SEJĦA GĦAL EVIDENZA

GĦAL EVALWAZZJONI U VALUTAZZJONI TAL-IMPATT IMWETTQA B’MOD PARALLEL

Dan id-dokument għandu l-għan li jinforma lill-pubbliku u lill-partijiet ikkonċernati dwar il-ħidma leġiżlattiva futura tal-Kummissjoni sabiex ikunu jistgħu jipprovdu feedback dwar il-fehim min-naħa tal-Kummissjoni tal-problema u s-soluzzjonijiet possibbli u jagħtuna kwalunkwe informazzjoni rilevanti li jista’ jkollhom, inkluż dwar l-impatti possibbli tal-opzjonijiet differenti.

Titolu tal-inizjattiva

Importazzjonijiet sostenibbli tal-prodotti tas-sajd skont ir-Regolament tal-UE dwar il-Kwoti Tariffarji Awtonomi

DĠ Ewlieni (unità responsabbli)

DĠ MARE, B.3

Tip probabbli ta’ inizjattiva

Leġiżlattiva/Mhux leġiżlattiva

Skeda taż-żmien indikattiva

L-1el trimestru 2026

Informazzjoni addizzjonali

Kummerċ - il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)

Dan id-dokument huwa biss għal finijiet ta’ informazzjoni. Ma jippreġudikax id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar jekk din l-inizjattiva hijiex se tiġi segwita jew dwar il-kontenut finali tagħha. L-elementi kollha tal-inizjattiva deskritti f’dan id-dokument, inkluż it-twaqqit tagħha, huma soġġetti għal tibdil.

A. Kuntest politiku, definizzjoni tal-problema u analiżi tas-sussidjarjetà

Kuntest politiku

Il-kwoti tariffarji awtonomi (ATQs, Autonomous tariff quotas) jippermettu t-tnaqqis jew is-sospensjoni tad-dazji doganali fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti magħżula. L-għan huwa li jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-industrija tal-UE għal materja prima mhux disponibbli fl-UE bi kwantitajiet suffiċjenti u/jew bi prezzijiet kompetittivi. Dawn jiġu applikati f’diversi setturi, inklużi s-sajd u l-akkwakultura.

Fis-settur tas-sajd, l-ATQs bħalissa huma previsti fir-Regolament tal-Kunsill 2023/2720 għall-perjodu 2024–2026. Ir-Regolament jiftaħ 31 kwota li jkopru prodotti tas-sajd mhux ipproċessati u semiproċessati meħtieġa għas-settur tal-ipproċessar tal-ikel tal-UE. Għall-biċċa l-kbira tal-prodotti, it-tariffa fil-kwota hija stabbilita għal żero. Dan jgħin biex jitnaqqas il-kost tal-materja prima u b’hekk jippromwovi s-sigurtà tal-ikel u l-prezzijiet kompetittivi għall-konsumaturi tal-UE.

L-aċċess mingħajr tariffi japplika fuq il-prinċipju ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel għal kwantitajiet speċifiċi ta’ prodotti tas-sajd, mingħajr kundizzjonijiet ta’ sostenibbiltà marbuta. Dan iqajjem mistoqsijiet dwar l-effetti fuq il-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut ikkonċernati, il-kwistjonijiet soċjali u kummerċjali, kif ukoll il-kompetittività tas-settur tas-sajd tal-UE.

Għalhekk, il-Kummissjoni qed teżamina l-kamp ta’ applikazzjoni biex taġġusta r-reġim tal-ATQ wara l-2026 biex tindirizza s-sostenibbiltà tal-prodotti tas-sajd importati. Il-mod kif jinkiseb dan l-objettiv għadu ma ġiex deċiż.

Il-Kummissjoni beħsiebha twettaq valutazzjoni tal-impatt tal-konsegwenzi ambjentali, soċjali u ekonomiċi ta’ rieżami potenzjali tar-Regolament dwar l-ATQ biex tintroduċi kriterji ta’ sostenibbiltà għall-kwoti tariffarji awtonomi tal-UE. Din is-sejħa għal evidenza hija ppubblikata biex tippermetti lill-gruppi kollha tal-partijiet ikkonċernati jesprimu l-fehmiet tagħhom li se jikkontribwixxu għal dan il-proċess ta’ valutazzjoni tal-impatt.

Evalwazzjoni

Il-valutazzjoni tal-impatt se titwettaq b’mod parallel ma’ evalwazzjoni retrospettiva tar-Regolamenti attwali u preċedenti dwar l-ATQ, minħabba li qatt ma kellhom kriterji ta’ sostenibbiltà. Dan se jippermetti lill-Kummissjoni tivvaluta jekk u kif ir-reġim attwali tal-importazzjoni tal-ATQ attwalment irawwem is-sostenibbiltà u jekk hemmx bżonn titjib. Din l-analiżi se tgħin biex tissawwar ir-riflessjoni dwar ir-rieżami possibbli tar-Regolament dwar l-ATQ.

