SEJĦA GĦAL EVIDENZA

GĦAL INIZJATTIVA (mingħajr valutazzjoni tal-impatt)

Titolu tal-inizjattiva

Agrikoltura — strateġija għat-tiġdid ġenerazzjonali

DĠ ewlieni — unità responsabbli

Id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

Tip Probabbli ta’ inizjattiva

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u lill-Kumitat tar-Reġjuni

Żmien Indikattiv

It-tielet trimestru tal-2025

Informazzjoni Addizzjonali

Iż-żgħażagħ fl-agrikoltura u fiż-żoni rurali — il-Kummissjoni Ewropea

Dan id-dokument huwa biss għal finijiet ta’ informazzjoni. Ma jippreġudikax id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar jekk din l-inizjattiva hijiex se tiġi segwita jew dwar il-kontenut finali tagħha. L-elementi kollha tal-inizjattiva deskritti f’dan id-dokument, inkluż it-twaqqit tagħha, huma soġġetti għal tibdil.

A. Kuntest politiku, definizzjoni tal-problema u analiżi tas-sussidjarjetà

Kuntest politiku

It-tiġdid ġenerazzjonali fl-agrikoltura huwa prijorità ewlenija għall-UE, riflessa fil-politika agrikola komuni (PAK) għall-2023-2027, li tirrikjedi li l-Istati Membri jallokaw mill-inqas l-ekwivalenti ta’ 3 % tal-pagamenti diretti għal miżuri li jappoġġaw lill-bdiewa żgħażagħ. Madankollu, peress li l-PAK waħedha ma tistax tindirizza bis-sħiħ l-ostakli bħall-aċċess għall-art, għall-kapital, għall-għarfien, għall-innovazzjoni u għas-servizzi rurali, huwa meħtieġ approċċ strateġiku usa’.

Konxja ta’ din is-sitwazzjoni, il-President von der Leyen inkludiet l-appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ fil-linji gwida politiċi tagħha għall-Kummissjoni Ewropea 2024-2029, u inkarigat lill-Kummissarju Hansen biex jiżviluppa strateġija ġdida għat-tiġdid ġenerazzjonali fl-agrikoltura. Ir-rilevanza tat-tiġdid ġenerazzjonali bħala kwistjoni ġiet enfasizzata wkoll fid-Djalogu Strateġiku dwar il-Futur tal-Agrikoltura fl-UE. L-impenn tal-Kummissjoni li tippreżenta l-istrateġija fl-2025 huwa kkonfermat fil-Viżjoni għall-Agrikoltura u għall-Ikel. L-istrateġija għandha l-għan li ssaħħaħ l-irziezet tal-familji u ttejjeb l-aċċess għall-kapital, fejn l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati jkollhom rwol kruċjali biex jiżguraw li din tirnexxi.

 

Problema li l-inizjattiva timmira li tindirizza

Is-settur agrikolu Ewropew qed jiffaċċja sfida demografika b’forza tax-xogħol li qed tixjieħ u b’għadd dejjem jonqos ta’ bdiewa u maniġers żgħażagħ. Fl-2020, l-età medja tal-bdiewa fl-UE kienet ta’ 57 sena; 12 % biss kellhom inqas minn 40 sena u 2,5 % biss minn dawn il-bdiewa żgħażagħ kienu nisa. Dan l-iżbilanċ jhedded is-sostenibbiltà fit-tul tal-agrikoltura, is-sigurtà tal-ikel u l-ekonomiji rurali. Filwaqt li xi Stati Membri qed imorru pjuttost tajjeb, oħrajn qed jitħabtu biex jattiraw ġenerazzjonijiet ġodda lejn is-settur tal-biedja. Mingħajr azzjoni, il-biedja bħala okkupazzjoni vijabbli tkun f’riskju, u dan iwassal għal abbandun tal-art, riskji marbuta mal-produzzjoni u depopolazzjoni rurali.

