SEJĦA GĦAL EVIDENZA

GĦAL INIZJATTIVA (mingħajr valutazzjoni tal-impatt)

Dan id-dokument għandu l-għan li jinforma lill-pubbliku u lill-partijiet ikkonċernati dwar il-ħidma tal-Kummissjoni, sabiex ikunu jistgħu jipprovdu feedback u jipparteċipaw b’mod effettiv fl-attivitajiet ta’ konsultazzjoni.

Titolu tal-inizjattiva

Strateġija għal Unjoni Ewropea tad-Data

DĠ ewlieni – unità responsabbli

DĠ CNECT, Unità G1

Tip Probabbli ta’ inizjattiva

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

Twaqqit Indikattiv

Q3-2025

Informazzjoni Addizzjonali

Dan id-dokument huwa biss għal finijiet ta’ informazzjoni. Ma jippreġudikax id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar jekk din l-inizjattiva hijiex se tiġi realizzata jew dwar il-kontenut finali tagħha. L-elementi kollha tal-inizjattiva deskritti f’dan id-dokument, inkluż it-twaqqit tagħha, huma soġġetti għal tibdil.

A. Kuntest politiku, definizzjoni tal-problema u analiżi tas-sussidjarjetà

Kuntest politiku

Din l-inizjattiva ssegwi l-azzjonijiet stabbiliti fl-Istrateġija tad-Data tal-2020, li l-għan tagħha hu li tistabbilixxi suq intern fejn id-data tkun tista’ tiċċirkola b’mod liberu. Minn dak iż-żmien ’l hawn, l-iżviluppi teknoloġiċi u ġeopolitiċi wasslu għall-ħtieġa ta’ approċċ aġġornat. Ir-rapport ta’ Draghi ddikjara li l-UE ma għandhiex settijiet kbar ta’ data u jeħtiġilha tippromwovi l-koordinazzjoni u l-kondiviżjoni tad-data transindustrijali biex taċċellera l-integrazzjoni tal-IA, b’mod partikolari l-IA ġenerattiva, fl-industrija Ewropea. Ir-rapport ta’ Letta ta’ April 2024 enfasizza li hemm il-ħtieġa li jsir aktar biex jinkiseb suq intern reali għad-data. Il-pjan ta’ azzjoni għal kontinent tal-IA jenfasizza l-Istrateġija għal Unjoni Ewropea tad-Data bħala azzjoni ewlenija biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-IA.

Il-Linji Gwida Politiċi għall-mandat 2024-2029 tal-Kummissjoni Ewropea jkomplu jenfasizzaw il-ħtieġa qawwija li “[jiġi sfruttat] il-potenzjal mhux sfruttat tad-data”. Fl-aħħar nett, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Boxxla għall-Kompetittività tal-UE”, ippubblikata f’Jannar 2025, tiddikjara li se tiġi proposta Strateġija għal Unjoni Ewropea tad-Data biex ittejjeb u tiffaċilita l-kondiviżjoni tad-data privata u pubblika permezz ta’ proċessi trasparenti, tissimplifika r-reġim regolatorju u l-applikazzjoni tiegħu, u taċċellera l-iżvilupp ta’ sistemi jew ta’ applikazzjonijiet ġodda filwaqt li tħares id-drittijiet fundamentali.

Problema li l-inizjattiva timmira li tindirizza

L-Istrateġija Ewropea tad-Data tal-2020 tat xi riżultati: il-ħolqien ta’ spazji komuni Ewropej tad-data bħala oqfsa deċentralizzati għall-kondiviżjoni u għall-ġbir tad-data sovrani mill-kumpaniji, eż. bl-għajnuna ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data rregolati skont l-Att dwar il-Governanza tad-Data; drittijiet ġodda ta’ aċċess għad-data industrijali u l-kondiviżjoni tagħha skont l-Att dwar id-Data; u d-data dwar is-saħħa skont ir-Regolament dwar l-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa. Madankollu, hekk kif ir-rivoluzzjoni tal-IA qed taċċellera, irid isir aktar biex jiġu sfruttati d-data industrijali u d-data minn lingwi sottorappreżentati.

