|
SEJĦA GĦAL EVIDENZA GĦAL INIZJATTIVA (mingħajr valutazzjoni tal-impatt) |
|
|
Dan id-dokument għandu l-għan li jgħarraf lill-pubbliku u lill-partijiet ikkonċernati dwar il-ħidma tal-Kummissjoni, sabiex ikunu jistgħu jesprimu ruħhom u jipparteċipaw b’mod effettiv f’attivitajiet ta’ konsultazzjoni. Lil dawn il-gruppi nitolbuhom jesprimu ruħhom dwar kif il-Kummissjoni qed tinterpreta l-problema u dwar x’soluzzjonijiet jista’ jkun hemm, u biex jagħtuna kull informazzjoni rilevanti li jista’ jkollhom. |
|
|
Titolu tal-inizjattiva |
Pakkett tal-Enerġija taċ-Ċittadini — inħarsu u nirresponsabbilizzaw lill-konsumaturi fit-tranżizzjoni ġusta |
|
DĠ ewlieni — unità responsabbli |
Direttorat Ġenerali għall-Enerġija — Unità B.1 |
|
Tip probabbli ta’ inizjattiva |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u lill-Kumitat tar-Reġjuni |
|
Żmien indikattiv |
Ir-raba’ trimestru tal-2025 |
|
Informazzjoni addizzjonali |
- |
|
A. Kuntest politiku, definizzjoni tal-problema, u analiżi tas-sussidjarjetà |
|
Kuntest politiku |
|
L-Unjoni Ewropea trid tara li t-tranżizzjoni tal-enerġija tkun mhux biss attraenti iżda wkoll ġenwinament aċċessibbli għal kulħadd. Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Enerġija Affordabbli jiddeskrivi miżuri biex jitnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija għall-industrija, għan-negozji, u għad-djar fuq terminu qasir, filwaqt li jiġu aċċellerati wkoll ir-riformi strutturali essenzjali biex jitnaqqsu l-ispejjeż. Dawn ir-riformi għandhom l-għan li jibnu Unjoni tal-Enerġija reali li tiżgura l-kompetittività, is-sigurtà, id-dekarbonizzazzjoni, u tranżizzjoni ġusta 1 . Riżultat ewlieni tal-pjan ta’ azzjoni huwa l-Pakkett tal-Enerġija taċ-Ċittadini. Il-Kummissjoni għamlet l-iżvilupp ta’ dan il-pakkett prijorità fil-politika tagħha dwar l-enerġija, bl-għan li “ssaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni tal-Enerġija u tindirizza l-faqar enerġetiku”. Il-Pakkett tal-Enerġija taċ-Ċittadini huwa maħsub biex jindirizza l-isfidi kontinwi li jipprevjenu lin-nies milli jifhmu bis-sħiħ kif jaħdem is-suq tal-enerġija, jipparteċipaw fih, u jkunu protetti b’mod adegwat. Huwa maħsub biex jiżgura li l-ebda reġjun, komunità, jew individwu ma jitħallew lura fit-tranżizzjoni tal-enerġija. |
|
Problema li l-inizjattiva timmira li tindirizza |
|
Ħafna nies huma mħassbin dwar il-prezzijiet għoljin tal-enerġija, u minħabba f’hekk joqogħdu aktar lura milli jipparteċipaw fil-proċess tat-tranżizzjoni tal-enerġija. L-isfidi ewlenin li l-pakkett għandu l-għan li jindirizza huma msemmijin hawn taħt.
1.It-tranżizzjoni tal-enerġija qed ikollha impatt serju b’mod sproporzjonat fuq xi gruppi tal-popolazzjoni, reġjuni, u komunitajiet. Il-faqar enerġetiku żdied matul il-kriżi tal-enerġija; fl-2023, 47 miljun Ewropew qalu li ma kellhomx biżżejjed flus biex isaħħnu djarhom. Il-probabbiltà tal-faqar enerġetiku hija ogħla fost in-nisa u ċerti gruppi tal-popolazzjoni — inklużi l-anzjani, il-persuni b’diżabilità, u l-familji b’ġenitur wieħed.
Ir-reġjuni li għandhom dipendenza ekonomika partikolarment għolja fuq sorsi tal-enerġija tradizzjonali jħossu b’mod sproporzjonat l-impatt tat-tranżizzjoni ekoloġika. Bħalissa tali reġjuni ħafna drabi m’għandhomx il-kapaċità li jimmaniġġjaw ir-riskji soċjoekonomiċi assoċjati mal-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili u mal-iżvilupp ta’ ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Dan huwa partikolarment minnu għar-reġjuni li għandhom ir-riżorsi tal-faħam, tal-pit, u tal-iskist keroġenuż, li qed jaraw l-industriji tradizzjonali tagħhom jgħibu, kif ukoll għall-gżejjer.