L-evalwazzjoni retrospettiva se tkopri r-Regolamenti attwali u preċedenti dwar l-ATQ (2020/1706) mill-2021 sa tmiem l-2024. Kemm il-Valutazzjoni tal-impatt kif ukoll l-istudju ta’ evalwazzjoni se jkunu informati bi studju li twettaq minn konsulent indipendenti fl-2022, potenzjalment akkumpanjat minn studju komplementari addizzjonali u minn studju aġġornat tal-EUMOFA dwar il-valur miżjud maħluq mill-ATQs.

L-applikazzjoni tar-Regolamenti dwar l-ATQ hija mifruxa mal-UE kollha għax l-unjoni doganali hija kompetenza esklużiva tal-UE. Għalhekk, il-valutazzjoni tal-impatt u l-evalwazzjoni retrospettiva se jkopru l-Istati Membri kollha.

Il-problema li l-inizjattiva timmira li tindirizza

Is-sigurtà tal-ikel u l-ħtieġa għal ktajjen tal-valur sostenibbli għall-prodotti tas-sajd. Fil-kuntest ta’ żieda fid-domanda għall-prodotti tas-sajd madwar l-UE, kwalunkwe strument potenzjali ġdid irid jissodisfa l-ħtieġa tal-UE għas-sigurtà tal-ikel filwaqt li jiżgura li l-konsumaturi tal-UE jista’ jkollhom aċċess għal prodotti mistada b’mod sostenibbli. Skont ir-Regolament attwali, mhuma meħtieġa l-ebda kundizzjonijiet ta’ sostenibbiltà għall-importazzjonijiet tas-sajd, u dan jista’ jimmina l-pożizzjoni tal-UE bħala mexxejja globali fl-isfruttament soċjalment u ambjentalment sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar. L-ATQs jenħtieġ li jibqgħu wkoll għodda fundamentali biex jipprovdu lis-suq tal-UE bi provvista kostanti ta’ prodotti tas-sajd li fl-UE mhumiex disponibbli fi kwantitajiet suffiċjenti u/jew bi prezzijiet kompetittivi.

 

Bażi għall-azzjoni tal-UE (bażi legali u analiżi tas-sussidjarjetà)

Bażi legali

L-inizjattiva se tkun ibbażata fuq l-Artikolu 31 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fir-rigward tat-Tariffa Doganali Komuni.

Skont l-Artikolu 3.1 tat-TFUE, l-UE għandha kompetenza esklużiva għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar skont il-politika komuni tas-sajd u għall-unjoni doganali. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Ħtieġa prattika li tittieħed azzjoni tal-UE

Il-missjoni tad-DĠ MARE rigward il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar taqbel mal-għanijiet usa’ ta’ sostenibbiltà tal-Kummissjoni Ewropea, prinċipalment segwiti permezz tal-Patt Ekoloġiku.

L-UE qed tħabbat wiċċha ma’ pressjoni akbar biex tikseb materja prima li mhijiex disponibbli fl-UE b’mod sostenibbli, u b’hekk meħtieġ li jiġi vvalutat il-funzjonament tal-ATQs.

Din l-inizjattiva tkompli tikkomplementa u tkun konsistenti ma’ strumenti oħra mressqa mill-UE biex jiġu żgurati importazzjonijiet sostenibbli u ktajjen tal-valur, bħad-Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva u r-Regolament dwar prodotti mingħajr Deforestazzjoni.

B. Objettivi u opzjonijiet ta’ politika

L-objettiv ġenerali tal-inizjattiva hu li jiġi żgurat li l-prodotti importati taħt ir-reġim tal-ATQ jiġu importati b’mod sostenibbli. It-tliet objettivi speċifiċi ewlenin huma li:

·jiġi żgurat li l-prodotti tas-sajd importati fl-UE jissodisfaw l-istandards ta’ sostenibbiltà ambjentali, soċjali u ekonomika;

·jitaffew l-impatti ekonomiċi li jirriżultaw minn kwalunkwe bidla fir-reġim ta’ importazzjoni għas-settur tal-ipproċessar tal-UE;

·jiġu allinjati l-istandards tas-sostenibbiltà tal-importazzjoni tal-UE mal-istandards użati fis-suq intern.