L-ekonomija tal-UE, ikkaratterizzata minn kumpaniji b’saħħithom fis-setturi tradizzjonali iżda minn ftit atturi kbar fis-settur tat-teknoloġija, qed tiffaċċja sfidi fil-proċess tad-diġitalizzazzjoni. Fl-istess ħin, l-atturi l-kbar tat-teknoloġija mhux tal-UE qed jimmiraw li jidħlu fis-setturi tradizzjonali tal-industrija, u qed jinvolvu ruħhom biex isiru sħab tad-diġitalizzazzjoni. L-industrija Ewropea hi nieqsa mill-alternattivi għall-proġetti tad-diġitalizzazzjoni, inkluż l-iżvilupp u l-applikazzjoni tal-IA, fost oħrajn.

Id-data industrijali, b’kuntrast mal-ekonomija tad-data personali, hi marbuta ma’ qasam speċifiku u miżmuma minn ħafna atturi differenti, li meta jiġu biex jikkondividu u jiġbru d-data jħabbtu wiċċhom ma’ sfidi regolatorji. Ċerta data hi speċifika għal-lingwa u tista’ teżisti biss f’numri żgħar. B’riżultat ta’ dan, il-kumpaniji innovattivi ma jistgħux iħarrġu jew itejbu kontinwament il-mudelli bażi għal dominji industrijali jew lingwi Ewropej differenti.

Minbarra l-aċċess għad-data, l-aċċess għat-talent, għall-faċilitajiet tal-computing u għall-kapital għadu diffiċli. Ix-xenarju regolatorju dwar l-użu tad-data fl-UE hu kkaratterizzat minn taħlita kumplessa ta’ liġijiet ġenerali u speċifiċi għas-settur, li l-interazzjoni tagħhom spiss tkun diffiċli biex tinftiehem min-negozji u biex tkun infurzata minn korpi jew awtoritajiet differenti, u dan joħloq ineffiċjenzi u inċertezzi għan-negozji u għall-amministrazzjonijiet pubbliċi. Minkejja l-isforzi biex jiġu armonizzati r-regoli dwar l-ipproċessar tad-data personali, l-Istati Membri jistgħu jiddevjaw abbażi ta’ klawżoli tal-ftuħ jew ta’ drittijiet għal nonparteċipazzjoni speċifika. Għadd dejjem akbar ta’ rekwiżiti ta’ rapportar u ta’ notifika f’kull tip ta’ leġiżlazzjoni jaffettwa l-kompetittività.

Filwaqt li l-flussi internazzjonali tad-data qed isiru dejjem aktar importanti fl-ekonomija kollha, jeżistu wkoll sfidi. Il-kumpaniji Ewropej spiss jiltaqgħu ma’ inċertezzi rigward it-trasferimenti tad-data lejn l-UE minn pajjiżi mhux tal-UE. Ċerti kategoriji ta’ data tal-UE mhumiex protetti biżżejjed kontra l-atturi malizzjużi. It-tensjonijiet ġeopolitiċi reċenti jqajmu mistoqsijiet dwar is-sigurtà ekonomika tal-UE fil-każ ta’ dipendenzi eċċessivi fuq pajjiżi oħra, eż. id-dipendenza fuq data rilevanti għal ċerti oqsma tal-IA ġenerattiva li xxekkel il-kapaċità tal-UE biex tiżgura l-kompetittività fit-tul tagħha.

Bażi għall-azzjoni tal-UE (bażi legali u analiżi tas-sussidjarjetà)

L-Ewropa għandha l-potenzjal li tkun fuq quddiem nett tal-ekonomija tad-data, billi tuża d-data b’mod sikur biex ssaħħaħ l-IA affidabbli u mhux diskriminatorja u ssaħħaħ il-kompetittività fis-suq globali – dment li jitqiesu aktar azzjonijiet. Strateġija tista’ tgħin lill-kumpaniji u liċ-ċittadini Ewropej jibbenefikaw b’mod aktar effettiv mid-data ġġenerata fil-kontinent kollu, filwaqt li xxejjen l-inċertezzi legali.

