SEJĦA GĦAL EVIDENZA

GĦAL INIZJATTIVA (mingħajr valutazzjoni tal-impatt)

Titolu tal-inizjattiva

Strateġija tal-UE għas-soċjetà ċivili 

DĠ ewlieni — unità responsabbli

DĠ Ġustizzja u Konsumaturi – unità C.2

Tip Probabbli ta’ inizjattiva

Mhux legiżlattiva/Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u lill-Kumitat tar-Reġjuni 

Żmien Indikattiv

Q3-2025

Informazzjoni Addizzjonali

Inizjattiva ġdida mħabbra fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2025

Dan id-dokument huwa biss għal finijiet ta’ informazzjoni. Ma jippreġudikax id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar jekk din l-inizjattiva hijiex se tiġi segwita jew dwar il-kontenut finali tagħha. L-elementi kollha tal-inizjattiva deskritti f’dan id-dokument, inkluż it-twaqqit tagħha, huma soġġetti għal tibdil.

A. Kuntest politiku, definizzjoni tal-problema u analiżi tas-sussidjarjetà

Kuntest politiku

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, għandhom diversi rwoli fis-soċjetà tagħna. Huma joperaw f’diversi oqsma, bħas-sensibilizzazzjoni, l-edukazzjoni, l-għoti ta’ appoġġ jew ta’ servizzi, il-monitoraġġ tal-politika u l-promozzjoni. Spiss jiġu fdati bl-implimentazzjoni tal-liġi u l-politiki tal-UE fil-prattika. Huma jsaħħu l-koeżjoni soċjali u t-tħejjija, itejbu l-effettività tal-politika, u jiżguraw li jinstemgħu l-ilħna tal-komunitajiet affettwati. L-involviment tagħhom huwa wkoll element kruċjali fis-sistema ta’ kontrokontrolli demokratiċi u l-promozzjoni u d-difiża tal-valuri tal-UE.

Il-Kummissjoni tuża sett ta' għodod komprensivi biex tappoġġa u tinvolvi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Minbarra d-djalogi f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika u mezzi għall-konsultazzjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar, hemm involviment regolari f’għadd kbir ta’ gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni tagħna, li jipprovdu għodod u opportunitajiet estensivi għall-partijiet ikkonċernati kollha biex jikkontribwixxu matul iċ-ċiklu tat-tfassil tal-politika. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandu rwol ewlieni fl-involviment mas-soċjetà ċivili.

L-organizzazzjonijiet kollha tas-soċjetà ċivili jeħtieġu ambjent favorevoli li jrawwem involviment sinifikanti u jipprovdilhom aktar appoġġ, jekk iridu jwettqu l-ħidma tagħhom u jikkontribwixxu għall-politiki tal-UE. Huma għandhom ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom mingħajr interferenza. L-UE għandha taġixxi biex tippromwovi u tipproteġi l-ispazju ċiviku u lil dawk attivi fih.

Il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen enfasizzat il-ħtieġa għal involviment akbar tal-UE mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-protezzjoni tagħhom fil-linji gwida politiċi tagħha għall-2024-2029, u tenniet dik il-ħtieġa fl-ittra ta’ missjoni tagħha lill-Kummissarju għad-Demokrazija, il-Ġustizzja, l-Istat tad-Dritt u l-Protezzjoni tal-Konsumatur.

L-istrateġija tal-UE għas-soċjetà ċivili tibni fuq dan l-impenn politiku u fuq ir-Rakkomandazzjoni 2023/2836 dwar il-promozzjoni tal-involviment u l-parteċipazzjoni effettiva taċ-ċittadini u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċessi tat-tfassil tal-politika pubblika, adottata bħala parti mill-pakkett dwar id-difiża tad-demokrazija.

Problema li l-inizjattiva timmira li tindirizza

L-istrateġija se tipproponi qafas għal azzjoni fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri. L-objettivi ewlenin tagħha se jkunu li ssaħħaħ l-involviment sinifikanti mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq firxa wiesgħa ta’ politiki tal-UE u l-protezzjoni tagħhom. L-istrateġija twieġeb għal diversi sejħiet – b’mod partikolari mill-Parlament Ewropew u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili nfushom – għal strateġija komprensiva tal-UE li ssegwi dawk l-objettivi.

