SEJĦA GĦAL EVIDENZA

GĦAL INIZJATTIVA (mingħajr valutazzjoni tal-impatt)

Dan id-dokument għandu l-għan li jgħarraf lill-pubbliku u lill-partijiet ikkonċernati bil-ħidma tal-Kummissjoni sabiex ikunu jistgħu jipprovdu feedback u jipparteċipaw b’mod effettiv f’attivitajiet ta’ konsultazzjoni.

Nitolbu lil dawn il-gruppi jipprovdu l-fehmiet tagħhom dwar kif il-Kummissjoni tinterpreta l-problema u s-soluzzjonijiet possibbli, u biex jipprovdulna kull informazzjoni rilevanti li jista’ jkollhom.

Titolu tal-inizjattiva

Il-Ftehim fis-settur tas-sajd ta’ bejn l-UE u São Tomé u Príncipe – mandat ta’ negozjar għal protokoll ġdid

DĠ ewlieni – unità responsabbli

Id-DĠ għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, l-Unità B3 Negozjati Kummerċjali u Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli

Tip probabbli ta’ inizjattiva

Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill

Żmien indikattiv

L-ewwel trimestru tal-2024

Informazzjoni addizzjonali

https://ec.europa.eu/oceans-and-fisheries/fisheries/international-agreements/sustainable-fisheries-partnership-agreements-sfpas_en 

A. Kuntest politiku, definizzjoni tal-problema u analiżi tas-sussidjarjetà

Kuntest politiku

Din is-sejħa għal evidenza tkopri l-evalwazzjoni tal-Protokoll attwali li jimplimenta l-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd (FPA) ma’ São Tomé u Príncipe 1 u l-konklużjoni possibbli ta’ protokoll ġdid.

Bħala parti mill-politika esterna tal-politika komuni tas-sajd (PKS) tal-UE 2 , il-Kummissjoni tinnegozja u timplimenta l-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli (SFPA) ma’ pajjiżi mhux tal-UE. L-SFPA jippermettu lill-flotta tal-UE tistad ir-riżorsi żejda fl-ilmijiet (jew fiż-żona ekonomika esklużiva) tal-pajjiż sieħeb. Min-naħa tagħha, biex taċċessa l-ilmijiet tal-pajjiż sieħeb, l-UE tagħtih kumpens u għajnuna finanzjarja biex itejjeb il-governanza tas-sajd tiegħu (sostenn settorjali). Il-kontribuzzjoni pubblika tal-UE hija kkomplementata permezz tal-kontribuzzjonijiet li jħallsu s-sidien tal-bastimenti tal-UE.

L-FPA ġie ffirmat fit-30 ta’ Ottubru 2007 u daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Awwissu 2011. Ġie konkluż għal 4 snin, u mbagħad ġie mġedded awtomatikament. Dan l-FPA ġie implimentat permezz ta’ diversi protokolli suċċessivi. Il-Protokoll attwali 3 beda fid-19 ta’ Diċembru 2019 u għandu sat-18 ta’ Diċembru 2024.

Għall-SFPA, ir-Regolament Bażiku tal-PKS jistabbilixxi rekwiżiti obbligatorji ta’ evalwazzjoni ex post u ex ante 4 , li jifformaw il-bażi ta’ direttiva possibbli ta’ negozjati għall-konklużjoni ta’ protokoll ta’ implimentazzjoni ġdid.

Għalhekk, għandhom jitwettqu evalwazzjoni retrospettiva (l-evalwazzjoni ex post), li tkopri l-perjodu mill-2019 sal-lum, u evalwazzjoni prospettiva (l-evalwazzjoni ex ante) għall-possibbiltà ta’ protokoll ta’ implimentazzjoni ġdid.

L-evalwazzjoni retrospettiva se tanalizza l-iżviluppi fil-politika tas-sajd u fis-settur lokali tas-sajd ta’ São Tomé u Príncipe. Din se tivvaluta l-attivitajiet tas-sajd tal-flotta tal-UE, l-impatt tal-ħatt l-art fuq l-ipproċessar u fuq il-kummerċ tal-prodotti tas-sajd u kif jitqiesu l-interessi tan-negozji tal-UE. Se tħares ukoll lejn ir-riżultati u l-prestazzjoni tal-appoġġ settorjali kif ukoll lejn l-impatti pożittivi tiegħu f’São Tomé u Príncipe. Se tgħin lill-UE u lil São Tomé u Príncipe jisiltu l-konklużjonijiet dwar il-prestazzjoni tal-Protokoll f’termini ta’ effettività, ta’ effiċjenza, ta’ rilevanza, ta’ koerenza, ta’ aċċettazzjoni, ta’ impatt u ta’ valur miżjud għaż-żewġ sieħba.