Bażi legali

Il-Komunikazzjoni nnifisha hi bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Il-Komunikazzjoni mistennija tħabbar firxa ta’ inizjattivi u azzjonijiet b’bażijiet legali differenti. Skont il-kontenut u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-istrument(i) leġiżlattiv(i) u mhux leġiżlattiv(i) possibbli mħabbar/mħabbra, il-bażijiet legali xierqa għal dawk l-istrumenti legali se jiġu elenkati kif xieraq meta dawn jiġu abbozzati.

Ħtieġa prattika li tittieħed azzjoni tal-UE

In-natura transfruntiera tas-swieq tad-data toħloq sfidi għall-Istati Membri individwali, peress li l-azzjonijiet indipendenti jirriskjaw li joħolqu frammentazzjoni regolatorja u finanzjarja. Biex dan jiġi evitat, hemm ħtieġa dejjem akbar ta’ approċċ koordinat li jqis is-suq intern kollu tal-UE. Approċċ bħal dan jippermetti l-kisba ta’ ekonomiji ta’ skala, joħloq ekosistema ta’ għodod fdati tal-UE, jagħti s-setgħa lill-kumpaniji Ewropej u jrawwem suq Ewropew tad-data u tal-IA aktar koeżiv, kompetittiv, mhux diskriminatorju u affidabbli. Il-flussi internazzjonali tad-data huma aspett importanti tal-kompetittività tal-kumpaniji tal-UE u huma indirizzati b’mod effettiv fil-livell tal-UE, fejn approċċ unifikat isaħħaħ is-setgħa ta’ negozjar tal-Ewropa, jiżgura konsistenza regolatorja fl-impenji globali, u jipprevjeni l-frammentazzjoni fost l-Istati Membri. Filwaqt li l-piżijiet amministrattivi huma wkoll ir-riżultat tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-qafas leġiżlattiv tal-UE hu wkoll regolarment is-sors ta’ dawn il-piżijiet. It-tnaqqis ta’ dan il-piż jappoġġa l-objettivi usa’ tal-kompetittività tal-Ewropa.

B. X’objettivi għandha l-inizjattiva u kif se tiksibhom?

L-ewwel objettiv hu li jiġu stimulati l-investimenti fit-teknoloġiji tad-data u li ċerti assi tad-data jsiru disponibbli permezz ta’ miżuri jew ta’ finanzjament volontarji, sabiex ikunu jistgħu jiżdiedu l-użu u d-disponibbiltà tad-data, ngħidu aħna għall-iżvilupp tal-IA ġenerattiva. Dan jista’ jinkludi miżuri biex jittejjeb l-aċċess għad-data għan-negozji ġodda, bħal punt uniku ta’ servizz għall-aċċess fuq talba għal sorsi addizzjonali tad-data u aktar miżuri biex tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni volontarja tad-data.

It-tieni objettiv hu s-simplifikazzjoni. Dan għandu jsir billi (1) jiġu ssimplifikati r-regoli eżistenti, u (2) jiġu żviluppati għodod tad-data biex jitnaqqas il-piż amministrattiv. Biex jiġi kkonsolidat il-qafas eżistenti, se jiġi evalwat u se jiġu proposti aġġustamenti mmirati meta meħtieġ biex l-istrumenti jaħdmu flimkien bl-aħjar mod għal ekonomija tad-data effettiva, inklużi mekkaniżmi ta’ governanza effettivi. L-infrastrutturi diġitali għandhom jiġu żviluppati u implimentati biex jippermettu l-konformità awtomatika mal-obbligi ta’ rapportar. Dan jista’ jestendi sal-punt li titqies l-implimentazzjoni tar-rapportar diġitali obbligatorju f’inizjattivi leġiżlattivi futuri u jiġi ffaċilitat ir-rapportar diġitali fil-leġiżlazzjoni eżistenti. 

It-tielet objettiv hu l-iżvilupp ta’ “Strateġija Internazzjonali tad-Data”, li għandha tinkludi azzjonijiet li jissalvagwardjaw l-esportazzjoni tad-data tal-UE, kif ukoll azzjonijiet li jistimulaw l-importazzjoni tad-data fl-UE. Dan jirrikjedi approċċ integrali li jqis, fost affarijiet oħra, l-acquis intern tal-UE dwar id-data kif ukoll il-politika esterna tal-UE dwar il-kummerċ diġitali. Barra minn hekk, l-istrateġija internazzjonali tad-data għandha tqis ukoll l-aċċess għal spazji komuni Ewropej tad-data u tidentifika azzjonijiet għal involviment prijoritarju fil-livell bilaterali u multilaterali kif ukoll l-iżvilupp ta’ regoli internazzjonali li jwasslu għall-kondiviżjoni tad-data fuq bażi kuntrattwali.

