SEJĦA GĦALL-EVIDENZA GĦAL INIZJATTIVA (mingħajr valutazzjoni tal-impatt) |
|
Dan id-dokument għandu l-għan li jgħarraf lill-pubbliku u lill-partijiet ikkonċernati dwar il-ħidma tal-Kummissjoni, sabiex ikunu jistgħu jipprovdu rispons u jipparteċipaw b’mod effettiv f’attivitajiet tal-konsultazzjoni. Nitolbu lil dawn il-gruppi jipprovdu l-fehmiet dwar kif il-Kummissjoni tinterpreta l-problema u s-soluzzjonijiet possibbli, u biex jagħtuna kwalunkwe informazzjoni rilevanti li jaf għandhom.
|
|
Titlu tal-inizjattiva |
Il-ġlieda kontra l-piraterija online tal-kontenut dirett |
DĠ ewlieni – unità responsabbli |
DĠ CONNECT – Unità I.2 |
Tip Probabbli ta’ inizjattiva |
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni |
Twaqqit Indikattiv |
Q2 2023 |
Informazzjoni Addizzjonali |
- |
Dan id-dokument huwa biss għal finijiet ta’ informazzjoni. Ma jippreġudikax id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar jekk din l-inizjattiva hijiex se tiġi segwita jew dwar il-kontenut finali tagħha. L-elementi kollha tal-inizjattiva deskritti f’dan id-dokument, inkluż it-twaqqit tagħha, huma soġġetti għal tibdil. |
A. Kuntest politiku, definizzjoni tal-problema u analiżi tas-sussidjarjetà |
Kuntest politiku |
Kif imħabbar fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2023, il-Kummissjoni se tadotta Rakkomandazzjoni dwar il-piraterija tal-kontenut dirett biex toffri sett ta’ għodod kontra l-istreaming illegali ta’ avvenimenti diretti, b’mod partikolari avvenimenti sportivi. Din l-inizjattiva mhux leġiżlattiva se tinkludi rakkomandazzjonijiet dwar il-kontenut dirett f’konformità mad-DSA, li jipprevedi miżuri ġenerali għall-ġlieda kontra l-kontenut illegali online. Ir-Rakkomandazzjoni hija segwitu tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-isfidi tal-organizzaturi ta’ avvenimenti sportivi fl-ambjent diġitali, adottata fid-19 ta’ Mejju 2021. Il-Kummissjoni bdiet ħidma preparatorja wara d-dikjarazzjoni maħruġa matul in-negozjati tad-Direttiva 2019/790/UE dwar id-drittijiet tal-awtur fis-suq uniku diġitali, li tiddikjara li “se tivvaluta l-isfidi tal-organizzaturi ta’ avvenimenti sportivi fl-ambjent diġitali, b’mod partikolari kwistjonijiet relatati mat-trażmissjonijiet online illegali ta’ xandiriet sportivi”. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni inkarigat lill-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew biex iwettaq studju ta’ mmappjar dwar ir-rimedji eżistenti kontra l-piraterija online tal-kontenut sportiv, li ġie ppubblikat f’Diċembru 2021. Fil-pjan ta’ azzjoni dwar il-PI u fil-pjan ta’ azzjoni medjatiku u awdjoviżiv, il-Kummissjoni saħqet fuq il-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi biex tiġi indirizzata l-piraterija. |
Problema li l-inizjattiva timmira li tindirizza |