L-opzjonijiet ta’ politika possibbli jistgħu jkunu:

1.Xenarju bażi — ikompli r-reġim attwali tal-ATQ f’forma mhux mibdula. F’dan ix-xenarju, l-ATQs definiti fir-Regolament 2023/2720 (fejn l-użu tal-ATQs mhuwiex kontinġenti fuq kwalunkwe kundizzjoni ta’ sostenibbiltà), huma estiżi lil hinn mill-2026.

2.Ebda xenarju tal-ATQs. F’dan ix-xenarju, ir-reġim ta’ importazzjoni tal-ATQ jintemm meta jiskadi l-perjodu kopert mir-Regolament attwali dwar l-ATQ. Mill-2027, kwalunkwe importazzjoni ta’ prodotti koperti attwalment mir-Regolament dwar l-ATQ li joriġinaw f’pajjiżi li ma għandhom l-ebda ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-UE jew li ma jibbenefikawx mis-sistema ġenerali ta’ preferenzi (SĠP) ikunu soġġetti għal dazji tan-nazzjon l-aktar iffavorit.

3.Skema ġdida dwar l-ATQ bi kriterji ta’ sostenibbiltà. In-natura eżatta ta’ kull kriterju ġdid ta’ sostenibbiltà (fil-forma ta’ kundizzjonijiet) tiġi żviluppata f’aktar dettall fil-valutazzjoni tal-impatt u fil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika. Id-DĠ MARE se jesplora diversi opzjonijiet, inkluż li l-importazzjoni ta’ prodotti tas-sajd taħt ir-reġim tal-ATQ issir kondizzjonali fuq ir-ratifika ta’ diversi konvenzjonijiet ambjentali u/jew tax-xogħol li jirfdu l-funzjonament tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles u l-iskemi tal-SĠP. Kwalunkwe bidla li ssir fl-istrument tal-ATQ trid tkun konformi mal-obbligi tad-WTO/tal-GATT tal-UE. 

C. Impatti probabbli

Il-valutazzjoni se tiżgura li kwalunkwe azzjoni futura tkun infurmata tajjeb u bbażata fuq il-fatti. Dan se jinvolvi l-analiżi tal-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-opzjonijiet ta’ politika kollha deskritti hawn fuq fir-rigward tar-reġim dwar l-importazzjonijiet tas-sajd lejn is-suq tal-UE. L-analiżi se tikkalkula l-effetti (fuq l-importazzjonijiet, id-dħul, il-benesseri u fuq is-suq) ta’ xenarji ta’ bidla differenti meta mqabbla mas-sitwazzjoni attwali. Se tivvaluta wkoll l-effetti potenzjali ta’ dawn l-għażliet fuq is-sostenibbiltà tal-prattiki tas-sajd. Il-valutazzjoni tal-impatt għandha tmexxi ’l quddiem lill-Kummissjoni f’konformità mal-prijoritajiet tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, ekonomija li taħdem għan-nies, Ewropa aktar b’saħħitha fid-dinja u l-istil ta’ ħajja Ewropew.

Se jiġu eżaminati s-suġġetti li ġejjin, fost l-oħrajn:

Impatti ambjentali:

-l-effetti tal-opzjonijiet ta’ politika dwar dwar kemm il-materja prima tissodisfa l-istandards internazzjonali ta’ sostenibbiltà;

-l-effetti taċ-ċaqliq possibbli tal-akkwist ta’ materja prima u inputs oħra lejn pajjiżi li jikkonformaw aħjar mal-istandards internazzjonali ta’ sostenibbiltà mill-pajjiżi esportaturi attwali.

Impatti ekonomiċi:

-l-effetti tal-bidliet potenzjali fix-xejriet tal-importazzjoni fuq il-kompetittività u l-kundizzjonijiet ekwi tal-industrija tal-ipproċessar u s-settur tal-produzzjoni tal-UE;

-il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw minn tnaqqis possibbli fl-importazzjonijiet ta’ prodotti ATQ;

-l-effetti fuq il-benessri relatati mas-surplus tal-konsumaturi (benesseri kkombinat tal-proċessuri tal-ikel tal-UE u l-klijenti/konsumaturi tagħhom);

-l-impatt tal-kummerċ estern (inkluż fuq il-ftehim ta’ kummerċ ħieles u l-benefiċjarji tal-SĠP);

-il-kapaċità finanzjarja u amministrattiva tal-UE u tal-amministrazzjonijiet nazzjonali biex jistabbilixxu u jinfurzaw il-miżuri;

-l-effetti ta’ kull opzjoni ta’ politika fuq is-suq tal-UE, b’mod partikolari fuq il-prezzijiet u d-dinamika tal-provvista/tad-domanda.

Impatti soċjali:

-il-konsegwenzi ta’ kull opzjoni ta’ politika dwar l-impjiegi u l-kundizzjonijiet soċjali relatati mal-akkwist ta’ materja prima;

-l-effetti fuq il-konsumaturi, b’mod partikolari fuq id-domanda, l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tal-prodotti tas-sajd.

