|
SEJĦA GĦAL EVIDENZA GĦAL EVALWAZZJONI U VALUTAZZJONI TAL-IMPATT IMWETTQA B’MOD PARALLEL |
|
|
Dan id-dokument għandu l-għan li jgħarraf lill-pubbliku u lill-partijiet ikkonċernati dwar il-ħidma tal-Kummissjoni, sabiex ikunu jistgħu jipprovdu feedback dwar l-inizjattiva maħsuba u jipparteċipaw b’mod effettiv f’attivitajiet ta’ konsultazzjoni. Nitolbu lil dawn il-gruppi biex jipprovdu opinjonijiet dwar kif il-Kummissjoni tinterpreta l-problema u s-soluzzjonijiet possibbli, u biex jagħtuna kull informazzjoni rilevanti li jista’ jkollhom, inkluż dwar l-impatti possibbli tal-opzjonijiet differenti. |
|
|
Titolu tal-inizjattiva |
Rekwiżiti tal-ekodisinn għall-prodotti tat-tisħin tal-arja, għall-prodotti tat-tkessiħ, għaċ-chillers tal-proċess ta’ temperatura għolja u għall-fannijiet konvetturi (rieżami) |
|
DĠ Ewlieni (unità responsabbli) |
DĠ ENER, Unità B.3 – Binjiet u Prodotti |
|
Tip probabbli ta’ inizjattiva |
Regolament tal-Kummissjoni li jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn għal […] skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/2281 |
|
Skeda taż-żmien indikattiva |
Adozzjoni mistennija sat-tieni kwart tal-2026 |
|
Informazzjoni addizzjonali |
https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13679-Energy-efficiency-ecodesign-requirements-for-air-heating-and-cooling-products-review-_mt |
|
Dan id-dokument huwa biss għal finijiet ta’ informazzjoni. Ma jippreġudikax id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar jekk din l-inizjattiva hijiex se tiġi segwita jew dwar il-kontenut finali tagħha. L-elementi kollha tal-inizjattiva deskritti f’dan id-dokument, inkluż it-twaqqit tagħha, huma soġġetti għal tibdil. |
|
|
A. Kuntest politiku, definizzjoni tal-problema u analiżi tas-sussidjarjetà |
|
Kuntest politiku |
|
L-ekodisinn jgħin biex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew1, billi jservi ta’ appoġġ għall-ekonomija ċirkolari u jneħħi l-ostakli għas-suq uniku tal-UE fir-rigward tal-prodotti relatati mal-enerġija. Dan għen biex jorħsu l-kontijiet tal-enerġija tal-konsumaturi u titjieb is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija bi tnaqqis fil-konsum tal-enerġija primarja u fl-importazzjonijiet tal-enerġija. Naqqas ukoll l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u b’hekk taffa t-tibdil fil-klima b’mod kosteffettiv għax il-kostijiet tal-enerġija evitati jegħlbu l-investimenti meħtieġa. Il-miżuri ta’ implimentazzjoni eżistenti jeħtieġ jiġu rieżaminati regolarment biex ikunu jiżguraw li jibqgħu rilevanti, effiċjenti u effettivi fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq. Il-pjan ta’ ħidma tal-Kummissjoni dwar l-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija2 għall-2022–2024, jinkludi r-rieżami tal-miżuri tal-ekodisinn u tat-tikkettar tal-enerġija għall-prodotti tat-tisħin tal-arja, għall-prodotti tat-tkessiħ, għaċ-chillers tal-proċess ta’ temperatura għolja, u għall-fannijiet konvetturi. Il-pjan jenfasizza wkoll il-fatt li l-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija għandhom jikkontribwixxu aktar għall-ekonomija ċirkolari. Pereżempju, billi jindirizzaw il-kwistjonijiet ta’ effiċjenza tal-materjali bħad-durabbiltà, il-possibbiltà ta’ tiswija u r-riċiklabbiltà b’mod aktar sistematiku. |
|
Evalwazzjoni |
|