2.Involviment fjakk min-naħa tal-konsumaturi fis-suq tal-enerġija, li jfixkel l-adozzjoni ta’ servizzi innovattivi tal-enerġija u soluzzjonijiet li jippermettu l-iffrankar tal-enerġija u tal-ispejjeż. Dan, imbagħad, iżid l-ispejjeż għan-nies u jnaqqas ir-ritmu tat-tranżizzjoni tal-enerġija.
Il-konsumaturi m’għandhomx fiduċja fis-swieq tal-enerġija, u dan iwassalhom biex joqogħdu pass lura milli jibdlu l-fornituri. Skont l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER, Agency for the Cooperation of Energy Regulators), kieku l-konsumaturi kollha tal-UE jaqilbu b’mod regolari għall-aħjar offerti disponibbli, jistgħu jiffrankaw medja ta’ €200 fis-sena.
Il-konsumaturi jsibuha kumplessa u għalja biex jaċċessaw l-għażliet favur l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli li hemm fis-suq. Biex id-domanda tiġi mmaniġġjata b’mod effettiv, hemm bżonn ta’ arloġġi tad-dawl intelliġenti u użu akbar tad-diġitalizzazzjoni, iżda l-installazzjoni tal-arloġġi intelliġenti miexja bil-mod. L-ACER sabet li fl-Iżvezja ġew iffrankati sa 42% fuq il-kontijiet tal-enerġija għall-konsumaturi li kellhom kuntratti dinamiċi (jiġifieri li jippermettu li l-provvista tkun skont id-domanda), u li dan kien possibbli biss minħabba l-użu mifrux tal-arloġġi intelliġenti.
Il-benefiċċji li l-konsumaturi jgawdu meta jingħaqdu ma’ komunità tal-enerġija, li toffri l-possibbiltà li wieħed jiffranka sa €1,000 fis-sena, mhumiex qed jiġu sfruttati għal kollox. Il-parteċipazzjoni tal-pubbliku għadha limitata. Fil-bidu tal-2024, fl-UE kien hemm aktar minn 9,000 komunità tal-enerġija li fihom kienu involuti madwar 1.5 miljun ruħ, parti żgħira tal-popolazzjoni tal-UE.
Il-konsegwenzi huma offerti inqas innovattivi ta’ servizzi tal-enerġija għall-konsumaturi u prezzijiet ogħla. L-implimentazzjoni tar-riformi reċenti tas-swieq tal-elettriku u tal-gass (inkluża d-Direttiva dwar it-Tfassil tas-Suq tal-Elettriku u d-Direttiva riformulata dwar il-Gass u l-Idroġenu) għadha kif bdiet jew miexja bil-mod wisq. |
|
Bażi għall-azzjoni tal-UE (bażi legali u analiżi tas-sussidjarjetà) |
|
Bażi legali |
|
L-Artikolu 169 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b’kunsiderazzjoni xierqa wkoll għall-Artikolu 114 TFUE. Iż-żewġ artikoli jimplikaw kompetenzi li huma maqsumin bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha. |
|
Ħtieġa prattika li tittieħed azzjoni tal-UE |
|
Id-drittijiet tal-konsumaturi fl-ambitu tat-tranżizzjoni tal-enerġija, it-traspożizzjoni u l-infurzar tal-liġi tal-konsumatur, l-isfidi soċjoekonomiċi, kif ukoll prijoritajiet strateġiċi ewlenin oħrajn tal-UE, jimplikaw interdipendenzi u sinerġiji fil-livelli politiċi, soċjali u ekonomiċi li ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod effiċjenti mill-Istati Membri individwalment, fil-livell nazzjonali. Minħabba li t-tranżizzjoni tal-enerġija fl-UE hija supranazzjonali, l-UE għandha tipproteġi lill-konsumaturi b’mod aktar koordinat, minkejja li l-protezzjoni tal-konsumaturi hija, fil-biċċa l-kbira tagħha, kompetenza nazzjonali. Filwaqt li jirrispetta l-kompetenzi nazzjonali, il-Pakkett tal-Enerġija taċ-Ċittadini se jiġi inkwadrat fi djalogu u kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, l-UE u s-sħab internazzjonali tagħha, u l-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha fil-qasam tal-enerġija. |
|
B. X’objettivi għandha l-inizjattiva u kif se tiksibhom? |
|
