|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1818 |
10.8.2026 |
REGOLAMENT (UE) 2026/1818 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-17 ta’ Ġunju 2026
dwar il-benesseri tal-klieb u l-qtates u t-traċċabbiltà tagħhom
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
|
(1) |
L-annimali ħajjin, inklużi l-klieb u l-qtates, huma koperti mill-Anness I tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u jifformaw parti mill-politika agrikola komuni tal-Unjoni, u l-benesseri tagħhom jenħtieġ li jiġi protett. Hemm suq għall-klieb u l-qtates fl-Unjoni, u kummerċ transfruntier sostanzjali fihom. L-Istati Membri huma impenjati għall-protezzjoni tal-annimali tad-dar, u l-maġġoranza tagħhom huma firmatarji tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tal-Annimali Domestiċi, magħmula fit-13 ta’ Novembru 1987, li tinkludi dispożizzjonijiet dwar it-tnissil, iż-żamma u l-kummerċ tal-annimali tad-dar. Hija disponibbli firxa wiesgħa ta’ evidenza tal-funzjonament subottimali tas-suq għall-klieb u l-qtates fl-Unjoni, kif ukoll ta’ kummerċ illegali ta’ dawk l-annimali fl-Unjoni, u tal-importazzjoni tagħhom fl-Unjoni, li jimminaw il-benesseri tagħhom. Għalhekk, meta jitqies li l-annimali huma esseri sensibbli li kapaċi jesperjenzaw emozzjonijiet u wġigħ u kapaċi jinvolvu ruħhom f’interazzjonijiet soċjali, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għall-benesseri tal-klieb u tal-qtates imnissla u miżmuma fi stabbilimenti, kif ukoll rekwiżiti msaħħa fir-rigward tat-traċċabbiltà tal-klieb u tal-qtates. |
|
(2) |
L-għadd ta’ klieb u qtates li jinżammu bħala annimali tad-dar fl-Unjoni żdied b’mod sinifikanti matul dawn l-aħħar snin, u dan jirrifletti r-rabta qawwija taċ-ċittadini tal-Unjoni ma’ dawk l-annimali. Il-benesseri tal-annimali huwa valur tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 13 tat-TFUE, li skontu, peress li l-annimali huma esseri sensibbli, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom iqisu bis-sħiħ il-benesseri tagħhom. |
|
(3) |
Il-klieb u l-qtates huma kkummerċjalizzati u miżmuma fl-Unjoni. Huma għandhom il-ħtiġijiet bijoloġiċi u ta’ mġiba uniċi tagħhom stess. In-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet dwar il-benesseri tal-Unjoni dwar it-tnissil, iż-żamma u t-tqegħid fis-suq tal-klieb u l-qtates, kif ukoll id-differenzi bejn ir-regoli nazzjonali fejn jeżistu, xi drabi wasslu biex dawk l-annimali twieldu, tnisslu, nbiegħu jew ġew adottati mingħajr ebda kost f’ċirkostanzi li jista’ jkollhom konsegwenzi detrimentali serji għall-benesseri tagħhom. Ma hemmx kundizzjonijiet ekwi għan-nissiela kummerċjali tal-klieb u l-qtates fi Stati Membri differenti. Ir-regoli dwar il-kundizzjonijiet tal-benesseri tal-annimali jvarjaw b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri. Dawk ir-regoli huma wieħed mill-elementi ewlenin li jiddeterminaw il-kompetittività ta’ tali operaturi. B’konsegwenza ta’ dan, il-kompetizzjoni hija distorta. In-nissiela u dawk li jżommu l-annimali bi standards għoljin ma jistgħux jiksbu introjtu ekwu fuq l-investimenti tagħhom fil-benesseri tal-annimali meta jwettqu kummerċ bejn il-fruntieri minħabba li huma jiffaċċjaw operaturi li jibbenefikaw minn kundizzjonijiet tal-benesseri tal-annimali li ma jilħqux l-istandard, jeżerċitaw il-kompetizzjoni u jnaqqsu l-prezzijiet u l-istandards. |
|
(4) |
Barra minn hekk, il-konsumaturi ma humiex protetti biżżejjed meta jakkwistaw kelb jew qattus. Spiss jiffaċċjaw il-konsegwenzi negattivi tal-kundizzjonijiet ħżiena tal-benesseri fl-istabbilimenti li fih il-kelb jew il-qattus ikun tnissel u nżamm. Tali konsegwenzi negattivi jinkludu problemi tas-saħħa, problemi ta’ mġiba jew difetti ġenetiċi preżenti fil-kelb jew il-qattus akkwistat. |
|
(5) |
Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi dwar il-benesseri tal-annimali għall-istabbilimenti li huma involuti fit-tnissil, fiż-żamma u fit-tqegħid fis-suq ta’ klieb u qtates. Tali rekwiżiti minimi jenħtieġ li jiżguraw l-iżvilupp razzjonali tas-settur, u jipprovdu kundizzjonijiet ġusti għall-kompetizzjoni, u protezzjoni adegwata tal-konsumatur filwaqt li jiżguraw livell għoli ta’ benesseri tal-annimali. |
|
(6) |
In-Network tal-Annimali tad-Dar (Pet Animal Network - PAN) taħt in-Network ta’ Assistenza u Kooperazzjoni Amministrattiva (AAC) jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, u jgħinhom jidentifikaw stabbilimenti illegali, iżarmaw in-networks assoċjati, u jiżguraw l-infurzar effettiv tar-regoli applikabbli. F’konformità mat-Titolu IV tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament huma obbligati li jiġu kkomunikati permezz tal-PAN. Dan jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kollaborazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fuq livell transfruntier, li huwa essenzjali biex tiġi indirizzata n-natura tranżnazzjonali ta’ ċerti attivitajiet illegali u biex jiġu protetti l-benesseri tal-annimali u l-interessi tal-konsumatur madwar l-Unjoni. |
|
(7) |
Matul l-aħħar 10 snin, id-domanda għall-klieb u l-qtates bħala annimali tad-dar żdiedet b’mod sinifikanti. B’riżultat ta’ dan, kien hemm żieda sostanzjali fit-tnissil tal-klieb u l-qtates fl-Unjoni u fil-kummerċ tagħhom fis-suq tal-Unjoni, inklużi l-bejgħ u l-adozzjonijiet, u l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi. In-nuqqas ta’ rekwiżiti tal-Unjoni li jikkonċernaw il-benesseri ta’ tali annimali, u d-disparitajiet bejn ir-rekwiżiti applikabbli fi Stati Membri differenti, wasslu għal ammont sinifikanti ta’ kummerċ illegali, u prattiki ta’ kummerċ qarrieqa jew li jiżgwidaw, li permezz tagħhom il-klieb u l-qtates jinżammu f’kundizzjonijiet li huma ta’ ħsara kbira għall-benesseri tagħhom. |
|
(8) |
It-traċċabbiltà hija importanti biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq tal-klieb u l-qtates fl-Unjoni b’livell għoli ta’ benesseri tal-annimali, peress li l-kummerċ illegali joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u jippermetti li l-kundizzjonijiet negattivi tal-benesseri tal-annimali jiffjorixxu minħabba n-nuqqas ta’ kontroll u l-insegwiment tal-massimizzazzjoni tal-profitt. Barra minn hekk, huma meħtieġa rekwiżiti ta’ traċċabbiltà biex jippermettu li tiġi stabbilita l-oriġini tal-klieb u l-qtates, u biex jiġi ddeterminat min huwa responsabbli, b’mod partikolari f’każ ta’ problemi relatati mal-benesseri identifikati fir-rigward ta’ annimal partikolari. |
|
(9) |
Bħala konsegwenza taż-żieda fid-domanda tal-konsumaturi għall-klieb u l-qtates, iffaċilitata mix-xiri online, żviluppaw prattiki kummerċjali inaċċettabbli jew illegali, ikkawżat parzjalment mill-inabbiltà li l-annimali jiġu ttraċċati lura għall-istabbiliment oriġinali. Min-naħa l-oħra, dawk il-prattiki kummerċjali inaċċettabbli jew illegali huma assoċjati mat-tbatija tal-klieb u tal-qtates b’riżultat ta’ prattiki ta’ tnissil mhux ikkontrollati. Ma huwiex possibbli li jiġi żgurat li l-operaturi jirrispettaw l-istess standards tal-benesseri tal-annimali, u li jiġu żgurati kundizzjonijiet ġusti ta’ kompetizzjoni fis-suq intern fir-rigward tat-tqegħid fis-suq tal-klieb u l-qtates mingħajr mezzi affidabbli biex tiġi ttraċċata l-oriġini ta’ dawk l-annimali. Għalhekk huwa kruċjali li tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-klieb u tal-qtates permezz ta’ sistema li tidentifika u tirreġistra l-klieb u l-qtates u li tikkomplementa l-informazzjoni rreġistrata meta s-sjieda jew ir-responsabbiltà għall-annimal partikolari tinbidel. |
|
(10) |
Hemm evidenza li l-kummerċjanti illegali spiss iwettqu l-kummerċ tagħhom billi jippreżentaw lilhom infushom bħala s-sidien ta’ annimali tad-dar. Pereżempju, l-Azzjoni Koordinata tal-UE dwar il-kummerċ illegali tal-qtates u tal-klieb imwettqa fl-2022 u fl-2023 turi li l-movimenti tal-klieb u tal-qtates għal finijiet kummerċjali huma b’mod komuni moħbija bħala movimenti mhux kummerċjali. L-investigazzjonijiet dwar ir-reklamar online tal-klieb u l-qtates għall-bejgħ fl-Unjoni wrew ukoll li l-kummerċjanti illegali spiss jippreżentaw lilhom infushom bħala s-sidien tal-annimali tad-dar. In-Network ta’ Twissija u Kooperazzjoni tal-Unjoni jirċievi għadd konsiderevoli ta’ notifiki dwar il-kummerċ illegali ta’ klieb u qtates, li jiġu rreklamati bħala annimali tad-dar minn kummerċjanti li jippreżentaw lilhom infushom bħala s-sidien ta’ annimali tad-dar jew li jiġu mċaqalqa fl-Unjoni minn kummerċjanti li jippożaw bħala s-sidien ta’ annimali tad-dar. Hemm bżonn li tiġi miġġielda xejra ta’ attivitajiet frawdolenti li jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ħżiena tal-benesseri, li huma qarrieqa għall-konsumaturi u li joħolqu riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali. Xi Stati Membri diġà jirrikjedu li s-sidien kollha, inklużi s-sidien ta’ annimali tad-dar, jidentifikaw u jirreġistraw il-klieb u l-qtates kollha li huma proprjetà tagħhom, irrispettivament minn jekk għandhomx l-intenzjoni li jqiegħdu klieb jew qtates fis-suq. Id-differenzi bejn is-sistemi nazzjonali ta’ traċċabbiltà tal-klieb u l-qtates inevitabbilment iħallu lok għax-xejriet ta’ kummerċ illegali li dan ir-Regolament għandu l-għan li jiġġieled. Għalhekk, huwa meħtieġ li l-obbligi ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni jiġu estiżi għas-sidien kollha tal-klieb u l-qtates fl-Unjoni. Tali miżuri jiżguraw kundizzjonijiet ekwi għall-atturi kollha involuti fit-tqegħid fis-suq ta’ klieb u qtates. Sistema armonizzata ta’ traċċabbiltà tipprevjeni wkoll milli jiġu evitati l-istandards tal-benesseri tal-annimali u tindirizza prattiki qarrieqa u li jiżgwidaw fis-suq, filwaqt li ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-kummerċ illegali tal-klieb u l-qtates. |
|
(11) |
L-importazzjoni illegali tal-klieb u l-qtates minn barra l-Unjoni qed tiżdied. Ir-regoli attwali tal-Unjoni dwar il-movimenti tal-klieb u l-qtates fl-Unjoni, u dwar id-dħul tagħhom fiha, bħar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), ma fihomx għodod suffiċjenti biex jiġu pprevenuti dan il-kummerċ illegali u l-problemi tal-benesseri tal-annimali assoċjat miegħu. Dan ifisser li huma meħtieġa regoli addizzjonali sabiex jiġu miġġielda l-prattiki frawdolenti u l-kummerċ illegali tal-klieb u l-qtates. |
|
(12) |
Id-dispożizzjonijiet dwar it-traċċabbiltà ta’ dan ir-Regolament jikkontribwixxu wkoll għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika permezz ta’ benesseri aħjar tal-annimali u saħħa aħjar tal-annimali, kif ukoll permezz ta’ kontrolli aħjar fuq it-trażmissjoni possibbli tal-mard tal-annimali, li xi wħud minnhom huma żoonotiċi, skont approċċ ta’ Saħħa Waħda. |
|
(13) |
Permezz ta’ evidenza xjentifika ġie żviluppat il-kunċett tal-“ħames dominji” (nutrizzjoni, ambjent fiżiku, saħħa, interazzjonijiet fl-imġiba u stat mentali) biex jiddeskrivi d-dimensjonijiet varji tal-benesseri tal-annimali. Dan jiffoka fuq in-nuqqas ta’ esperjenzi negattivi għall-annimal u jkopri wkoll esperjenzi pożittivi. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun ibbażat fuq il-kunċett tal-“ħames dominji”. |
|
(14) |
Ir-Regolament (UE) 2016/429 jirregola l-mard trażmissibbli tal-annimali bl-għan li jiġi evitat it-tixrid tiegħu fl-Unjoni. Għalhekk, ir-Regolament (UE) 2016/429 ma jikkonċernax direttament il-benesseri tal-annimali. Madankollu, it-tixrid tal-mard b’mod ċar għandu effett fuq is-saħħa tal-annimali, li hija waħda mill-ħames dominji. Għalkemm dan ir-Regolament ma jindirizzax il-mard elenkat fir-Regolament (UE) 2016/429, huwa jikkonċerna l-benesseri tal-annimali. Dan jindirizza l-istat tas-saħħa tal-klieb u l-qtates kif influwenzat minn mard li ma jitteħidx, inklużi korrimenti, bħal trawmi, u minn gdim fuq l-annimali jew fuq l-umani kkawżati minn attakki, jew minn mard mhux elenkat, bħal dak ikkawżat minn parassiti, bħal Giardia u Leishmania, infezzjonijiet batteriċi b’Leptospira, u infezzjonijiet tal-ġilda bħall-ħżieża u l-iskabbja (Sarcoptic mange). Barra minn hekk, il-klieb u l-qtates jistgħu jġorru aġenti bħal batterji reżistenti li jistgħu jikkawżaw infezzjonijiet fil-bnedmin. Peress li r-rekwiżit ta’ traċċabbiltà jservi żewġ finijiet, il-ġlieda kontra l-prattiki frawdolenti u l-kummerċ illegali kif ukoll il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, huwa xieraq li r-rekwiżit ta’ traċċabbiltà jiġi estiż għas-sidien kollha tal-klieb u l-qtates, inklużi l-operaturi, il-persuni li jqiegħdu klieb u qtates fis-suq u s-sidien tal-annimali tad-dar. |
|
(15) |
Ir-Regolament (UE) 2016/429 jirrikjedi li l-klieb u l-qtates jiġu identifikati permezz ta’ transponder, iżda biss jekk ikunu qed jiġu mċaqalqa bejn l-Istati Membri jew ikunu qed jidħlu fl-Unjoni. L-identifikazzjoni meħtieġa minn dak ir-Regolament ma hijiex armonizzata bis-sħiħ, peress li ma tinkludix standards preċiżi rigward it-transponders. Barra minn hekk, dak ir-Regolament ma jirrikjedix li l-Istati Membri jżommu bażijiet tad-data tal-klieb u l-qtates. Għalhekk, ir-regoli f’dan ir-Regolament huma maħsuba biex jikkomplementaw dawk li hemm fir-Regolament (UE) 2016/429, u ma jidduplikawhomx jew jikkoinċidu magħhom. |
|
(16) |
Dan ir-Regolament jiffoka fuq żewġ elementi. Huwa jirregola r-rekwiżiti tal-benesseri meta jitnisslu jew jinżammu l-klieb u l-qtates li se jitqiegħdu fis-suq. Dawk ir-rekwiżiti dwar il-benesseri jenħtieġ li jiġu indirizzati lill-operaturi ta’ stabbilimenti tat-tnissil, stabbilimenti tal-bejgħ u santwarji, kif ukoll lill-operaturi li jqiegħdu klieb jew qtates f’foster homes u li huma responsabbli għalihom hemmhekk. Persuni li ma jitqisux bħala operaturi jenħtieġ li ma jkunux koperti minn dawk ir-rekwiżiti. Barra minn hekk, dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti dwar it-traċċabbiltà tal-klieb u l-qtates. Il-persuni kollha li huma sidien ta’ kelb jew qattus, inklużi l-operaturi, is-sidien tal-annimali tad-dar u persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra, jenħtieġ li jkunu meħtieġa jidentifikaw il-klieb u l-qtates tagħhom u jirreġistrawhom f’bażijiet tad-data nazzjonali interoperabbli stabbiliti għal dan il-fini. L-operaturi jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra li jqiegħdu klieb u qtates fis-suq jenħtieġ li jkunu meħtieġa jipprovdu tali informazzjoni dwar il-kelb jew il-qattus meta jqegħduh fis-suq. |
|
(17) |
L-iżvilupp u l-użu ta’ għodod diġitali fil-qasam tas-saħħa u l-benesseri tal-annimali joffru bosta benefiċċji, bħal effiċjenza operazzjonali mtejba, ġbir ta’ data aktar aċċessibbli u aktar affidabbli, traċċabbiltà mtejba u sorveljanza regolatorja aħjar. Dan ir-Regolament jinkludi diversi soluzzjonijiet diġitali mfassla biex itejbu t-traċċabbiltà tal-klieb u l-qtates madwar l-Unjoni. L-għan ta’ dawk il-miżuri huwa li jiffaċilitaw l-aggregazzjoni u t-trażmissjoni tad-data rilevanti lill-awtoritajiet kompetenti, u b’hekk jiżguraw l-infurzar konsistenti ta’ dan ir-Regolament. Il-miżuri se jgħinu wkoll lill-awtoritajiet jiġbru għarfien ġdid u jikkoordinaw u jiġġieldu l-frodi b’mod aktar effettiv. Barra minn hekk, huma se jappoġġjaw lix-xerrejja interessati fit-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati meta jakkwistaw kelb jew qattus. |
|
(18) |
It-tqegħid fis-suq tal-klieb u l-qtates, kemm jekk għall-profitt kif ukoll jekk mingħajr kost, għandu impatt fuq is-suq intern. Għalhekk, sabiex tiġi evitata l-frodi, jenħtieġ li tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-klieb u l-qtates skambjati fis-suq tal-Unjoni, u jenħtieġ li ż-żamma tal-klieb u l-qtates fi stabbilimenti tat-tnissil, fi stabbilimenti tal-bejgħ, f’santwarji u f’foster homes tkun soġġetta għal regoli dettaljati. |
|
(19) |
Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq tal-klieb u l-qtates u biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp razzjonali tas-settur tal-annimali tad-dar kollu kemm hu, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar it-tnissil, iż-żamma u t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni tal-klieb u l-qtates. Dawk l-attivitajiet huma assoċjati mal-offerta regolari ta’ oġġetti u servizzi fis-suq, kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk mingħajr ħlas. L-intenzjoni li jsir profitt u l-istatus legali jew ekonomiku tal-operatur mhumiex deċiżivi. L-importanti huwa l-kuntest professjonali jew relatat man-negozju li fih jitwettqu tali attivitajiet. Is-sitwazzjoni hija differenti fil-każ tas-servizzi militari, tal-pulizija jew tad-dwana li jnisslu jew iżommu l-klieb għall-użu uffiċjali tagħhom, minħabba li dawk l-attivitajiet ma jitwettqux għall-fini li jitqiegħdu fis-suq. Is-sidien tal-annimali tad-dar li b’mod okkażjonali f’intervalli irregolari jagħtu kelb jew qattus mingħajr ma jirreklamawh online, jenħtieġ li ma jitqisux li qed iqiegħdu dawk l-annimali fis-suq. Dan jenħtieġ li jfisser, pereżempju, li għotja ta’ mhux aktar minn boton wieħed kull 24 xahar bejn membri tal-familja jew ġirien jenħtieġ li ma tinftihemx bħala tqegħid fis-suq għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. |
|
(20) |
Iż-żamma tal-klieb u l-qtates f’isem is-sidien, pereżempju l-alloġġ għall-annimali tad-dar, hija attività fuq terminu qasir u lokali u ma għandhiex impatt sinifikanti fuq is-suq. Peress li tali attivitajiet ma jinvolvux it-tqegħid fis-suq, ma hemmx bżonn li jiġu rregolati f’dan ir-Regolament. Bl-istess mod, ix-xelters temporanji ma jżommux klieb jew qtates bl-għan li jqegħduhom fis-suq. Għall-kuntrarju tas-santwarji, dawn jipprovdu abitazzjoni ta’ emerġenza meta jinstab kelb jew qattus mitluf u jżommuh għal perjodu qasir biex is-sid ikun jista’ jirkuprah. |
|
(21) |
Id-Direttiva 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tirregola ż-żamma, it-tnissil u l-forniment ta’ annimali miżmuma għal skopijiet xjentifiċi, inklużi l-klieb u l-qtates. Ir-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jirregola l-provi kliniċi għall-prodotti mediċinali veterinarji li jinvolvu l-użu tal-annimali, inklużi l-klieb u l-qtates. Għalhekk, jenħtieġ li l-klieb u l-qtates maħsuba jew użati għal skopijiet xjentifiċi, u l-klieb u l-qtates użati fi provi kliniċi meħtieġa għall-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti mediċinali veterinarji, jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Il-qtates li jgħixu fit-triq u li jiġġerrew liberament f’azjendi agrikoli u madwarhom spiss iservu skop utli, billi jikkontrollaw il-popolazzjonijiet tar-rodituri fl-azjenda agrikola. Il-bdiewa li jipprovdu ikel u rifuġju għal tali qtates għall-fini tal-kontroll tal-pesti jeħtieġ li jiġu esklużi bl-istess mod mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, dment li ma jkunux operaturi u ma jqegħdux dawk il-qtates fis-suq. |
|
(22) |
Bħala konsegwenza tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għadd kbir ta’ klieb u qtates għall-ewwel darba se jkunu koperti minn regoli dettaljati dwar il-benesseri, li se jippermettulhom jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ta’ għajxien aħjar. Madankollu, f’xi każijiet dan jista’ jirriżulta f’kostijiet sinifikanti għall-operaturi. Ir-riskju potenzjali ta’ problemi ta’ benesseri jikber hekk kif jiżdied l-għadd ta’ klieb jew qtates imnissla jew miżmuma fi stabbiliment. Huwa għalhekk xieraq, fl-interessi tal-proporzjonalità, li jitqies dan il-fatt billi ssir distinzjoni bejn stabbilimenti ta’ daqsijiet differenti. Irrispettivament mill-għadd ta’ btan imnissla jew mill-għadd ta’ klieb jew qtates miżmuma, jenħtieġ li l-istabbilimenti kollha jkunu soġġetti għal prinċipji ġenerali tal-benesseri kif ukoll għal ċerti rekwiżiti speċifiċi dwar il-benesseri. Huma biss l-istabbilimenti li jżommu jew li jqiegħdu fis-suq ċertu għadd ta’ klieb jew qtates li jenħtieġ li jkunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ benesseri aktar komprensivi u dettaljati. Dan l-approċċ iqis il-piż finanzjarju li jirriżulta mill-konformità mar-rekwiżiti tal-benesseri aktar komprensivi u dettaljati, bħal pereżempju investimenti strutturali għaljin. |