L-inizjattiva timmira li tidentifika l-aqwa mezzi disponibbli fid-dritt tal-Unjoni biex tgħin lix-xandara u lill-organizzaturi ta’ avvenimenti diretti, inkluż l-organizzaturi ta’ avvenimenti sportivi, biex jipprevjenu l-piraterija online, jiġifieri it-trażmissjonijiet mill-ġdid mhux awtorizzati ta’ xandiriet ta’ avvenimenti diretti. Ġeneralment, dawn it-trażmissjonijiet mill-ġdid mhux awtorizzati jkunu bbażati fuq il-qbid illeċitu tas-sinjal tax-xandir. Dawn jistgħu jikkawżaw ħsara ekonomika sinifikanti lill-organizzazzjonijiet tax-xandir u, skont in-natura tal-avveniment dirett, lis-setturi kreattivi u sportivi, li tirriżulta f’telf sinifikanti fid-dħul. Dan huwa partikolarment il-każ għat-trażmissjonijiet diretti sensittivi għall-ħin (eż. il-partiti tal-futbol), li jitilfu l-biċċa l-kbira tal-valur tagħhom ladarba jintemm l-avveniment. L-infrastruttura użata għal trażmissjonijiet mill-ġdid mhux awtorizzati tal-avvenimenti diretti qed tevolvi b’mod kostanti u qed issir dejjem iktar sofistikata, abbażi ta’ siti web li jxerrdu l-istreams jew abbażi ta’ soluzzjonijiet tal-IPTV. Fil-livell tal-UE, hemm 3.6% tal-popolazzjoni involuta fil-konsum tal-IPTV mhux awtorizzat, u dan jiġġenera kważi EUR 1 biljun fi dħul illegali fil-bwiet tal-fornituri tal-IPTV illegali 1 . Jeħtieġ li jiġu identifikati soluzzjonijiet effettivi, f’konformità mad-dritt tal-UE, biex jitneħħa jew jiġi imblukkat fil-pront l-aċċess għal trażmissjonijiet mill-ġdid mhux awtorizzati, filwaqt li titqies in-natura tal-kontenut. Skont id-dritt tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur, l-organizzatur tal-avvenimenti (eż. organizzazzjoni sportiva) mhuwiex rikonoxxut effettivament bħala detentur tad-drittijiet. Madankollu, bħala organizzatur ta’ dawn l-avvenimenti fil-bini tiegħu, huwa għandu d-dritt li jippermetti l-iffilmjar, ix-xandir jew it-trażmissjoni online tagħhom. Dan id-dritt jista’ jingħata esklużivament lil organizzazzjoni tax-xandir partikolari 2 . Skont in-natura tal-kontenut, it-trażmissjoni ta’ dawn l-avvenimenti diretti tista’ tikser ukoll id-drittijiet mogħtija skont id-dritt tal-UE lill-organizzazzjonijiet tax-xandir, lill-produtturi tal-films, lill-artisti tal-ispettaklu u lill-awturi (eż. fil-każ ta’ xogħlijiet mużikali jew artistiċi inklużi f’xandira). L-organizzaturi tal-avvenimenti sportivi jingħataw ukoll protezzjoni speċifika skont il-liġi nazzjonali f’ċerti Stati Membri 3 . Diversi rimedji kontra t-trażmissjonijiet mill-ġdid mhux awtorizzati tal-kontenut diġà huma previsti fil-leġiżlazzjoni tal-UE. B’mod partikolari, id-DSA adottat reċentement jikkostitwixxi qafas ġenerali robust għall-ġlieda kontra l-kontenut illegali online. Dan jarmonizza r-regoli dwar il-mekkaniżmi ta’ avviż u ta’ azzjoni, u se jissimplifika l-ipproċessar tal-avviżi mibgħuta lill-fornituri tas-servizzi tal-hosting biex jitneħħew it-trażmissjonijiet mill-ġdid mhux awtorizzati ta’ avvenimenti diretti. Barra minn hekk, id-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (id-Direttiva Infosoc) u d-Direttiva 2004/48/KE dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPRED) jarmonizzaw l-inibizzjonijiet li d-detenturi tad-drittijiet jistgħu jitolbu kontra l-kontraventuri jew l-intermedjarji li s-servizzi tagħhom jintużaw minn parti terza biex isir streaming ta’ kontenut mhux awtorizzat. L-inibizzjonijiet kontra l-avvenimenti diretti, inkluż l-avvenimenti sportivi, jintużaw f’ċerti Stati Membri. Il-Kummissjoni se tirrakkomanda lill-Istati Membri u lill-atturi tas-suq biex dawn l-għodod eżistenti jintużaw bl-aħjar mod għall-każ speċifiku tat-trażmissjonijiet