SEJĦA GĦAL EVIDENZA

GĦAL INIZJATTIVA (mingħajr valutazzjoni tal-impatt)

Dan id-dokument għandu l-għan li jgħarraf lill-pubbliku u lill-partijiet ikkonċernati dwar il-ħidma tal-Kummissjoni, sabiex ikunu jistgħu jipprovdu feedback u jipparteċipaw b’mod effettiv f’attivitajiet ta’ konsultazzjoni.

Nitolbu lil dawn il-gruppi biex jipprovdu opinjonijiet dwar kif il-Kummissjoni tinterpreta l-problema u s-soluzzjonijiet possibbli, u biex jagħtuna kull informazzjoni rilevanti li jista’ jkollhom.

Jenħtieġ li tiffinalizza dan id-dokument fl-istadji l-aktar bikrija tal-proċess preparatorju, sabiex ikun jista’ jsir l-aħjar użu mill-feedback tal-partijiet ikkonċernati.

Titolu tal-inizjattiva

Ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika 2022 — Nifhmu aħjar il-ġemellaġġ bejn it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali

DĠ mexxej — unità responsabbli

Is-Segretarjat Ġenerali, il-Kummissjoni Ewropea, Unità A5 Prospettiva u Komunikazzjoni Strateġika

Tip Probabbli ta’ inizjattiva

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

Żmien Indikattiv

It-tieni trimestru tal-2022

Informazzjoni Addizzjonali

https://ec.europa.eu/info/strategy/strategic-planning/strategic-foresight_mt 

A. Kuntest politiku, definizzjoni tal-problema u analiżi tas-sussidjarjetà

Kuntest politiku

·Il-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu l-għan li jittrasforma l-UE f’soċjetà ġusta u prospera, b’: ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva li fiha ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra sal-2050 u t-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi. It-trasformazzjoni diġitali tal-UE għandha l-għan li tagħti s-setgħa lin-negozji u lin-nies għal futur diġitali sostenibbli, aktar prosperu u ċċentrat fuq il-bniedem. Iż-żewġ proċessi qed iseħħu b’mod parallel u jinfluwenzaw lil xulxin.

·Dawn it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali – “it-tranżizzjoni doppja” – jinsabu fil-quċċata tal-aġenda politika tal-UE u se jsawru l-Ewropa u l-futur tagħha. 

·Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-UE li l-Ewropa ssir aktar ekoloġika, adattata b’mod diġitali u aktar ġusta, il-Kummissjoni adottat diversi inizjattivi u stabbiliet miri ċari. 

·It-tranżizzjoni lejn soċjetà aktar ekoloġika u diġitali teħtieġ perspettiva li tħares’ il quddiem lejn l-2050, u analiżi fil-fond tal-interkonnessjonijiet ekoloġiċi u diġitali u kif jistgħu jissaħħu. Dan huwa fejn il-prospettiva tista’ ġġib valur miżjud għat-tfassil tal-politika. Approċċ ta’ prospettiva jesplora u jantiċipa l-futur, u b’dan il-mod jgħin biex jibni fuq u juża l-intelligenza kollettiva b’mod strutturat u sistemiku biex jiġu antiċipati l-iżviluppi u jiġu infurmati l-inizjattivi ta’ politika.

·Ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika huwa komunikazzjoni tal-Kummissjoni u mhux se jkun akkumpanjat minn xi inizjattiva oħra. 

Problema li l-inizjattiva timmira li tindirizza

Mistoqsijiet/kwistjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati

·Ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika 2022 se jiffoka fuq il-fehim aħjar tar-relazzjoni, jew il-ġemellaġġ, bejn it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Bi perspettiva għall-2050, se jħares lejn l-interkonnessjonijiet bejn iż-żewġ tranżizzjonijiet u kif jistgħu jsaħħu lil xulxin. Ir-rapport se jindirizza l-mistoqsijiet li ġejjin: 

·X’inhuma s-sinerġiji ewlenin u l-punti ewlenin ta’ tensjoni li jirriżultaw mit-tranżizzjoni doppja, eż. l-iskart elettroniku, l-impronta diġitali tal-karbonju?

·X’inhuma t-teknoloġiji ewlenin li se jippermettu l-ġemellaġġ b’suċċess? Liema teknoloġiji interkonnessi mat-trasformazzjoni diġitali kontinwa jistgħu jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew? 

·X’inhu r-rwol tal-fatturi mhux teknoloġiċi fit-tranżizzjoni doppja, pereżempju r-regolamentazzjoni, il-finanzjament, il-bidliet fl-imġiba, l-aċċettazzjoni tas-soċjetà u l-ħiliet? 

Bażi għall-azzjoni tal-UE (bażi ġuridika u analiżi tas-sussidjarjetà)

Bażi ġuridika

·Mhijiex meħtieġa bażi ġuridika minħabba li din mhijiex inizjattiva leġiżlattiva. 