|
(23) |
Dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi l-limiti għall-istabbilimenti tat-tnissil, għas-santwarji u għall-foster homes biex ikunu soġġetti għal rekwiżiti dettaljati dwar il-benesseri tal-annimali. Anke jekk l-attivitajiet ta’ tnissil isiru f’unitajiet domestiċi, kif spiss ikun il-każ għal diversi nissiela kummerċjali, ladarba jintlaħqu dawk il-limiti, jenħtieġ li japplikaw ir-rekwiżiti kollha dwar il-benesseri tal-annimali skont dan ir-Regolament. Meta titqies in-natura esklużivament kummerċjali tal-istabbilimenti tal-bejgħ, ma huwiex meħtieġ li jiġu stabbiliti limiti, u għalhekk jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament japplikaw għall-istabbilimenti tal-bejgħ kollha, irrispettivament mill-għadd ta’ klieb jew qtates miżmuma. |
|
(24) |
Bħalissa, il-kundizzjonijiet materjali f’ċerti tipi ta’ stabbilimenti tal-bejgħ mhumiex xierqa biex jiġi żgurat il-benesseri tal-klieb u l-qtates li qed jinżammu hemmhekk. Dan huwa l-każ ta’ xi ħwienet tal-annimali tad-dar, meta l-klieb jew il-qtates jinżammu f’kontenituri bil-ġnub trasparenti u spazju limitat, u, fil-każ tal-klieb, mingħajr aċċess xieraq għal barra. Il-klieb u l-qtates f’tali stabbilimenti huma esibiti lill-pubbliku ġenerali, u dan joħloq ambjent stressanti għall-annimali filwaqt li jżid ir-riskju ta’ xiri impulsiv minn ċerti konsumaturi prospettivi. Dan ir-Regolament għandu l-għan li jtejjeb il-protezzjoni tal-klieb u l-qtates miżmuma fl-istabbilimenti tal-bejgħ, billi jaġġorna l-istandards tal-benesseri applikabbli għalihom, b’mod partikolari billi jipprojbixxi ż-żamma tal-klieb u l-qtates f’kontenituri, jeżiġi aċċess għal barra għall-klieb, u jintroduċi allokazzjonijiet minimi ta’ spazju u obbligi biex ikun possibbli għall-klieb u l-qtates li jissoċjalizzaw ma’ annimali tal-istess speċi u mal-bnedmin. Dan għandu l-għan jiżgura li, ladarba japplikaw ir-rekwiżiti, l-istabbilimenti kollha tal-bejgħ ikollhom strutturi u prattiki fis-seħħ li jiżguraw il-livell għoli ta’ benesseri tal-annimali meħtieġ. |
|
(25) |
Għalkemm xi wħud mill-istabbilimenti tat-tnissil huma mmexxija minn nissiela liċenzjati li għandhom standard tajjeb ta’ ġestjoni tal-annimali, għadd sinifikanti tal-klieb u l-qtates imqiegħda fis-suq tal-Unjoni ġejjin minn nissiela tas-suq griż u minn nissiela substandard, li ma jiżgurawx livell suffiċjenti ta’ benesseri tal-annimali għall-klieb u l-qtates li jnisslu. Dan joħloq kompetizzjoni inġusta għal dawk in-nissiela li japplikaw standards għoljin ta’ benesseri tal-annimali. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ddettaljati dwar il-benesseri tal-annimali għall-operaturi tal-istabbilimenti kollha tat-tnissil. |
|
(26) |
Fis-suq tal-Unjoni, tipi differenti ta’ operaturi jwettqu tipi differenti ta’ attivitajiet fir-rigward tat-tqegħid fis-suq tal-klieb u l-qtates. Minbarra n-nissiela kummerċjali, jeżistu ċerti stabbilimenti tal-bejgħ li fihom tipikament il-klieb u l-qtates li jitwieldu u jiġu mnissla fi stabbilimenti oħra jinġiebu flimkien u jinżammu għall-fini ta’ bejgħ jew ġbir. F’ċerti każijiet, il-protezzjoni ta’ dawn il-klieb u qtates hija subottimali, u bħalissa ma japplika l-ebda standard komuni ta’ benesseri tal-annimal f’tali stabbilimenti. Minħabba li l-istabbilimenti tal-bejgħ huma operaturi kummerċjali li jqiegħdu l-klieb u l-qtates fis-suq, jeħtieġ li jiġu applikati r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament għalihom. |
|
(27) |
L-operaturi ta’ santwarji huma impriżi privati jew pubbliċi jew organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li jiġbru u jżommu l-klieb u l-qtates mhux mixtieqa jew li jgħixu fit-triq, jew il-klieb u l-qtates li qabel kienu proprjetà ta’ xi ħadd li jkunu ntilfu, ġew ikkonfiskati jew ġew abbandunati. Xi drabi, ir-riproduzzjoni mhux ikkontrollata jew it-tnissil żejjed jirriżultaw fil-proliferazzjoni tal-klieb u l-qtates li jgħixu fit-triq u li jispiċċaw fis-santwarji. Skont l-isfond tagħhom, dawk il-klieb u qtates jistgħu jkunu ta’ razza pura jew imħallta u jistgħu jinkludu l-btan ta’ klieb jew qtates li jkunu rriproduċew fis-santwarju. Is-santwarji jistgħu jżommu għadd kbir ta’ klieb u qtates u jistgħu jbigħuhom jew joffruhom għall-adozzjoni jew għat-tqegħid mill-ġdid fi djar, xi drabi mingħajr ħlas jew bil-ħlas tal-kostijiet raġonevoli mġarrba. |
|
(28) |
Minkejja d-differenzi fl-attivitajiet imwettqa minn stabbilimenti tat-tnissil u stabbilimenti tal-bejgħ, minn naħa waħda, u santwarji , u foster homes, min-naħa l-oħra, dawn kollha jqiegħdu klieb u qtates fis-suq tal-Unjoni. Hemm ċertu ammont ta’ duplikazzjoni, speċjalment fil-livell tad-domanda. Meta jfittxu kelb jew qattus, il-konsumaturi jagħmlu għażliet bejn li jixtru wieħed mingħand nissiel (jew direttament jew permezz ta’ stabbiliment tal-bejgħ) jew li jadottaw wieħed minn santwarju jew foster home. Fattur importanti wieħed fl-għażla ta’ kelb jew qattus huwa kwalunkwe problema ta’ mġiba jew problemi oħrajn li l-kelb jew il-qattus juri minħabba li jkun inżamm f’kundizzjonijiet ħżiena ta’ benesseri u li jistgħu jnaqqsu l-idoneità tiegħu biex jinżamm bħala annimal tad-dar, irrispettivament minn jekk l-annimal ikunx inżamm fi stabbiliment tat-tnissil jew tal-bejgħ, jew f’santwarju jew f’foster home. Barra minn hekk, minħabba li l-kummerċ isir ukoll minn intermedjarji, u l-aktar online, qabel ma jakkwistaw kelb jew qattus il-konsumaturi jistgħu ma jkunux konxji jekk l-annimal joriġinax minn santwarju, minn foster home, minn nissiel jew minn stabbilimenti tal-bejgħ. L-għoti ta’ tali informazzjoni jista’ jgħin lill-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati u responsabbli. Hemm evidenza li l-għadd ta’ klieb u qtates li jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni minn santwarji huwa sinifikanti, li huwa b’mod partikolari l-każ għall-qtates. Hemm ukoll evidenza li f’xi Stati Membri klieb u qtates minn santwarji jiġu ttrasferiti lil sidien tal-annimali tad-dar fi Stati Membri oħrajn, li huwa b’mod partikolari l-każ għall-klieb. Sabiex jiġi żgurat l-ilħuq tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament, li huma li jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq tal-klieb u l-qtates, u l-iżvilupp razzjonali tas-settur, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ benesseri tal-annimali, jeħtieġ li jiġu applikati ċerti rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament għal santwarji li jżommu ċertu għadd minimu ta’ klieb jew qtates, irrispettivament minn jekk iqegħduhomx fis-suq tal-Unjoni bi ħlas, mingħajr ħlas jew b’rimborż ta’ kostijiet raġonevoli. Madankollu, għal raġunijiet ta’ proporzjonalità u minħabba li l-attivitajiet tas-santwarji u tal-foster homes ivarjaw minn dawk ta’ operaturi oħrajn u jissodisfaw funzjoni ta’ interess pubbliku, jenħtieġ li ċerti rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, inklużi allokazzjonijiet speċifiċi minimi ta’ spazju, ma japplikawx għas-santwarji u għall-foster homes. |
|
(29) |
L-Istati Membri osservaw l-użu dejjem akbar ta’ foster homes minn operaturi responsabbli għal klieb jew qtates mhux mixtieqa, abbandunati, li jgħixu fit-triq, mitlufa jew ikkonfiskati. Minħabba li l-għadd ta’ klieb u qtates miżmuma f’foster homes jista’ jkollu impatt fuq is-suq tal-klieb u l-qtates, il-foster homes jenħtieġ li jkunu koperti b’dan ir-Regolament. L-operaturi li jqiegħdu klieb jew qtates f’foster homes jenħtieġ li jkunu responsabbli biex jiżguraw li dawk il-homes jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Dan jista’ jinkiseb, fost l-oħrajn, permezz tal-istabbiliment ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn l-operatur u l-foster family. |
|
(30) |
Peress li min-natura tagħhom il-foster homes huma unitajiet domestiċi b’kapaċità limitata biex jakkomodaw il-klieb u l-qtates, l-operaturi jenħtieġ li ma jqegħdux għadd kbir ta’ klieb u qtates fi kwalunkwe foster home waħda. Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit l-għadd massimu ta’ klieb u qtates li jistgħu jiġu fostered f’home waħda. Din hija wkoll ir-raġuni għaliex il-foster homes jenħtieġ li jkunu soġġetti biss għall-prinċipji u r-rekwiżiti ġenerali tal-benesseri u għal xi wħud biss mir-rekwiżiti speċifiċi tal-benesseri. |
|
(31) |
Peress li r-Regolament (UE) 2017/625 japplika għall-kontrolli uffiċjali mwettqa għall-verifika tal-konformità mar-regoli fil-qasam tar-rekwiżiti tal-benesseri tal-annimali li jinkludu rekwiżiti tal-benesseri tal-klieb u l-qtates, bħal dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament, huwa xieraq li tintuża d-definizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti mir-Regolament (UE) 2017/625 f’dan ir-Regolament sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kontrolli uffiċjali li jikkonċernaw il-benesseri tal-annimali. |
|
(32) |
Peress li dan ir-Regolament huwa eżempju ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tar-rekwiżiti tal-benesseri tal-annimali msemmija fl-Artikolu 1(2), punt (f), tar-Regolament (UE) 2017/625, ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2017/625 japplikaw flimkien ma’ dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom obbligi skont ir-Regolament (UE) 2017/625, inkluż obbligu li jissottomettu rapport annwali tal-kontrolli uffiċjali li jkunu wettqu fis-sena preċedenti. Dak l-obbligu jenħtieġ li jkopri l-kontrolli uffiċjali mwettqa għall-verifika tal-konformità mar-regoli dwar il-benesseri tal-annimali u t-traċċabbiltà fir-rigward tal-klieb u l-qtates. Il-mudell tal-formola standard obbligat li jintuża mill-Istati Membri għal tali rapportar stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/723 (7) jenħtieġ li jiġi aġġornat biex iqis dan ir-Regolament. |
|
(33) |
L-approċċ “Saħħa Waħda” jista’ jkun gwida utli għall-operaturi meta jimplimentaw ir-rekwiżiti tal-benesseri skont dan ir-Regolament. Ir-Regolament (UE) 2019/6 fih sett komprensiv ta’ rekwiżiti biex jiġi żgurat l-użu prudenti tal-antimikrobiċi fl-annimali. Sabiex jiġu indirizzati r-riskji ta’ reżistenza għall-antimikrobiċi filwaqt li jiġu żgurati standards għoljin ta’ saħħa u benesseri tal-annimali, dawk ir-rekwiżiti japplikaw ukoll għall-klieb u l-qtates miżmuma fi stabbilimenti tat-tnissil, stabbilimenti tal-bejgħ u santwarji. Huwa essenzjali li l-veterinarji jqisu dawk l-elementi matul iż-żjarat konsultattivi tagħhom dwar il-benesseri. |
|
(34) |
Hemm evidenza li qed iseħħu attivitajiet fit-territorju tal-Unjoni, xi drabi b’element transfruntier, li jwasslu biex il-klieb u l-qtates ikunu soġġetti għal tbatija fiżika u mentali li f’xi każijiet jista’ jikkawża l-mewt. Il-ġlied tal-klieb huwa eżempju notevoli. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprojbixxi lill-operaturi milli jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe attività li tinvolvi t-tbatija tal-klieb u l-qtates li jkunu qed jieħdu ħsieb. |
|
(35) |
Sabiex jiġi żgurat l-infurzar xieraq ta’ dan ir-Regolament, huwa essenzjali li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jidentifikaw liema stabbilimenti huma soġġetti għall-kontrolli uffiċjali tagħhom. Għalhekk jeħtieġ li l-operaturi li jżommu l-klieb jew il-qtates fi stabbilimenti jinnotifikaw l-attivitajiet tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti u li dawk l-awtoritajiet kompetenti jżommu reġistru aġġornat ta’ tali stabbilimenti. Sabiex jiġi minimizzat il-piż amministrattiv fuq l-operaturi, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li għal dak il-fini jużaw l-informazzjoni jew id-data fir-reġistru rilevanti tal-istabbilimenti skont ir-Regolament (UE) 2016/429. |
|
(36) |
Persunal imħarreġ sew u bil-ħiliet huwa essenzjali għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-benesseri tal-annimali fl-istabbilimenti. Tali persunal jeħtieġ li jkollu għarfien tax-xejriet u l-ħtiġijiet bażiċi tal-imġiba tal-ispeċi kkonċernata. Sabiex jiġi evitat li jikkawżaw tbatija fiżika u mentali lill-klieb u l-qtates, il-persuni li jieħdu ħsieb l-annimali jenħtieġ li jkollhom l-għarfien u l-ħiliet fil-qasam tal-benesseri tal-annimali rilevanti għall-kompiti tagħhom u għall-klieb jew għall-qtates li jimmaniġġaw. Għall-klieb u l-qtates, l-immaniġġar effettiv tal-annimali jinvolvi tekniki bħall-kundizzjonament tal-operant, u r-rinfurzar pożittiv li jippromwovu ambjent ħieles mill-istress. Il-kompetenzi fil-qasam tal-benesseri tal-annimali jenħtieġ li jinkisbu permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ jew l-esperjenza professjonali. Peress li s-santwarji spiss jiddependu fuq il-ħidma tal-voluntiera, u peress li min jagħmel tiroċinju spiss jirċievu t-taħriġ prattiku tagħhom f’dawk l-istabbilimenti, il-voluntiera u min jagħmel tiroċinju fis-santwarji jenħtieġ li ma jkunux meħtieġa jkollhom edukazzjoni, taħriġ jew esperjenza professjonali formali, dment li jkunu ssorveljati minn persuna kompetenti li tieħu ħsieb l-annimali. |
|
(37) |
Barra minn hekk, biex jiġi żgurat il-benesseri tal-klieb u l-qtates fi stabbiliment, mill-anqas wieħed mill-persuni li jieħdu ħsiebhom jenħtieġ li jirċievi taħriġ dwar ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u, meta rilevanti, dwar rekwiżiti nazzjonali addizzjonali, u jkollu għarfien tar-rakkomandazzjonijiet xjentifiċi u tekniċi aġġornati. L-operatur jenħtieġ li jiżgura li l-persuna li tieħu ħsieb il-klieb u l-qtates li tkun segwiet it-taħriġ ixxerred l-għarfien miksub lill-persuni l-oħra li jieħdu ħsieb il-klieb u l-qtates fl-istabbiliment. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex jiġu stabbiliti r-rekwiżiti minimi għal tali taħriġ. Il-Kummissjoni għandha l-possibbiltà li tistabbilixxi Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għat-trattament xieraq tal-klieb u l-qtates skont l-Artikolu 95 tar-Regolament (UE) 2017/625 għall-fini li tipprovdi pariri tekniċi u xjentifiċi lill-awtoritajiet kompetenti fil-kuntest tal-kontrolli uffiċjali tagħhom biex jinfurzaw dan ir-Regolament. Tali Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għat-trattament xieraq tal-klieb u l-qtates jista’ jippubblika, wara koordinazzjoni mal-Kummissjoni, rakkomandazzjonijiet u eżempji ta’ materjali ta’ taħriġ, f’konformità mar-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-atti ta’ implimentazzjoni u filwaqt li jitqies l-aktar għarfien xjentifiku u tekniku aġġornat. |
|
(38) |
L-awtoritajiet kompetenti responsabbli biex jiżguraw li l-korsijiet ta’ taħriġ ikunu disponibbli u ta’ kwalità suffiċjenti jistgħu jikkollaboraw ma’ awtoritajiet rilevanti oħra, assoċjazzjonijiet veterinarji u istituzzjonijiet edukattivi biex jiżviluppaw programmi ta’ taħriġ ta’ kwalità għolja u bbażati fuq ix-xjenza. |
|
(39) |
Minħabba l-fatt li l-benesseri tal-annimali jinkludi s-saħħa tal-annimali, il-veterinarji jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jipprovdu pariri lill-operaturi bl-għan li tittejjeb is-sitwazzjoni tal-benesseri tal-annimali fl-istabbilimenti. Għalhekk, l-istabbilimenti li jżommu għadd ta’ klieb u qtates li jaqbeż ċertu limitu jenħtieġ li jirċievu żjara dwar il-benesseri tal-annimali minn veterinarju matul l-ewwel sena tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew matul l-ewwel sena wara li jiġi nnotifikat stabbiliment ġdid. |
|
(40) |
Għal raġunijiet ta’ benesseri, it-tmiem tal-ħajja tal-klieb u tal-qtates jenħtieġ li dejjem jitwettaq b’mod li jikkawża uġigħ u distress minimi lill-kelb jew lill-qattus ikkonċernat. Il-veterinarji rċevew l-edukazzjoni biex jivvalutaw il-kundizzjoni tal-annimal u biex iwettqu l-ewtanażja, jekk tkun meħtieġa. L-operaturi jenħtieġ li jfittxu li jikkonsultaw veterinarju, u l-veterinarju jenħtieġ li fil-prinċipju jwettaq l-ewtanażja fuq il-kelb jew il-qattus, bil-kunsens minn qabel tal-operatur. F’każ ta’ emerġenzi jew aċċidenti, meta l-assistenza veterinarja ma tkunx aċċessibbli, l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom l-għażla li jippermettu li l-ħajja tal-kelb jew tal-qattus tintemm minn persuna kompetenti mħarrġa, dment li l-metodu użat ikun istantanju. |
|
(41) |
Ċerti strateġiji tat-tnissil iwasslu għal problemi ta’ benesseri għall-klieb u l-qtates. Bl-għażla ta’ ċerti karatteristiċi ġenetiċi għal raġunijiet estetiċi jew għal raġunijiet oħrajn ta’ kummerċjalizzazzjoni, jistgħu jinħolqu wkoll karatteristiċi mhux mixtieqa minn perspettiva ta’ benesseri tal-annimali u jingħaddu lil ġenerazzjonijiet futuri. Għalhekk, l-operaturi jenħtieġ li jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-istrateġiji tat-tnissil tagħhom ma jwasslux għal tali konsegwenzi negattivi għall-benesseri tal-klieb u l-qtates. B’mod partikolari, l-istrateġiji tat-tnissil motivati minn objettivi ta’ kummerċjalizzazzjoni jistgħu jwasslu biex ċerti tipi ta’ klieb u qtates jiżviluppaw “karatteristiċi ta’ konformazzjoni eċċessivi”. Peress li tali karatteristiċi ta’ konformazzjoni eċċessivi jistgħu jwasslu għal problemi tas-saħħa sinifikanti għall-klieb u għall-qtates ikkonċernati, in-nissiela jenħtieġ li jeskludu l-klieb u l-qtates li juru tali karatteristiċi mill-programmi tat-tnissil. |
|
(42) |
L-ispettakli, il-wirjiet u l-kompetizzjonijiet estetiċi għandhom impatt fuq l-opportunitajiet tas-suq u fuq il-prezzijiet tal-klieb u l-qtates. Il-mutilazzjonijiet u ċerti strateġiji ta’ tnissil li jirriżultaw fi klieb jew qtates b’karatteristiċi ta’ konformazzjoni eċċessivi jistgħu jkunu ta’ vantaġġ għan-nissiela li jikkompetu fi spettakli, wirjiet u kompetizzjonijiet estetiċi. L-organizzazzjoni u l-parteċipazzjoni f’tali spettakli, wirjiet u kompetizzjonijiet jistgħu jkunu motivati minn fatturi oħra għajr il-benesseri tal-annimali, bħal standards estetiċi, u jista’ jkollhom l-għan li jirreklamaw ċerti razez u karatteristiċi fiżiċi. Sabiex jiġi żgurat li n-nissiela jagħtu prijorità lill-benesseri tal-klieb u l-qtates li jipproduċu u ma jiżviluppawx karatteristiċi ta’ konformazzjoni eċċessivi, jew iwettqu mutilazzjonijiet fuqhom biex jilħqu standards estetiċi li mhumiex tajbin għas-saħħa, l-operaturi ta’ stabbilimenti tat-tnissil u ta’ stabbilimenti tal-bejgħ u l-organizzaturi ta’ tali spettakli, wirjiet u kompetizzjonijiet jenħtieġ li la jużaw u lanqas jinkludu f’tali spettakli, wirjiet jew kompetizzjonijiet klieb jew qtates b’karatteristiċi ta’ konformazzjoni eċċessivi jew dawk li jkunu ġew mutilati. |
|
(43) |
L-evidenza xjentifika turi li t-tgħammir ta’ annimali tal-istess demm għandu impatt negattiv sinifikanti fuq il-benesseri tal-annimali. It-tgħammir ta’ klieb u ta’ qtates tal-istess demm bejn il-ġenituri u wliedhom, bejn l-aħwa, bejn l-aħwa minn ġenitur wieħed jew bejn in-nanniet u n-neputijiet jenħtieġ li jkun ipprojbit, peress li dan iżid l-inċidenza ta’ disturbi li jintirtu u jikkomprometti l-funzjonament tajjeb tas-sistema immunitarja, li t-tnejn li huma jħallu impatt avvers fuq il-benesseri tal-klieb u tal-qtates. Madankollu, it-tgħammir ta’ klieb u qtates tal-istess demm jista’ jkun meħtieġ biex jiġu ppreservati razez lokali b’riżerva ġenetika limitata. Għalhekk jenħtieġ li jkun possibbli għall-awtorità kompetenti li jawtorizzah f’tali każijiet. |