Il-Pakkett tal-Enerġija taċ-Ċittadini għandu l-għan li jiżgura li t-tranżizzjoni tal-enerġija u s-suq tal-enerġija jkunu ta’ benefiċċju għall-Ewropej kollha. Jipprovdi strateġija koerenti u sett ta’ azzjonijiet biex tingħata spinta lit-tranżizzjoni ġusta kif ukoll biex jagħmilha aċċessibbli u faċli għall-konsumaturi kollha biex jipparteċipaw fis-suq billi jiffaċilita t-traspożizzjoni bla skossi tar-regoli tal-UE, iżid is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar drittijiethom, u jsaħħaħ il-fiduċja. Il-pilastri tiegħu huma dawn li ġejjin. 1) L-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta, li tinkudi l-indirizzar tal-faqar enerġetiku L-indirizzar tal-faqar enerġetiku billi: (i) jiġu identifikati impenji nazzjonali aktar ambizzjużi sabiex titbaxxa r-rata tal-faqar enerġetiku; u (ii) jiġu żviluppati aktar il-gwida u l-appoġġ dwar miżuri maħsubin biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku. L-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-ġeneru u tal-ugwaljanza fis-settur tal-enerġija. It-tisħiħ tal-appoġġ għar-reġjuni u għall-komunitajiet billi: (i) titnieda fażi ġdida tal-inizjattiva għar-Reġjuni tal-Faħam fi Tranżizzjoni; (ii) tissaħħaħ l-inizjattiva tal-Enerġija Nadifa għall-Gżejjer tal-UE; u (iii) jissaħħaħ l-appoġġ għall-atturi lokali permezz ta’ inizjattivi mmirati, bħall-Patt tas-Sindki. 2) Ir-responsabbilizzazzjoni tan-nies u tal-komunitajiet fis-suq tal-enerġija Il-pakkett għandu jżid l-aċċettazzjoni soċjali tas-swieq tal-enerġija u l-fiduċja fihom, u jiffaċilita involviment aktar attiv min-naħa tal-konsumaturi, kemm individwalment kif ukoll b’mod kollettiv. Se jippromwovi l-użu ta’ komunitajiet tal-enerġija u ta’ inizjattivi tal-qsim tal-enerġija. 3) L-indirizzar ta’ kwistjonijiet li jaffettwaw lil kulħadd, b’mod partikolari l-ħtieġa li tiġi żgurata enerġija bi prezzijiet aċċessibbli. Dan jimplika li tiġi żgurata opinjoni pubblika favorevoli billi jissawru relazzjonijiet ta’ fiduċja reċiproka mal-fornituri u mal-operaturi tas-sistemi tad-distribuzzjoni (DSOs, distribution system operators) u jissaħħaħ ir-rwol tal-atturi u l-inizjattivi lokali. Il-fehmiet ta’ dawk li se jwieġbu se jkunu importanti għall-ħidma tal-Kummissjoni biex tappoġġa t-traspożizzjoni bla skossi u koerenti tar-regoli tal-UE dwar il-konsumaturi tal-enerġija permezz ta’ gwida lill-Istati Membri. Il-Pakkett tal-Enerġija taċ-Ċittadini għandu jinkorpora sett koerenti ta’ azzjonijiet u miżuri individwali biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ hawn taħt. ·Is-sensibilizzazzjoni tan-nies dwar drittijiethom bħala konsumaturi. Dan l-għan għandu jkun imsejjes fuq l-involviment tal-aktar kumpaniji tal-enerġija avvanzati u progressivi, filwaqt li jagħti prijorità lill-konsumaturi u jirrispetta l-prinċipji tas-sodisfazzjon tal-klijenti u tar-responsabbiltà soċjali fir-rigward ta’ diversi drittijiet ewlenin tal-konsumatur, bħal kummerċjalizzazzjoni u informazzjoni kuntrattwali ġusti, kontijiet ċari, u protezzjoni mill-iskonnessjoni. Il-komunitajiet tal-enerġija għandhom ikunu fil-mira ta’ sett komprensiv ta’ miżuri biex jindirizzaw il-kwistjonijiet legali, amministrattivi, u tekniċi ewlenin li jiffaċċjaw il-komunitajiet tal-enerġija, inkluż permezz tal-bini tal-kapaċità u aċċessibbiltà akbar tal-għodod tal-finanzjament. ·L-aċċellerazzjoni tal-introduzzjoni tal-arloġġi intelliġenti u servizzi diġitali tal-enerġija għall-konsumaturi, inkluż billi jiġu adottati atti ta’ implimentazzjoni / kodiċijiet tan-network ġodda dwar l-interoperabbiltà tad-data u l-ġestjoni tad-domanda. ·L-appoġġ għat-traspożizzjoni mill-Istati Membri ta’ kwistjonijiet ewlenin relatati mal-konsumaturi, inkluża informazzjoni kuntrattwali ġusta, il-protezzjoni tal-konsumaturi matul l-eliminazzjoni gradwali tal-gass, il-komunitajiet tal-enerġija, u l-prevenzjoni tal-iskonnessjoni għall-familji vulnerabbli. |
