SEJĦA GĦAL EVIDENZA

GĦAL VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Dan id-dokument għandu l-għan li jinforma lill-pubbliku u lill-partijiet ikkonċernati dwar il-ħidma leġiżlattiva futura tal-Kummissjoni sabiex ikunu jistgħu jipprovdu feedback dwar kif il-Kummissjoni tifhem il-problema u dwar is-soluzzjonijiet possibbli u jagħtu lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni rilevanti li jista’ jkollhom, inkluż dwar l-impatti possibbli tal-għażliet differenti.

Titolu tal-inizjattiva

L-Att għall-Aċċellerazzjoni tad-Dekarbonizzazzjoni Industrijali – inħaffu d-dekarbonizzazzjoni

DĠ ewlieni (unità responsabbli)

DĠ GROW – Unità I1

Tip probabbli ta’ inizjattiva

Regolament

Skeda taż-żmien indikattiva

Q4-2025

Informazzjoni addizzjonali

Patt għal Industrija Nadifa 

A. Kuntest politiku, definizzjoni tal-problema u analiżi tas-sussidjarjetà

Kuntest politiku

Il-bażi industrijali tal-Ewropa hija ċentrali għall-identità tagħna u essenzjali għall-kompetittività u r-reżiljenza tagħna. Il-Patt għal Industrija Nadifa 1 huwa l-istrateġija l-ġdida ta’ tkabbir tal-Ewropa biex taċċellera d-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività għall-industrija Ewropea. Għandu l-għan li jżid il-produzzjoni industrijali sostenibbli u reżiljenti fl-Ewropa, filwaqt li jinvesti fid-dekarbonizzazzjoni. Id-dekarbonizzazzjoni tal-industriji intensivi fl-enerġija (EIIs, energy-intensive industries) hija meħtieġa biex tintlaħaq in-newtralità klimatika. Madankollu, dan mhux se jirnexxi mingħajr is-salvagwardja tal-kompetittività tal-EIIs. Dawn l-industriji huma ta’ importanza strateġika għar-reżiljenza, is-sigurtà u l-prosperità ekonomika tal-UE. Huma l-punt tat-tluq ewlieni għal ħafna ktajjen tal-valur, u jipprovdu materja prima, ipproċessata u intermedja lil setturi downstream bħas-settur tal-karozzi, tal-kostruzzjoni, tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, tal-prodotti tal-inġinerija, tad-difiża u tal-ajruspazju, u jiffurmaw il-bażi tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Għal dawn ir-raġunijiet, l-EIIs jeħtieġu appoġġ urġenti għad-dekarbonizzazzjoni, l-elettrifikazzjoni kif ukoll l-indirizzar tal-kostijiet għoljin tal-enerġija, il-kompetizzjoni globali inġusta u r-regolamenti kumplessi li jipperikolaw l-argument għall-vijabbiltà tagħhom, jagħmlu ħsara lill-kompetittività tagħhom u jdgħajfu r-reżiljenza Ewropea.

Il-Patt għal Industrija Nadifa jħabbar Att għall-Aċċellerazzjoni tad-Dekarbonizzazzjoni Industrijali biex jindirizza r-restrizzjonijiet tal-permessi relatati mad-dekarbonizzazzjoni industrijali u l-aċċess għall-enerġija u jappoġġa l-ħolqien ta’ swieq pilota għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji u prodotti industrijali nodfa u reżiljenti Ewropej.

Problema li l-inizjattiva timmira li tindirizza

L-EIIs jirrappreżentaw 19 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE, filwaqt li jimpjegaw 7,8 miljun persuna u jipprovdu valur miżjud ta’ EUR 549 biljun.

Il-kompetittività ta’ dawn is-setturi hija mminata minn diversi fatturi: kostijiet ogħla tal-enerġija milli f’pajjiżi mhux tal-UE, tnaqqis fid-domanda f’xi wħud mis-setturi downstream ewlenin (eż. is-settur tal-karozzi, tal-kostruzzjoni), u kapaċitajiet żejda mhux tas-suq xprunati minn strateġiji ta’ tkabbir immexxija mill-esportazzjoni u produzzjoni ssussidjata mill-Istat f’pajjiżimhux tal-UE 2 . Dan jirriżulta fi pressjoni ogħla fuq il-prezzijiet minħabba importazzjonijiet irħas u r-riskju li jinħolqu dipendenzi f’setturi strateġiċi.