|
(44) |
L-ibridizzazzjoni ma’ speċijiet selvaġġi jenħtieġ li ma tkunx imħeġġa, peress li l-ibridi mhumiex iddomestikati daqs il-klieb u l-qtates. Minħabba d-diffikultà sinifikanti biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet speċifiċi tal-imġiba ta’ tali ibridi u l-iskumdità jew it-tbatija kkawżati lilhom, it-tnissil biex jiġu prodotti tali ibridi jenħtieġ li jkun ipprojbit. |
|
(45) |
L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ipprovdiet assistenza teknika u xjentifika dwar diversi mistoqsijiet rigward l-abitazzjoni, is-saħħa u l-proċeduri li jikkawżaw uġigħ rilevanti għall-klieb u l-qtates miżmuma fi stabbilimenti tat-tnissil. Dan ir-Regolament iqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-EFSA dwar it-tip ta’ abitazzjoni u eżerċizzju, dwar it-temperatura u d-dawl tal-abitazzjoni, u dwar is-saħħa u l-interventi kirurġiċi li jikkawżaw uġigħ. |
|
(46) |
L-evidenza xjentifika tenfasizza l-importanza tat-tmigħ, tal-għoti tal-ilma, tal-abitazzjoni, tal-kura tas-saħħa, tal-indirizzar tal-ħtiġijiet tal-imġiba u tal-prevenzjoni ta’ prattiki li jikkawżaw uġigħ għall-benesseri tal-klieb u tal-qtates. Għalhekk huwa essenzjali li dawk l-aspetti taż-żamma tal-klieb u l-qtates jkunu rregolamentati fid-dettall. |
|
(47) |
Hemm evidenza xjentifika ċara li l-klieb u l-qtates jeħtieġ li jkollhom biżżejjed spazju biex fih jesprimu l-imġiba naturali tagħhom u biex ikollhom interazzjonijiet soċjali normali. Dan ma huwiex possibbli meta l-annimali jinżammu f’konfinament, u b’mod partikolari meta jinżammu f’kontenituri. Għalhekk, jenħtieġ li ż-żamma ta’ klieb u qtates f’kontenituri tiġi pprojbita, ħlief jekk tkun meħtieġa għat-trasport tal-annimali jew tkun għall-iżolament temporanju u għal perjodu qasir ta’ klieb u qtates individwali, għat-tul tal-parteċipazzjoni fi spettakli, wirjiet u kompetizzjonijiet, għall-ġriewi jew frieħ b’kapaċità ta’ regolazzjoni termali mnaqqsa u għall-ġriewi jew frieħ flimkien ma’ ommijiethom, dment li l-istress jiġi minimizzat, tiġi evitata t-tbatija minħabba temperaturi estremi u l-annimal ikun jista’ jqum fuq saqajh, idur u jimtedd f’pożizzjoni naturali. |
|
(48) |
Il-klieb u l-qtates jenħtieġ li jingħataw post ta’ mistrieħ deżinjat u jkollhom il-possibbiltà li jirtiraw, jistrieħu u jħossuhom sikuri. Il-post ta’ mistrieħ jenħtieġ li jkun nadif u niexef u jenħtieġ li, pereżempju, jitgħatta b’materjali rotob, bħal tapit, kutra jew materjali xierqa oħra biex jiġu pprovduti kumdità u appoġġ tajjeb għall-ġisem. Il-post ta’ mistrieħ jenħtieġ li jkun kbir biżżejjed biex ikunu jistgħu jqumu fuq saqajhom, iduru u jimteddu f’pożizzjoni naturali. Il-klieb jew il-qtates kollha li jaqsmu l-istess spazju jenħtieġ li jkunu jistgħu jistrieħu fl-istess ħin. |
|
(49) |
It-tgħammir, meta l-irġiel u n-nisa klieb jew qtates jinteraġixxu b’mod naturali, huwa influwenzat minn diversi fatturi, inklużi ċ-ċikli ormonali, l-imġiba u ż-żmien. Għalhekk, it-trażżin fiżiku tal-moviment tal-klieb jew tal-qtates waqt it-tgħammir imur kontra l-imġiba naturali tagħhom u b’hekk iħalli impatt negattiv fuq il-benesseri tagħhom. L-operaturi jenħtieġ li ma jrażżnux fiżikament lill-klieb jew lill-qtates matul it-tgħammir. Minflok, l-operaturi jenħtieġ li jippruvaw isibu mezzi oħra biex jinfluwenzaw it-tgħammir b’suċċess, bħall-ottimizzazzjoni taż-żmien għat-tgħammir. |
|
(50) |
L-operatur, li jaġixxi abbażi ta’ parir veterinarju u filwaqt li jqis is-sitwazzjoni partikolari ta’ kelb jew qattus, jista’ jagħżel li r-riproduzzjoni tiġi kkontrollata b’mezzi kirurġiċi jew mhux kirurġiċi. Sabiex jiġi evitat l-uġigħ, kwalunkwe sterilizzazzjoni kirurġika jenħtieġ li titwettaq minn veterinarju, jew, fil-każ ta’ qtates irġiel, meta l-Istat Membru jippermetti dan, minn infermier veterinarju liċenzjat, bl-użu ta’ anestesija u analġeżija fit-tul. |
|
(51) |
L-irbit għal perjodi twal jenħtieġ li jkun ipprojbit, peress li jista’ jqajjem tħassib sinifikanti dwar il-benesseri tal-annimali. Dan jista’ jkun assoċjat ma’ prevalenza akbar ta’ disturbi lokomotorji u ma’ nuqqas ta’ kapaċità li jimteddu jew jistrieħu b’mod komdu, u li jġibu ruħhom b’mod normali. |
|
(52) |
Huwa ta’ importanza kbira li jiġi pprovdut biżżejjed spazju għall-klieb u l-qtates biex jesprimu l-imġiba innata. Għall-istess raġuni, il-kontenituri jenħtieġ li jintużaw biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali, bħall-ħtieġa li kelb jew qattus aggressiv jitqiegħed f’iżolament għal żmien qasir jew it-trasport ta’ klieb u qtates lejn veterinarju. Sabiex jiġu ffaċilitati r-ritmi ċirkadjani naturali tal-klieb u l-qtates, l-akkomodazzjoni tagħhom jenħtieġ li tipprovdi wkoll aċċess għad-dawl naturali, għalkemm tista’ tiġi kkomplementata meta meħtieġ minn dawl artifiċjali. Biex jiġi appoġġjat aħjar l-iżvilupp tagħhom, il-ġriewi ta’ ħames ġimgħat jistgħu jiġu introdotti f’żona sigura fuq barra għal ċerti perjodi, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet individwali tagħhom u l-kundizzjonijiet tat-temp. Sabiex tiġi indirizzata l-ħtieġa tagħhom li jagħmlu eżerċizzju, jissoċjalizzaw u jesprimu mġiba innata oħra, il-klieb li għandhom aktar minn tmien ġimgħat jenħtieġ li jingħataw aċċess għal barra. Tali klieb jenħtieġ li, għal perjodu minimu kkombinat ta’ siegħa, ikollhom aċċess sikur ta’ kuljum għal barra jew jittieħdu mixja. |
|
(53) |
Sabiex jiġi evitat li l-benesseri tagħhom jiġi kompromess, u b’mod partikolari biex jiġu evitati kumplikazzjonijiet fit-tqala, il-klieb nisa u l-qtates nisa jenħtieġ li ma jitgħammrux qabel ma jilħqu l-maturità. Sabiex ikunu jistgħu jirkupraw fiżikament mit-tqala u t-treddigħ, il-klieb u l-qtates nisa jenħtieġ li jitħallew jirriproduċu mill-ġdid biss wara li jkun għadda perjodu ta’ żmien suffiċjenti. Madankollu, biex jiġu pprevenuti ċerti kundizzjonijiet riproduttivi patoloġiċi fil-klieb u fil-qtates nisa, bħal pjometrija, jenħtieġ li jkunu permessi sa tliet tqaliet fi żmien perjodu ta’ sentejn, segwiti minn perjodu ta’ rkupru adegwat, li jenħtieġ li jkun ta’ mill-anqas sena għall-klieb u l-qtates nisa li jkunu welldu tlett ibtan, inklużi ibtan ta’ ġriewi jew frieħ imwielda mejta, fi żmien perjodu ta’ sentejn. Ir-riproduzzjoni jenħtieġ li tieqaf fil-klieb u l-qtates nisa li jidħlu għal età akbar u fil-klieb u l-qtates nisa li kellhom żewġ ċesarji, peress li ma jistax jiġi eskluż li tqala addizzjonali jkollha effett negattiv fuq il-benesseri tagħhom. |
|
(54) |
Il-bidla fil-prattiki rigward iċ-ċiklu ta’ riproduzzjoni meħtieġ minn dan ir-Regolament tista’, f’xi każijiet, ikollha impatt negattiv fuq id-dħul tan-nissiela tal-klieb u l-qtates minħabba l-għadd dejjem jonqos ta’ btan prodotti fis-sena. Għalhekk jenħtieġ li n-nissiela jingħataw żmien addizzjonali biex jadattaw il-mudelli tan-negozju tagħhom. |
|
(55) |
Huwa essenzjali li l-klieb u l-qtates ma joħolqu l-ebda theddida għas-sikurezza tal-bniedem. Sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ aggressjoni lejn il-bnedmin, il-klieb u l-qtates li jitwieldu jew jinżammu fi stabbilimenti jenħtieġ li jkunu ssoċjalizzati kif xieraq ma’ membri tal-istess speċi, ma’ bnedmin u, meta possibbli, ma’ annimali oħrajn . Dawn jenħtieġ li jinżammu f’ambjent stimulanti u mhux ta’ theddida mgħammar b’arrikkimenti, pereżempju ġugarelli, li jipprovdilhom opportunitajiet biex jilagħbu u jesprimu mġiba innata oħra. Is-separazzjoni tal-klieb u l-qtates minn ma’ ommijiethom jenħtieġ li ma ssirx ta’ età żgħira wisq peress li din tista’ tikkawża stress ta’ separazzjoni serju lil dawk l-annimali u problemi ta’ mġiba assoċjati. Għalhekk jenħtieġ li tiġi pprojbita, ħlief meta jkun hemm raġunijiet mediċi għas-separazzjoni. |
|
(56) |
Il-proċeduri bl-iskop li tinbidel id-dehra, jew li tiġi pprevenuta ċerta mġiba tal-klieb u tal-qtates, bħall-qtugħ tal-widnejn, il-qtugħ tad-denb, it-tneħħija tad-dwiefer u t-tneħħija tal-kordi vokali u tal-kurvaturi vokali, għandhom impatt negattiv serju fuq il-benesseri tagħhom. Dawk il-proċeduri jikkawżaw uġigħ u jipprevjenu lill-klieb u l-qtates milli juru mġiba innata. Għal din ir-raġuni, tali proċeduri jenħtieġ li jkunu permessi biss jekk jitwettqu minn veterinarju u biss meta jkunu meħtieġa għal raġunijiet mediċi. L-interventi profilattiċi jenħtieġ li ma jitħallewx jitwettqu sakemm il-veterinarju ma jidentifikax indikazzjoni medika li tiġġustifika tali intervent. |
|
(57) |
Il-klieb li jintużaw fis-servizzi militari, tal-pulizija u tad-dwana għandhom rwol ċentrali fis-sigurtà nazzjonali. Sabiex jiġu akkomodati l-ħtiġijiet speċifiċi tas-servizzi militari, tal-pulizija u tad-dwana u tal-operaturi li jnisslu u jħarrġu l-klieb għal dawk l-awtoritajiet, l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jagħtu eżenzjonijiet fir-rigward ta’ prattiki ta’ trattament li jikkawżaw l-uġigħ u l-irbit, peress li tali prattiki u l-irbit jistgħu jkunu meħtieġa matul it-taħriġ ta’ tali klieb. Minkejja dawk l-eżenzjonijiet, huwa importanti li l-persunal li jħarrġu l-klieb għas-servizzi militari, tal-pulizija u tad-dwana fi stabbilimenti jirċievu taħriġ regolari f’ħiliet xierqa sabiex japplikaw metodi xierqa ta’ trattament u taħriġ u jimminimizzaw l-uġigħ għall-klieb li huma jieħdu ħsieb. |
|
(58) |
Klieb li jgħassu l-bhejjem jitnisslu biex jgħassu l-bhejjem u jipproteġuhom minn predaturi f’ambjenti agrikoli jew pastorali. Tali klieb spiss iqattgħu perjodi twal barra mingħajr il-preżenza ta’ bniedem. Minħabba l-mod li bih jintużaw, u l-effett determinanti tiegħu fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom, it-tmigħ u l-ispezzjoni regolari ta’ tali annimali xi drabi jkunu ta’ sfida. Spiss ikun diffiċli li tinkiseb konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament li għandhom l-għan li jiżguraw li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ abitazzjoni u soċjalizzazzjoni ta’ tali annimali. Barra minn hekk, il-klieb li jintużaw biex jidderiġu merħla huma klieb tal-merħla u jakkumpanjaw lill-persuna responsabbli. Eżenzjonijiet għal ċerti rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament dwar l-abitazzjoni u s-soċjalizzazzjoni huma meħtieġa għal tali klieb matul il-perjodu li fih isseħħ it-transumanza staġjonali ta’ tali merħliet. |
|
(59) |
Il-kundizzjonijiet fl-istabbilimenti tat-tnissil huma partikolarment kritiċi biex jiġi żgurat li l-klieb u l-qtates jitnisslu, jinżammu u jiġu ttrattati kif suppost qabel ma jitqiegħdu fis-suq, b’mod partikolari minħabba r-riperkussjonijiet li l-kundizzjonijiet ħżiena tal-benesseri tal-annimali jista’ jkollhom fuq il-klieb u l-qtates f’età bikrija. Għalhekk huwa importanti li dawk l-istabbilimenti tat-tnissil li għandhom kapaċità ta’ produzzjoni sinifikanti, jiġu approvati mill-awtoritajiet kompetenti u jkunu soġġetti għal spezzjoni minn qabel fuq il-post qabel l-approvazzjoni tagħhom. Tali spezzjoni minn qabel minn veterinarji uffiċjali, jew, f’każ li l-kompitu ta’ kontroll uffiċjali jkun ġie delegat, minn professjonisti oħra, u l-approvazzjoni konsegwenti ta’ dawk l-istabbilimenti huma mod effettiv biex jiġi żgurat li l-istabbilimenti jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, minħabba li l-enfasi ta’ tali spezzjonijiet jenħtieġ li jkun fuq l-istabbilimenti li jirrappreżentaw riskju akbar mil-lat tal-konformità mar-regoli tal-benesseri tal-annimali, u minħabba d-disponibbiltà limitata ta’ veterinarji uffiċjali fl-Istati Membri, ma jkunx proporzjonat li jkunu meħtieġa spezzjonijiet fuq il-post u approvazzjonijiet minn qabel għall-istabbilimenti kollha. Huwa importanti wkoll li lista ta’ dawk l-istabbilimenti approvati tkun disponibbli għall-pubbliku biex tippermetti lill-akkwirenti potenzjali jivverifikaw l-istatus tal-istabbilimenti tat-tnissil, u b’hekk jiġi appoġġjat il-kontroll pubbliku ta’ tali stabbilimenti u ssir sensibbilizzazzjoni taċ-ċittadini. Peress li tali stabbilimenti tat-tnissil jeħtieġu ż-żmien biex jimplimentaw ir-rekwiżiti tal-abitazzjoni, u l-awtoritajiet kompetenti jeħtieġu ż-żmien biex iwettqu spezzjonijiet fuq il-post tal-istabbilimenti eżistenti tat-tnissil, l-obbligu min-naħa tal-istabbilimenti tat-tnissil li jiksbu approvazzjoni jenħtieġ li jibda japplika fl-istess data bħar-rekwiżiti tal-abitazzjoni. |
|
(60) |
Xi operaturi li jqiegħdu fis-suq klieb jew qtates iħeġġu lill-klijenti potenzjali jixtru bi kwalunkwe kost, billi jużaw argumenti emozzjonali, mingħajr ma jsemmu lis-sid potenzjali l-konsegwenzi tas-sjieda ta’ kelb jew qattus. Operaturi oħrajn jenfasizzaw ir-responsabbiltà marbuta mas-sjieda tal-annimali tad-dar u dan, naturalment, għandu l-effett li jillimita l-kapaċità tagħhom li jqiegħdu klieb jew qtates fis-suq tal-Unjoni. Din id-differenza bejn iż-żewġ attitudnijiet għandha t-tendenza li tagħti vantaġġ lill-operaturi anqas responsabbli, li twassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni minkejja l-importanza għall-benesseri tal-annimali u għall-ordni pubbliku li jinformaw lill-klijenti dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom meta jakkwistaw kelb jew qattus. Għalhekk huwa ġġustifikat li l-operaturi kollha li jqiegħdu klieb jew qtates fis-suq tal-Unjoni jkunu meħtieġa jinformaw lis-sidien futuri dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom. Barra minn hekk, meta t-tqegħid fis-suq ta’ kelb jew qattus minn operatur jiġi ffaċilitat permezz ta’ reklam online, jenħtieġ li twissija xierqa takkumpanjah biex twassal il-messaġġ dwar sjieda responsabbli b’mod effettiv. Huwa importanti li tiġi promossa s-sjieda responsabbli tal-annimali tad-dar għall-funzjonament tajjeb tas-suq u l-protezzjoni tal-konsumaturi, u li jiġi evitat li klieb u qtates jiġu abbandunati minħabba li s-sidien tal-annimali tad-dar ma kinux konxji qabel ma akkwistaw l-annimal tar-responsabbiltajiet li tinvolvi s-sjieda tal-annimali tad-dar qabel ix-xiri. Għalhekk, l-obbligu li tintwera twissija dwar sjieda responsabbli f’reklami online li jikkonċernaw il-bejgħ, id-donazzjoni jew kwalunkwe forma oħra ta’ trasferiment tas-sjieda jenħtieġ li japplika wkoll għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi apparti l-operaturi. L-obbligu li tintwera t-twissija dwar sjieda responsabbli japplika għall-persuni li jqiegħdu l-klieb u l-qtates fis-suq għall-fini ta’ dan ir-Regolament. Mhux maħsub biex jinterferixxi mal-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni jew mar-regoli nazzjonali eżistenti dwar ir-responsabbiltà editorjali li mhumiex armonizzati fil-livell tal-Unjoni. |
|
(61) |
It-traffikar illegali u l-prattiki frawdolenti relatati mat-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta’ klieb u qtates huma ffaċilitati mill-inabbiltà li jiġu ttraċċati dawk l-annimali. Dak in-nuqqas ta’ traċċabbiltà huwa r-riżultat ta’ rekwiżiti ta’ identifikazzjoni mhux kompluti u n-nuqqas ta’ rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni għal tali annimali. Barra minn hekk, prattiki frawdolenti huma ffaċilitati meta s-sistemi għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-klieb u l-qtates ma jkunux armonizzati jew ma jkunux jistgħu jitħaddmu faċilment minħabba li s-sistemi tekniċi ma jkunux interoperabbli. Kemm il-pjan ta’ kontroll ikkoordinat tal-UE dwar il-bejgħ online ta’ klieb u qtates tal-2018 kif ukoll l-azzjoni ta’ infurzar tal-UE dwar il-kummerċ illegali ta’ qtates u klieb imwettqa fl-2022–2023 żvelaw prattiki frawdolenti mifruxa fit-tqegħid fis-suq ta’ klieb u qtates fl-Unjoni, u problemi assoċjati ta’ benesseri tal-annimali. Għalhekk huwa essenzjali li jiġu armonizzati l-istandards għall-mezzi ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni tal-klieb u l-qtates. L-istabbiliment ta’ obbligu wiesa’ li jiġu identifikati u rreġistrati l-klieb u l-qtates jevita lakuni fis-sistema ta’ traċċabbiltà li altrimenti jirriskjaw li jiġu sfruttati minn frodaturi. Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jqiegħdu klieb jew qtates fis-suq tal-Unjoni jenħtieġ li jipprovdu evidenza ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni f’waħda mill-bażijiet tad-data stabbiliti mill-Istati Membri għal dan il-fini . Sussegwentement, kull bidla fis-sjieda jew fir-responsabbiltà għal kelb jew għal qattus partikolari, jenħtieġ li tiġi rreġistrata f’waħda mill-bażijiet tad-data. B’kont meħud tar-rwol ċentrali tal-klieb użati fis-servizzi militari, tal-pulizija u tad-dwana għas-sigurtà nazzjonali, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jagħtu eżenzjonijiet rigward ir-reġistrazzjoni ta’ tali klieb sabiex jiġi evitat li dawn jiġu traċċati lura għal dawk is-servizzi. |
|
(62) |
Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jqiegħdu klieb jew qtates fis-suq tal-Unjoni jenħtieġ li mhux biss jipprovdu evidenza ta’ identifikazzjoni billi turi dokument li jirreferi għall-kodiċi tat-transponder impjantat fil-kelb jew fil-qattus, iżda anke evidenza tar-reġistrazzjoni ta’ dak l-annimal f’bażi tad-data uffiċjali. Dan jippermetti li l-informazzjoni ewlenija dwar l-annimal tgħaddi għand is-sid il-ġdid u jiżgura t-traċċabbiltà tiegħu. |
|
(63) |
Peress li l-biċċa l-kbira tal-klieb u l-qtates bħalissa huma offruti għall-bejgħ jew għad-donazzjoni permezz ta’ reklami online, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura l-iżvilupp ta’ sistema li tkun disponibbli għall-pubbliku u mingħajr ħlas li tippermetti lill-akkwirenti jivverifikaw l-awtentiċità tal-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u s-sjieda tal-kelb jew tal-qattus irreklamat. Għal dan il-fini, il-persuna fiżika jew ġuridika li tirreklama l-kelb jew il-qattus online jenħtieġ li tkun meħtieġa tuża s-sistema ta’ verifika u turi t-token iġġenerat minn dik is-sistema fir-reklam. Din il-miżura għandha l-għan li tiġġieled aħjar il-frodi billi ttejjeb it-traċċabbiltà tal-oriġini tal-klieb u tal-qtates imqiegħda fis-suq tal-Unjoni, tippermetti kontrolli aħjar mill-awtoritajiet kompetenti u fl-aħħar mill-aħħar ittejjeb il-benesseri ta’ dawk l-annimali. Il-fornituri tal-pjattaformi online jenħtieġ li jaġixxu b’mod diliġenti meta jaġixxu bħala intermedjarji fit-tqegħid ta’ klieb u qtates fis-suq tal-Unjoni. Għalhekk, mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), il-pjattaformi online li jippermettu reklamar ta’ klieb u qtates bl-għan li jitqiegħdu fis-suq jenħtieġ li jkunu meħtieġa jfasslu u jorganizzaw l-interfaċċa online tagħhom b’mod li jippermetti lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirreklamaw il-klieb u l-qtates li juru t-token rilevanti u jinfurmaw lill-akkwirenti dwar is-sistema ta’ verifika. Dan jenħtieġ li ma jammontax għal obbligu għall-pjattaformi online li jimmonitorjaw b’mod ġenerali r-reklami offert permezz tal-pjattaforma tagħhom, u lanqas għal obbligu ġenerali ta’ tiftix tal-fatti mmirat lejn il-valutazzjoni tal-akkuratezza tal-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni qabel il-pubblikazzjoni tal-offerta. |
|
(64) |
Peress li l-livell ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-benesseri tal-annimali ta’ dawk li jieħdu ħsieb l-annimali għandu impatt dirett fuq il-benesseri tal-klieb u tal-qtates li huma jieħdu ħsieb, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li jkun disponibbli taħriġ suffiċjenti kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll ta’ kwalità biex dawk li jieħdu ħsieb l-annimali jkunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ taħriġ stabbiliti f’dan ir-Regolament. |
|
(65) |
Sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-klieb u tal-qtates, jenħtieġ li jiġu identifikati individwalment b’identifikatur uniku fil-forma ta’ transponder, u l-identifikazzjoni tagħhom jenħtieġ li tiġi rreġistrata wkoll f’bażi tad-data. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu responsabbli li jistabbilixxu u jżommu bażijiet tad-data tal-klieb u l-qtates fit-territorji tagħhom biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà ta’ dawk l-annimali. Huwa meħtieġ ukoll li tiġi żgurata l-interoperabbiltà ta’ dawk il-bażijiet tad-data. Dan se jiffaċilita s-sejba tal-informazzjoni dwar il-klieb u l-qtates madwar l-Unjoni kollha u jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu kontrolli uffiċjali biex jiżguraw il-konformità mar-regoli dwar il-benesseri tal-annimali. Sabiex tiġi ffaċilitata l-interoperabbiltà ta’ dawk il-bażijiet tad-data nazzjonali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi bażi tad-data tal-indiċi. |
|
(66) |
Sabiex jiġi evalwat il-progress tal-kundizzjonijiet tal-benesseri tal-annimali li fihom il-klieb u l-qtates jinżammu fi stabbilimenti u tat-traċċabbiltà tal-annimali, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jiġbru, jirrapportaw u janalizzaw indikaturi ewlenin tal-politika. Dawk l-indikaturi ewlenin ta’ politika jenħtieġ li jiġu armonizzati skont dan ir-Regolament biex tiġi żgurata l-komparabbiltà tagħhom fil-livell tal-Unjoni, u biex jippermettu monitoraġġ fil-livell tal-Unjoni tal-progress fil-kisba tal-objettivi ta’ politika ta’ dan ir-Regolament. |
|
(67) |
Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) jistabbilixxi regoli dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data. Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-Istati Membri matul il-proċeduri rilevanti. Ir-rwoli tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali f’każijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jeħtieġ li jiġu definiti b’mod ċar sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-data. |
|
(68) |
Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, l-ismijiet tal-persuni fiżiċi u d-dettalji ta’ kuntatt relatati jenħtieġ li jidhru fid-dokumenti pproċessati mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri matul l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri n-notifika u l-approvazzjoni tal-istabbilimenti, ir-reġistrazzjoni tal-klieb u tal-qtates, il-verifika tar-reġistrazzjoni tal-klieb u tal-qtates, u l-importazzjonijiet tal-klieb u tal-qtates. L-ipproċessar ta’ tali data personali huwa ġġustifikat mill-interess pubbliku li jiġi żgurat ir-rispett tar-rekwiżiti tal-benesseri tal-klieb u l-qtates, inklużi t-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali, u li tiġi żgurata t-traċċabbiltà, li tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni ta’ dawk ir-rekwiżiti tal-benesseri, u li jiġi miġġieled il-kummerċ illegali tal-klieb u l-qtates kemm bejn l-Istati Membri, kif ukoll fil-każ ta’ importazzjonijiet, minn pajjiżi terzi. |
|
(69) |
Il-perjodu ta’ żamma tad-data personali fir-reġistru tal-istabbilimenti u l-lista tal-istabbilimenti tat-tnissil approvati jenħtieġ li jkun ta’ 10 snin mid-data tal-waqfien tal-attività tal-istabbiliment, peress li l-awtoritajiet kompetenti jeħtieġ li jkollhom aċċess għall-istorja tal-attivitajiet ta’ operatur fir-rigward tat-tnissil, iż-żamma u t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta’ klieb u qtates, kif ukoll li jkunu konxji min-nuqqas ta’ konformità fil-passat mar-regoli dwar il-benesseri tal-annimali meta jirċievu notifika ġdida ta’ attività jew talba għall-approvazzjoni. |
|
(70) |
Il-perjodu ta’ żamma tad-data personali tas-sidien attwali u tal-passat ta’ klieb jew qtates fil-bażijiet tad-data nazzjonali u fil-bażi tad-data tal-indiċi jenħtieġ li jkun ta’ ħames snin mir-reġistrazzjoni tal-mewt tal-kelb jew tal-qattus f’dawk il-bażijiet tad-data jew 25 sena mid-data tal-ewwel reġistrazzjoni tal-kelb jew tal-qattus f’dawk il-bażijiet tad-data. Dak il-perjodu ta’ żamma huwa mfassal biex ikopri l-istennija tal-għomor tal-klieb u l-qtates, biex jiġi żgurat li teżisti sistema robusta ta’ traċċabbiltà għall-klieb u l-qtates kollha kkummerċjalizzati fl-Unjoni, u biex tiġi pprovduta data, inkluż wara l-mewt ta’ kelb jew qattus partikolari, għal kontrolli uffiċjali dwar problemi relatati mal-benesseri bħar-rati ta’ mwiet għoljin b’mod anormali, li jirrikjedu analiżi tad-data. |
|
(71) |
Il-perjodu ta’ żamma tad-data li tikkonċerna s-sidien u l-persuni awtorizzati li jidħlu fl-Unjoni bi klieb jew qtates fl-ambitu ta’ movimenti mhux kummerċjali nnotifikati minn qabel f’bażi tad-data tal-Unjoni tal-ivvjaġġar għall-annimali tad-dar jenħtieġ li jkun ta’ ħames snin min-notifika minn qabel mis-sid sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jwettqu analiżi tad-data, jidentifikaw movimenti suspettużi, u jistabbilixxu kontrolli uffiċjali bbażati fuq ir-riskju għall-fini tal-immirar ta’ frodaturi potenzjali. |
|
(72) |
Il-perjodu ta’ żamma tad-data fis-sistema ta’ verifika tal-Unjoni li tikkonċerna persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirreklamaw kelb jew qattus għall-fini tat-tqegħid tiegħu fis-suq u l-użu tas-sistema ta’ verifika biex jiġi ġġenerat it-token meħtieġ jenħtieġ li jkun ta’ 18-il xahar mill-ġenerazzjoni tat-token, sabiex is-sistema tkun tista’ tikkonferma l-awtentiċità tal-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u s-sjieda tal-kelb jew tal-qattus irreklamat lil akkwirent li juża dik is-sistema matul iż-żmien massimu mistenni tal-pubblikazzjoni tar-reklam online. |
|
(73) |
Jista’ jagħti l-każ li klieb u qtates importati fl-Unjoni tnisslu jew inżammu f’pajjiżi terzi f’kundizzjonijiet li kienu ta’ detriment għall-benesseri tagħhom. Dan iqajjem tħassib dwar il-morali pubblika, kif ukoll jippreżenta riskji għas-sikurezza u għas-saħħa tal-annimali u għas-saħħa pubblika fl-Unjoni. Iċ-ċittadini tal-Unjoni jqisu li livell għoli tal-benesseri tal-klieb u l-qtates huwa kwistjoni ta’ responsabbiltà morali, kif muri mir-riżultati tal-Ewrobarometru 2023 dwar il-benesseri tal-annimali, kif ukoll mill-korrispondenza voluminuża, il-bosta petizzjonijiet li jirċievi l-Parlament Ewropew dwar din il-kwistjoni, l-għadd kbir ta’ mistoqsijiet parlamentari mqajma u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Frar 2020 dwar il-protezzjoni tas-suq intern u tad-drittijiet tal-konsumaturi tal-UE mill-implikazzjonijiet negattivi tal-kummerċ illegali ta’ annimali tal-kumpanija, kif ukoll il-projbizzjoni tal-Unjoni fuq it-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni ta’ fer tal-klieb u l-qtates u ta’ prodotti li jkun fihom tali fer. Barra minn hekk, il-problemi għall-ħajja jew is-saħħa tal-annimali huma parti mill-problemi tal-benesseri tal-annimali. Pereżempju l-eżawriment, il-kakessija u s-suxxettibbiltà għall-mard infettiv jistgħu jirriżultaw mill-użu intensiv ta’ klieb jew qtates nisa għal tnissil li jonqos milli jirrispetta l-ħtiġijiet tal-benesseri ta’ dawk l-annimali. Fl-aħħar nett, il-kundizzjonijiet ħżiena ta’ benesseri jistgħu jwasslu għal riskji għas-saħħa pubblika, inkluża żieda fl-inċidenza ta’ aġenti żoonotiċi bħall-ħżieża jew il-parassiti interni, kif ukoll riskju akbar indirett ta’ żvilupp ta’ reżistenza antimikrobika minħabba l-ħtieġa ta’ volumi kbar ta’ użu ta’ antimikrobiċi fl-istabbiliment ta’ oriġini. Il-klieb u l-qtates imnissla f’kundizzjonijiet ħżiena ta’ benesseri jistgħu wkoll jirrappreżentaw riskju għas-sikurezza pubblika peress li huwa possibbli li jirreaġixxu billi jiżviluppaw imġiba aggressiva. Minħabba dan it-tħassib dwar il-morali pubblika, u r-riskji għas-sikurezza, għas-saħħa tal-annimali u għas-saħħa pubblika, u sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, huwa importanti li l-operaturi involuti fl-importazzjoni ta’ klieb u qtates minn pajjiżi terzi jikkonformaw mar-regoli fir-rigward tal-benesseri tal-annimali li huma identiċi jew ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament, u joffru l-istess garanziji fir-rigward tat-traċċabbiltà tal-annimali. Minħabba li dan se jirrikjedi bidliet minn operaturi ta’ pajjiżi terzi involuti fl-esportazzjoni ta’ klieb u qtates lejn l-Unjoni, jeħtieġ li jiġi previst perjodu tranżizzjonali tal-istess tul ta’ żmien bħal dak applikabbli għall-operaturi tal-Unjoni. |
|
(74) |
Sabiex jiġi żgurat li r-regoli tal-importazzjoni jiġu infurzati kif xieraq, jenħtieġ li l-Kummissjoni tfassal lista ta’ pajjiżi terzi approvati li jqiegħdu klieb u qtates fis-suq tal-Unjoni abbażi ta’ valutazzjoni tagħha tal-affidabbiltà tal-kontrolli uffiċjali ta’ dawk il-pajjiżi terzi biex jinfurzaw ir-regoli dwar il-benesseri tal-annimali skont dan ir-Regolament, jew rikonoxxuti mill-Unjoni bħala regoli ekwivalenti, kif applikati fi stabbilimenti fit-territorju tagħhom li jesportaw jew li beħsiebhom jesportaw klieb u qtates lejn is-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi stabbilita lista ta’ stabbilimenti li jnisslu u jżommu klieb u qtates f’dawk il-pajjiżi terzi, u li jitħallew jesportaw dawk l-annimali lejn l-Unjoni, biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà u jiġu ffaċilitati l-kontrolli fil-Postijiet ta’ Kontroll fuq il-Fruntiera tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq, bl-użu ta’ approċċ ibbażat fuq ir-riskju, awditi tal-affidabbiltà tas-sistemi ta’ kontroll uffiċjali ta’ pajjiżi terzi approvati skont dan ir-Regolament, kif ukoll ta’ dawk il-pajjiżi terzi li jitolbu li jiġu approvati skont dan ir-Regolament. Il-konformità mar-regoli rilevanti ta’ dan ir-Regolament jew mar-regoli rikonoxxuti mill-Unjoni bħala regoli ekwivalenti jenħtieġ li tiġi ċċertifikata fiċ-ċertifikat tas-saħħa rilevanti użat għal tali esportazzjonijiet. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex temenda l-mudell rilevanti taċ-ċertifikat uffiċjali, sabiex tinkludi l-attestazzjoni relatata tal-benesseri tal-annimali. |
|
(75) |
Sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur u tiġi żgurata t-traċċabbiltà xierqa tal-klieb u l-qtates importati fl-Unjoni, huwa xieraq li f’dan ir-Regolament ikun meħtieġ li l-annimali jiġu identifikati qabel id-dħul tagħhom fl-Unjoni u li l-importaturi tagħhom jiżguraw ir-reġistrazzjoni tal-annimali f’waħda mill-bażijiet tad-data tal-Istati Membri. Dan se jirriżulta f’sorveljanza akbar tal-movimenti ta’ dawk l-annimali. Barra minn hekk, l-Azzjoni Koordinata tal-UE dwar il-kummerċ illegali tal-qtates u tal-klieb imwettqa fl-2022 u fl-2023 uriet li waħda mill-prattiki frawdolenti komuni fil-kummerċ tal-klieb u l-qtates tikkonsisti fl-importazzjoni fl-Unjoni ta’ klieb u qtates maħsuba għall-kummerċ, filwaqt li jiġi ddikjarat li dawk il-movimenti huma movimenti mhux kummerċjali kif definit fir-regoli tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali, jiġifieri movimenti ta’ klieb u qtates li jakkumpanjaw lis-sidien tagħhom jew lil persuna awtorizzata mis-sid mingħajr l-intenzjoni ta’ trasferiment tas-sjieda. Sabiex jiġu pprovduti għodod għall-Istati Membri biex iwettqu kontrolli bbażati fuq ir-riskju mmirati għal dik il-prattika frawdolenti, huwa essenzjali li d-dħul ta’ klieb u qtates meqjus bħala mhux kummerċjali fl-Unjoni, b’mod indipendenti mill-għadd tal-annimali, jiġi nnotifikat minn qabel permezz ta’ bażi tad-data ddedikata tal-Unjoni tal-ivvjaġġar għall-annimali tad-dar. Dik il-bażi tad-data jenħtieġ li tiġbor notifiki għad-dħul fl-Unjoni tal- annimali kollha tali irrispettivament mill-punt tad-dħul, sabiex l-Istati Membri jkollhom il-perspettiva ġenerali meħtieġa u biex tgħin fl-identifikazzjoni ta’ movimenti suspettużi. Għal dik ir-raġuni, huwa xieraq li l-Kummissjoni tistabbilixxi u żżomm dik il-bażi tad-data sabiex l-Istati Membri jkollhom aċċess għall-informazzjoni kollha disponibbli għall-attivitajiet tal-kontroll. Jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw l-informazzjoni miġbura fil-bażi tad-data u, meta xieraq, iwettqu kontrolli mmirati ta’ movimenti suspettużi inklużi, meta meħtieġ, kontrolli fuq il-post. |
|
(76) |
Sabiex dan ir-Regolament jiġi implimentat b’mod effettiv, l-Istati Membri huma mħeġġa jwettqu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament, inklużi kampanji mmirati lejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma s-sidien ta’ klieb jew qtates, u akkwirenti potenzjali ta’ klieb jew qtates. Dawk il-kampanji jistgħu jkopru l-obbligu li jiġu identifikati u rreġistrati l-klieb u l-qtates f’konformità ma’ dan ir-Regolament, ir-rekwiżiti rigward il-kontenut tar-reklami għall-bejgħ jew it-trasferiment tas-sjieda tal-klieb jew tal-qtates jew tar-responsabbiltà għalihom, kif ukoll ir-raġunijiet għas-sistema għall-verifika tal-awtentiċità tar-reklami online, il-karatteristiċi tekniċi tagħhom u kif jużawhom. Il-kampanji jistgħu jkopru r-raġunijiet għat-twissija ta’ sjieda responsabbli, u jispjegaw il-kunċett ta’ sjieda responsabbli, inkluża l-importanza li ma jiġux abbandunati l-klieb jew il-qtates. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar tali attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni. Diversi Stati Membri għandhom programmi ta’ sterilizzazzjoni fis-seħħ għall-klieb u l-qtates sabiex jillimitaw ir-riproduzzjoni mhux ikkontrollata tal-klieb u l-qtates li jgħixu fit-triq. Huma jwettqu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar tali programmi. Programmi ineffettivi ta’ sterilizzazzjoni jistgħu jwasslu għal żieda fl-abbandun. Jekk, barra minn hekk, il-popolazzjonijiet tal-annimali li jgħixu fit-triq ma jiġux ġestiti b’mod adegwat, dan jista’ jirriżulta fit-tqegħid ta’ aktar klieb u qtates fis-suq tal-Unjoni. Il-kampanji nazzjonali dwar il-programmi ta’ sterilizzazzjoni jistgħu jiġu integrati fi ħdan il-kampanja ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament bl-għan li titħeġġeġ sjieda responsabbli u titnaqqas il-pressjoni fuq is-suq tal-klieb u l-qtates. |
|
(77) |
Sabiex jitqiesu l-progress tekniku u l-iżviluppi xjentifiċi, speċjalment l-opinjonijiet tal-EFSA, u l-impatti soċjali, ekonomiċi u ambjentali ta’ dak il-progress u ta’ dawk l-iżviluppi, jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-fini tas-supplimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament billi jiġu stabbiliti indikaturi li jikkonċernaw l-imġiba u d-dehra fiżika tal-klieb u l-qtates billi jiġu speċifikati l-karatteristiċi tal-ġenotipi, u l-karatteristiċi ta’ konformazzjoni eċċessivi li jenħtieġ li jwasslu biex kelb jew qattus jiġi eskluż mir-riproduzzjoni, sabiex l-istrateġiji tat-tnissil ma jirriżultawx f’effetti detrimentali fuq is-saħħa jew il-benesseri tal-klieb u l-qtates. Fil-kuntest ta’ spettakli, wirjiet u kompetizzjonijiet estetiċi, wara li jitqiesu kemm l-opinjoni xjentifika tal-EFSA kif ukoll iċ-ċirkostanzi soċjali u ekonomiċi speċifiċi tas-settur, dawk l-atti delegati jenħtieġ li jirriflettu approċċ progressiv u bbilanċjat, sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni proporzjonata u li tista’ tinkiseb fil-prattika. |
|
(78) |
Sabiex jiġu stabbiliti l-kriterji minimi obbligati li jiġu vvalutati matul iż-żjarat għall-benesseri tal-annimali, kif ukoll billi jitqiesu l-progress tekniku u l-iżviluppi xjentifiċi, u l-impatti soċjali, ekonomiċi u ambjentali tagħhom, jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tas-supplimentazzjoni tal-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament u l-emendar tal-Annessi ta’ dan ir-Regolament, fir-rigward tar-rekwiżiti għat-tnissil, iż-żamma u l-identifikazzjoni tal-klieb u l-qtates kif ukoll l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-objettivi ta’ politika ta’ dan ir-Regolament. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (11). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati. |
|
(79) |
Jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan li ġej:
Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). |
|
(80) |
L-attitudni taċ-ċittadini tvarja madwar l-Istati Membri fir-rigward tal-benesseri tal-klieb u l-qtates. Għalhekk, xi Stati Membri diġà adottaw sett komprensiv ta’ regoli dwar il-benesseri ta’ tali annimali. Peress li dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti minimi, huwa għalhekk xieraq li l-Istati Membri jitħallew iżommu jew jadottaw regoli nazzjonali aktar stretti mmirati lejn protezzjoni aktar estensiva ta’ klieb u qtates minn dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament, dment li dawk ir-regoli nazzjonali ma jaffettwawx il-funzjonament xieraq tas-suq intern. |
|
(81) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe regola nazzjonali li hija aktar stretta minn dawk skont dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri l-oħrajn għal tali regoli. Meta r-regoli nazzjonali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), jenħtieġ li dawn jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni f’konformità ma’ dik id-Direttiva. |
|
(82) |
Huwa essenzjali li l-liġi tal-Unjoni tkun soġġetta għal monitoraġġ u evalwazzjoni regolari sabiex, meta meħtieġ, tkun tista’ tiġi aġġornata sabiex tkompli tilħaq l-objettivi tagħha. Għalhekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun fih obbligu għall-Kummissjoni li twettaq monitoraġġ dwar il-benesseri tal-klieb u tal-qtates fl-Unjoni u li twettaq evalwazzjoni li għandha tiġi ppreżentata lil istituzzjonijiet oħrajn tal-Unjoni. |
|
(83) |
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni sħiħa ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament li jkopru l-obbligi kollha applikabbli għall-operaturi, inkluża l-projbizzjoni li jiġu abbandunati l-klieb u l-qtates, u jiżguraw li dawn jiġu infurzati. Dawk il-penali jenħtieġ li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. B’mod partikolari, f’każijiet ta’ ksur serju jew ripetut, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu penali li jkunu finanzjarjament dissważivi, filwaqt li jqisu l-fatturat tal-operatur, u li jinkludu l-possibbiltà li operatur jiġi pprojbit milli jeżerċita l-attività tiegħu. |
|
(84) |
Meta jitqiesu l-kostijiet tal-operat ta’ santwarju u l-benefiċċji pubbliċi ta’ dik l-attività, meta s-santwarji jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament għall-benesseri ta’ klieb u qtates mhux mixtieqa, abbandunati jew li jgħixu fit-triq, l-Istati Membri huma mħeġġa jikkunsidraw li jieħdu miżuri biex jiżguraw li s-santwarji u l-organizzazzjonijiet responsabbli għal dawk l-annimali jiġu ffinanzjati kif xieraq f’konformità mal-liġi nazzjonali. |
|
(85) |
Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi li jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ benesseri tal-klieb u l-qtates u t-traċċabbiltà ta’ dawk l-annimali ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda minflok, minħabba l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi. |
|
(86) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 57(1)(g) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta opinjoni fit-18 ta’ Novembru 2024, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti minimi:
|
(a) |
għall-benesseri tal-klieb u tal-qtates imnissla jew miżmuma fi stabbilimenti jew imqiegħda fis-suq tal-Unjoni; |
|
(b) |
għat-traċċabbiltà tal-klieb u l-qtates. |
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni materjali
1. Dan ir-Regolament japplika għat-tnissil, għaż-żamma, għat-traċċar, għat-tqegħid fis-suq u għad-dħul fl-Unjoni tal-klieb u l-qtates.