|
Impatti probabbli |
|
Il-pakkett se jistabbilixxi viżjoni politika ċara għar-rwol u l-protezzjoni tal-pubbliku fl-ambitu tal-politiki tal-UE dwar l-enerġija matul il-mandat tal-Kummissjoni. Garanzija ta’ tranżizzjoni ġusta u l-indirizzar tal-faqar enerġetiku Il-Pakkett tal-Enerġija taċ-Ċittadini għandu l-għan li jiżgura li l-ebda persuna jew reġjun ma jitħallew lura fit-tranżizzjoni tal-enerġija. Se jikkontribwixxi għal tnaqqis sinifikanti fil-faqar enerġetiku madwar l-UE. Il-pakkett huwa maħsub ukoll biex jappoġġja lin-nies li jgħixu f’reġjuni milqutin b’mod sproporzjonat mit-tranżizzjoni billi jtejbilhom l-aċċess għall-enerġija rinnovabbli u għal miżuri tal-effiċjenza enerġetika. Ir-responsabbilizzazzjoni tan-nies u tal-komunitajiet fis-suq tal-enerġija L-inizjattiva għandha żżid ir-rieda tal-konsumaturi li jibdlu l-fornituri u jnaqqsu l-ispejjeż tagħhom għall-enerġija. Dan se jagħmilha wkoll aktar faċli biex il-konsumaturi jadottaw servizzi tal-enerġija innovattivi, li jistgħu jnaqqsulhom l-ispejjeż filwaqt li jappoġġaw it-tranżizzjoni usa’ tal-enerġija. Se jagħmilha wkoll aktar faċli għan-nies madwar l-UE biex jistabbilixxu komunitajiet tal-enerġija u jipparteċipaw fihom, u b’hekk jingħata appoġġ lill-iżvilupp ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Il-pakkett se jikkontribwixxi biex tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi fis-swieq tal-enerġija biex tiżdied l-aċċettazzjoni soċjali tal-benefiċċji tat-tranżizzjoni tal-enerġija abbażi ta’ relazzjoni mġedda bejn il-konsumaturi u l-fornituri. In-nies se jkunu infurmati aħjar, u b’hekk ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet aħjar dwar il-konsum tagħhom u dwar drittijiethom, u fl-aħħar mill-aħħar jaraw il-benefiċċji riflessi fil-kontijiet tagħhom. Implimentazzjoni u ambitu L-impatt tal-Pakkett tal-Enerġija taċ-Ċittadini se jiddependi ħafna fuq kif l-Istati Membri jimplimentaw il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet speċifiċi tagħhom, is-sistemi amministrattivi speċifiċi, u l-finanzjament disponibbli. L-inizjattiva se tkopri lill-UE kollha. Mhix se toħloq piżijiet amministrattivi addizzjonali għan-negozji, li huma mistennijin jibbenefikaw minn kundizzjonijiet tas-suq aktar dinamiċi u parteċipazzjoni akbar min-naħa tal-konsumaturi. It-tisħiħ tar-responsabbilizzazzjoni u tas-sensibilizzazzjoni Miljuni ta’ konsumaturi huma mistennijin jibbenefikaw minn implimentazzjoni aktar faċli tal-leġiżlazzjoni u aċċess aħjar għall-informazzjoni. Dan se jgħinhom jifhmu drittijiethom, isiru parteċipanti aktar attivi fis-suq — inkluż bħala prosumaturi — u jinvolvu ruħhom f’komunitajiet tal-enerġija. Mal-pakkett se ssir kampanja usa’ ta’ komunikazzjoni u ta’ involviment biex lin-nies tgħarrafhom aktar dwar l-għanijiet tiegħu, tħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-konsumaturi, u tikkontribwixxi għal tranżizzjoni tal-enerġija aktar inklużiva u ġusta. |
|
Monitoraġġ futur |
|