Bħala parti mir-rieżami tal-miżuri attwali tal-ekodisinn, l-evalwazzjoni se tivvaluta kemm ir-regolamenti rnexxielhom jiksbu jew jagħmlu progress lejn l-objettivi tagħhom (b’enfasi fuq tliet kriterji ta’ evalwazzjoni previsti mil-linji gwida ta’ “regolamentazzjoni aħjar”, inkluż jekk il-miżuri kinux effettivi, effiċjenti u rilevanti). L-“effettività” se tiffoka fuq il-bidla fil-konsum tal-enerġija u fl-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa li rriżultat mir-regoli matul il-perjodu ta’ evalwazzjoni. L-“effiċjenza” se tivvaluta r-relazzjoni bejn ir-riżorsi użati u l-impatti tar-regoli, filwaqt li teżamina kemm il-kostijiet kif ukoll il-benefiċċji għall-partijiet ikkonċernati differenti. Ir-“rilevanza” se tindirizza sa liema grad il-prodotti rregolati u l-impatti tagħhom għadhom pertinenti. Il-“koerenza” se tiġi vvalutata b’mod proporzjonat. Is-“sussidjarjetà u l-valur miżjud tal-UE” mhux se jiġu eżaminati fid-dettall peress li r-regolamenti li qed jiġu evalwati huma leġiżlazzjoni sekondarja u minħabba li dawn l-aspetti huma meqjusa li ġew indirizzati meta ġie stabbilit l-att legali bażiku. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-evalwazzjoni se jkun mifrux mal-UE kollha u se jkopri r-regoli mid-dħul fis-seħħ tagħhom sa issa. |
|
Problemi li l-inizjattiva timmira li tindirizza |
|
Ir-Regolament dwar l-Ekodisinn 1 jitqies li naqqas il-konsum tal-enerġija tal-prodotti tat-tisħin tal-arja u tat-tkessiħ. Madankollu, minkejja li dawn il-prodotti huma parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Ekodisinn, dawn jibqgħu kontributuri sinifikanti għall-użu tal-enerġija u għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Dawn ikkonsmaw madwar 600 TWh ta’ enerġija primarja fis-sena fl-2020, b’parti kbira mill-enerġija primarja kkonsmata mit-tagħmir tat-tkessiħ (~400 TWh/a). Dan huwa madwar 5.6 % tal-konsum tal-enerġija primarja tal-EU-27. Ġew identifikati diversi kwistjonijiet li jistgħu jfixklu l-ksib ta’ aktar titjib fl-effiċjenza. 1.Ir-rekwiżiti huma antikwati u għalhekk ma jwasslux l-iffrankar ekonomikament vijabbli kollu għall-prodotti li huma parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Ekodisinn. 2.Ir-rieżami ta’ leġiżlazzjoni oħra, bħar-reviżjoni tar-Regolament dwar il-gassijiet F 2 , jaf ikun rilevanti. 3.Jaf hemm iffrankar tal-enerġija u tnaqqis tal-emissjonijiet li jistgħu jinkisbu minn prodotti li bħalissa mhumiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Ekodisinn. Dawn jistgħu jinkludu, pereżempju, gruppi ta’ prodotti bħal chillers tal-proċess ta’ temperatura għolja li jużaw it-teknoloġija tal-kondensazzjoni u tal-assorbiment evaporattiva, tagħmir tat-tkessiħ tat-teknoloġija tal-informatika, u ħiters ikkombinati tal-arja sħuna. 4.Xi tipi ta’ karatteristiċi u prodotti tal-iffrankar tal-enerġija, bħall-irkupru tas-sħana, it-tkessiħ liberu u t-tisħin u t-tkessiħ simultanji, lanqas huma inklużi. 5.Jaf ikun hemm potenzjal għal żieda fl-effiċjenza tal-materjali u aktar kontribut għall-ekonomija ċirkolari. F’konformità mal-prinċipji tal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT), se jiġu vvalutati wkoll modi biex tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni u jitnaqqsu l-kostijiet amministrattivi. |
|
Bażi għall-azzjoni tal-UE (bażi legali u analiżi tas-sussidjarjetà) |
|
Bażi legali |
|