2. Dan ir-Regolament ma japplikax għat-tnissil, għaż-żamma, għat-tqegħid fis-suq jew għad-dħul fl-Unjoni ta’ klieb jew qtates maħsuba jew użati għal skopijiet xjentifiċi jew għal provi kliniċi meħtieġa għall-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti mediċinali veterinarji.
Artikolu 3
Kamp ta’ applikazzjoni personali
1. Il-Kapitolu II japplika għall-operaturi kollha.
2. Il-Kapitolu III japplika għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha li huma s-sidien ta’ klieb jew qtates fl-Unjoni.
3. Il-Kapitolu V japplika għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha li jġibu klieb jew qtates fl-Unjoni.
4. Dan ir-Regolament ma japplikax għall-bdiewa li joffru rifuġju fl-azjenda tagħhom lill-qtates li jgħixu fit-triq u li jiġġerrew liberament u li huma utli għall-kontroll tal-pesti, meta dawk il-bdiewa ma jkunux operaturi u ma jqegħdux dawk il-qtates fis-suq.
Artikolu 4
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
“kelb” tfisser annimal tal-ispeċi Canis lupus familiaris; |
|
(b) |
“qattus” tfisser annimal tal-ispeċi Felis silvestris catus; |
|
(c) |
“benesseri tal-klieb u tal-qtates” tfisser l-istat fiżiku u mentali ta’ kelb jew ta’ qattus li jirċievi nutrizzjoni xierqa, jinżamm f’ambjent xieraq, jinżamm f’saħħtu, juri mġiba xierqa, u b’mod ġenerali jkollu esperjenza mentali pożittiva tal-ħajja; |
|
(d) |
“ibridu” tfisser kwalunkwe nisel fl-ewwel sar-raba’ ġenerazzjoni wara t-taħlit tar-razez bejn speċi selvaġġa u kelb jew qattus domestiku, jew bejn tali ibridi u speċijiet selvaġġi, klieb jew qtates domestiċi, jew ibridi oħra; |
|
(e) |
“tnissil” tfisser iż-żamma ta’ klieb jew qtates fi stabbilimenti tat-tnissil għall-fini ta’ riproduzzjoni; |
|
(f) |
“żamma” tfisser kwalunkwe attività li matulha l-klieb jew il-qtates huma miżmuma, jingħataw abitazzjoni jew jiġu ttrattati fi stabbiliment jew taħt ir-responsabbiltà ta’ operatur, jew it-tnejn li huma; |
|
(g) |
“tqegħid fis-suq” tfisser il-bejgħ, l-offerta għall-bejgħ, id-distribuzzjoni jew kwalunkwe forma oħra ta’ trasferiment ta’ sjieda ta’ klieb u qtates, jew ta’ responsabbiltà għal klieb u qtates, bi ħlas jew mingħajr ħlas, kif ukoll ir-reklamar ta’ klieb u qtates għal dawk il-finijiet, bl-esklużjoni ta’ donazzjonijiet b’mod okkażjonali f’intervalli irregolari minn persuni fiżiċi għajr għall-operaturi mingħajr reklamar online; |
|
(h) |
“reklamar” tfisser kwalunkwe forma ta’ komunikazzjoni mal-pubbliku jew ma’ sezzjoni tiegħu li għandha l-effett, dirett jew indirett, li tippromwovi kelb jew qattus, karatteristika fiżika waħda jew aktar tiegħu, jew razza, sabiex tqajjem interess, tipprovoka involviment jew tattira bejgħ; |
|
(i) |
“pjattaforma online” tfisser pjattaforma online, kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (i), tar-Regolament (UE) 2022/2065, li taġixxi bħala intermedjarju għat-tqegħid fis-suq tal-klieb jew tal-qtates; |
|
(j) |
“kelba” tfisser kelb femminili minn meta tiġi mgħammra jew inseminata għall-ewwel darba sa ma jinfatam l-aħħar boton tagħha; |
|
(k) |
“qattusa” tfisser qattus femminili minn meta tiġi mgħammra jew inseminata għall-ewwel darba sa ma jinfatam l-aħħar boton tagħha; |
|
(l) |
“kelb li jgħasses il-bhejjem” tfisser kelb li primarjament jinżamm jew jiġi mħarreġ biex jipproteġi bhejjem minn predaturi f’ambjenti agrikoli jew pastorali; |
|
(m) |
“kelb tar-ragħa” tfisser kelb li primarjament jinżamm jew jiġi mħarreġ biex jidderieġi, imexxi jew b’xi mod ieħor jimmaniġġja bhejjem f’ambjenti agrikoli jew pastorali, inklużi azjendi agrikoli, żoni tar-ragħa, jew waqt it-transumamza; |
|
(n) |
“stabbiliment” tfisser stabbiliment tat-tnissil, stabbiliment tal-bejgħ, santwarju jew foster home; |
|
(o) |
“stabbiliment tat-tnissil” tfisser kwalunkwe bini jew struttura, inklużi unitajiet domestiċi, fejn il-klieb jew il-qtates jinżammu għal finijiet ta’ riproduzzjoni bl-għan li l-ġeru jew il-ferħ tagħhom jitqiegħed fis-suq; |
|
(p) |
“bidwi” tfisser bidwi kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14); |
|
(q) |
“stabbiliment tal-bejgħ” tfisser kwalunkwe bini jew struttura fejn il-klieb jew il-qtates jinżammu għall-bejgħ mingħajr ma jkunu twieldu hemm, inkluż kwalunkwe ħanut tal-annimali tad-dar jew unità domestika, kif ukoll kwalunkwe bini jew struttura ta’ operazzjonijiet ta’ ġbir f’daqqa, fejn il-klieb jew il-qtates jinġiebu flimkien minn aktar minn stabbiliment wieħed; |
|
(r) |
“santwarju” tfisser kwalunkwe bini jew struttura, inklużi unitajiet domestiċi, fejn jinżammu klieb jew qtates mhux mixtieqa, abbandunati, mitlufa, ikkonfiskati jew li qabel kienu jgħixu fit-triq għall-fini ta’ tqegħid fis-suq; |
|
(s) |
“foster home” tfisser unità domestika li żżomm klieb jew qtates f’isem operatur responsabbli minn klieb jew qtates mhux mixtieqa, abbandunati, mitlufa, ikkonfiskati jew li qabel kienu jgħixu fit-triq; |
|
(t) |
“operatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tqiegħed klieb jew qtates fis-suq u li hija responsabbli għal stabbiliment tat-tnissil, stabbiliment tal-bejgħ jew santwarju u għall-klieb jew il-qtates li jinżammu hemm, jew li tqiegħed klieb jew qtates f’foster home u li hija responsabbli għall-klieb jew il-qtates li jinżammu hemm; |
|
(u) |
“awtoritajiet kompetenti” tfisser awtoritajiet kompetenti kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (3), tar-Regolament (UE) 2017/625; |
|
(v) |
“strateġija ta’ tnissil” tfisser sett ta’ azzjonijiet sistematiċi, inklużi r-reġistrar, l-għażla, it-tnissil u l-iskambju ta’ klieb jew qtates għat-tnissil u tal-prodotti ġerminali tagħhom, iddisinjati u implimentati biex jippreservaw jew itejbu l-karatteristiċi fenotipiċi jew ġenotipiċi mixtieqa fil-popolazzjoni tat-tnissil fil-mira; |
|
(w) |
“ewtanażja” tfisser l-att li jwassal għall-mewt bl-użu ta’ metodu li jikkawża t-telf rapidu u irriversibbli tal-koxjenza b’uġigħ u distress minimu, u li jtemm il-ħajja tal-kelb jew tal-qattus; |
|
(x) |
“mutilazzjoni” tfisser intervent, inkluż intervent kirurġiku, imwettaq għal raġunijiet għajr għal finijiet terapewtiċi jew dijanjostiċi, ħlief għall-isterilizzazzjoni jew għall-impjantazzjoni ta’ transponder, li jirriżulta fi ħsara jew telf ta’ parti sensittiva tal-ġisem, jew fil-bidla tal-istruttura tal-għadam ta’ kelb jew qattus; |
|
(y) |
“sterilizzazzjoni” tfisser il-proċess kirurġiku li bih il-klieb jew il-qtates ma jitħallewx jirriproduċu b’mod irriversibbli; |
|
(z) |
“tbatija” tfisser stat fiżiku jew mentali mhux pjaċevoli u mhux mixtieq li huwa r-riżultat li kelb jew qattus jiġi espost għal stimuli noċivi jew in-nuqqas kontinwu ta’ stimuli pożittivi importanti; |
|
(aa) |
“abitazzjoni” tfisser bini jew spazju ta’ barra delimitat fi stabbilimenti fejn jinżammu l-klieb jew il-qtates b’mod temporanju jew permanenti; |
|
(bb) |
“post fejn jinżammu l-klieb” tfisser struttura fiżika li fiha kompartiment magħluq wieħed jew aktar bħala abitazzjoni għall-klieb; |
|
(cc) |
“post fejn jinżammu l-qtates” tfisser struttura fiżika li fiha kompartiment magħluq wieħed jew aktar bħala abitazzjoni għall-qtates; |
|
(dd) |
“persuna li tieħu ħsieb l-annimali” tfisser persuna li tieħu ħsieb il-klieb jew il-qtates imnissla jew miżmuma fi stabbiliment, inklużi voluntiera, min jagħmel tiroċinju u ħaddiema part-time, taħt ir-responsabbiltà ta’ operatur; |
|
(ee) |
“arrikkimenti” tfisser materjali jew strutturi, li huma preżenti fl-ambjent ta’ kelb jew ta’ qattus, b’karatteristika okkupazzjonali jew nutrizzjonali u li huma kapaċi jqajmu u jissodisfaw il-kurżità jew l-imġiba tal-aptit ta’ kelb jew ta’ qattus, jew li jimmotivawh fiżikament; |
|
(ff) |
“irbit” tfisser l-irbit ta’ kelb jew qattus ma’ punt ta’ ankrar jew ma’ oġġett biex jinżamm f’żona mixtieqa jew biex jiġi ristrett fil-moviment tiegħu; |
|
(gg) |
“kontenitur” tfisser kwalunkwe ċestun, kaxxa, gaġġa, reċipjent jew struttura mobbli oħra użati biex jiġu ristretti l-klieb jew il-qtates; |
|
(hh) |
“sjieda responsabbli” tfisser sett ta’ mġiba ta’ sid ta’ kelb jew qattus jew sid futur ta’ kelb jew qattus konsistenti ma’ impenn li jwettaq diversi dmirijiet iffokati fuq is-sodisfazzjon tal-ħtiġijiet ta’ saħħa, imġiba, ambjentali u fiżiċi tal-kelb jew tal-qattus, u li jnaqqas ir-riskji li l-kelb jew il-qattus jista’ joħloq għall-komunità, għal annimali oħrajn jew għall-ambjent; |
|
(ii) |
“sid annimal tad-dar” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun is-sid ta’ kelb jew qattus bħala annimal tad-dar; |
|
(jj) |
“annimal tad-dar” tfisser kelb jew qattus li jkun proprjetà għat-tgawdija privata jew għall-fini li tiġi pprovduta kumpanija lill-bnedmin; |
|
(kk) |
“sistema ta’ twissija rapida” (iRASFF) tfisser is-sistema elettronika li timplimenta s-sistema ta’ allarm malajr deskritta fl-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) u l-proċeduri għall-assistenza amministrattiva u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri deskritti fl-Artikoli 102 sa 108 tar-Regolament (UE) 2017/625 rispettivament; |
|
(ll) |
“network AAC” tfisser in-network magħmul mill-Kummissjoni u l-korpi ta’ kollegament magħżula mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 103(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 għall-fini li tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti; |
|
(mm) |
“moviment mhux kummerċjali” tfisser moviment mhux kummerċjali kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (14), tar-Regolament (UE) 2016/429, meta l-annimal tad-dar ikkonċernat huwa kelb jew qattus. |
KAPITOLU II
Obbligi għall-operaturi tal-istabbilimenti
Artikolu 5
Eżenzjonijiet mill-obbligi stabbiliti f’dan il-Kapitolu
1. Stabbiliment tat-tnissil fejn ma jiġux prodotti aktar minn żewġt ibtan kull sena kalendarja għat-tqegħid fis-suq għandu jkun soġġett biss għall-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 6, l-Artikolu 7(1), (3), (4) u (5), l-Artikoli 8, 9 u 11, l-Artikolu 14(2), (3) u (4), l-Artikolu 15(3), (4) u (8), l-Artikolu 16(1), il-punti (b), (c) u (d), l-Artikolu 17(2), (3), (5) u (7), l-Artikolu 18, l-Artikolu 19(1) u l-punti 3 u 4.3 tal-Anness I.
2. Santwarju, fejn jinżammu mhux aktar minn total ikkombinat ta’ 15-il kelb jew qattus fi kwalunkwe ħin, jew kwalunkwe foster home, għandhom ikunu soġġetti biss għall-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 6, l-Artikolu 7(1), (2), (3), (4), u (5), l-Artikolu 9, l-Artikolu 11, l-Artikolu 14(2), (3) u (4), l-Artikolu 15(3), (4) u (8), l-Artikolu 16(1), il-punti (a), (b), (c) u (d), l-Artikolu 17(2), (3), (5) u (7), l-Artikolu 18, u l-punt 4.3 tal-Anness I.
Artikolu 6
Prinċipji ġenerali tal-benesseri
L-operaturi għandhom japplikaw il-prinċipji ġenerali tal-benesseri li ġejjin fir-rigward tal-klieb jew tal-qtates imnissla jew miżmuma fl-istabbiliment tagħhom:
|
(a) |
il-klieb u l-qtates jiġu pprovduti b’ilma u b’ikel ta’ kwalità u ta’ kwantità li jippermettu li jkollhom nutrizzjoni u idratazzjoni xierqa; |
|
(b) |
il-klieb u l-qtates jinżammu f’ambjent fiżiku li jkun xieraq u u mnaddaf regolarment, li jkun sigur u komdu, speċjalment f’termini ta’ spazju, kwalità tal-arja, temperatura, dawl u protezzjoni minn kundizzjonijiet klimatiċi avversi, u li jkun kbir biżżejjed biex jipprevjeni affollament eċċessiv u jipprovdilhom faċilità ta’ moviment; |
|
(c) |
il-klieb u l-qtates jinżammu sikuri, nodfa u f’saħħithom, u jiġu pprevenuti l-mard, il-korrimenti u l-uġigħ, b’mod partikolari minħabba l-ġestjoni, il-prattiki tal-immaniġġjar u l-prattiki tat-tnissil; |
|
(d) |
il-klieb u l-qtates jinżammu f’ambjent li jippermettilhom jesprimu mġiba soċjali speċifika għall-ispeċi u mhux ta’ ħsara, u li jistabbilixxu relazzjoni pożittiva mal-bnedmin; |
|
(e) |
il-klieb u l-qtates jinżammu b’mod li jottimizza l-istat mentali tagħhom billi jipprevjeni jew inaqqas stimuli negattivi fid-durata u fl-intensità, kif ukoll billi jimmassimizza l-opportunitajiet għal stimuli pożittivi fid-durata u fl-intensità, jipprevjeni l-iżvilupp ta’ mġiba anormali ripettitiva jew mġiba oħra indikattiva tal-benesseri ħażin tal-annimali, u filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet individwali tal-annimal fid-dominji msemmija fil-punti (a) sa (d). |
Artikolu 7
Obbligi ġenerali tal-benesseri
1. L-operaturi għandhom ikunu responsabbli għall-benesseri tal-klieb u l-qtates miżmuma fl-istabbilimenti taħt ir-responsabbiltà u l-kontroll tagħhom, u għandhom ikunu responsabbli għall-minimizzazzjoni ta’ kwalunkwe riskju għall-benesseri ta’ dawk l-annimali.
2. Fil-każ ta’ foster homes, ir-responsabbiltà għandha tkun tal-operatur li f’ismu jinżammu l-klieb jew il-qtates. Tali operaturi ma għandhomx iqiegħdu aktar minn total ikkombinat ta’ ħamest iklieb jew qtates, jew boton wieħed b’omm jew mingħajr omm, f’foster home fi kwalunkwe ħin partikolari, għandhom jipprovdu lill-foster family informazzjoni adegwata dwar l-obbligi tal-benesseri tal-annimali kif ukoll il-ħtiġijet individwali tal-klieb jew tal-qtates, u għandhom jiżguraw li l-obbligi rilevanti stabbiliti f’dan ir-Regolament jiġu rrispettati fil-foster home.
L-Istat Membru li fih tinsab il-foster home jista’ jippermetti li għadd akbar ta’ klieb, qtates jew btan jitqiegħdu fil-foster home, dment li l-bini tal-foster home jkollu spazju suffiċjenti, inkluż spazju fuq barra, u li l-għadd ta’ persuni li jieħdu ħsieb l-annimali fil-foster home jkun suffiċjenti, biex jiġi żgurat il-benesseri tal-klieb jew tal-qtates.
3. L-operaturi ma għandhomx jissoġġettaw kwalunkwe kelb jew qattus għal moħqrija, abbuż jew trattament ħażin, inkluż billi jġegħluhom jipparteċipaw f’attivitajiet li x’aktarx jirriżultaw f’moħqrija jew f’abbuż jew fi trattament ħażin tal-klieb jew tal-qtates imnissla jew miżmuma mill-operatur.