Minħabba li l-evidenza attwali turi li l-ispazju ċiviku għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jippromwovu u jipproteġu l-valuri tal-UE qed jiċkien, l-Istrateġija tipproponi wkoll miżuri speċifiċi biex tappoġġa, tipproteġi u tagħti s-setgħa lill-atturi tas-soċjetà ċivili attivi f’dawn il-kwistjonijiet. L-ostakli speċifiċi li jiffaċċjaw huma deskritti fir-Rapport dwar il-Karta tal-2022, rapport tal-2022 tal-Kumitat għad-Drittijiet Fundamentali tal-Parlament Ewropew , u r-rapporti tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt. B’mod aktar speċifiku, ir-rapport dwar id-Drittijiet Fundamentali 2024 tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA, European Union Agency for Fundamental Rights) nnota n-nuqqas ta’ opportunitajiet għal konsultazzjoni sinifikanti, b’mod partikolari fil-livell nazzjonali, u sab li l-ambjent li jaħdmu fih l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-qasam tal-valuri tal-UE mar għall-agħar. Tliet kwarti tal-organizzazzjonijiet ikkonsultati rrapportaw ostakli għall-attivitajiet tagħhom fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt. B’mod partikolari, huma kkwotaw:

·rapporti u kampanji negattivi tal-media;

·attakki verbali jew fastidju online;

·sorveljanza suspettata;

·kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (magħrufa bħala SLAPPs, strategic lawsuit against public participation); kif ukoll 

·theddid legali u fiżiku. 

Barra minn hekk, sfida oħra nnutata tikkonċerna diffikultajiet fl-iżgurar ta’ finanzjament fit-tul, prevedibbli u trasparenti li jippermettilhom iżommu l-indipendenza tagħhom.

Bażi għall-azzjoni tal-UE (bażi legali u analiżi tas-sussidjarjetà)

It-trawwim ta’ involviment effettiv mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-iżgurar tal-protezzjoni tagħhom fil-livelli kollha jqajmu sfidi li ma jistgħux jiġu indirizzati b’interventi fuq bażi ad hoc jew permezz ta’ azzjonijiet nazzjonali jew lokali waħedhom, minħabba n-natura trasversali tagħhom.

Fil-fatt, peress li l-UE u l-Istati Membri tagħha qed jiffaċċjaw sfidi simili, azzjoni koordinata biss se twassal għal rispons effettiv u effiċjenti għalihom.

Għalhekk, l-istrateġija se tiġbor l-evidenza u l-azzjoni eżistenti biex tipprovdi approċċ aktar simplifikat, filwaqt li tiżgura li l-azzjonijiet mill-UE u mill-Istati Membri jiġu implimentati f’qafas komuni. 

L-azzjoni fil-livell tal-UE se tiffoka fuq l-involviment mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll fuq il-protezzjoni u l-appoġġ tagħhom. Din se tinkludi azzjonijiet iddedikati biex jappoġġaw, jipproteġu u jagħtu s-setgħa lil dawk l-organizzazzjonijiet li huma parti ewlenija mis-sistema ta’ kontrokontrolli fid-demokraziji tagħna u li huma attivi fil-promozzjoni u l-protezzjoni tal-valuri tal-UE.

Bażi legali

Mhux applikabbli

Ħtieġa prattika li tittieħed azzjoni tal-UE

L-inizjattiva proposta tindirizza l-ħtieġa għal azzjoni mill-UE u l-Istati Membri tagħha. L-Istati Membri għandhom rwol kruċjali fil-promozzjoni tad-djalogu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u fil-protezzjoni tal-ispazju ċiviku fil-livell nazzjonali, lokali u fil-livell taċ-ċittadin. Filwaqt li l-Istati Membri normalment jaġixxu bħala l-ewwel punt ta’ kuntatt u azzjoni f’dan il-qasam, diversi azzjonijiet jeħtieġu approċċ tal-UE koordinat. Fosthom li jkun aktar faċli għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li joperaw bejn il-fruntieri fi ħdan l-UE. Għalhekk, huwa meħtieġ qafas simplifikat u koerenti għall-azzjoni madwar l-UE. Għandu jqis ukoll l-esperjenza tal-UE u dik nazzjonali fl-appoġġ tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili madwar id-dinja.

B. X’objettivi għandha l-inizjattiva u kif se tiksibhom?

Filwaqt li tirrikonoxxi l-importanza tal-ħidma mwettqa mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex il-politiki tal-UE jirnexxu, l-istrateġija tal-UE għas-soċjetà ċivili se tistabbilixxi qafas għall-azzjoni tal-UE u nazzjonali. L-objettivi ewlenin tiegħu fil-livell tal-UE se jkunu (i) il-promozzjoni tad-djalogu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex ikunu involuti b’mod effettiv fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE, u (ii) il-forniment tal-appoġġ u l-protezzjoni li jeħtieġu biex iwettqu xogħolhom, b’approċċ min-naħa tas-soċjetà kollha.