L-evalwazzjoni prospettiva se tivvaluta l-ħtiġijiet attwali u futuri u se tagħti ħarsa lejn il-Protokoll attwali u lejn ir-riżultati tal-evalwazzjoni retrospettiva. Din se tgħin biex jiġu ddeterminati l-karatteristiċi li protokoll ġdid jenħtieġ li jkun jinkludi. L-evalwazzjoni se tqis ukoll l-aspetti reġjonali 5 u l-SFPA 6 l-oħra konklużi fir-reġjun.

L-evalwazzjonijiet se jitlestew fir-raba’ trimestru tal-2023. Ir-rapport finali se jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u se jkun disponibbli fuq is-siti web rilevanti (l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea 7 u l-pubblikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-oċeani u s-sajd) 8 . Dan se jaħbat mal-adozzjoni mill-Kummissjoni tar-Rakkomandazzjoni tagħha għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati ma’ São Tomé u Príncipe (ippjanat għar-raba’ trimestru tal-2023). 

Problema li l-inizjattiva timmira li tindirizza

L-inizjattiva għandha l-għan li tippromwovi l-attivitajiet tas-sajd sostenibbli mill-flotta tal-UE fl-ilmijiet ta’ São Tomé u Príncipe. L-objettiv huwa li jiġi nnegozjat protokoll ġdid li jimplimenta l-Ftehim eżistenti.

Skont l-Artikolu 31(5) tar-Regolament Bażiku tal-PKS, il-flotta tal-UE ma tistax tistad jekk ma jkunx hemm SFPA bejn São Tomé u Príncipe u l-UE. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi nnegozjat protokoll ġdid biex hekk kif il-Protokoll attwali jiskadi fid-19 ta’ Diċembru 2024, il-flotta tal-UE tkun tista’ tistad fl-ilmijiet tal-pajjiż malajr kemm jista’ jkun.

Il-Ftehim huwa importanti għall-UE u għal São Tomé u Príncipe. Dan jipprovdi opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tal-UE fl-ilmijiet ta’ São Tomé u Príncipe u jappoġġa b’mod sinifikanti s-sajd u l-governanza marittima tal-pajjiż. Dan jifforma parti minn sensiela ta’ FPA li jippermettu li jsir sajd għat-tonn tropikali fil-Lvant tal-Oċean Atlantiku, li huwa speċi magħrufa għall-migrazzjonijiet estensivi tiegħu.

Il-Protokoll attwali ma jħallix aktar minn 34 bastiment, li jtajru l-bandiera ta’ Spanja, ta’ Franza jew tal-Portugall, joperaw fl-ilmijiet ta’ São Tomé u Príncipe matul is-sena kollha. Tul il-perjodu kopert mill-Protokoll, l-UE għamlet kontribuzzjoni finanzjarja pubblika totali ta’ madwar €4.2 miljun.

Il-bastimenti tal-UE huma interessati fl-użu sostenibbli tal-ispeċijiet li jixbhu lit-tonn, filwaqt li jiżguraw sajd responsabbli biex jiġu appoġġati l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli fit-tul tar-riżorsi ħajjin tal-baħar. Dan iqis l-aħjar parir xjentifiku disponibbli, b’mod partikolari mill-organizzazzjonijiet reġjonali kompetenti għall-ġestjoni tas-sajd.

São Tomé u Príncipe għandu interess li jġedded il-Protokoll biex ikompli jiżviluppa s-settur tas-sajd tiegħu b’mod sostenibbli. Protokoll ġdid ikun ta’ benefiċċju għall-popolazzjoni ta’ São Tomé u Príncipe billi jipprovdi dħul ekonomiku u opportunitajiet ta’ impjieg permezz tal-preżenza u tal-ħatt l-art possibbli tal-flotta tal-UE. Dan kieku jgħin ukoll biex jinħolqu negozji, taħriġ vokazzjonali, u programmi mmirati lejn l-iżvilupp u l-immodernizzar tas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura b’mod sostenibbli. Il-Protokoll ta’ implimentazzjoni għandu jkun trasparenti u jinkludi klawżoli dwar in-nondiskriminazzjoni u d-drittijiet tal-bniedem.