Il-bażi legali għad-Direttiva dwar l-Ekodisinn 3 hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) 4 , li huwa relatat mal-“istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern.” Skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn li jissupplimentaw id-Direttiva billi jemendaw l-elementi mhux essenzjali relatati mal-prestazzjoni ambjentali ta’ prodotti relatati mal-enerġija inkluż l-effiċjenza enerġetika tagħhom. Biex jiġi żgurat li l-ħidma preparatorja mwettqa skont id-Direttiva dwar l-Ekodisinn ma tintilifx, ir-Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli (ESPR) jipprevedi tħassir gradwali tad-Direttiva 2009/125. Dan se jippreserva l-kapaċità tal-Kummissjoni li tkompli l-ħidma li diġà twettqet fl-isfond tal-programm ta’ ħidma dwar it-tikkettar tal-enerġija u l-ekodisinn tal-2022–2024 fuq għadd ristrett ta’ gruppi ta’ prodotti biex jiġu adottati l-miżuri rilevanti li jistabbilixxu r-rekwiżiti tal-ekodisinn skont id-Direttiva dwar l-Ekodisinn, sal-31 ta’ Diċembru 2026. |
|
Ħtieġa prattika li tittieħed azzjoni tal-UE |
|
Il-leġiżlazzjoni tal-UE għal dawn il-prodotti teżiġi li l-Kummissjoni twettaq rieżami tal-leġiżlazzjoni meta mqabbla mal-progress teknoloġiku. L-azzjoni biex jiġu aġġornati dawn ir-regoli tista’ tittieħed biss fil-livell tal-UE. Jaf hemm aspetti mhux koperti mil-leġiżlazzjoni attwali li l-Istati Membri tal-UE jkunu jixtiequ jaġixxu dwarhom. Kieku l-UE ma aġixxietx f’dawn l-oqsma, l-Istati Membri kienu jkunu jistgħu jistabbilixxu r-regoli tagħhom stess għal aspetti u prodotti mhux regolati. Dan joħloq regoli frammentati minħabba l-kumplessità tal-aspetti tekniċi li jistgħu jfixklu l-funzjonament tas-suq intern. |
|
B. Objettivi u opzjonijiet ta’ politika |
|
L-objettiv ewlieni huwa li jiġi stabbilit qafas leġiżlattiv li jħeġġeġ l-iffrankar tal-enerġija b’mod kosteffettiv, u jnaqqas l-impatti ambjentali tal-prodott, inklużi l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tiegħu. Il-valutazzjoni tal-impatt se tivvaluta, mill-inqas, l-aspetti li ġejjin: ·l-aġġornament tal-metriċi, b’mod partikolari biex jiġu inklużi t-tkessiħ liberu u l-irkupru tas-sħana; ·it-tisħiħ tar-rekwiżiti tal-ekodisinn filwaqt li jitqiesu l-aħjar prattiki internazzjonali u r-regolamenti relatati tal-UE, inkluż l-effiċjenza enerġetika, il-potenza tal-ħoss u l-limiti massimi tal-emissjonijiet tal-NOx; ·l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Ekodisinn billi jiġu inklużi ċ-chillers tal-proċess li jżommu t-temperatura tal-ilma mkessaħ > 12 °C, u t-tagħmir tat-tkessiħ tat-teknoloġija tal-informazzjoni (il-kundizzjonaturi tal-arja b’kontroll mill-qrib); ·l-aspetti relatati mal-effiċjenza tal-materjali u l-ekonomija ċirkolari. Il-valutazzjoni tal-impatt se tindirizza, mill-inqas, l-opzjonijiet ta’ politika li ġejjin. 1.L-ebda azzjoni mill-UE (tinżamm is-sitwazzjoni attwali). 2.Ftehimiet volontarji. 3.Livelli differenti ta’ ambizzjoni għal kombinazzjonijiet ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn. 4.Kombinazzjonijiet ta’ livelli differenti ta’ ambizzjoni għar-rekwiżiti tal-ekodisinn li jinkludu tikketta tal-enerġija għal (għażla ta’) prodotti. |
|
C. Impatti probabbli |
|
Jekk jiġu stabbiliti rekwiżiti tal-ekodisinn aktar stretti, dawn jistgħu jwasslu għal żieda fil-kostijiet tal-prodott, prezzijiet ogħla u żieda fil-fatturat għall-manifatturi, għall-bejjiegħa bl-ingrossa u għall-bejjiegħa bl-imnut. Dawn il-bidliet fl-attività ekonomika aktarx iwasslu għal bidliet komparabbli fl-impjiegi. Jekk tiġi stabbilita tikketta tal-enerġija, aktarx iżżid il-kompetizzjoni fuq il-prestazzjoni fir-rigward tal-karatteristiċi ewlenin murija fuq it-tikketta, b’mod partikolari l-effiċjenza enerġetika. L-impatti