Hemm diversi ostakli għall-bdiewa żgħażagħ:

·l-aċċess għall-art: il-prezzijiet għoljin u d-disponibbiltà baxxa jillimitaw l-opportunitajiet għal parteċipanti ġodda u jagħmluha diffiċli għall-bdiewa żgħażagħ li jakkwistaw l-art;

·l-aċċess għall-kreditu: il-bdiewa żgħażagħ jiffaċċjaw xi sfidi biex jiżguraw il-finanzjament minħabba kostijiet għoljin tat-teħid b’self, nuqqas ta’ assi, u riskji perċepiti assoċjati mal-investiment agrikolu;

·l-aċċess għall-għarfien u l-innovazzjoni: il-volatilità tas-suq, ir-riskji klimatiċi u l-kostijiet tal-investiment inizjali għoljin joħolqu inċertezza dwar il-profittabbiltà, u jiskoraġġixxu parteċipanti ġodda milli jadottaw prattiki u teknoloġiji innovattivi;

·l-aċċess għal servizzi ġenerali: id-disponibbiltà aktar baxxa ta’ servizzi essenzjali fiż-żoni rurali, inkluż il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-infrastruttura diġitali, tnaqqas l-attraenza tal-biedja bħala karriera għaż-żgħażagħ.

Filwaqt li l-PAK ikkontribwiet għat-tiġdid ġenerazzjonali u tibqa’ essenzjali biex jintlaħaq dan l-objettiv, huwa meħtieġ approċċ komprensiv li jinvolvi l-atturi rilevanti kollha biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi. Mingħajr sforzi kkoordinati, l-UE tissogra li jkollha tnaqqis ulterjuri fl-għadd ta’ bdiewa żgħażagħ, li jwassal għal:

·forza tax-xogħol li qed tixjieħ;

·l-għeluq ta’ aktar rziezet, li jaffettwa l-produzzjoni tal-ikel, l-impjiegi rurali u l-ekonomija;

·rati aktar baxxi ta’ adozzjoni tat-teknoloġija u ta’ prattiki sostenibbli, li jwasslu għal staġnar;

·tnaqqis taż-żoni rurali, li jaggrava d-depopolazzjoni.

Minħabba dawn ir-riskji, huwa essenzjali li jkun hemm approċċ strateġiku tal-UE biex jiġi żgurat li l-agrikoltura tibqa’ vijabbli u attraenti għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Bażi għall-azzjoni tal-UE (bażi legali u analiżi tas-sussidjarjetà)

Bażi legali

Il-Kummissjoni tipproponi din il-Komunikazzjoni abbażi tad-dritt ta’ inizjattiva tagħha minqux fl-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-bażi legali għal inizjattivi speċifiċi fl-ambitu tal-istrateġija se tiġi ddeterminata fl-istadju tal-implimentazzjoni.

Ħtieġa prattika li tittieħed azzjoni tal-UE

Hija meħtieġa strateġija fil-livell tal-UE minħabba li sfidi bħal forza tax-xogħol li qed tixjieħ u għadd dejjem jonqos ta’ bdiewa żgħażagħ, ma jistgħux jiġu indirizzati minn politika waħda tal-UE jew minn Stati Membri individwali waħedhom. Kwistjonijiet bħall-abbandun tal-art u r-riskji għas-sigurtà tal-ikel għandhom implikazzjonijiet transfruntiera u jaffettwaw diversi pajjiżi. L-ostakli għad-dħul, bħal problemi fir-rigward tal-aċċess għall-art u għall-finanzjament, huma komuni fl-UE u jeħtieġu azzjoni koordinata. Strateġija fil-livell tal-UE tista’ tħeġġeġ il-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u soluzzjonijiet innovattivi. Din tipprovdi wkoll bażi għal appoġġ addizzjonali permezz ta’ politiki u finanzjament tal-UE. Billi tindirizza dawn il-kwistjonijiet fil-livell tal-UE, l-istrateġija għandha l-għan li toħloq settur agrikolu aktar dinamiku, reżiljenti u sostenibbli.

B. X’objettivi għandha l-inizjattiva u kif se tiksibhom?

L-indirizzar tal-ostakli għat-tiġdid ġenerazzjonali huwa element essenzjali biex is-settur agrikolu jsir aktar attraenti. L-aċċess għall-art, għall-investimenti u għall-ħiliet huwa partikolarment importanti. L-istimolar ta’ tiġdid ġenerazzjonali reali jirrikjedi approċċ min-naħa tas-soċjetà kollha u taħlita ta’ politiki f’oqsma u f’responsabbiltajiet differenti, li ħafna minnhom jinsabu fil-livell nazzjonali jew reġjonali.