Bażi għall-azzjoni tal-UE (bażi legali u analiżi tas-sussidjarjetà)

Bażi legali

Din l-inizjattiva taqa’ fil-qasam ta’ politika (il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-qafas tal-PKS) li fih l-UE għandha setgħat esklużivi (skont l-Artikolu 3(1)(d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea). Peress li l-Istati Membri mhumiex intitolati jinnegozjaw ftehimiet fis-settur tas-sajd ma’ pajjiżi mhux tal-UE, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Ħtieġa prattika li tittieħed azzjoni tal-UE

Skont il-PKS tal-UE, trid tkun il-Kummissjoni li tinnegozja u timplimenta l-SFPA ma’ pajjiżi mhux tal-UE.

B. X’objettivi għandha l-inizjattiva u kif se tiksibhom? [Mhux aktar minn 25 linja]

L-objettivi tal-SFPA u tal-Protokoll ta’ implimentazzjoni tiegħu ma’ São Tomé u Príncipe huma li:

jikkontribwixxu għall-konservazzjoni tar-riżorsi u għas-sostenibbiltà ambjentali permezz tal-użu razzjonali u sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar fl-ilmijiet ta’ São Tomé u Príncipe, f’konformità mal-prinċipju u mal-istandards għall-ġestjoni tas-sajd li japplikaw fl-ilmijiet tal-UE;

jappoġġaw il-ġbir tad-data, it-trasparenza dwar l-isforzi tas-sajd u l-evalwazzjoni xjentifika tal-istokkijiet;

jiżviluppaw u jimmodernizzaw il-ġestjoni tas-sajd, b’qafas legali xieraq u b’kapaċità xierqa ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza;

jiġġieldu kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat;

jipprovdu l-aċċess għall-postijiet għas-sajd lill-flotta tal-UE ta’ distanzi twal, kif jagħmel il-Protokoll attwali, b’mod proporzjonat mal-ħtiġijiet tagħha u b’tariffi għall-aċċess u kundizzjonijiet ġusti u mhux diskriminatorji, meta mqabbla ma’ flotot barranin oħra;

jappoġġaw l-attivitajiet ekonomiċi assoċjati mal-ħatt l-art tal-flotta tal-UE, speċjalment l-industrija tal-ipproċessar, u jipproteġu l-impjiegi assoċjati direttament mal-ħatt l-art;

jippromwovu l-impjieg tas-sajjieda lokali, jippromwovu l-aspetti soċjali u x-xogħol deċenti fl-attivitajiet tas-sajd.

L-analiżi tal-għażliet ta’ politika se titwettaq bħala parti mill-istudju tal-evalwazzjoni prospettiva. Din se tivvaluta x-xenarji li ġejjin.

L-ebda Protokoll ġdid. F’dan il-każ, skont il-klawżola ta’ esklużività tal-Ftehim attwali, il-bastimenti tal-UE ma jitħallewx jistadu fl-ilmijiet ta’ São Tomé u Príncipe.

Il-Protokoll attwali bejn l-UE u São Tomé u Príncipe: negozjar ta’ protokoll ġdid li jżomm il-karatteristiċi tal-protokoll attwali.

Protokoll imtejjeb b’analiżi dettaljata tal-karatteristiċi kollha meħtieġa għal dan il-Ftehim speċifiku kif ukoll tal-ħtiġijiet ta’ São Tomé u Príncipe u tal-flotta tal-UE.

Impatti probabbli

Protokoll ta’ implimentazzjoni ġdid se jkompli joffri opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet ta’ São Tomé u Príncipe lill-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-pajjiżi tal-UE.

L-implimentazzjoni tal-Ftehim tippromwovi governanza tajba, tappoġġa lis-settur tas-sajd lokali u tgħin: (i) fl-immodernizzar tal-infrastruttura tas-sajd; (ii) fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-komunitajiet kostali; u (iii) fil-promozzjoni tar-riċerka xjentifika biex tappoġġa s-sajd sostenibbli f’São Tomé u Príncipe. Din l-implimentazzjoni tappoġġa wkoll il-kisba tal-14-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU “Il-Ħajja Taħt l-Ilma” 9 u l-indikaturi tiegħu.

Monitoraġġ fil-futur

L-SFPA jinkludu l-obbligi għall-użu sostenibbli tar-riżorsi, għat-tisħiħ tal-kapaċità lokali fir-rigward tar-riċerka xjentifika, u għall-monitoraġġ, għall-kontroll u għas-sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd. Kumitat konġunt, stabbilit fil-Ftehim u fil-Protokoll tiegħu, jissorvelja l-implimentazzjoni u jiżgura li d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll jiġu rispettati. Kull sena, dan il-kumitat se jeżamina l-attivitajiet tas-sajd u jirrapporta dwar l-użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja.