D. Strumenti għal regolamentazzjoni aħjar 

Valutazzjoni tal-impatt

F’konformità mal-politika ta’ regolamentazzjoni aħjar tal-Kummissjoni Ewropea, qed jitwettqu valutazzjoni tal-impatt u konsultazzjoni pubblika biex isostnu l-ħidma għat-tħejjija għal kwalunkwe bidla legali ġdida ħalli tittejjeb is-sostenibbiltà tal-importazzjonijiet tas-sajd. Il-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt inbeda fit-tielet kwart tal-2024.

Meta titqies il-kumplessità tal-valutazzjoni u l-fatt li ċerti kategoriji ta’ data jistgħu ma jkunux faċilment disponibbli, il-valutazzjoni x’aktarx tieħu minimu ta’ 12-il xahar.

Strateġija ta’ konsultazzjoni

Il-konsultazzjoni għandha l-għan li tikseb metodu infurmat tajjeb, parteċipattiv u trasparenti għat-tfassil tar-Regolament futur dwar l-ATQ. Il-Kummissjoni se tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati involuti fil-konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar u l-forniment sostenibbli (eż. NGOs u organizzazzjonijiet involuti fiċ-ċertifikazzjoni volontarja tas-sostenibbiltà), partijiet ikkonċernati b’interess ekonomiku fl-UE u f’pajjiżi terzi (eż. is-settur tal-produzzjoni tal-ħut, is-settur tal-ipproċessar tal-ħut u l-industrija tal-ikel, il-Kunsilli Konsultattivi skont il-politika komuni tas-sajd tal-UE, b’mod partikolari l-Kunsill Konsultattiv għall-Flotta ta’ Distanzi Twal u l-Kunsill Konsultattiv għas-Swieq), l-amministrazzjonijiet relatati (inklużi l-awtoritajiet doganali), it-trade unions, l-akkademja, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u kwalunkwe korp ieħor li lesti jikkontribwixxu l-fehmiet u l-għarfien tagħhom.

L-attivitajiet ta’ konsultazzjoni se jinkludu din is-sejħa għal evidenza u konsultazzjoni pubblika online miftuħa għal 12-il ġimgħa għall-partijiet ikkonċernati kollha fl-UE u barra minnha. Il-kwestjonarju se jkun disponibbli permezz tal-portal tal-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-UE “Semma’ Leħnek” fl-ilsna kollha tal-UE. Ir-rispondenti jistgħu jwieġbu bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-UE.

Il-Kummissjoni se tippubblika rapport ta’ sinteżi fattwali fuq il-paġna tal-konsultazzjoni fi żmien 8 ġimgħat mill-għeluq tal-konsultazzjoni pubblika. Hija se tippubblika wkoll rapport fil-qosor b’sommarju tar-riżultati kollha tal-konsultazzjoni.

Għaliex qed nagħmlu din il-konsultazzjoni?

L-għan hu li jinkiseb metodu infurmat tajjeb, parteċipattiv u trasparenti għat-tfassil ta’ strument potenzjali ġdid dwar l-ATQ. Il-Kummissjoni qed tfittex fehmiet u għarfien espert biex jgħinu fil-valutazzjoni dettalljata tal-benefiċċji sostenibbli netti, kif ukoll il-kostijiet ekonomiċi potenzjali u l-opportunitajiet assoċjati mat-tibdil tar-Regolament dwar l-ATQ. L-evidenza pprovduta għandha tgħin ukoll biex jiġu identifikati kwalunkwe modi alternattivi potenzjali ħalli jiġi żgurat li l-importazzjonijiet ikunu sostenibbli u biex jiġi minimizzat kwalunkwe effett negattiv fuq il-kundizzjonijiet ekwi tal-industrija tal-UE.

Udjenza fil-mira

Il-konsultazzjoni hija indirizzata lill-partijiet ikkonċernati fl-UE u lil hinn minnha involuti fil-konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar u l-forniment sostenibbli (eż. NGOs u awtoritajiet responsabbli), jew li għandhom sehem ekonomiku relatat (eż. is-settur tal-produzzjoni tal-ħut, is-settur tal-ipproċessar tal-ħut, it-trade unions, il-Kunsilli Konsultattivi tal-UE, l-awtoritajiet doganali), lill-akkademja — inklużi r-riċerkaturi speċjalizzati fi kwistjonijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali relatati, inkluża s-saħħa pubblika, jew lil organizzazzjonijiet tal-konsumatur u korpi oħra li lesti jikkontribwixxu l-fehmiet u l-għarfien tagħhom.