Biex tegħleb dan u tibni fuq inizjattivi oħrajn eżistenti jew li għaddejjin bħalissa, din l-inizjattiva għandha l-għan li tindirizza l-problemi speċifiċi li ġejjin. L-ewwel nett, proċeduri twal għall-għoti tal-permessi 3 għall-proġetti ta’ dekarbonizzazzjoni (xi drabi marbuta mal-aċċess għall-infrastruttura tal-enerġija) huma ta’ tħassib għall-EIIs li jixtiequ jiddekarbonizzaw. It-tieni, it-teknoloġiji għad-dekarbonizzazzjoni tal-EIIs spiss għadhom mhumiex kompetittivi f’termini ta’ kostijiet minħabba kostijiet kapitali u operazzjonali għoljin, żminijiet twal ħafna ta’ rkupru tal-kost u spiss għadhom ma jintużawx fuq skala kbira. It-tielet, hemm nuqqas ta’ domanda għal prodotti industrijali nodfa bil-prezzijiet attwali meta mqabbla mal-alternattivi konvenzjonali tagħhom. 

Dawn il-fatturi kollha jikkontribwixxu għal tnaqqis fil-produzzjoni industrijali u ambjent tan-negozju diffiċli għall-investimenti fid-dekarbonizzazzjoni 4 . It-tisħiħ tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS, Emissions Trading System) se jtejjeb l-argument għall-vijabbiltà maż-żmien, iżda l-prezzijiet tal-karbonju għadhom inċerti ħafna. Illum, it-tnaqqis fl-emissjonijiet ħafna drabi huwa r-riżultat ta’ produzzjoni mnaqqsa aktar milli żieda fl-effiċjenza, l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija u l-proċessi ta’ manifattura dekarbonizzati, speċjalment għall-aktar setturi intensivi fl-enerġija (eż. il-polpa u l-karta, il-metalli bażiċi, il-minerali u s-sustanzi kimiċi 5 ). L-investimenti f’teknoloġiji nodfa mhumiex qed jimmaterjalizzaw malajr biżżejjed biex joffru perkorsi kummerċjali vijabbli għad-dekarbonizzazzjoni tal-EIIs u jilħqu l-objettiv Ewropew tan-newtralità klimatika 6 . 

Bażi għall-azzjoni tal-UE (bażi legali u analiżi tas-sussidjarjetà)

Bażi legali

L-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi l-bażi ġuridika xierqa peress li jippermetti lill-UE tadotta miżuri li jsaħħu l-armonizzazzjoni, filwaqt li jiżguraw kundizzjonijiet ekwi fis-suq uniku sabiex tinżamm u tiżdied il-produzzjoni industrijali billi jiġu appoġġati l-investimenti fid-dekarbonizzazzjoni. L-Artikolu 173(3) tat-TFUE dwar il-politika industrijali jista’ jipprovdi wkoll bażi legali rilevanti biex jgħin lill-Istati Membri jiżguraw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kompetittività industrijali.

Ħtieġa prattika li tittieħed azzjoni tal-UE

Il-kuntest attwali joħloq il-kundizzjonijiet għall-intervent tal-UE biex jiġi appoġġat l-argument għall-vijabbiltà industrijali Ewropew. Il-problema tista’ tiġi indirizzata biss parzjalment mill-Istati Membri minħabba n-natura integrata tas-suq għall-prodotti industrijali intensivi fl-enerġija u dik tas-swieq tal-enerġija. Jeħtieġ li nippreservaw kundizzjonijiet ekwi fis-suq uniku. In-nuqqas ta’ azzjoni addizzjonali tal-UE jżomm l-istatus quo, iżid ir-riskju li jintilfu l-industriji strateġiċi Ewropej u jsir eċċessivament dipendenti fuq pajjiżi mhux tal-UE għall-objettivi ekoloġiċi, diġitali, tad-difiża u tas-sigurtà ekonomika tal-UE. L-azzjoni fil-livell tal-UE tipprovdi valur miżjud f’termini ta’ simplifikazzjoni tal-piż regolatorju u l-prattika amministrattiva, toħloq qafas aktar rapidu u kkoordinat biex jiġu ffaċilitati l-investimenti fid-dekarbonizzazzjoni u tissaħħaħ ir-reżiljenza Ewropea. Approċċ koordinat tal-UE jżid ukoll l-effiċjenza tal-investiment u jappoġġa l-iżvilupp ta’ swieq pilota Ewropej b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, filwaqt li jipprevjeni l-frammentazzjoni tas-suq intern.