Fir-rigward tal-azzjoni tal-UE, il-qafas se jissistematizza u jtejjeb il-mekkaniżmi eżistenti tal-UE li joffru involviment u appoġġ sinifikanti, filwaqt li jagħmilhom ukoll aktar trasparenti. Dan jikkomplementa b’mod partikolari l-mekkaniżmi istituzzjonali li diġà jeżistu fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dan jirrikonoxxi wkoll il-prinċipji importanti tat-trasparenza u r-responsabbiltà fl-involviment mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u għall-atturi tas-soċjetà ċivili nfushom, inkluż fir-rigward tar-rispett għall-valuri tal-UE meta jiġu implimentati l-programmi tal-UE. B’dan il-mod, il-qafas se jipprovdi approċċ koordinat għal ċerti sfidi li jiffaċċjaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Fir-rigward tal-azzjoni nazzjonali, l-istrateġija se tkompli fuq l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-2023 dwar l-involviment ċiviku, li tistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi ta’ parteċipazzjoni u protezzjoni għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Se tipprevedi wkoll mekkaniżmi simili fil-livell tal-UE, filwaqt li tqis l-isforzi eżistenti fil-ħidma esterna tal-UE.

L-istrateġija se tinkludi azzjonijiet iddedikati biex jappoġġaw, jipproteġu u jagħtu s-setgħa lil dawk l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li għandhom rwol importanti bħala parti mis-sistema ta’ kontrokontrolli fid-demokraziji tagħna, u li jippromwovu u jipproteġu il-valuri tal-UE b’mod attiv.

Dawn l-organizzazzjonijiet u d-difensuri partikolari jiffaċċjaw sfidi speċifiċi. Huma sfidi dwar (i) il-protezzjoni, (ii) nuqqas ta’ finanzjament sostenibbli, flessibbli u trasparenti, u (iii) diffikultajiet fl-involviment mal-awtoritajiet pubbliċi, b’mod partikolari f’oqsma li jikkonċernaw l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali. L-istrateġija se tipproponi inizjattivi biex jiġi appoġġat ambjent favorevoli, b’azzjonijiet fil-livell tal-UE biex jiġi evitat li l-ispazju ċiviku jiċkien. Se tipproponi wkoll azzjonijiet għal djalogu aħjar bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u kwistjonijiet relatati. Fil-livell tal-UE, dan se jinkludi l-involviment permezz ta’ Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili.

Impatti probabbli

L-istrateġija hi mistennija li jkollha impatti soċjali pożittivi, bis-saħħa ta’ parteċipazzjoni aktar effettiva u aktar miftuħa ta’ dawn l-atturi fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u dawk nazzjonali. Allinjament akbar tal-azzjonijiet u tal-mekkaniżmi strutturati fil-livell tal-UE u dak nazzjonali se jgħin ukoll biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-ispazju ċiviku b’mod aktar sistematiku. Dan, min-naħa tiegħu, se jippromwovi l-ugwaljanza, l-inklużività u l-fiduċja fit-teħid ta’ deċiżjonijiet pubbliċi.

Permezz tal-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-istrateġija se ssaħħaħ ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt. Billi tipprovdi qafas koerenti għall-protezzjoni, se ttejjeb is-salvagwardji għall-organizzazzjonijiet li jiffaċċjaw theddid u attakki. Dawk is-salvagwardji se jkunu ta’ benefiċċju għad-drittijiet fundamentali tal-individwi kkonċernati u se jagħmluhom aktar kapaċi jippromwovu d-drittijiet fundamentali tal-oħrajn u l-valuri relatati. L-istrateġija se tħeġġeġ ir-responsabbiltà u tiżgura li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkollhom aċċess għar-riżorsi meħtieġa u mezzi xierqa ta’ djalogu.

Barra minn hekk, kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Istati Membri se tippromwovi responsabbiltà komuni fil-protezzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivika. L-ispinta li tirriżulta għar-reżiljenza demokratika, għall-ħsieb kritiku u għall-fiduċja pubblika fl-aħħar mill-aħħar se tkun ta’ benefiċċju għas-soċjetà kollha kemm hi. Fl-iżvilupp tal-istrateġija, id-dimensjoni esterna wkoll se tiġi kkunsidrata biex jiġi żgurat approċċ koerenti u komprensiv għas-soċjetà ċivili, biex b’hekk titrawwem il-koerenza tal-politika interna-esterna.