ambjentali ewlenin għal dan il-prodott jirriżultaw mill-konsum tal-enerġija fil-fażi tal-użu. L-użu aktar baxx tal-enerġija jnaqqas l-impatti ambjentali assoċjati, il-kostijiet għall-konsumatur u l-fatturat tal-industrija tal-provvista tal-enerġija. Ir-rekwiżiti tal-effiċjenza enerġetika se jkollhom l-għan li jiksbu l-aktar livell baxx ta’ kost għall-konsumatur tul iċ-ċiklu tal-ħajja, u għalhekk hemm tendenza li l-iffrankar tal-kostijiet ipaċi ż-żidiet fil-prezzijiet tal-prodotti. Rekwiżiti ambjentali oħra jistgħu jżidu l-kostijiet preliminari. L-impatti ekonomiċi tar-rekwiżiti li jaffettwaw il-ħajja tal-prodott se jiddependu fuq l-għażla tal-konsumaturi li jestendu l-ħajja ta’ prodott. Pereżempju, billi l-prodott jissewwa skont il-kost assoċjat. L-estensjoni tal-ħajja ta’ prodott se twassal għal inqas bejgħ u fatturat aktar baxx tal-prodott. Il-kompetittività għall-manifatturi fl-istess segment tas-suq u bl-istess punt tal-prezz mhix mistennija tintlaqat għax ir-rekwiżiti se japplikaw għall-prodotti ekwivalenti kollha. Jistgħu jseħħu xi impatti jekk ikun hemm speċjalizzazzjoni f’segment ta’ prodott jew f’punt tal-prezz speċifiku. Il-bidliet fil-fatturat mhumiex mistennija jaffettwaw il-profittabbiltà tal-atturi ekonomiċi. |
|
D. Strumentigħal Regolamentazzjoni Aħjar |
|
Valutazzjoni tal-impatt |
|
Se jitħejjew evalwazzjoni u valutazzjoni tal-impatt eżatt wara xulxin b’appoġġ għat-tħejjija ta’ din l-inizjattiva u biex jinformaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni. L-evalwazzjoni hija mistennija tiġi finalizzata matul it-tielet kwart tal-2024. Il-valutazzjoni tal-impatt mistennija tiġi rieżaminata mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fit-tieni kwart tal-2025. |
|
Strateġija ta’ konsultazzjoni |
|
Il-konsultazzjoni għandha l-għan li tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet ikkonċernati u li tiġbor il-feedback tagħhom dwar l-inizjattiva ppjanata. B’mod partikolari, l-għan huwa li tinġabar data kwalitattiva (it-teknoloġiji disponibbli, l-opinjonijiet tal-konsumaturi u tal-organizzazzjonijiet ambjentali, eċċ.) u kwantitattiva (id-data tas-suq dwar il-bejgħ u l-prezzijiet jew ir-riżultati tat-testijiet) biex titwettaq l-analiżi. ·Fil-11 ta’ Diċembru 2023, sar Forum ta’ Konsultazzjoni dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija (EELCF), fejn il-partijiet ikkonċernati ġew infurmati dwar l-istudju u kellhom l-opportunità li jipprovdu kontribut. ·Laqgħa oħra tal-EELCF hija ppjanata għat-tieni nofs tal-2024. ·Il-proposta leġiżlattiva se tkun soġġetta għal perjodu ta’ feedback ta’ 8 ġimgħat u għal notifika tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) bħala parti mill-proċeduri ta’ adozzjoni għal regolamentazzjoni aħjar. |
|
Għaliex qed nagħmlu din il-konsultazzjoni? |
|
Biex il-partijiet ikkonċernati jingħataw l-opportunità li jikkummentaw dwar: l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-Ekodisinn għat-tisħin tal-arja u għall-prodotti tat-tkessiħ; l-opzjonijiet ewlenin identifikati għall-valutazzjoni tal-impatt; u l-iżviluppi teknoloġiċi jew tas-suq. |
|
Udjenza fil-mira |
|
L-udjenza fil-mira hija l-esperti u r-rappreżentanti ta’ kwalunkwe parti interessata rilevanti, inkluż l-assoċjazzjonijiet tal-industrija (in-negozji tal-manifattura, tal-bejgħ bl-imnut, tal-installazzjoni u tat-tiswija), il-kumpaniji individwali, l-organizzazzjonijiet ambjentali u tal-konsumatur, l-Istati Membri u l-individwi privati. |