4. L-operaturi ma għandhomx jabbandunaw il-klieb jew il-qtates imnissla jew miżmuma minnhom.
5. Qabel ma l-operaturi jwaqqfu l-attivitajiet fi stabbiliment, huma għandhom jiżguraw li l-klieb jew il-qtates miżmuma hemmhekk jitqiegħdu fi djar, jew billi huma stess isiru s-sid tal-kelb jew tal-qattus jew billi jittrasferixxu r-responsabbiltà għall-klieb u l-qtates jew is-sjieda tagħhom lil operaturi jew akkwirenti oħra.
6. L-operaturi għandhom jiżguraw li l-klieb u l-qtates jiġu ttrattati minn għadd suffiċjenti ta’ persuni li jieħdu ħsieb l-annimali biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-benesseri tal-klieb jew tal-qtates miżmuma fl-istabbilimenti tagħhom, u li dawk il-persuni li jieħdu ħsieb l-annimali jkollhom il-kompetenzi meħtieġa skont l-Artikolu 12.
7. L-operaturi għandhom jiżguraw il-benesseri tal-klieb jew tal-qtates li huma responsabbli għalihom billi jimmonitorjaw l-indikaturi bbażati fuq l-annimali li jikkonċernaw l-imġiba u d-dehra fiżika, u billi jieħdu azzjonijiet ibbażati fuq ir-riżultati ta’ tali monitoraġġ.
8. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 28 li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-indikaturi bbażati fuq l-annimali li jikkonċernaw l-imġiba u d-dehra fiżika li l-operaturi għandhom jużaw għall-monitoraġġ, skont il-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, u l-metodi li bihom l-operaturi għandhom ikejluhom.
Artikolu 8
Obbligi tal-istrateġija tat-tnissil
1. L-operaturi tal-istabbilimenti tat-tnissil għandhom jiżguraw li l-istrateġiji tat-tnissil tagħhom jimminimizzaw ir-riskju li jipproduċu klieb jew qtates b’ġenotipi assoċjati ma’ effetti detrimentali għas-saħħa u għall-benesseri ta’ dawk l-annimali.
2. L-operaturi tal-istabbilimenti tat-tnissil ma għandhomx jużaw klieb jew qtates għar-riproduzzjoni li jkollhom karatteristiċi ta’ konformazzjoni eċċessivi li jwasslu għal riskju kbir ta’ effetti detrimentali fuq il-benesseri ta’ dawn il-klieb jew qtates, jew ta’ wliedhom. Qabel ma jagħżel kelb jew qattus li jaf ikollu karatteristika ta’ konformazzjoni eċċessiva għat-tnissil, l-operatur għandu jikkonsulta veterinarju jew persuna kwalifikata indipendenti li taġixxi taħt ir-responsabbiltà ta’ veterinarju. Dak il-veterinarju jew persuna kwalifikata indipendenti għandhom jivvalutaw jekk il-kelb jew il-qattus għandux karatteristika ta’ konformazzjoni eċċessiva.
3. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 28 li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi:
|
(a) |
jiddefinixxu l-karatteristiċi tal-ġenotipi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li għandhom jiġu esklużi mir-riproduzzjoni, il-metodi għall-valutazzjoni tagħhom u r-rekwiżiti għaż-żamma tar-rekords; |
|
(b) |
jiddefinixxu l-karatteristiċi ta’ konformazzjoni eċċessivi msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu li għandhom jiġu esklużi mir-riproduzzjoni, il-metodi għall-valutazzjoni tagħhom u r-rekwiżiti għaż-żamma tar-rekords. |
Meta tadotta dawk l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tqis l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), kif ukoll kwalunkwe impatt soċjali u ekonomiku ta’ dawk l-atti delegati.
L-atti delegati li jirrigwardaw il-karatteristiċi ta’ konformazzjoni eċċessivi għandhom jiġu adottati sat-30 ta’ Ġunju 2030. L-atti delegati li jirrigwardaw il-ġenotipi għandhom jiġu adottati sat-30 ta’ Ġunju 2036.
4. Dawn li ġejjin għandhom ikunu pprojbiti fil-ġestjoni tar-riproduzzjoni tal-klieb u tal-qtates:
|
(a) |
tnissil bejn il-ġenituri u l-ulied, bejn l-aħwa, bejn l-aħwa minn ġenitur wieħed jew bejn in-nanniet u n-neputijiet, sakemm dan ma jkunx approvat mill-awtorità kompetenti abbażi ta’ ħtieġa speċifika li jiġu ppreservati r-razez lokali b’patrimonju ġenetiku limitat; |
|
(b) |
tnissil għall-iskop tal-produzzjoni ta’ ibridi. |
Artikolu 9
Notifika u reġistrazzjoni tal-istabbilimenti
1. L-operaturi għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti bl-attività tagħhom, billi jipprovdu mill-anqas l-informazzjoni li ġejja għal kull wieħed mill-istabbilimenti tagħhom:
|
(a) |
l-isem, l-indirizz u d-dettalji ta’ kuntatt tal-operatur; |
|
(b) |
il-post tal-istabbiliment; |
|
(c) |
it-tip ta’ stabbiliment: stabbiliment tat-tnissil, stabbiliment tal-bejgħ, santwarju jew foster home; |
|
(d) |
l-ispeċi u, għall-istabbilimenti tat-tnissil, ir-razez tal-klieb jew tal-qtates miżmuma fl-istabbiliment; |
|
(e) |
il-kapaċità tal-istabbiliment, espressa bħala l-għadd massimu ta’ klieb u qtates li jistgħu jinżammu fl-istabbiliment; |
|
(f) |
għall-istabbilimenti tat-tnissil, l-għadd stmat ta’ btan li se jitqiegħed fis-suq kull sena. |
2. L-operaturi għandhom jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti dwar:
|
(a) |
kwalunkwe bidla li tirrigwarda l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1; |
|
(b) |
fejn applikabbli, id-data ppjanata tal-waqfien tal-attivitajiet tagħhom, sa mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol qabel dik id-data. |
3. L-Istati Membri għandhom jużaw l-informazzjoni prevista f’konformità mal-Artikolu 84 tar-Regolament (UE) 2016/429. L-operaturi ma għandhomx ikunu meħtieġa jinnotifikaw l-informazzjoni li diġà ġiet sottomessa f’konformità ma’ dak l-Artikolu mill-ġdid.
4. L-awtorità kompetenti għandha żżomm reġistru tal-istabbilimenti. L-awtorità kompetenti tista’, għal dak l-iskop, tuża r-reġistru stabbilit skont l-Artikolu 101(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/429.
Artikolu 10
Obbligu li tinkiseb l-approvazzjoni għal ċerti stabbilimenti tat-tnissil
1. L-operaturi tal-istabbilimenti tat-tnissil li jew jipproduċu jew ikun beħsiebhom jipproduċu aktar minn ħamest ibtan kull sena kalendarja jew li jżommu b’kollox aktar minn ħamest iklieb jew qtates nisa fi kwalunkwe ħin ma għandhomx iqiegħdu klieb jew qtates fis-suq qabel ma l-istabbiliment tat-tnissil tagħhom ikun ġie approvat mill-awtorità kompetenti.
2. L-awtorità kompetenti għandha twettaq spezzjonijiet fuq il-post biex tivverifika li l-istabbiliment tat-tnissil jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri jistgħu jippermettu li dawn l-ispezzjonijiet jitwettqu b’mod remot, dment li l-mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod użati jipprovdu biżżejjed evidenza biex l-awtorità kompetenti twettaq spezzjonijiet affidabbli. L-awtorità kompetenti għandha tagħti ċertifikat ta’ approvazzjoni biss lill-istabbilimenti tat-tnissil li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.
3. L-awtorità kompetenti għandha żżomm lista disponibbli għall-pubbliku li tinkludi l-informazzjoni li ġejja għal kull stabbiliment tat-tnissil approvat:
|
(a) |
l-isem, id-dettalji ta’ kuntatt u, fejn disponibbli, il-URL tas-sit web tal-istabbiliment; |
|
(b) |
l-indirizz tal-istabbiliment; |
|
(c) |
l-isem tal-operatur; |
|
(d) |
l-ispeċijiet u, jekk rilevanti, ir-razez relatati mal-attivitajiet tal-istabbiliment approvati; |
|
(e) |
in-numru tal-approvazzjoni uniku assenjat lill-istabbiliment mill-awtorità kompetenti u d-data tal-approvazzjoni u tal-waqfien tal-attivitajiet. |
Artikolu 11
Obbligu ta’ għoti ta’ informazzjoni dwar sjieda responsabbli
1. L-operaturi għandhom jipprovdu lill-akkwirent ta’ kelb jew qattus l-informazzjoni bil-miktub meħtieġa biex l-akkwirent ikun jista’ jiżgura l-benesseri tal-annimal,inkluża informazzjoni dwar sjieda responsabbli u dwar il-ħtiġijiet speċifiċi tal-annimal fir-rigward ta’ tmigħ, kura, saħħa u abitazzjoni, kif ukoll informazzjoni dwar il-ħtiġijiet tal-imġiba u l-istorja tas-saħħa tiegħu.
2. L-informazzjoni bil-miktub dwar l-istorja tas-saħħa tal-kelb jew tal-qattus imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi mill-anqas:
|
(a) |
l-istatus tat-tilqim tal-annimal; |
|
(b) |
kwalunkwe kundizzjoni medika jew predispożizzjoni għall-mard, inklużi l-allerġiji, li jaf bihom l-operatur, u kwalunkwe riżultat ta’ testijiet dijanjostiċi tal-kelb jew tal-qattus li huwa disponibbli għall-operatur. |
Meta l-informazzjoni dwar l-istorja tas-saħħa tal-kelb jew tal-qattus tkun stabbilita f’dokument meħtieġ skont ir-Regolament (UE) 2016/429, l-operatur għandu jittrażmetti dak id-dokument lill-akkwirent.
Artikolu 12
Kompetenzi tal-benesseri tal-annimali tal-persuni li jieħdu ħsieb l-annimali
1. Il-persuni li jieħdu ħsieb l-annimali, għajr il-voluntiera fis-santwarji u min jagħmel tiroċinju li jaġixxu taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna kompetenti li tieħu ħsieb l-annimali, għandu jkollhom il-kompetenzi li ġejjin fir-rigward tal-klieb u tal-qtates li jkunu qed jimmaniġġaw:
|
(a) |
fehim tal-imġiba bijoloġika tal-annimali u tal-ħtiġijiet fiżjoloġiċi u etoloġiċi tagħhom; |
|
(b) |
il-kapaċità li jirrikonoxxu l-espressjonijiet tal-annimali, inkluż kwalunkwe sinjal ta’ tbatija, u li jidentifikaw u jieħdu l-miżuri xierqa ta’ mitigazzjoni f’każijiet bħal dawn; |
|
(c) |
il-kapaċità li japplikaw prattiki tajbin ta’ ġestjoni tal-annimali, inkluż il-kundizzjonament tal-operant u r-rinforz pożittiv, li jużaw u jżommu t-tagħmir użat għall-klieb jew għall-qtates taħt ir-responsabbiltà tagħhom u li jimminimizzaw kwalunkwe riskju għall-benesseri ta’ dawk il-klieb jew il-qtates, filwaqt li jipprevjenuhom milli jbatu; |
|
(d) |
l-għarfien tal-obbligi tal-persuni li jieħdu ħsieb l-annimali skont dan ir-Regolament. |
2. Il-kompetenzi msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jinkisbu permezz tal-edukazzjoni, tat-taħriġ jew tal-esperjenza professjonali. Biex jiġi ddeterminat jekk persuna li tieħu ħsieb l-annimali għandhiex dawk il-kompetenzi, għandhom jitqiesu biss l-edukazzjoni, it-taħriġ jew l-esperjenza professjonali dokumentati.
3. L-operaturi għandhom jiżguraw li mill-anqas persuna waħda li tieħu ħsieb l-annimali tal-istabbiliment, li mhijiex voluntier jew intern, tkun lestiet il-korsijiet ta’ taħriġ imsemmija fl-Artikolu 22. L-operaturi għandhom jiżguraw li dik il-persuna li tieħu ħsieb l-annimali tgħaddi l-għarfien tagħha lill-persuni l-oħra li jieħdu ħsieb l-annimali tal-istabbiliment.
4. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu rekwiżiti minimi dwar l-edukazzjoni formali, it-taħriġ jew l-esperjenza professjonali msemmija fil-paragrafu 2 meħtieġa biex jiġi ddeterminat jekk persuna li tieħu ħsieb l-annimali għandhiex il-kompetenzi msemmija fil-paragrafu 1 u dwar il-korsijiet ta’ taħriġ imsemmija fil-paragrafu 3.
L-att ta’ implimentazzjoni li jirrigwarda l-korsijiet ta’ taħriġ msemmija fil-paragrafu 3 għandu jiġi adottat sal-31 ta’ Awwissu 2029.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 29.
Artikolu 13
Żjarat konsultattivi għall-benesseri
1. L-operaturi għandhom:
|
(a) |
jiżguraw li l-istabbilimenti li għalihom huma responsabbli jirċievu żjara minn veterinarju bl-iskop li jiġi identifikat u vvalutat kwalunkwe fattur ta’ riskju għall-benesseri tal-klieb jew tal-qtates u jagħti pariri lill-operatur dwar miżuri biex jiġu indirizzati dawk ir-riskji inizjalment sal-31 ta’ Awwissu 2029 jew sena wara n-notifika ta’ stabbiliment ġdid, u minn hemm ’il quddiem meta jkun xieraq, abbażi ta’ analiżi tar-riskji mill-awtoritajiet kompetenti, jew fuq bażi annwali jekk l-Istati Membri jipprevedu dan fid-dritt nazzjonali tagħhom; |
|
(b) |
iżommu r-rekords tas-sejbiet taż-żjara tal-veterinarju msemmija fil-punt (a) u tal-azzjonijiet ta’ segwitu tagħhom għal mill-anqas erba’snin, mill-jum taż-żjara, u għandhom jagħmlu dawk ir-rekords disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom, kif ukoll għall-veterinarji li jwettqu ż-żjarat konsultattivi sussegwenti. |
2. Sal-31 ta’ Awwissu 2028, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 28 li jissupplimentaw dan l-Artikolu billi jistabbilixxu l-kriterji minimi li għandhom jiġu vvalutati mill-veterinarju matul iż-żjara konsultattiva għall-benesseri.
Artikolu 14
Tmigħ u tisqija
1. L-operaturi għandhom jiżguraw li l-klieb u l-qtates jintemgħu f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness I .
2. Barra minn hekk, l-operaturi għandhom jiżguraw li l-klieb u l-qtates jintemgħu u jinżammu idratati b’mod adegwat billi jipprovdu:
|
(a) |
ilma nadif u frisk, ad libitum; |
|
(b) |
ikel fi kwantità u ta’ kwalità suffiċjenti biex jissodisfa l-ħtiġijiet fiżjoloġiċi, nutrizzjonali u metaboliċi tal-klieb u l-qtates, bħala parti minn dieta adattata għall-età, ir-razza, il-kategorija, il-livell ta’ attività, l-istat ta’ saħħa u riproduttiv tal-klieb jew tal-qtates, bl-objettiv ġenerali li jiksbu u jżommu saħħa ġenerali tajba; |
|
(c) |
ikel ħieles minn sustanzi li jistgħu jikkawżaw tbatija; |
|
(d) |
ikel b’tali mod li jiġu evitati bidliet f’daqqa u tiġi żgurata sistema gastrointestinali li tiffunzjona tajjeb, b’mod partikolari matul il-fażi tal-ftim. |
3. L-operaturi għandhom jiżguraw li l-faċilitajiet tat-tmigħ u tat-tisqija jinżammu nodfa u jinbnew u jiġu installati b’tali mod li:
|
(a) |
jipprovdu aċċess ugwali għal ammonti adegwati ta’ ikel u ilma għall-klieb jew għall-qtates kollha u jimminimizzaw il-kompetizzjoni bejniethom; |
|
(b) |
jimminimizzaw it-tixrid u jipprevjenu l-kontaminazzjoni tal-ikel u tal-ilma b’kontaminanti fiżiċi, kimiċi jew bijoloġiċi li jagħmlu l-ħsara; |
|
(c) |
jipprevjenu li l-klieb jew il-qtates ikorru, jegħrqu jew li tiġrilhom xi ħsara b’xi mod ieħor; |
|
(d) |
jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati faċilment biex jiġi pprevenut it-tixrid tal-mard. |
4. Meta jingħataw parir bil-miktub minn veterinarju biex jagħmlu dan, l-operaturi jistgħu jaġġustaw il-frekwenzi tat-tmigħ u tat-tisqija għal kelb jew qattus individwali. L-operaturi għandhom iżommu rekord ta’ dak il-parir bil-miktub għad-durata kollha ta’ dawk l-arranġamenti.
Artikolu 15
Abitazzjoni
1. L-operaturi tal-istabbilimenti tat-tnissil u tal-istabbilimenti tal-bejgħ għandhom jiżguraw li l-klieb u l-qtates jingħataw abitazzjoni f’konformità mal-punt 2 tal-Anness I. L-operaturi tas-santwarji għandhom jiżguraw li l-klieb u l-qtates jingħataw abitazzjoni f’konformità mal-punt 2.2 tal-Anness I.
2. L-operaturi għandhom jiżguraw li:
|
(a) |
l-istabbilimenti fejn jinżammu l-klieb jew il-qtates u t-tagħmir użat fihom ikunu xierqa għat-tipi u għall-għadd ta’ klieb jew qtates, u jippermettu l-aċċess meħtieġ għall-klieb jew għall-qtates kollha u l-ispezzjoni bir-reqqa tagħhom; |
|
(b) |
il-komponenti kollha tal-bini tal-istabbiliment, inklużi l-pavimentar u s-saqaf, u d-diviżjonijiet tal-ispazji, kif ukoll it-tagħmir użat għall-klieb jew għall-qtates, jinbnew u jinżammu kif suppost, biex jiġi żgurat li ma joħolqu l-ebda riskju għall-benesseri tal-klieb jew tal-qtates; |
|
(c) |
il-komponenti kollha tal-bini tal-istabbiliment, inklużi l-pavimentar u d-diviżjonijiet tal-ispazji, kif ukoll it-tagħmir użat għall-klieb jew għall-qtates, jinżammu nodfa biex jiġi żgurat li ma joħolqu l-ebda riskju għall-benesseri tal-klieb jew tal-qtates; |
|
(d) |
fi stabbilimenti tat-tnissil u fi stabbilimenti tal-bejgħ fejn il-klieb jew il-qtates jinżammu ġewwa, il-livelli tat-trab, it-temperatura, l-umdità relattiva tal-arja u l-konċentrazzjonijiet tal-gass ma jkunux ta’ ħsara għall-klieb jew għall-qtates u li l-ventilazzjoni tkun suffiċjenti biex tiġi evitata sħana żejda; |
|
(e) |
il-klieb jew il-qtates għandhom biżżejjed spazju biex ikunu jistgħu jiċċaqilqu b’mod ħieles u biex jesprimu mġiba speċifika għall-ispeċi skont il-ħtiġijiet tagħhom bil-possibbiltà li jirtiraw u jistrieħu; |
|
(f) |
il-klieb jew il-qtates għandhom postijiet ta’ mistrieħ nodfa, komdi u xotti li huma kbar u numerużi biżżejjed biex jiżguraw li kollha kemm huma jkunu jistgħu jimteddu u jistrieħu f’pożizzjoni naturali fl-istess ħin; |
|
(g) |
ikun hemm strutturi u miżuri xierqa għall-klieb jew għall-qtates miżmuma barra sabiex jiġu protetti minn kundizzjonijiet ħżiena tat-temp, inkluż biex jiġu prevenuti l-istress termali, il-ħruq bix-xemx u l-konġelament infjammatorju. |
3. L-operaturi ma għandhomx iżommu l-klieb jew il-qtates f’kontenituri .
Madankollu, il-kontenituri jistgħu jintużaw għat-trasport, għall-iżolament tal-klieb jew tal-qtates individwali għal żmien qasir, għat-tul tal-parteċipazzjoni fi spettakli, wirjiet u kompetizzjonijiet, għall-ġriewi jew għall-frieħ tal-qtates b’kapaċità ta’ regolazzjoni termali mnaqqsa u għall-ġriewi jew frieħ tal-qtates flimkien ma’ ommijiethom, dment li, għall-klieb jew qtates ikkonċernati, l-istress jiġi minimizzat u t-tbatija tiġi evitata, u jkunu jistgħu jqumu bilwieqfa, iduru u jimteddu f’pożizzjoni naturali.
4. L-operaturi ma għandhomx iżommu l-klieb li għandhom aktar minn tmien ġimgħat ġewwa biss. Dawn il-klieb għandu jkollhom aċċess ta’ kuljum għal żona fuq barra, jew jittieħdu jimxu kuljum, biex ikunu jistgħu jagħmlu l-eżerċizzju, jesploraw u jissoċjalizzaw. Id-durata minima kkombinata ta’ tali l-aċċess ta’ kuljum jew mixja ta’ kuljum għandu jkun ta’ siegħa b’kollox. L-operatur jista’ jiddevja biss minn dawn ir-rekwiżiti abbażi ta’ parir bil-miktub ta’ veterinarju.
5. Meta l-qtates jinżammu f’postijiet fejn jinżammu l-qtates, l-operaturi għandhom jiddisinjaw u jibnu kompartimenti magħluqa individwali biex jippermettu lill-qtates jiċċaqilqu liberament u juru l-imġiba naturali tagħhom.