B. Objettivi u opzjonijiet ta’ politika

L-objettiv ġenerali tal-Att għall-Aċċellerazzjoni tad-Dekarbonizzazzjoni Industrijali huwa li tiżdied il-produzzjoni industrijali sostenibbli u reżiljenti fis-setturi industrijali intensivi fl-enerġija fl-UE billi jiġu appoġġati l-investimenti fid-dekarbonizzazzjoni. Minbarra x-xenarju bażi (l-istatus quo), il-Kummissjoni se tivvaluta għażliet iffukati fuq miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi. L-Att se jikkunsidra tliet objettivi speċifiċi: 1. Se jħaffef il-proċeduri għall-għoti ta’ permessi għad-dekarbonizzazzjoni industrijali; 2. Se jidentifika u jippromwovi proġetti u raggruppamenti ta’ dekarbonizzazzjoni industrijali prijoritarji; 3. Il-ħolqien u l-protezzjoni tas-swieq pilota Ewropej għall-prodotti Ewropej b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Se jfittex ukoll li jikkontribwixxi għas-sitt qasam ta’ prijorità tal-Patt għal Industrija Nadifa, jiġifieri jiżgura l-ħiliet, il-kwalità tal-impjiegi u tranżizzjonijiet ġusti billi jistabbilixxi din id-dimensjoni fl-objettivi u l-azzjonijiet kollha.

L-inizjattiva se tiffoka fuq l-EIIs (jiġifieri s-sustanzi kimiċi, l-azzar, il-polpa u l-karta, ir-raffineriji, is-siment, il-metalli mhux ferrużi, il-ħġieġ u ċ-ċeramika) u, fejn rilevanti, se tqis l-industriji downstream relatati fi ħdan loġika tal-katina tal-valur. Il-valutazzjoni tal-impatt se tivvaluta u tidentifika l-kamp ta’ applikazzjoni tas-setturi rilevanti u se tikkunsidra miżuri allinjati mal- objettivi speċifikati:

  

1.It-tħaffif tal-proċeduri għall-għoti ta’ permessi għall-aċċess industrijali għall-enerġija u għad-dekarbonizzazzjoni industrijali, filwaqt li jiġu żgurati standards ambjentali għoljin: Il-valutazzjoni tal-impatt se tikkunsidra miżuri differenti, inklużi miżuri biex jittejjeb l-aċċess għall-enerġija (primarjament l-elettriku iżda wkoll l-idroġenu) u l-aċċess għall-infrastruttura tal-qbid, l-użu u l-ħżin tal-karbonju. Dawn il-miżuri se jibnu fuq l-esperjenza miksuba permezz tar-regolament ta’ Emerġenza tal-UE dwar il-ħruġ tal-permessi 7 , id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli 8 , ir-Regolament TEN-E 9 , l-Att dwar il-Materja Prima Kritika 10 u l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti 11 , filwaqt li jisfruttaw ukoll id-diġitalizzazzjoni. 

2.Identifikazzjoni u promozzjoni ta’ proġetti u raggruppamenti ta’ prijorità: Ir-riskji marbuta mal-investimenti fi proġetti ta’ dekarbonizzazzjoni huma għoljin, għalhekk l-intervent pubbliku spiss ikun kruċjali biex jgħin biex jitnaqqas ir-riskju tal-investiment f’teknoloġiji nodfa. Il-valutazzjoni tal-impatt se tivvaluta l-kriterji rilevanti biex tidentifika proġetti jew raggruppamenti ta’ dekarbonizzazzjoni industrijali prijoritarji u tivvaluta l-miżuri ta’ politika li jappoġġawhom u jippromwovuhom, inkluż billi tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament. L-għażliet ta’ politika se jikkunsidraw ukoll kif se jappoġġaw lill-Istati Membri fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni ta’ ambjent abilitanti xieraq għar-raggruppamenti industrijali. 

3.Il-ħolqien u l-protezzjoni tas-swieq pilota Ewropej għall-prodotti b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju: Il-valutazzjoni tal-impatt se tikkunsidra miżuri li jappoġġaw is-swieq pilota, inkluż billi:

·L-introduzzjoni ta’ kriterji ta’ sostenibbiltà u reżiljenza u rekwiżiti minimi ta’ kontenut tal-UE fl-akkwist pubbliku (u f’xi ċirkostanzi, privat) f’setturi strateġiċi. Dan għandu l-għan li joħloq swieq pilota għal prodotti industrijali b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, filwaqt li jallinja ma’ inizjattivi leġiżlattivi oħra u mal-impenji internazzjonali tal-UE.