Il-pakkett se jinkludi sett ta’ dokumenti ta’ gwida bħala sostenn lill-Istati Membri. Il-Kummissjoni se taħdem mal-partijiet ikkonċernati ewlenin — jiġifieri r-regolaturi, l-industrija (il-fornituri, id-DSOs), u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi — fi proċessi ad hoc u permezz ta’ gruppi ta’ ħidma u fora, bħall-Forum taċ-Ċittadini dwar l-Enerġija, il-Patt tas-Sindki, jew l-Enerġija Nadifa għall-Gżejjer tal-UE. Se tingħata attenzjoni partikolari biex jiġi żgurat l-involviment maż-żgħażagħ, pereżempju permezz tad-Djalogi maż-Żgħażagħ (https://youth.europa.eu/youth-policy/dialogues_mt) u l-Ġimgħa tal-UE għall-Enerġija Sostenibbli (https://sustainable-energy-week.ec.europa.eu/index_en?prefLang=mt). |
|
C. Regolamentazzjoni aħjar |
|
Valutazzjoni tal-impatt |
|
Il-Pakkett tal-Enerġija taċ-Ċittadini se jiġbor flimkien f’dokument strateġiku wieħed diversi azzjonijiet u inizjattivi li għaddejjin bħalissa dwar id-drittijiet tal-konsumaturi u dwar it-tranżizzjoni ġusta, u b’hekk jiżgura l-koerenza u l-viżibbiltà. Il-pakkett mhu se jinkludi l-ebda proposta leġiżlattiva ġdida. Bħalissa, il-Kummissjoni qed tħejji atti ta’ implimentazzjoni rigward l-aċċess għad-data dwar il-kejl biex tiffaċilita l-interoperabbiltà tas-servizzi tal-enerġija madwar l-UE kollha. Fejn tkun meħtieġa azzjoni leġiżlattiva ulterjuri biex jintlaħqu l-objettivi tal-Kummissjoni f’dawn l-oqsma, dan jinkiseb permezz ta’ inizjattivi oħrajn, pereżempju r-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Governanza, u jkun soġġett għal valutazzjoni tal-impatt xierqa f’dak il-kuntest. |
|
Strateġija tal-konsultazzjoni |
|
L-għan ta’ din il-konsultazzjoni huwa li jinġabru l-kummenti u l-kontributi tal-partijiet ikkonċernati biex jorjentaw l-iżvilupp tal-oqsma u azzjonijiet prijoritarji tal-Pakkett tal-Enerġija taċ-Ċittadini. Il-konsultazzjoni se żżid mal-kummenti u l-kontributi li diġà nġabru fid-diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati matul l-2024, b’mod partikolari fil-Forum taċ-Ċittadini dwar l-Enerġija tal-2024 u fid-Diskussjoni madwar Mejda dwar ir-Regolamentazzjoni. Il-konsultazzjoni pubblika li tkopri l-aspetti essenzjali tal-Pakkett tal-Enerġija taċ-Ċittadini se titnieda f’Ġunju 2025, u se ddum sejra 12-il ġimgħa. Il-konsultazzjoni se tkun disponibbli fil-portal Semma’ Leħnek tal-Kummissjoni. Ir-risposti jistgħu jintbagħtu bi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE. Sommarju fattwali tar-riżultati tal-konsultazzjoni se jiġi ppubblikat fil-paġna web tal-konsultazzjoni fi żmien tmien ġimgħat minn meta tintemm. Rapport fil-qosor li jkopri l-attivitajiet kollha tal-konsultazzjoni se jiġi ppubblikat malli tkun ġiet adottata l-inizjattiva. Ma’ din il-konsultazzjoni saru, f’dawn l-aħħar ftit xhur, konsultazzjonijiet immirati. |
|
Għaliex qed nagħmlu din il-konsultazzjoni? |
|
L-għan ta’ din il-konsultazzjoni huwa li ninfurmaw u nirċievu kummenti u proposti dwar l-inizjattivi previsti li jindirizzaw il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tal-enerġija. Il-konsultazzjoni hija mmirata lejn il-pubbliku ġenerali kif ukoll lejn il-partijiet ikkonċernati ewlenin fil-qasam tal-enerġija. Biex jirnexxi, il-Pakkett tal-Enerġija taċ-Ċittadini jeħtieġ sjieda usa’ bbażata fuq involviment reali tal-partijiet ikkonċernati. |
|
Udjenza fil-mira |
|
L-udjenza fil-mira hija l-awtoritajiet nazzjonali, ir-regolaturi, l-industrija (DSOs, fornituri), organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili, u l-konsumaturi individwali. |