Impatti probabbli

L-impatt ekonomiku tal-miżura mistenni jimmaterjalizza f’servizzi u prodotti aktar xprunati mid-data, li jkunu b’mod predominanti IA, u li se jitfasslu skont il-ħtiġijiet tal-utenti. L-istrateġija se tirriżulta f’aktar żvilupp ta’ ekonomija tad-data affidabbli u b’saħħitha, u b’hekk x’aktarx iżżid il-valur tad-data f’konformità mal-istandards tal-protezzjoni tad-data u taċ-ċibersigurtà. Suq uniku aktar integrat u aktar diġitali se jippermetti lin-negozji tal-UE – inklużi l-SMEs – jespandu u jagħmlu l-aħjar użu mis-suq, iżda se jippermetti wkoll lis-servizz pubbliku jindirizza l-isfidi pertinenti tas-soċjetà fl-oqsma kollha.

Is-simplifikazzjoni tal-qafas leġiżlattiv se ttaffi l-piżijiet regolatorji tan-negozji. It-tnaqqis tal-piż amministrattiv se jkollu impatt pożittiv fuq l-ekonomija kollha, iżda speċjalment fuq l-intrapriżi żgħar u medji li għandhom inqas kapaċitajiet għall-kompiti ta’ konformità u li spiss isibu l-piż amministrattiv l-akbar ostaklu għall-investiment.

Jekk nindirizzaw il-flussi internazzjonali tad-data mhux personali fil-livell tal-UE, jissaħħaħ ir-rwol tal-Ewropa bħala mexxejja diġitali globali, tittejjeb il-koerenza regolatorja, jiġu attirati l-flussi tad-data lejn l-UE, u jiġu żgurati salvagwardji aktar b’saħħithom għall-iskambju sigur u kompetittiv tad-data tal-UE ma’ pajjiżi terzi.

Monitoraġġ futur

Minħabba n-natura tal-inizjattiva – komunikazzjoni ta’ politika wiesgħa – il-monitoraġġ tal-inizjattiva se jsegwi fi stadju aktar tard meta jiġu implimentati l-azzjonijiet differenti. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-istrateġija f’waqtha, l-ewwel nett permezz tal-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data, tal-grupp ta’ esperti għall-kwistjonijiet tad-data u tal-grupp divers tal-partijiet ikkonċernati tagħha, bħala mekkaniżmu ta’ monitoraġġ, u se tirrapporta regolarment lill-Grupp ta’ Ħidma rilevanti tal-Kunsill u lill-kumitati parlamentari. Il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll l-implimentazzjoni tal-istrateġija permezz tal-azzjonijiet differenti li se jirriżultaw minnha. Kull miżura leġiżlattiva se tkun akkumpanjata minn valutazzjoni bir-reqqa u mekkaniżmi ta’ evalwazzjoni xierqa.

C. Regolamentazzjoni aħjar

Valutazzjoni tal-impatt

Peress li l-Komunikazzjoni qed tistabbilixxi strateġija u ħarsa ġenerali, għal dan it-tip ta’ azzjoni, mhi meħtieġa l-ebda valutazzjoni tal-impatt a priori. Il-proposti leġiżlattivi, l-azzjonijiet potenzjali jew proposti u inizjattivi oħra li x’aktarx ikollhom impatt sinifikanti, u l-għażliet ta’ politika li jitħabbru fl-Istrateġija, se jkunu akkumpanjati minn valutazzjonijiet tal-impatt meta xieraq. L-għan tal-Istrateġija għal Unjoni Ewropea tad-Data hu li tistabbilixxi approċċ ġenerali, li għalih ma hemm l-ebda impatt identifikabbli.