6. L-operaturi tal-istabbilimenti tat-tnissil u tal-istabbilimenti tal-bejgħ għandhom jiżguraw li fiż-żoni fuq ġewwa fejn jinżammu l-klieb u l-qtates, ikun hemm żona termonewtrali xierqa li tqis it-tip ta’ fer, l-età, id-daqs, ir-razza u s-saħħa tagħhom.
7. L-operaturi tal-istabbilimenti tat-tnissil u tal-istabbilimenti tal-bejgħ għandhom, fejn meħtieġ, jużaw sistemi tat-tisħin jew tat-tkessiħ fil-kompartimenti fuq ġewwa fl-istabbilimenti tagħhom biex iżommu kwalità tal-arja tajba u temperatura xierqa, u biex ineħħu l-umdità eċċessiva.
8. L-operaturi għandhom jiżguraw li l-klieb jew il-qtates ikunu esposti għad-dawl u li jkunu jistgħu jibqgħu fid-dlam għal perjodi suffiċjenti u mingħajr interruzzjoni sabiex iżommu ritmu ċirkadjan normali.
Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, “dawl” tfisser dawl naturali, ikkomplementat b’dawl artifiċjali, fejn dan ikun meħtieġ minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi u l-pożizzjoni ġeografika ta’ Stat Membru.
9. Il-paragrafu 2, il-punti (a), (b), (c), (f) u (g), u l-paragrafi 6, 7 u 8 ma għandhomx japplikaw la għall-klieb li jgħassu l-bhejjem, u lanqas għall-klieb tar-ragħa, matul il-perjodi fejn dawn il-klieb jintużaw għall-għassa jew għar-ragħa fil-kuntest ta’ transumanza staġjonali bil-mixi. Il-paragrafu 2, il-punt (f) ma għandux japplika għall-klieb li jgħassu l-bhejjem matul il-perjodi meta dawn il-klieb jintużaw għal skopijiet ta’ taħriġ.
Artikolu 16
Saħħa
1. L-operaturi għandhom jiżguraw li:
|
(a) |
il-klieb jew il-qtates taħt ir-responsabbiltà tagħhom jiġu spezzjonati minn persuni li jieħdu ħsieb l-annimali mill-anqas darba kuljum u li l-klieb u l-qtates vulnerabbli, bħal dawk tat-twelid, il-klieb u l-qtates morda jew midruba, u l-klieb u l-qtates nisa peri-partum, jiġu spezzjonati aktar ta’ spiss; |
|
(b) |
il-klieb jew il-qtates b’ benesseri kompromess jiġu, fejn meħtieġ, ittrasferiti mingħajr dewmien żejjed lejn żona separata u, fejn meħtieġ, jirċievu t-trattament xieraq; |
|
(c) |
meta l-irkupru ta’ kelb jew qattus li l-benesseri tiegħu jkun kompromess ma jkunx jista’ jinkiseb u l-kelb jew il-qattus jesperjenza uġigħ jew tbatija severa, jiġi kkonsultat veterinarju mingħajr dewmien żejjed biex jiġi deċiż jekk il-kelb jew il-qattus għandux jiġi ewtanizzat biex tintemm it-tbatija tiegħu, u, jekk dan ikun il-każ, biex titwettaq l-ewtanażja bl-użu tal-anesteżija u l-analġeżija; |
|
(d) |
jittieħdu miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ parassiti esterni u interni, u jingħata tilqim għall-prevenzjoni ta’ mard komuni li x’aktarx ikunu esposti għalih il-klieb jew il-qtates; |
|
(e) |
l-arrikkimenti li jintużaw ma jippreżentaw l-ebda riskju sinifikanti lill-klieb jew qtates ta’ korriment jew kontaminazzjoni bijoloġika jew kimika jew kwalunkwe riskju ieħor għas-saħħa. |
Il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għall-klieb li jgħassu l-bhejjem miżmuma fi stabbilimenti tat-tnissil matul il-perjodi meta dawn il-klieb jintużaw għal skopijiet ta’ għassa jew ta’ taħriġ.
L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-punt (c) tal-ewwel subparagrafu f’każijiet ta’ emerġenza, fejn l-ebda veterinarju ma jkun jista’ jintlaħaq mingħajr dewmien żejjed, dment li jiġu stabbiliti regoli nazzjonali biex jiġi żgurat li:
|
(i) |
kwalunkwe azzjoni immedjata li ttemm il-ħajja tal-kelb jew tal-qattus bl-anqas uġigħ u tbatija possibbli, permezz ta’ metodu li jwassal għal mewt istantanja, titwettaq minn persuna mħarrġa u kompetenti; |
|
(ii) |
għall-finijiet ta’ kontroll uffiċjali skont ir-Regolament (UE) 2017/625, l-operatur iżomm rekord tal-użu tal-eżenzjoni. |
2. L-operaturi tal-istabbilimenti tat-tnissil għandhom jiżguraw li:
|
(a) |
jittieħdu miżuri biex tiġi salvagwardjata s-saħħa tal-klieb jew tal-qtates f’konformità mal-punt 3 tal-Anness I; |
|
(b) |
il-klieb jew il-qtates nisa jiġu mgħammra biss jekk ikunu laħqu età minima u l-maturità skeletali f’konformità mal-punt 3 tal-Anness I , u biss jekk ma jkollhom l-ebda marda dijanjostikata, sinjal kliniku ta’ mard jew kundizzjonijiet fiżiċi li jistgħu jħallu impatt negattiv fuq it-tqala u l-benesseri tagħhom; |
|
(c) |
it-tqaliet tal-klieb jew tal-qtates nisa li jipproduċu btan ta’ ġriewi jew frieħ isegwu frekwenza massima, f’konformità mal-punt 3 tal-Anness I; |
|
(d) |
il-qtates li jkunu qed ireddgħu ma jiġux mgħammra jew inseminati; |
|
(e) |
il-klieb u l-qtates li ma għadhomx jintużaw għar-riproduzzjoni, inkluż bħala riżultat tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, jew jinżammu jew jinbiegħu, jingħataw bħala għotja jew jingħataw dar ġdida, u mhux jinqatlu jew jiġu abbandunati. |
Artikolu 17
Ħtiġijiet ta’ mġiba
1. L-operaturi għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ mġiba tal- klieb u tal-qtates f’konformità mal-punt 4 tal-Anness I.
2. Barra minn hekk, l-operaturi ma għandhomx iżommu l-klieb jew il-qtates f’żoni li jillimitaw il-movimenti naturali tagħhom , ħlief f’każijiet fejn japplika l-Artikolu 15(3), it-tieni subparagrafu, jew fejn jitwettqu l-proċeduri jew it-trattamenti li ġejjin:
|
(a) |
eżamijiet fiżiċi; |
|
(b) |
l-identifikazzjoni individwali tal-klieb jew tal-qtates, u l-qari ta’ din l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni; |
|
(c) |
il-ġbir ta’ kampjuni u tilqim; |
|
(d) |
proċeduri għal skopijiet ta’ grooming, iġjeniċi, tas-saħħa jew riproduttivi, għajr it-tgħammir; |
|
(e) |
trattamenti mediċi, inklużi trattamenti kirurġiċi jew riabilitazzjoni preskritta. |
3. L-irbit tal-klieb jew tal-qtates għal aktar minn siegħa għandu jkun ipprojbit, ħlief għad-durata ta’ trattament mediku jew għall-parteċipazzjoni fi spettakli, wirjiet u kompetizzjonijiet ta’ klieb jew qtates .
4. L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-paragrafu 3 għall-klieb maħsuba għall-użu fis-servizzi militari, tal-pulizija u tad-dwana li jinżammu fi stabbilimenti tat-tnissil jew tal-bejgħ.
5. L-operaturi għandhom jiżguraw li l-klieb jew il-qtates jinżammu f’kundizzjonijiet li fihom ikunu jistgħu juru mġiba soċjali mhux dannuża u mġiba speċifika għall-ispeċi u jesperjenzaw emozzjonijiet pożittivi.
6. L-operaturi għandhom jiżguraw li l-klieb jew il-qtates ikunu jistgħu jissoċjalizzaw f’konformità mal-punt 4 tal-Anness I. L-operaturi tal-istabbilimenti tat-tnissil għandu jkollhom strateġija dokumentata għal din is-soċjalizzazzjoni.
B’deroga mill-ewwel subparagrafu, ir-rekwiżiti ta’ soċjalizzazzjoni ma għandhomx japplikaw għall-klieb li jgħassu l-bhejjem miżmuma fi stabbiliment tat-tnissil matul il-perjodi meta tali klieb jintużaw għal finijiet ta’ għassa jew ta’ taħriġ, jew għall-klieb tar-ragħa matul it-transumanza staġjonali.
7. L-operaturi għandhom jiżguraw li l-arrikkimenti jiġu pprovduti u jkunu aċċessibbli għall-klieb jew għall-qtates kollha, u b’hekk jinħoloq ambjent stimulanti għalihom, li jippermettilhom jiżviluppaw u juru mġiba speċifika għall-ispeċijiet u jnaqqsilhom il-frustrazzjoni tagħhom .
Artikolu 18
Prattiki li jikkawżaw l-uġigħ
1. L-operaturi għandhom jiżguraw li l-mutilazzjonijiet, inkluż il-qtugħ tal-widnejn, il-qtugħ tad-denb, it-tneħħija tad-dwiefer jew amputazzjoni oħra parzjali jew sħiħa tas-swaba’, u t-tneħħija ta’ kordi jew kurvaturi vokali, ma jitwettqux sakemm ma jkunux ġustifikati minn indikazzjonijiet mediċi. Tali indikazzjonijiet mediċi jistgħu jkunu profilattiċi, bl-iskop uniku li tinżamm jew tittejjeb is-saħħa tal-klieb jew tal-qtates jew li jiġi evitat il-korriment tagħhom. F’każijiet bħal dawn, il-proċedura għandha titwettaq biss taħt anesteżija u analġeżija fit-tul u biss minn veterinarju.
2. L-indikazzjonijiet mediċi li jiġġustifikaw il-mutilazzjoni, u d-dettalji tal-proċedura mwettqa, għandhom jiġu dokumentati minn veterinarju. Dak id-dokument għandu jinżamm mill-operatur u għandu jakkumpanja lill-kelb jew lill-qattus meta dan jiġi trasferit lejn stabbiliment jew sid ieħor. L-operatur għandu jżomm kopja tad-dokument għall-ewwel tliet snin wara dak it-trasferiment.
3. B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jippermettu l-qtugħ tal-widna billi ssir talja jew li tinqata’ l-parti ta’ fuq tal-widna tal-qtates fil-kuntest tal-immarkar ta’ qtates li jgħixu fit-triq meta jiġu sterilizzati fl-ambitu tal-programm “aqbad-sterilizza-irritorna” (TNR, Trap-Neuter-Return).
4. L-operaturi għandhom jiżguraw li l-isterilizzazzjoni ssir biss taħt l-anesteżija u l-analġeżija fit-tul u biss minn veterinarju. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-isterilizzazzjoni ta’ qtates irġiel ssir minn infermiera veterinarji liċenzjati.
5. L-operaturi għandhom jiżguraw li l-prattiki ta’ trattament li jikkawżaw uġigħ jew tbatija ma jitwettqux, inkluż:
|
(a) |
l-irbit ta’ partijiet tal-ġisem, sakemm ma jkunx meħtieġ għall-raġunijiet mediċi u limitat għall-perjodu minimu meħtieġ; |
|
(b) |
id-daqqiet ta’ sieq, is-swat, it-tiġbid, it-twaddib jew it-tgħaffiġ tal-klieb jew tal-qtates; |
|
(c) |
l-applikazzjoni tal-kurrent elettriku lill-klieb jew lill-qtates, sakemm dan ma jsirx għal raġunijiet mediċi; |
|
(d) |
l-użu ta’ sarimi, sakemm ma jkunx meħtieġ għal raġunijiet mediċi jew għal raġunijiet ta’ sikurezza tal-annimali jew tal-bniedem, limitat għall-perjodu minimu meħtieġ u li fih il-kelb jew il-qattus ikun issorveljat; |
|
(e) |
l-użu ta’ kullari bil-ponot fuq ġewwa; |
|
(f) |
l-użu ta’ kullari li jissikkaw mal-għonq mingħajr ma jkollhom mekkaniżmu biex l-annimal ma jifgax; |
|
(g) |
l-irfigħ tal-klieb jew tal-qtates mir-riġlejn, mir-ras, mill-widnejn, mid-denb jew mill-pil, jew l-irfigħ tal-klieb jew tal-qtates adulti mill-ġilda. |
L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-ewwel subparagrafu għall-klieb maħsuba għall-użu f’servizzi militari, tal-pulizija jew tad-dwana.
Artikolu 19
Spettakli, wirjiet u kompetizzjonijiet estetiċi
1. Fi spettakli, wirjiet u kompetizzjonijiet estetiċi tal-klieb u l-qtates, l-operaturi ta’ stabbilimenti tat-tnissil u tal-istabbilimenti tal-bejgħ ma għandhomx jużaw klieb jew qtates b’karatteristiċi ta’ konformazzjoni eċċessivi, jew klieb jew qtates li jkunu ġew mutilati b’mod li jbiddel il-karatteristiċi fiżiċi tagħhom.
2. Meta jorganizzaw spettakli, wirjiet u kompetizzjonijiet estetiċi tal-klieb u l-qtates, l-organizzaturi għandhom jeskludu l-klieb u l-qtates li jkollhom karatteristiċi ta’ konformazzjoni eċċessivi jew klieb jew qtates li jkunu ġew mutilati b’mod li jbiddel il-karatteristiċi fiżiċi tagħhom.
KAPITOLU III
Identifikazzjoni u reġistrazzjoni tal-klieb u l-qtates u rekwiżiti dwar reklamar online u tqegħid fis-suq
Artikolu 20
Identifikazzjoni u reġistrazzjoni tal-klieb u l-qtates
1. Il-klieb u l-qtates kollha miżmuma fi stabbilimenti, imqiegħda fis-suq jew li jappartjenu lil sidien tal-annimali tad-dar jew lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra għandhom jiġu identifikati individwalment permezz ta’ transponder injettabbli uniku li jkun fih mikroċippa li tista’ tinqara li tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II.
2. L-operaturi għandhom jiżguraw li l-klieb u l-qtates imwielda fl-istabbilimenti tagħhom jiġu identifikati individwalment fi żmien tliet xhur minn meta jitwieldu, u fi kwalunkwe każ qabel id-data tat-tqegħid tagħhom fis-suq.
L-operaturi tal-istabbilimenti tal-bejgħ u tas-santwarji, u l-operaturi li jqiegħdu l-klieb u l-qtates fil-foster homes u li huma responsabbli għalihom, għandhom jiżguraw li l-klieb u l-qtates li jidħlu fl-istabbilimenti tagħhom jew li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom jiġu identifikati individwalment fi żmien 30 jum mill-wasla u fi kwalunkwe każ qabel id-data tat-tqegħid tagħhom fis-suq.
Is-sidien tal-annimali tad-dar u kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra għajr l-operaturi li huma sidien ta’ klieb jew qtates għandhom jiżguraw li kull kelb jew qattus jiġi identifikat individwalment sa mhux aktar tard minn meta jilħaq l-età ta’ tliet xhur jew, jekk il-kelb jew il-qattus jitqiegħed fis-suq, qabel id-data ta’ dak it-tqegħid fis-suq.
L-impjantazzjoni tat-transponder għandha ssir minn veterinarju. L-Istati Membri jistgħu jippermettu l-impjantazzjoni tat-transponders minn persuni li mhumiex veterinarji dment li dawn jadottaw ir-regoli nazzjonali li jistabbilixxu l-kwalifiki minimi li tali persuni huma meħtieġa li jkollhom.
Meta l-klieb u l-qtates ikunu ġew identifikati individwalment permezz ta’ transponder injettabbli li jkun fih mikroċippa f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali qabel il-31 ta’ Awwissu 2028, dawn għandhom jitqiesu bħala konformi mar-rekwiżiti fil-paragrafu 1 u mal-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ subparagrafi ta’ dan il-paragrafu, dment li l-mikroċippa tkun għadha tista’ tinqara.
3. Fi żmien jumejn tax-xogħol wara l-identifikazzjoni tagħhom, il-klieb u l-qtates għandhom jiġu rreġistrati minn veterinarju f’bażi tad-data nazzjonali msemmija fl-Artikolu 23. L-Istati Membri jistgħu jippermettu r-reġistrazzjoni minn persuni li mhumiex veterinarji, dment li l-Istati Membri jkollhom miżuri fis-seħħ biex jiżguraw l-akkuratezza tal-informazzjoni li dawk il-persuni jdaħħlu fil-bażi tad-data. Għall-klieb u għall-qtates miżmuma fi stabbilimenti , ir-reġistrazzjoni għandha ssir f’isem l-operatur tal-istabbiliment responsabbli għall-kelb jew għall-qattus. Għall-klieb u l-qtates li jkunu proprjetà ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra, ir-reġistrazzjoni għandha ssir f’isem dik il-persuna.
L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu fir-rigward tal-klieb militari, tal-pulizija u tad-dwana.
4. Meta l-klieb jew il-qtates jitqiegħdu fis-suq jew jingħataw bħala għotja b’mod okkażjonali f’intervalli irregolari minn persuni fiżiċi mingħajr ma jintuża reklamar online, il-persuna fiżika jew ġuridika li tittrasferixxi s-sjieda tal-kelb jew tal-qattus, jew ir-responsabbiltà għalih, għandha tiżgura li l-bidla fis-sjieda tal-kelb jew tal-qattus, jew fir-responsabbiltà għalih, tiġi rreġistrata fil-bażi tad-data msemmija fl-Artikolu 23, fi żmien ġimagħtejn mid-data ta’ dak it-trasferiment, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Istat Membru responsabbli għal dik il-bażi tad-data.
5. Fil-każ tal-mewt ta’ kelb jew ta’ qattus, l-operatur, is-sid tal-annimal tad-dar jew il-persuna fiżika jew ġuridika li tkun is-sid tal-kelb jew tal-qattus għandhom jiżguraw li l-mewt tiġi rreġistrata fil-bażi tad-data msemmija fl-Artikolu 23, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Istat Membru responsabbli għal dik il-bażi tad-data.
6. Meta transponder ma jkunx jinqara jew sar impossibbli biex jinqara, l-operatur jew il-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-kelb jew għall-qattus għandhom jiżguraw li jiġi injettat transponder ġdid u li r-reġistrazzjoni fil-bażi tad-data tiġi aġġornata bin-numru ta’ identifikazzjoni ta’ dak it-transponder il-ġdid.
7. Ir-rekwiżiti ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw kif ġej:
|
(a) |
għall-operaturi u għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jqiegħdu l-klieb u l-qtates fis-suq: mill-31 ta’ Awwissu 2030; |
|
(b) |
għas-sidien tal-annimali tad-dar u għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra għajr l-operaturi, li ma jqegħdux klieb fis-suq; mill-31 ta’ Awwissu 2036; |
|
(c) |
għas-sidien tal-annimali tad-dar u persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra għajr l-operaturi, li ma jqegħdux qtates fis-suq; mill-31 ta’ Awwissu 2041. |
Artikolu 21
Rekwiżiti dwar ir-reklamar online u t-tqegħid fis-suq
1. Meta l-operaturi jirreklamaw kelb jew qattus online bil-ħsieb li jqegħduh fis-suq tal-Unjoni, għandhom jiżguraw li t-twissija li ġejja tiġi inkluża fir-reklam b’karattri viżibbli b’mod ċar u b’tipa grassa:
“Annimal mhuwiex ġugarell. Jekk tiddeċiedi li ġġib wieħed, ħajtek tinbidel. Huwa d-dover tiegħek li tiżgura s-saħħa u l-benesseri tal-annimal u li ma tabbandunahx.”.
2. Meta persuni fiżiċi jew ġuridiċi li mhumiex operaturi jirreklamaw kelb jew qattus online bil-ħsieb li jqegħduh fis-suq tal-Unjoni, għandhom jiżguraw li fir-reklam tiġi inkluża twissija dwar is-sjieda responsabbli bl-użu tal-formulazzjoni stabbilita fil-paragrafu 1, jew formulazzjoni differenti bl-istess tifsira.
3. Meta kelb jew qattus jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni, il-persuna fiżika jew ġuridika li tqiegħed il-kelb jew il-qattus fis-suq għandha tipprovdi lill-akkwirent b’dan li ġej:
|
(a) |
prova tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni tal-kelb jew tal-qattus f’konformità mal-Artikolu 20; |
|
(b) |
l-informazzjoni li ġejja dwar il-kelb jew il-qattus:
|
Meta persuna fiżika jew ġuridika tirreklama kelb jew qattus online bil-ħsieb li tqiegħdu fis-suq tal-Unjoni, dik il-persuna għandha tuża s-sistema msemmija fil-paragrafu 5 biex tiġġenera token uniku ta’ verifika. Dik il-persuna għandha tinkludi dak it-token fir-reklam, flimkien ma’ weblink għas-sistema msemmija fil-paragrafu 5.
Is-sistema msemmija fil-paragrafu 5 għandha tippermetti lill-akkwirenti jivverifikaw l-awtentiċità tal-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u s-sjieda tal-klieb jew tal-qtates reklamati online.
4. F’konformità mal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2022/2065, il-fornituri ta’ pjattaformi online għandhom jiżguraw li l-interfaċċa online tagħhom tkun iddisinjata u organizzata b’tali mod li tiffaċilita l-konformita’ tal-operaturi jew tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra li jqiegħdu fis-suq klieb jew qtates mal-obbligi tagħhom skont il-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, u għandhom jinfurmaw lill-akkwirenti, b’mod viżibbli, bil-possibbiltà li jivverifikaw l-awtentiċità tal-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u s-sjieda tal-kelb jew tal-qattus fuq is-sistema ta’ verifika online msemmija fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu aċċessata permezz ta’ weblink.