Din l-istrateġija se tipprovdi rakkomandazzjonijiet għar-rispons ta’ politika u l-miżuri meħtieġa, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali/reġjonali, eż. l-inizjattivi fl-ambitu ta’ Erasmus+, l-istrumenti finanzjarji, l-akkomodazzjoni, is-saħħa mentali, l-iskemi ta’ rtirar u l-ippjanar tas-suċċessjoni, l-iżvilupp rurali, il-politika tal-enerġija, il-mobbiltà u t-turiżmu, id-diġitalizzazzjoni, eċċ.

Dawn il-miżuri se jikkontribwixxu għat-tiġdid ġenerazzjonali fl-agrikoltura, filwaqt li jiżguraw is-sostenibbiltà fit-tul tas-settur, u jippromwovu komunità tal-biedja aktar dinamika u reżiljenti fl-UE.

Impatti probabbli

Huwa mistenni li l-istrateġija jkollha impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali pożittivi. Mil-lat soċjali, għandha l-għan li ttejjeb l-ugwaljanza, b’mod partikolari fir-rigward tan-nisa u ż-żgħażagħ, u li tnaqqas id-depopolazzjoni rurali. Mil-lat ambjentali, se tħeġġeġ l-adozzjoni ta’ prattiki tal-biedja sostenibbli. L-istrateġija se tappoġġa lill-bdiewa żgħażagħ, tagħti spinta lill-ekonomiji rurali u tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-ikel u għall-ħolqien tal-impjiegi. L-inizjattiva għandha tkun l-aktar ta’ benefiċċju għaż-żoni rurali tal-Ewropa, filwaqt li l-UE għandu jkun hemm kisbiet fit-tul fir-rigward tas-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-ikel. L-istrateġija se żżid mal-kontribut tal-UE għal xi wħud mill-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs, Sustainable Development Goals) tan-Nazzjonijiet Uniti: SDG1 (l-ebda faqar), SDG 2 (l-ebda ġuħ), SDG 8 (xogħol deċenti), u SDG 13 (azzjoni klimatika).

Monitoraġġ futur

L-istrateġija se tikkonsisti f’miżuri politiċi u finanzjarji. Il-proposta għall-PAK il-ġdida ta’ wara l-2027 se tiġi mmonitorjata mill-qrib permezz ta’ miżuri u indikaturi diġà disponibbli skont il-qafas attwali ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-PAK. Il-Kummissjoni se tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni u l-progress tal-istrateġija.

C. Regolamentazzjoni aħjar

Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba n-natura mhux leġiżlattiva tal-inizjattiva tal-Kummissjoni (Komunikazzjoni tal-Kummissjoni), l-istrateġija mhijiex akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt. Madankollu, kwalunkwe proposta leġiżlattiva li tirriżulta minn din l-istrateġija se tkun soġġetta għal valutazzjoni(jiet) tal-impatt, f’konformità mal-linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar.

Strateġija ta’ konsultazzjoni

Il-Kummissjoni nediet il-proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati ewlenin f’Diċembru 2024. Dawn il-konsultazzjonijiet immirati għadhom għaddejjin u jinkludu lir-rappreżentanti tal-bdiewa żgħażagħ, liż-żgħażagħ minn żoni rurali, u lill-esperti mill-Istati Membri (fi ħdan il-Bord Ewropew għall-Agrikoltura u għall-Ikel), il-gruppi ta’ djalogu ċivili dwar l-agrikoltura, u d-Djalogi ta’ Politika maż-Żgħażagħ. Mhi ppjanata l-ebda konsultazzjoni pubblika oħra. Minflok, dan id-dokument ta’ sejħa għal evidenza, disponibbli għal 4 ġimgħat u bl-24 lingwa tal-UE fuq il-portal Semma’ Leħnek, se jiġbor il-feedback mill-partijiet ikkonċernati kollha, inkluż il-pubbliku ġenerali. Il-feedback li jasal se jitqassar u jiġi analizzat fl-istrateġija. Ir-rispondenti huma mitluba jirriflettu fuq il-punti li ġejjin u jikkontribwixxu għalihom: (i) l-aspetti ta’ prijorità tal-istrateġija (l-aċċess għall-art, għall-kreditu, għall-għarfien, u għas-servizzi ġenerali), (ii) jekk il-PAK u l-politiki attwali tal-UE jindirizzawx dawn il-kwistjonijiet b’mod adegwat, (iii) il-prijoritajiet addizzjonali għall-istrateġija.