C. Regolamentazzjoni aħjar

Valutazzjoni tal-impatt

Din l-inizjattiva ma teħtieġx valutazzjoni tal-impatti peress li tistabbilixxi approċċ ta’ politika ġenerali u ma tintrabat bl-ebda azzjoni partikolari. Madankollu, se jitwettqu evalwazzjonijiet retrospettivi u prospettivi bl-użu ta’ sett ta’ mistoqsijiet għall-partijiet ikkonċernati.

Għall-evalwazzjoni retrospettiva, il-mistoqsijiet jikkonċernaw l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza, l-aċċettabbiltà, l-impatt u l-valur miżjud tal-UE tal-Protokoll.

Għall-evalwazzjoni prospettiva, il-mistoqsijiet jiffukaw fuq l-identifikazzjoni tal-problemi u tal-ħtiġijiet, l-objettivi li għandhom jinkisbu, l-għażliet disponibbli (protokoll ġdid jew l-ebda protokoll) u r-riskji assoċjati, il-valur miżjud għall-UE, u t-tagħlimiet meħuda.

Strateġija ta’ konsultazzjoni

Il-partijiet ikkonċernati se jiġu kkonsultati biex jiġi żgurat li l-evalwazzjoni u n-negozjati possibbli ma’ São Tomé u Príncipe jqisu l-fehmiet tagħhom.

Il-konsultazzjonijiet se jsiru permezz ta’ laqgħat preparatorji u ta’ intervisti mmirati:

1.mar-rappreżentanti tal-industriji tas-sajd u tal-ipproċessar tal-UE u mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) tal-UE permezz tal-Kunsill Konsultattiv għall-Flotta ta’ Distanzi Twal 10 ;

2.mar-rappreżentanti tal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri u tal-industrija; u barra minn hekk, se jiġu organizzati laqgħat tekniċi mar-rappreżentanti tal-Istati Membri;

3.mal-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali u mal-awtoritajiet tas-sajd, mal-industrija tas-sajd u mas-soċjetà ċivili ta’ São Tomé u Príncipe; l-evalwaturi se jwettqu żjarat fuq il-post skont il-bżonn biex jiġbru l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati permezz ta’ kwestjonarji u ta’ intervisti wiċċ imb wiċċ biex jivvalutaw il-benefiċċji għad-diversi gruppi.

Ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati se jiġu ppreżentati fir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni li għandu jiġi ppubblikat wara li jkun ġie ffinalizzat l-istudju tal-evalwazzjoni u qabel ma jibdew in-negozjati.

Ir-rekwiżiti legali u proċedurali għat-tħejjija ta’ SFPA ġodda jwasslu għal skeda stretta li ma tħallix lok għal konsultazzjoni pubblika miftuħa. Għalhekk, se jiġu kkonsultati b’mod immirat għadd limitat ta’ partijiet ikkonċernati.

Għaliex qed nagħmlu din il-konsultazzjoni?

Biex jiġi żgurat li l-evalwazzjoni u n-negozjati futuri dwar it-tiġdid possibbli tal-Protokoll ta’ ma’ São Tomé u Príncipe jqisu l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati, filwaqt li jiġi żgurat li l-eżitu jkun ftehim ġust u bbilanċjat għaż-żewġ partijiet.

Udjenza fil-mira

·Ir-rappreżentanti tal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, tal-industriji tas-sajd u tal-ipproċessar tal-UE, tal-NGOs rilevanti tal-UE, u tal-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali.

·L-awtoritajiet tas-sajd, l-industrija tas-sajd (is-sajd u l-ipproċessar) u s-soċjetà ċivili ta’ São Tomé u Príncipe.

(1)       Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 894/2007 tat-23 ta’ Lulju 2007 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé e Príncipe u l-Komunità Ewropea (ĠU L 205, 7.8.2007, p. 35).
(2)       L-Artikoli 31 u 32 tar- Regolament Bażiku tal-PKS (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE .
(3)    Il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe u l-Komunità Ewropea, EUR-Lex – 22019A1227(01) – MT – EUR-Lex (europa.eu) (ĠU L 333, 27.12.2019, p. 3–30).
(4)      L-Artikolu 31(10) tar- Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE.
(5)       https://op.europa.eu/fr/publication-detail/-/publication/f0a62c9e-ab57-11ed-b508-01aa75ed71a1
(6)      Ara l-lista kollha ta’ SFPA: https://oceans-and-fisheries.ec.europa.eu/fisheries/international-agreements/sustainable-fisheries-partnership-agreements-sfpas_en
(7)       https://op.europa.eu/en/home
(8)       https://ec.europa.eu/oceans-and-fisheries/publications-list_en
(9)   L-14-il għan | Id-Dipartiment tal-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali (un.org)
(10)   http://ldac.eu/