mill-ġdid mhux awtorizzati tal-avvenimenti diretti. Se timmira wkoll li tippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-atturi tas-suq u bejn l-awtoritajiet amministrattivi rilevanti stabbiliti f’ċerti Stati Membri. Fit-tħejjija tar-rakkomandazzjoni, se jitqiesu l-istudji u r-rapporti mfassla minn diversi istituzzjonijiet, inkluż l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) (Studju dwar inibizzjonijiet dinamiċi tal-imblukkar fl-Unjoni Ewropea, 2021; Studju dwar miżuri leġiżlattivi relatati mal-ksur tal-IPR online, 2018) u l-Parlament Ewropew (Sfidi li jiffaċċjaw l-organizzaturi tal-avvenimenti sportivi fl-ambjent diġitali.Valutazzjoni tal-valur miżjud Ewropew, 2020; L-Infurzar Transfruntier tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali fl-UE, 2021). |
Bażi għall-azzjoni tal-UE (bażi ġuridika u analiżi tas-sussidjarjetà) |
Bażi ġuridika |
L-Artikolu 292 tat-TFUE jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta r-rakkomandazzjonijiet. |
Ħtieġa prattika li tittieħed azzjoni tal-UE |
Id-dimensjoni transfruntiera tat-trażmissjonijiet online, iffaċilitata min-natura bla fruntieri tal-internet li jagħti aċċess lill-ispettaturi fl-Unjoni Ewropea għal kontenut bi streaming minn diversi ġurisdizzjonijiet, teħtieġ azzjoni fil-livell tal-UE. Hija meħtieġa wkoll azzjoni fil-livell tal-UE biex titrawwem il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali. Ir-rakkomandazzjoni hija bbażata fuq strumenti eżistenti tad-dritt tal-UE. Se tikkunsidra kif il-mekkaniżmi eżistenti tal-UE jistgħu jintużaw b’mod iktar effiċjenti biex ilaħħqu man-natura dinamika u mingħajr fruntieri tal-istreaming online mhux awtorizzat tal-avvenimenti diretti. |
B. L-objettivi tal-inizjattiva u kif se tiksibhom |
L-objettiv ta’ din ir-Rakkomandazzjoni hu li tistabbilixxi azzjonijiet li l-Istati Membri u l-atturi tas-suq huma mħeġġa jieħdu biex jindirizzaw b’mod iktar effiċjenti t-trażmissjoni mill-ġdid online mhux awtorizzata tal-avvenimenti diretti, b’enfasi fuq tliet oqsma ewlenin. L-ewwel nett, se tindirizza l-importanza li tiġi żgurata t-tneħħija fil-pront tal-kontenut li jkun ġie identifikat bħala trażmissjoni mill-ġdid mhux awtorizzata ta’ avveniment dirett. Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjoni se tqis kif ir-rimedji legali previsti fid-Direttiva IPRED jistgħu jintużaw biex tiġi indirizzata t-trażmissjoni mill-ġdid mhux awtorizzata tal-avvenimenti diretti, filwaqt li tqis il- Gwida tal-Kummissjoni dwar ċerti aspetti tad-Direttiva 2004/48/KE u l-esperjenza ta’ ċerti Stati Membri fl-inibizzjonijiet dinamiċi u diretti tal-imblukkar. F’dan ir-rigward, ir-rakkomandazzjoni se tagħti attenzjoni partikolari lill-ħtieġa li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali. Fl-aħħar nett, ir-rakkomandazzjoni se timmira li ssaħħaħ il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti u bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-intermedjarji. |
Impatti probabbli |
Huwa mistenni li r-rakkomandazzjoni se tippromwovi l-applikazzjoni ta’ rimedji effiċjenti eżistenti skont id-dritt tal-UE (il-mekkaniżmi ta’ avviż u ta’ azzjoni, u l-inibizzjonijiet tal-imblukkar) biex tittrażżan il-piraterija tal-kontenut dirett, filwaqt li tiżgura s-salvagwardji meħtieġa għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Huwa mistenni wkoll li r-rakkomandazzjoni żżid il-kooperazzjoni transfruntiera tal-awtoritajiet nazzjonali. |