·Il-promozzjoni ta’ prodotti industrijali b’intensità baxxa ta’ karbonju, inklużi għażliet għal tikketta tal-UE. Se tiżviluppa tikketta volontarja għall-azzar ibbażata fuq id-data tal-ETS u li tibni fuq il-metodoloġija tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri tal-UE. Il-valutazzjoni tal-impatt se tikkunsidra wkoll inċentivi għall-użu ta’ materja prima tal-karbonju nadifa, inkluż il-ġbir u l-użu tal-karbonju, il-bijomassa sostenibbli u l-iskart riċiklat.

·Il-protezzjoni tas-swieq pilota Ewropej. L-għażliet ta’ politika se jikkunsidraw miżuri biex jagħtu spinta lill-benefiċċji tas-suq uniku tal-investiment (dirett barrani) f’teknoloġiji innovattivi u jindirizzaw l-isfidi industrijali, filwaqt li jikkomplementaw, fejn rilevanti, l-istrumenti eżistenti tal-politika kummerċjali.

L-inizjattiva hija konsistenti mal-politika nazzjonali u tal-UE eżistenti u se tkun konformi mal-impenji internazzjonali tal-UE. Hija timplimenta deċiżjonijiet ta’ politika mħabbra fil-Patt għal Industrija Nadifa u tikkomplementa l-leġiżlazzjoni eżistenti bħall-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti, l-EU ETS, il-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri tal-UE, ir-regoli dwar is-swieq tal-enerġija u l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ.

C. Impatti probabbli

F’termini tal-impatt ekonomiku, il-valutazzjoni tal-impatt se tivvaluta l-għażliet f’termini tal-kapaċità tagħhom li jaċċelleraw id-dekarbonizzazzjoni industrijali, inkluż billi tappoġġa l-investimenti, filwaqt li tiżgura li l-Ewropa żżomm l-industriji strateġiċi tagħha u l-kompetittività tagħhom. Il-miżuri jgħinu biex jitneħħew l-ostakli regolatorji u r-restrizzjonijiet għal proġetti ġodda u eżistenti ta’ investiment fid-dekarbonizzazzjoni billi jissimplifikaw il-proċeduri u jistimulaw id-domanda għal prodotti reżiljenti u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Bħala tali, huma mistennija li jtejbu l-kompetittività u r-reżiljenza tal-UE, filwaqt li jżommu l-valur miżjud tal-kumpaniji tal-manifattura u l-impjiegi ta’ kwalità. Fl-istess ħin, il-miżuri li se jgħinu biex jinħolqu swieq ewlenin għal prodotti b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju jew biex jiġu appoġġati l-industriji għal raġunijiet strateġiċi jew ta’ sigurtà jista’ jkollhom xi impatti negattivi f’termini ta’ żieda fil-kost għall-prodotti downstream u/jew għall-konsumaturi finali. Dawn l-impatti se jiġu vvalutati bir-reqqa. Il-kostijiet u l-benefiċċji tad-diversi għażliet se jiġu investigati u kkwantifikati fejn possibbli. Minħabba d-dimensjoni ta’ simplifikazzjoni ta’ din l-inizjattiva, din se tiffoka fuq l-identifikazzjoni tat-tnaqqis tal-piżijiet. Barra minn hekk, se tingħata wkoll attenzjoni speċjali għall-analiżi tad-dimensjoni tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u tal-kompetittività tad-diversi għażliet.

F’termini ta’ impatt soċjali, il-miżuri jappoġġaw proġetti ta’ dekarbonizzazzjoni industrijali fl-UE, jipprovdu opportunitajiet għall-iżvilupp reġjonali, jippreservaw il-livell attwali ta’ impjieg fl-EIIs u potenzjalment iżiduh, inkluż permezz ta’ sforzi ta’ titjib tal-ħiliet jew ta’ taħriġ mill-ġdid.

F’termini ta’ impatt ambjentali, il-miżuri jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-setturi u r-reġjuni industrijali, filwaqt li jappoġġaw l-użu ta’ teknoloġiji aktar nodfa f’konformità mal-ambizzjoni klimatika tal-UE.