Monitoraġġ futur

Il-kontribut tal-Istrateġija għall-protezzjoni, l-appoġġ u t-trawwim tal-involviment mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jista’ jiġi mmonitorjat permezz ta’ diversi mekkaniżmi, inkluż permezz ta’ mekkaniżmi ta’ monitoraġġ speċifiċi għas-settur, u b’mod aktar ġenerali, fir-rigward tal-ispazju ċiviku, il-monitoraġġ imwettaq mill-FRA u r-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt, b’mod partikolari l-pilastru dwar is-sistema ta’ kontrokontrolli.

C. Regolamentazzjoni aħjar

Valutazzjoni tal-impatt

Ma hija ppjanata l-ebda valutazzjoni tal-impatt. L-inizjattiva proposta, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, ma timplika l-ebda impenn vinkolanti jew impatt finanzjarju għall-Istati Membri jew partijiet ikkonċernati oħra.

Strateġija ta’ konsultazzjoni

Il-konsultazzjoni wiesgħa u l-involviment pubbliku se jkunu essenzjali fil-kreazzjoni ta’ din l-inizjattiva. Il-proċess ta’ konsultazzjoni, li se jsir fit-tieni u fit-tielet kwart tal-2025,se jiġbor l-evidenza u l-kontribut mill-partijiet ikkonċernati, b’enfasi partikolari fuq l-oqsma ta’ prijorità identifikati.

Il-proċess se jinkludi:

·Din is-sejħa għal evidenza, flimkien ma’ konsultazzjoni pubblika miftuħa (li ddum 12-il ġimgħa).

·Ewrobarometru dwar id-demokrazija.

·Konsultazzjonijiet mal-Istati Membri, anke fil-Kunsill.

·Skambji mmirati mal-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

·Attivitajiet ta’ konsultazzjoni mmirati ma’ gruppi ewlenin ta’ partijiet ikkonċernati permezz ta’ gruppi fokali u kwestjonarji ddedikati, fl-oqsma ta’ politika tal-UE.

·Konsultazzjonijiet immirati ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, fuq livell Ewropew, internazzjonali u nazzjonali, attivi fil-promozzjoni u l-protezzjoni tal-valuri tal-UE, inkluż permezz ta’ mezzi bħall-pjattaforma tad-drittijiet fundamentali tal-FRA.

·Skambji ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti (inkluż il-Kunsill tal-Ewropa, l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem).

Il-konsultazzjoni se tiġi promossa (i) permezz tal-mezzi soċjali tal-Kummissjoni, (ii) billi l-benefiċjarji jiġu infurmati dwar il-proġetti u (iii) permezz ta’ pjattaformi eżistenti (bħall-pjattaforma tad-drittijiet fundamentali tal-FRA).

Wara li tingħalaq il-konsultazzjoni pubblika se jiġi ppubblikat rapport fattwali ta’ sinteżi fuq il-paġna ta’ konsultazzjoni.

Għaliex qed nagħmlu din il-konsultazzjoni?

Din il-konsultazzjoni għandha l-għan li:

·jinġabru fehmiet, informazzjoni u analiżi minn firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati; 

·ikunu mifhuma l-isfidi konkreti li jiffaċċjaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; kif ukoll 

·ikunu identifikati u msawra l-azzjonijiet possibbli li għandhom jittieħdu mill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jindirizzaw dawk l-isfidi.

Barra minn hekk, hija mfassla bħala mezz trasparenti u parteċipattiv biex tlaqqa’ flimkien perspettiva komprensiva tal-partijiet ikkonċernati li l-Kummissjoni tista’ tibbaża fuqha meta tipproponi inizjattivi speċifiċi għall-protezzjoni, l-appoġġ u l-promozzjoni tal-involviment mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili – u, b’mod aktar ġenerali, biex tappoġġa ambjent favorevoli.

Udjenza fil-mira

Il-konsultazzjoni għandha fil-mira firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, inklużi membri tal-pubbliku, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (li joperaw fl-Istati Membri, fl-UE u internazzjonalment), istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u korpi tal-ugwaljanza, awtoritajiet nazzjonali, akkademiċi, gruppi taż-żgħażagħ, rappreżentanti tal-media u organizzazzjonijiet internazzjonali.