·Il-President von der Leyen tat mandat lill-Viċi President Maroš Šefčovič biex imexxi l-isforzi biex tissaħħaħ il-kultura tal-Kummissjoni ta’ tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza. L-iżvilupp tar-Rapporti annwali ta’ Prospettiva Strateġika huma aspett importanti ta’ dan l-approċċ. Ir-Rapporti ta’ Prospettiva Strateġika jinfurmaw il-programmi ta’ ħidma u l-eżerċizzji ta’ programmazzjoni pluriennali tal-Kummissjoni kif ukoll inizjattivi individwali fejn rilevanti. Dawn l-eżerċizzji ta’ prospettiva strateġika jitwettqu permezz ta’ proċess ta’ prospettiva parteċipattiv u transsettorjali mmexxi mis-servizzi tal-Kummissjoni f’konsultazzjonijiet mal-Istati Membri (b’mod partikolari permezz tan-Network ta’ Prospettiva għall-UE kollha), f’diskussjonijiet fis-Sistema Ewropea ta’ Analiżi tal-Istrateġija u l-Politiki u ma’ diversi partijiet ikkonċernati esterni.

Ħtieġa prattika li tittieħed azzjoni tal-UE

·Il-bidliet fil-klima u l-ambjent, flimkien mal-proċess tad-diġitalizzazzjoni, qed ikollhom effett profond fuq l-ekonomija u l-ħajja tal-Ewropej. Il-bidliet qed iseħħu fil-livelli kollha, mill-politika fil-livell lokali sal-istrutturi globali tal-poter. Sabiex jappoġġa t-tranżizzjoni lejn Ewropa ekoloġika, diġitali u aktar ġusta, ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika 2022 se jipprovdi analiżi li tħares ’il quddiem lejn l-2050. Dan se jappoġġa l-kultura ta’ tħejjija u t-tfassil ta’ politika antiċipatorju bbażat fuq l-evidenza fil-qasam tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. 

B. X’inhu l-għan li trid tikseb l-inizjattiva u kif

·L-objettiv ewlieni tar-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika 2022 huwa li jgħin fl-analiżi aħjar tal-ġemellaġġ tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Biex jagħmel dan, ir-rapport se jipprovdi approċċ li jħares ’il quddiem kemm għas-sinerġiji kif ukoll għall-punti ewlenin ta’ tensjoni li se jirriżultaw mit-tranżizzjoni doppja. Ir-rapport se jeżamina modi ta’ teknoloġija biex jiffaċilita t-tranżizzjonijiet u se jikkunsidra r-rwol ta’ fatturi mhux teknoloġiċi.

Impatti probabbli

·Bħal fir-Rapporti ta’ Prospettiva Strateġika preċedenti, l-edizzjoni tal-2022 se tinforma l-programm ta’ ħidma u l-eżerċizzju ta’ programmazzjoni pluriennali tal-Kummissjoni. 

·Se tinforma wkoll lil dawk li jfasslu l-politika u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet f’diversi livelli billi tipprovdi analiżi ta’ prospettiva tal-interkonnessjonijiet bejn it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. 

Valutazzjoni tal-impatt

Mistoqsijiet/kwistjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati

·Ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika 2022 huwa inizjattiva mhux leġiżlattiva. Ir-rapport għandu l-għan li jinforma t-tfassil tal-politika tal-UE; ma jimplimentax direttament il-politiki tal-UE. Għalhekk, mhijiex meħtieġa valutazzjoni tal-impatt.

·Bħala komunikazzjoni tal-Kummissjoni, mhux se jkun akkumpanjat minn xi inizjattiva oħra u ma hemm l-ebda ostaklu dirett għall-implimentazzjoni li għandu jiġi kkunsidrat. 

Strateġija ta’ konsultazzjoni

Mistoqsijiet/kwistjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati

·Fil-kuntest tar-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika 2022, is-sejħa għal evidenza se tkun utli biex jiżdied l-għarfien ta’ diversi partijiet ikkonċernati, inkluża l-komunità tan-negozju u tar-riċerka dwar il-kwistjoni tal-ġemellaġġ. Il-konsultazzjonijiet se jsiru għal erba’ ġimgħat. Il-kontributi jistgħu jiġu pprovduti fl-24 lingwa uffiċjali hawnhekk: https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say_mt 

·Il-Kummissjoni se tinvolvi lill-Istati Membri (permezz tan-Network ta’ Prospettiva għall-UE kollha) u istituzzjonijiet tal-UE oħra permezz tas-Sistema Ewropea ta’ Analiżi tal-Istrateġiji u l-Politiki (ESPAS) fil-proċess ta’ prospettiva. Se tinvolvi wkoll lill-partijiet ikkonċernati esterni, inklużi l-komunità tan-negozju u tar-riċerka, il-grupp ta’ riflessjoni u oħrajn. 

·Il-Kummissjoni Ewropea se tirreferi għas-sejbiet ta’ din is-sejħa għal evidenza fl-abbozzar tar-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika 2022.