Monitoraġġ futur |
Il-Kummissjoni se tistabbilixxi sistema tal-monitoraġġ biex tivvaluta l-effetti tar-rakkomandazzjoni fuq l-effettività tar-rimedji legali, abbażi tal-informazzjoni miġbura b’mod partikolari mill-Istati Membri, mill-Osservatorju tal-EUIPO dwar il-ksur tad-drittijiet tal-PI, mid-detenturi tad-drittijiet u mill-intermedjarji. Din se tiżgura segwitu xieraq, inkluż billi tiġi proposta leġiżlazzjoni jekk ir-riżultati mixtieqa ma jinkisbux. |
C. Regolamentazzjoni aħjar |
Valutazzjoni tal-impatt |
Mhux qed issir valutazzjoni tal-impatt, peress li r-rakkomandazzjoni ma għandhiex tħalli impatti ġodda sinifikanti għall-atturi tas-suq minħabba li prinċipalment se timmira li tiżgura applikazzjoni iktar effiċjenti tar-regoli eżistenti tal-UE. |
Strateġija tal-konsultazzjoni |
Għaliex qed nikkonsultaw? |
Is-Sejħa għall-Evidenza timmira li tiġbor l-esperjenza u l-evidenza mingħand il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha dwar il-piraterija online tal-avvenimenti diretti u dwar il-funzjonament tar-regoli rilevanti tal-UE u nazzjonali, b’mod partikolari dwar: 1)il-livell ta’ trażmissjoni mill-ġdid online mhux awtorizzata tal-avvenimenti diretti; 2)l-ipproċessar tal-avviżi mill-intermedjarji online fil-każ tal-avvenimenti diretti; 3)l-effiċjenza tal-inibizzjonijiet dinamiċi u diretti tal-imblukkar, u s-salvagwardji proċedurali komplementari li jħarsu d-drittijiet fundamentali; 4)il-prattiki u l-isfidi tal-indirizzar tat-trażmissjoni mill-ġdid mhux awtorizzata tal-avvenimenti diretti li jaffettwaw lil diversi Stati Membri; 5)ir-rwol tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, b’mod partikolari fl-użu tal-inibizzjonijiet dinamiċi u diretti tal-imblukkar, u l-esperjenza mill-kooperazzjoni transfruntiera jew l-opportunitajiet għaliha. Il-Kummissjoni diġà kellha l-ewwel diskussjoni mal-esperti nazzjonali fil-Kumitat ta’ Kuntatt dwar id-Drittijiet tal-Awtur 4 u involviet ruħha mal-partijiet ikkonċernati biex tifhem l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw. Il-Kummissjoni se torganizza wkoll laqgħat immirati u strutturati mal-partijiet ikkonċernati (eż. il-pjattaformi u l-intermedjarji online, id-detenturi tad-drittijiet, il-konsumaturi u l-assoċjazzjonijiet tal-utenti) u mal-Istati Membri. |
Udjenza fil-mira |
Il-partijiet ikkonċernati kkonsultati jinkludu b’mod partikolari lid-detenturi tad-drittijiet fit-trażmissjoni tal-avvenimenti diretti u tax-xandiriet relatati, bħax-xandara, l-organizzaturi tal-avvenimenti sportivi, l-organizzaturi tal-avvenimenti kulturali diretti, il-promoturi u l-ospitanti, il-pjattaformi u l-intermedjarji online (il-fornituri tas-servizzi tal-internet, is-servizzi tal-hosting tal-web, is-servizzi tal-cloud, in-networks tad-distribuzzjoni tal-kontenut, is-servizzi tal-proxies inversi), l-awtoritajiet pubbliċi fil-livell tal-UE u nazzjonali, il-konsumaturi u l-organizzazzjonijiet tal-utenti, u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi. |