall-azzjoni tal-UE (bażi legali u analiżi tas-sussidjarjetà) |
|
Bażi legali |
|
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b’mod partikulari l-Artikolu 194 tat-TFUE kif ukoll l-Artikolu 114 tar-Regolament tal-UE dwar it-Tikkettar tat-Tajers (u r-Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli). |
|
Ħtieġa prattika li tittieħed azzjoni tal-UE |
|
L-inizjattiva se timmodifika l-obbligi amministrattivi eżistenti li huma stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE għall-operaturi ekonomiċi. Peress li dawn huma dispożizzjonijiet kompletament armonizzati, jistgħu jiġu emendati biss fil-livell tal-UE. |
|
B. Objettivi u opzjonijiet ta’ politika |
|
Ġew identifikati miżuri biex jittejbu l-implimentazzjoni/il-konformità u s-simplifikazzjoni tal-obbligi abbażi tal-kontribut tal-partijiet ikkonċernati u tal-evalwazzjoni interna. Din l-inizjattiva se jkollha l-għan li ttejjeb il-konformità u tnaqqas il-piż amministrattiv li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti effiċjenti fl-użu tal-enerġija fir-rigward tat-tikketti tal-enerġija u tat-tajers. Dan jista’ jkun jinkludi miżuri dwar: ·modi ssimplifikati kif jitwasslu tikketti (stampati) u skedi informattivi dwar il-prodotti lill-bejjiegħa bl-imnut; ·modi ssimplifikati kif jiġu kkonsenjati u jinbidel il-mod kif jidhru t-tikketti (stampati) matul it-tranżizzjoni mit-tikketti eżistenti għal oħrajn riklassifikati; ·simplifikazzjoni tar-reġistrazzjoni fl-EPREL u żieda fl-utilità u fil-faċilità tal-użu tal-informazzjoni rreġistrata; ·żieda fil-konformità mat-tikketti, b’mod partikulari għat-tajers, it-tagħmir tat-tisħin u tat-tkessiħ, u fin-negozji online; ·modi kif tiġi riklassifikata t-tikketta tat-tajers tal-UE u tidher fin-negozji online, fir-reklami, fil-vetturi offruti għall-bejgħ, u fid-dokumentazzjoni teknika; ·it-titjib tas-sorveljanza tas-suq billi jiġu ċċarati r-responsabbiltajiet tal-manifatturi u tal-awtoritajiet nazzjonali u jiġi ċċarat it-test legali dwar l-obbligi tal-atturi intermedjarji bħall-installaturi. Il-lista ta’ miżuri tista’ tinbidel wara l-kummenti min-naħa tal-partijiet ikkonċernati u analiżi ulterjuri. |
|
C. Impatti probabbli |
|
Il-partijiet ikkonċernati li se jintlaqtu huma l-konsumaturi, l-SMEs u negozji oħrajn li jixtru jew jikru prodotti relatati mal-enerġija, il-manifatturi (irrispettivament minn jekk ikunux irreġistrati fl-UE), l-importaturi, il-bejjiegħa bl-imnut, l-installaturi, u l-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq. Kwalunkwe impatt negattiv jaffettwa prinċipalment lill-kumpaniji li bħalissa qed ibigħu, jimportaw, jew ibigħu bl-imnut prodotti mhux konformi jew prodotti b’effiċjenza baxxa li jkunu soġġetti għal kompetizzjoni aktar b’saħħitha minn prodotti aktar effiċjenti. Il-miżuri strateġiċi jistgħu, fost affarijiet oħrajn, inaqqsu l-kost ta’ dawn li ġejjin: (i) id-dmirijiet li jikkonċernaw il-konsenja u kif jiġu ppreżentati t-tikketti u l-iskedi informattivi dwar il-prodott; (ii) ir-reġistrazzjoni fil-bażi tad-data tal-EPREL 9 tal-UE; u (iii) obbligi amministrattivi oħrajn. L-għażliet strateġiċi se jiġu vvalutati skont kif jiffaċilitaw il-ħidma tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u kif jaffettwaw il-fiduċja u l-użu tat-tikketta tal-enerġija mill-konsumaturi. Se jingħataw aktar dettalji dwar sa liema punt l-għażliet jirriżultaw f’bidla fil-kost tal-konformità bejn parti kkonċernata u oħra (eż. mill-manifattur għall-bejjiegħ bl-imnut jew għall-konsumatur). |
|
D. Strumenti għal Regolamentazzjoni Aħjar |
|
Valutazzjoni tal-impatt |
|
Il-proposta se tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt immirata u proporzjonata. Il-valutazzjoni tal-impatt se tivvaluta b’mod kwalitattiv u, fejn possibbli, kwantitattiv l-effett tal-għażliet ta’ simplifikazzjoni, inkluż dwar kif l-emendi jirriżultaw fi tnaqqis reali tal-kostijiet amministrattivi b’mod ġenerali jew pjuttost kompletament jew parzjalment jittrasferixxu l-kost tal-konformità minn grupp wieħed ta’ partijiet ikkonċernati għall-ieħor. |
|
Strateġija ta’ konsultazzjoni |
|
Il-partijiet ikkonċernati mistednin jikkontribwixxu għal din is-sejħa għal evidenza sabiex jiġu identifikati emendi li jistgħu jsiru u biex jgħinu fil-valutazzjonijiet tal-kostijiet u tal-benefiċċji tal-valutazzjoni tal-impatt. Il-Kummissjoni kkonsultat mal-partijiet ikkonċernati waqt Djalogu dwar l-implimentazzjoni 10 u Verifika Fattwali 11 li saru fl-2025. Żewġ stħarriġiet rappreżentattivi (li se jiġu ppubblikati fil-bidu tal-2026) jipprovdu informazzjoni dwar l-interpretazzjoni u l-utilità tat-tikketti modernizzati fl-ambitu tal-qafas tat-tikkettar tal-enerġija u tat-tajers. Il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta se jkun fiha sinteżi tal-kontribuzzjonijiet. Ir-rispons kollu għal din is-sejħa għal evidenza se jiġi ppubblikat fil-website Semma’ Leħnek. |
|
Għaliex qed nagħmlu din il-konsultazzjoni? |
|
L-għan tal-konsultazzjoni huwa li jinstab jekk l-għażla identifikata bħalissa hix aċċettabbli għall-partijiet ikkonċernati, jekk hemmx ideat addizzjonali għas-simplifikazzjoni, u li tirċievi informazzjoni li tista’ tgħin biex jiġu kkwantifikati l-benefiċċji. |
|
Udjenza fil-mira |
|
Din l-inizjattiva hija ta’ interess potenzjali għall-atturi industrijali/ekonomiċi rilevanti fl-UE u barra minnha. Dawn jinkludu l-manifatturi, il-bejjiegħa bl-imnut, l-importaturi, il-pjattaformi online u l-installaturi, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, il-entitajiet pubbliċi (eż. l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jew l-aġenziji inkarigati mill-effiċjenza enerġetika), il-korpi tal-istandardizzazzjoni, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (bħall-gruppi ambjentalisti jew il-korpi tal-konsumaturi), l-akkademiċi, u ċ-ċittadini. |