Strateġija ta’ konsultazzjoni

L-attivitajiet ta’ konsultazzjoni se jinkludu:

Konsultazzjoni pubblika (ara l-informazzjoni hawn taħt; kwestjonarji mmirati lill-Istati Membri u lill-esperti magħżula; konsultazzjonijiet immirati, anke dwar l-SMEs; sessjonijiet ta’ ħidma settorjali; intervisti ma’ esperti; avvenimenti ta’ livell għoli u żjarat fil-pajjiżi

Il-komunità tal-SMEs, l-ewwel nett, se tkun immirata direttament mill-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data u mir-rappreżentanti tal-SMEs tiegħu, u min-Network Enterprise Europe.

F’konformità mal-politika ta’ “Regolamentazzjoni aħjar” tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġu żviluppati inizjattivi msejsa fuq l-aqwa għarfien disponibbli, qed nistiednu wkoll lil riċerkaturi xjentifiċi, kif ukoll lil organizzazzjonijiet akkademiċi, soċjetajiet tat-tagħlim, u assoċjazzjonijiet xjentifiċi b’għarfien espert fil-politika tad-data, fl-intelliġenza artifiċjali, jew/u fit-tnaqqis tal-piż amministrattiv, biex jippreżentaw riċerka, analiżijiet u data xjentifiċi rilevanti li ġew ippubblikati jew li waslu biex jiġu ppubblikati.

Bħala parti minn din is-sejħa għal evidenza, qed inniedu konsultazzjoni pubblika fuq Semma’ Leħnek fejn kulħadd mistieden jagħti l-opinjoni tiegħu. Din tinsab hawnhekk: paġna tal-konsultazzjonijiet pubbliċi. Il-kwestjonarju hu ppubblikat bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż filwaqt li t-tweġibiet jistgħu jsiru fi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE. Il-konsultazzjoni pubblika tikkonsisti fi kwestjonarju u se jkun hemm ukoll il-possibbiltà li tehmeż dokument separat. Il-konsultazzjoni pubblika se tkun miftuħa għal 8 ġimgħat. Se jiġi ppubblikat rapport ta’ sinteżi fattwali fuq il-paġna tal-konsultazzjoni 8 ġimgħat wara li tagħlaq il-konsultazzjoni. Il-Kummissjoni se tħejji wkoll, fi żmien xieraq, u wara li tagħlaq il-konsultazzjoni, rapport fil-qosor li jiġbor flimkien l-attivitajiet kollha ta’ konsultazzjoni.

Għaliex qed nagħmlu din il-konsultazzjoni?

L-objettiv tal-proċess ta’ konsultazzjoni hu li jagħti lill-partijiet ikkonċernati l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom u jgħinu fit-tfassil tal-aġenda politika futura dwar l-ekonomija tad-data tal-UE. Dan se jikkontribwixxi wkoll għal inizjattivi futuri possibbli tal-Kummissjoni f’dan il-qasam ta’ politika filwaqt li jitqies il-kontribut tal-partijiet ikkonċernati kollha b’mod kollaborattiv u inklużiv.

Udjenza fil-mira

Il-partijiet ikkonċernati se jinġabru kif ġej:

·Iċ-ċittadini/Il-pubbliku ġenerali 

·Il-fornituri tad-data tas-settur pubbliku

·Il-fornituri tat-teknoloġija u l-utenti kummerċjali

·L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti

·Il-fornituri tal-ipproċessar tad-data

·Il-fornituri tal-intermedjazzjoni tad-data

·Il-fornituri tad-data

·L-industrija, l-SMEs u n-negozju relatati mal-forniment, mal-użu u mat-trattament tad-data. Dan jinkludi wkoll l-assoċjazzjonijiet industrijali, l-organizzazzjonijiet internazzjonali li joperaw fil-qasam ta’ interess, il-fornituri ġenerattivi ta’ kumpaniji tal-IA u l-bejjiegħa ta’ soluzzjonijiet ta’ sintetizzazzjoni

·L-assoċjazzjonijiet kummerċjali

·Ir-riċerkaturi u l-akkademiċi

·Ir-rappreżentanti tal-pjattaforma

·L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi

·L-esperti u l-gruppi ta’ riflessjoni: dan jinkludi r-riċerkaturi u l-ispeċjalisti li jaħdmu fuq suġġetti differenti ta’ interess, l-istituzzjonijiet ta’ riċerka