D. Strumenti għal regolamentazzjoni aħjar

Valutazzjoni tal-impatt

Il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni tal-impatt biex tivvaluta l-għażliet ta’ politika differenti u l-impatt probabbli tagħhom. L-analiżi se tkun appoġġata mir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika miftuħa, il-konsultazzjoni mmirata li hija prevista wkoll, l-analiżi interna u l-istudji esterni u se tgħin fit-tħejjija tal-proposta tal-Kummissjoni 12

Strateġija ta’ konsultazzjoni

L-għan tal-konsultazzjoni huwa li jinġabru evidenza u fehmiet mill-partijiet ikkonċernati u miċ-ċittadini, inklużi dawk li se jiġu affettwati direttament minn din l-inizjattiva. Dan se jagħtihom l-opportunità li jipprovdu informazzjoni rilevanti dwar il-problemi u s-soluzzjonijiet potenzjali.

L-attivitajiet ta’ konsultazzjoni se jinkludu i) din is-sejħa għal evidenza u l-konsultazzjoni pubblika li takkumpanjaha, miftuħa għall-feedback għal durata ta’ 12-il ġimgħa fuq il- portal Semma’ Leħnek; ii) konsultazzjonijiet immirati mal-Istati Membri, is-sħab soċjali, il-partijiet ikkonċernati u l-esperti kif meħtieġ. F’dawn l-attivitajiet, se tingħata kunsiderazzjoni partikolari lill-SMEs, lill-investituri, liċ-ċittadini u lill-konsumaturi. Se jiġu organizzati sessjonijiet ta’ ħidma għall-partijiet ikkonċernati biex tinġabar evidenza addizzjonali.

Wara l-konsultazzjoni pubblika, se jiġi ppubblikat sommarju fattwali. Se jiġi ppubblikat rapport fil-qosor tal-attivitajiet kollha ta’ konsultazzjoni bħala anness tal-valutazzjoni tal-impatt.

Għaliex qed nagħmlu din il-konsultazzjoni?

Il-konsultazzjoni għandha l-għan li tiżgura li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jkunu jistgħu jipprovdu l-fehmiet, l-evidenza u l-esperjenzi tagħhom. Dan se jtejjeb ukoll il-bażi tal-evidenza li tirfed l-inizjattiva u jippermetti lill-Kummissjoni tqis l-informazzjoni u l-fehmiet dwar il-problemi u s-soluzzjonijiet potenzjali.

Udjenza fil-mira

Iċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati kollha huma mistiedna jikkontribwixxu għal din il-konsultazzjoni. Il-kontribuzzjonijiet huma mfittxija b’mod partikolari mill-amministrazzjonijiet nazzjonali u sottonazzjonali fl-UE, in-negozji, inklużi l-SMEs, l-assoċjazzjonijiet kummerċjali Ewropej u nazzjonali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, is-sħab soċjali, il-gruppi ta’ riflessjoni, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-pajjiżi mhux tal-UE.

(1)

 COM(2025) 85 final – Il-Patt għal Industrija Nadifa: Pjan direzzjonali konġunt għall-kompetittività u d-dekarbonizzazzjoni.

(2)   https://one.oecd.org/document/DSTI/SC(2023)3/FINAL/en/pdf .
(3) Ara pereżempju r-rapport finali ta’ Business Europe, Licence to transform – SWOT analysis of industrial permitting in Europe, Frar 2024.
(4) Ara l-eżempju ta’ proġetti tal-azzar b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju – LeadIT Green Steel Tracker, li juri tnaqqis fit-tħabbir ta’ proġetti ġodda fl-Ewropa fl-2024, fil-kuntest ta’ firxa usa’ ta’ investimenti globalment.
(5)   https://climate.ec.europa.eu/document/download/7bd19c68-b179-4f3f-af75-4e309ec0646f_en?filename=CAPR-report2024-web.pdf .
(6) Din kienet waħda mis-sejbiet ewlenin tar- rapport ta’ Draghi dwar il-futur tal-kompetittività Ewropea.
(7) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2577.
(8) Id-Direttiva (UE) 2023/2413.
(9) Ir-Regolament (UE) 2022/869.
(10) Ir-Regolament (UE) 2024/1252.
(11) Ir-Regolament (UE) 2024/1735.
(12)   Ir-rapport ta’ Draghi dwar il-futur tal-kompetittività Ewropea ; SWD(2025) 12 final – It-tieni rapport annwali dwar is-sejbiet ewlenin mill-Monitoraġġ Ewropew tal-Ekosistemi Industrijali (EMI, European Monitor of Industrial Ecosystems) .