Il-persuna fiżika jew ġuridika li tqiegħed lill-klieb jew lill-qtates fis-suq biss għandha tkun responsabbli għall-akkuratezza tal-informazzjoni pprovduta permezz tal-interfaċċa tal-pjattaforma online. Xejn f’dan il-paragrafu ma għandu jiġi interpretat bħala li jimponi obbligu ta’ monitoraġġ ġenerali fuq il-fornitur tal-pjattaforma online skont it-tifsira tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2022/2065.
5. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li sistema ta’ verifika online għat-twettiq ta’ iċċekkjar awtomatizzat tal-awtentiċità tal-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u s-sjieda tal-klieb jew tal-qtates irreklamati online, bl-użu tal-bażi tad-data msemmija fl-Artikolu 23, tkun disponibbli għall-pubbliku online, mingħajr ħlas u tiġġenera t-token uniku ta’ verifika msemmi fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni tista’ tafda l-iżvilupp, il-manutenzjoni u t-tħaddim ta’ din is-sistema lil entità indipendenti. Dik l-entità indipendenti għandha tintgħażel għal dak il-kompitu wara proċess ta’ għażla pubbliku, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Titolu VII tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16). Is-sistema għandha tiżgura dan li ġej:
|
(a) |
verifika affidabbli tal-awtentiċità tal-identifikazzjoni , tar-reġistrazzjoni u tas-sjieda tal-kelb jew tal-qattus bl-użu tal-bażijiet tad-data nazzjonali msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament; |
|
(b) |
il-konformità mal-protezzjoni tad-data skont ir-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725. |
6. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu:
|
(a) |
l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jqiegħdu klieb jew qtates fis-suq bħala prova ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni tal-klieb u l-qtates skont il-paragrafu 3, punt (a); |
|
(b) |
l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jirreklamaw klieb jew qtates lis-sistema ta’ verifika msemmija fil-paragrafu 5 għall-fini li tintwera l-awtentiċità tal-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u s-sjieda tal-kelb jew tal-qattus irreklamat; |
|
(c) |
il-karatteristiċi li ġejjin tas-sistema msemmija fil-paragrafu 5:
|
L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-punt (a) għandhom jiġu adottati sal-31 ta’ Awwissu 2028 u l-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-punti (b) u (c) għandu jiġi adottat sal-31 ta’ Awwissu 2029.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 29.
KAPITOLU IV
Awtoritajiet kompetenti
Artikolu 22
Taħriġ
1. Għall-finijiet tal-Artikolu 12, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu responsabbli:
|
(a) |
għall-iżgurar li jkunu disponibbli korsijiet ta’ taħriġ għall-persuni li jieħdu ħsieb l-annimali; |
|
(b) |
għall-approvazzjoni tal-kontenut tal-korsijiet ta’ taħriġ imsemmija fil-punt (a), skont ir-rekwiżiti minimi stabbiliti mill-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(4); |
|
(c) |
għaċ-ċertifikazzjoni tal-persuni li jieħdu ħsieb l-annimali li jkunu temmew b’suċċess il-korsijiet ta’ taħriġ imsemmija fil-punt (a); |
L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddelegaw il-kompitu msemmi fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu lil fornituri ta’ korsijiet ta’ taħriġ.
2. Ċentru ta’ Referenza tal-Unjoni Ewropea għall-Benesseri tal-Annimali magħżul skont l-Artikolu 95 tar-Regolament (UE) 2017/625 jista’ jiżviluppa mudelli ta’ materjali u rakkomandazzjonijiet ta’ taħriġ għall-awtoritajiet kompetenti jew fornituri oħra ta’ korsijiet ta’ taħriġ.
Artikolu 23
Bażijiet tad-data tal-klieb u tal-qtates
1. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-istabbiliment u ż-żamma ta’ bażijiet tad-data għar-reġistrazzjoni ta’ klieb u qtates identifikati skont l-Artikolu 20(1) u (2), l-Artikolu 26(3) u l-Artikolu 26(4), it-tieni subparagrafu.
2. Għal dak l-għan, l-Istati Membri jistgħu jużaw bażijiet ta’ data miżmuma minn Stat Membru ieħor, abbażi ta’ arranġamenti xierqa bejn dawk l-Istati Membri.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bażijiet tad-data tagħhom, kif imsemmi fil-paragrafu 1, jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti mill-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu, il-punt (b), biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tagħhom.
4. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm bażi tad-data indiċizzata li jkun fiha s-sett minimu ta’ oqsma stabbiliti fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu, il-punt (b) ta’ dan il-paragrafu. Il-Kummissjoni tista’ tafda l-iżvilupp, il-manutenzjoni u l-operat ta’ dik il-bażi tad-data indiċizzata lil entità indipendenti, wara proċess ta’ għażla pubbliku skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Titolu VII tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509.
Il-Kummissjoni għandha taddotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw arrangamenti dettaljati dwar:
|
(a) |
il-kontenut massimu tal-bażijiet tad-data msemmija fil-paragrafu 1; |
|
(b) |
l-interoperabbiltà bejn il-bażijiet tad-data tal-Istati Membri u l-bażi tad-data indiċizzata, inkluż is-sett minimu ta’ oqsma li għandhom jiġu trażmessi lill-bażi tad-data indiċizzata u l-intervalli tat-trażmissjoni; |
|
(c) |
il-funzjonalità biex jiġu pprovduti prova tal-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ kelb jew qattus, kif imsemmi fl-Artikolu 21(3), il-punt (a); |
|
(d) |
ir-reġistru fejn l-Istati Membri se jiddikjaraw il-bażijiet tad-data tagħhom, u l-parametri meħtieġa biex dawk il-bażijiet tad-data jiġu konnessi ma’ xulxin skont l-arranġamenti stabbiliti skont il-punt (b); |
|
(e) |
l-interkonnessjoni bejn il-bażijiet tad-data tal-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-bażi tad-data tal-Unjoni tal-ivvjaġġar għall-annimali tad-dar imsemmija fl-Artikolu 26(4), u s-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Informazzjoni għall-Kontrolli Uffiċjali (IMSOC), fejn rilevanti. |
Il-Kummissjoni għandha tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu, il-punti (a) u (c), sal-31 ta’ Awwissu 2028. Hija għandha tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu, il-punti (b), (d) u (e), sal-31 ta’ Awwissu 2029.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 29.
Artikolu 24
Ġbir ta’ data dwar il-benesseri tal-annimali u rapportar
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġbru, janalizzaw u jippubblikaw id-data dwar il-benesseri tal-annimali stabbilita fl-Anness III.
2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ifasslu u jittrażmettu lill-Kummissjoni rapport, f’forma elettronika dwar id-data dwar il-benesseri tal-annimali stabbilit fl-Anness III, sal-31 ta’ Awwissu kull tliet snin. L-ewwel rapport tali għandu jitfassal u jiġi trażmess mill-Kummissjoni sal-31 ta’ Awwissu 2032. Kull rapport għandu jkun fih sommarju tad-data miġbura matul it-tliet snin preċedenti.
3. Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni, u tistabbilixxi metodoloġija armonizzata għall-ġbir tad-data dwar il-benesseri tal-annimali stabbilita fl-Anness III u tistabbilixxi mudell għar-rapport imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 29.
Artikolu 25
Protezzjoni tad-data
1. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom ikunu kontrolluri fis-sens tar-Regolament (UE) 2016/679 fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali miġbura skont l-Artikoli 9 u 10 ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll skont l-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-Regolament meta tintuża għall-finijiet ta’ kontroll uffiċjali.
Il-Kummissjoni għandha tkun kontrollur fis-sens tar-Regolament (UE) 2018/1725 fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali miġbura skont l-Artikolu 21(5), l-Artikolu 23(1) u (4), u l-Artikolu 26(4), it-tielet subparagrafu, ta’ dan ir-Regolament meta dik id-data tintuża għall-finijiet ta’ konformità mal-Artikolu 108 tar-Regolament (UE) 2017/625 u l-obbligi ta’ rapportar skont dan ir-Regolament.
Għandu jkun ipprojbit li kwalunkwe persuna li jkollha aċċess għad-data personali msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi tiżvela kwalunkwe data personali li l-għarfien tagħha jkun inkiseb fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħha jew b’xi mod ieħor inċidentalment għal tali eżerċizzju. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jinfurzaw dik il-projbizzjoni.
Id-data personali miġbura skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi ma għandhiex tintuża għal finijiet oħra għajr għal:
|
(a) |
kontrolli uffiċjali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-konformità mar-rekwiżiti tal-benesseri u tat-traċċabbiltà ta’ dan ir-Regolament u tal-konformità mar-Regolament (UE) 2016/429, inkluża d-detezzjoni ta’ prattiki frodulenti; u |
|
(b) |
konformità mill-Kummissjoni mal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 108 tar-Regolament (UE) 2017/625 u mal-obbligi ta’ rapportar tal-Kummissjoni skont dan ir-Regolament. |
2. Id-data personali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tinżamm għall-perjodi li ġejjin:
|
(a) |
fil-każ tal-Artikoli 9 u 10, 10 snin wara d-data tal-waqfien tal-attività tal-istabbiliment; |
|
(b) |
fil-każ tal-Artikolu 21(5), 18-il xahar wara l-ġenerazzjoni tat-token imsemmi fl-Artikolu 21(3), it-tieni subparagrafu; |
|
(c) |
fil-każ tal-Artikolu 23(1) u (4), 25 sena wara l-ewwel reġistrazzjoni tal-kelb jew qattus fil-bażi tad-data msemmija f’dak l-Artikolu jew ħames snin wara r-reġistrazzjoni tal-mewt tal-kelb jew qattus f’dik il-bażi tad-data; |
|
(d) |
fil-każ tal-Artikolu 26(4), it-tielet subparagrafu, ħames snin wara d-data tal-prenotifika. |
KAPITOLU V
Dħul ta’ klieb u qtates fl-unjoni
Artikolu 26
Dħul tal-klieb u l-qtates fl-Unjoni
1. Il-klieb u l-qtates jistgħu jiddaħħlu fl-Unjoni għall-fini li jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
ikunu tnisslu u nżammu f’konformità ma’ xi wieħed minn dawn ir-rekwiżiti li ġejjin:
|
|
(b) |
ikunu ġejjin minn pajjiż terz jew territorju terz u minn stabbiliment elenkat skont l-Artikoli 126 u 127 tar-Regolament (UE) 2017/625. |
2. Iċ-ċertifikat uffiċjali msemmi fl-Artikolu 126(2), il-punt (c), tar-Regolament(UE) 2017/625 li jakkumpanja l-klieb u l-qtates li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi u territorji terzi għall-fini li jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni, għandu jkun fih attestazzjoni li tiċċertifika l-konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
3. Il-klieb u l-qtates li jiddaħħlu fl-Unjoni għall-fini li jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni għandhom jiġu identifikati qabel id-dħul tagħhom fl-Unjoni minn veterinarju permezz ta’ transponder injettabbli li jkun fih mikroċippa li tista’ tinqara u li tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II.
L-operatur responsabbli għall-importazzjoni tal-klieb jew tal-qtates fl-Unjoni għandu jiżgura li dawn ikunu rreġistrati f’bażi tad-data nazzjonali msemmija fl-Artikolu 23(1), minn veterinarju, fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara li jkunu ddaħħlu fl-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu jippermettu li r-reġistrazzjoni ssir minn persuni li mhumiex veterinarji, dment li jkollhom miżuri fis-seħħ biex jiżguraw l-eżattezza tal-informazzjoni li dawk il-persuni jdaħħlu fil-bażi tad-data.
4. Il-moviment mhux kummerċjali ta’ kelb jew qattus minn territorju terz jew pajjiż terz lejn l-Unjoni għandu jiġi prenotifikat minn sidu lil bażi tad-data tal-Unjoni tal-ivvjaġġar għall-annimali tad-dar mill-anqas ħamest ijiem tax-xogħol qabel ma l-kelb jew il-qattus jaqsam il-fruntiera tal-Unjoni, ħlief fil-każijiet li ġejjin:
|
(a) |
fejn il-kelb jew il-qattus jiddaħħal fl-Unjoni direttament minn pajjiżi terzi jew minn territorji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 17(1), il-punt (a), tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2026/131 (17); u |
|
(b) |
fejn il-kelb jew il-qattus ikun rreġistrat f’bażi tad-data ta’ Stat Membru msemmi fl-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-Regolament. |
Meta il-kelb jew il-qattus jibqa’ aktar minn sitt xhur fl-Unjoni, is-sid għandu jiżgura li jiġi reġistrat fil-bażi tad-data tal-Istat Membru ta’ residenza msemmija fl-Artikolu 23(1), minn veterinarju, fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara l-iskadenza tas-sitt xahar minn meta jkun daħal fl-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu jippermettu r-reġistrazzjoni minn persuni li mhumiex veterinarji, dment li jkollhom miżuri fis-seħħ biex jiżguraw l-eżattezza tal-informazzjoni li dawk il-persuni jdaħħlu fil-bażi tad-data.
Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm il-bażi tad-data tal-Unjoni tal-ivvjaġġar għall-annimali tad-dar imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Il-Kummissjoni tista’ tafda l-iżvilupp, il-manutenzjoni u l-operat ta’ dik il-bażi tad-data lil entità indipendenti, wara proċess ta’ għażla pubbliku, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Titolu VII tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509. L-aċċess għal dik il-bażi tad-data għandu jkun ristrett għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u għall-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-bażi tad-data tiskatta notifiki tal-iRASFF għall-movimenti prenotifikati li jippreżentaw riskju ta’ frodi. L-Istat Membru li jirċievi n-notifika għandu jieħu l-miżuri xierqa biex isegwiha skont l-Artikolu 105(2) tar-Regolament (UE) 2017/625.
Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Awwissu 2034 tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu arranġamenti dettaljati għal dawn li ġejjin:
|
(i) |
l-informazzjoni li għandha tiġi prenotifikata mis-sidien skont il-paragrafu (4) ta’ dan l-Artikolu fil-bażi tad-data tal-Unjoni tal-ivvjaġġar għall-annimali tad-dar, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data personali tar-Regolamenti (UE) 2018/1725 u (UE) 2016/679; |
|
(ii) |
il-proċedura li biha għandu jiġi stabbilit ir-riskju ta’ frodi, li għandha tqis l-attivitajiet imwettqa min-network AAC. |
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 29.
KAPITOLU VI
Dispożizzjonijiet proċedurali
Artikolu 27
Emenda tal-Annessi
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 28 li jemendaw l-Annessi ta’ dan ir-Regolament biex jitqies il-progress xjentifiku u tekniku, inklużi, fejn rilevanti, opinjonijiet xjentifiċi tal-EFSA, fir-rigward:
|
(a) |
tal-għadd xieraq ta’ persuni li jieħdu ħsieb l-annimali fl-istabbilimenti tat-tnissil u fl-istabbilimenti tal-bejgħ; |
|
(b) |
tar-rekwiżiti tat-tisqija u tat-tmigħ u l-proċess tal-ftim; |
|
(c) |
tal-firxiet ta’ temperatura; |
|
(d) |
tar-rekwiżiti tad-dawl; |
|
(e) |
tal-livelli tal-ammonijaka u tal-monossidu tal-karbonju; |
|
(f) |
tad-disinni tal-postijiet fejn jinżammu l-klieb u l-qtates; |
|
(g) |
tal-abitazzjoni fi gruppi; |
|
(h) |
tal-allokazzjonijiet tal-ispazju għal diversi kategoriji ta’ klieb u qtates; |
|
(i) |
tal-frekwenza tat-tqaliet; |
|
(j) |
tal-età minima u massima tal-klieb u l-qtates nisa għat-tnissil; |
|
(k) |
tas-soċjalizzazzjoni, tal-forniment ta’ arrikkimenti u ta’ miżuri oħrajn biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ mġiba tal-klieb u l-qtates; |
|
(l) |
tar-rekwiżiti għat-transponders użati biex il-klieb u l-qtates jiġu identifikati individwalment; |
|
(m) |
tad-data li għandha tinġabar għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni tal-politiki. |
Kwalunkwe żieda fir-rekwiżiti fl-Annessi għandha tkun ibbażata fuq evidenza xjentifika jew teknika aġġornata, b’mod partikolari evidenza rigward il-kundizzjonijiet speċifiċi meħtieġa biex jiġi żgurat il-benesseri tal-klieb u l-qtates koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Fejn rilevanti, dawk l-atti delegati għandhom iqisu l-impatti soċjali, ekonomiċi u ambjentali u għandhom jipprevedu perjodi ta’ tranżizzjoni suffiċjenti biex jippermettu lill-operaturi kkonċernati jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda.
Artikolu 28
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 7(8), fl-Artikolu 8(3), fl-Artikolu 13(2) u fl-Artikolu 27 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mit-30 ta’ Awwissu 2026.
3. Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 7(8), fl-Artikolu 8(3), fl-Artikolu 13(2) u fl-Artikolu 27 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 7(8), l-Artikolu 8(3), l-Artikolu 13(2) jew l-Artikolu 27 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 29
Proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf stabbilit bl-Artikolu 58(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Fejn il-Kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni m’għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika l-Artikolu 5(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
KAPITOLU VII
Regoli nazzjonali aktar stretti u dispożizzjonijiet finali
Artikolu 30
Regoli nazzjonali aktar stretti
1. Dan ir-Regolament ma għandux jipprevjeni lill-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw regoli nazzjonali aktar stretti mmirati lejn protezzjoni aktar estensiva tal-benesseri tal-klieb u l-qtates miżmuma fl-istabbilimenti, u traċċabbiltà akbar tal-klieb u tal-qtates, dment li dawk ir-regoli ma jkunux inkonsistenti ma’ dan ir-Regolament u ma jfixklux il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.
2. L-Istati Membri għandhom, sal-31 ta’ Awwissu 2028, jinformaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe regola nazzjonali aktar stretta eżistenti li biħsiebhom iżommu skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Minn hemm ’il quddiem, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar regoli nazzjonali aktar stretti qabel l-adozzjoni tagħhom, sakemm l-Istati Membri ma jkunux diġà nnotifikaw l-abbozz tar-regoli nazzjonali bħala abbozz ta’ regolament tekniku skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2015/1535. Il-Kummissjoni għandha tiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri l-oħra dwar dawn.
3. Stat Membru li jkollu regoli nazzjonali aktar stretti msemmija fil-paragrafu 1 ma għandux jipprojbixxi jew jimpedixxi t-tqegħid fis-suq fit-territorju tiegħu ta’ klieb u qtates miżmuma fi Stat Membru ieħor minħabba li l-klieb u l-qtates ikkonċernati ma jkunux inżammu skont ir-regoli nazzjonali aktar stretti tiegħu.
Artikolu 31
Rappurtar u evalwazzjoni
1. Abbażi tar-rapporti riċevuti skont l-Artikolu 24 u kwalunkwe informazzjoni rilevanti addizzjonali, il-Kummissjoni għandha tippubblika, sal-31 ta’ Awwissu 2033 u minn hemm ’il quddiem f’intervalli ta’ tliet snin, rapport ta’ monitoraġġ dwar il-benesseri tal-klieb u tal-qtates imqiegħda fis-suq fl-Unjoni.
2. Sal-31 ta’ Awwissu 2040, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. F’dik l-evalwazzjoni u f’dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tevalwa, b’mod partikolari:
|
(a) |
il-punt sa fejn dan ir-Regolament ikkontribwixxa biex jiġi żgurat livell għoli ta’ benesseri għall-klieb u l-qtates, biex titjieb it-traċċabbiltà tagħhom u biex jonqos il-kummerċ illegali tagħhom; |
|
(b) |
l-impatt li dan ir-Regolament kellu fuq l-operaturi tal-istabbilimenti tat-tnissil u tal-istabbilimenti tal-bejgħ u s-santwarji, u fuq l-operaturi li jqiegħdu l-klieb u l-qtates f’foster homes, filwaqt li jitqiesu fost l-oħrajn il-piż amministrattiv u l-kostijiet tal-konformità. |
3. Għall-finijiet tar-rapportar imsemmi fil-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija tar-rapport tagħha.
Artikolu 32
Penali
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament, inkluż dawk li jirriżultaw mill-abbandun ta’ klieb u qtates mill-operaturi, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u b’dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.
Artikolu 33
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-31 ta’ Awwissu 2028. Madankollu,
|
(a) |
l-Artikolu 16 għandu japplika mill-31 ta’ Awwissu 2029; |
|
(b) |
l-Artikolu 21(3) u l-Artikolu 23(1) għandhom japplikaw mill-31 ta’ Awwissu 2030; |
|
(c) |
l-Artikolu 8(1) għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2036 u l-Artikolu 8(2) għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2030; |
|
(d) |
l-Artikolu 15, l-Artikolu 21(3), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 21(4) u (5), l-Artikolu 22(1), il-punti (a), (b) u (c), l-Artikolu 23(3) u (4), u l-Artikolu 26(1), (2) u (3) għandhom japplikaw mill-31 ta’ Awwissu 2031; |
|
(e) |
l-Artikolu 12(2) u (3) għandu japplika mill-31 ta’ Awwissu 2033. |
|
(f) |
l-Artikolu 10 għandu japplika mill-31 ta’ Awwissu 2034; u |
|
(g) |
l-Artikolu 26(4) għandu japplika mill-31 ta’ Awwissu 2036. |
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strażburgu, is-17 ta’ Ġunju 2026.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
M. RAOUNA
(1) ĠU C, C/2024/3388, 31.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3388/oj.
(2) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ April 2026 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2026.
(3) Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/625/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj).
(5) Id-Direttiva 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi (ĠU L 276, 20.10.2010, p. 33, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/63/oj).
(6) Ir-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar prodotti mediċinali veterinarji u li jħassar id-Direttiva 2001/82/KE (ĠU L 4, 7.1.2019, p. 43, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/6/oj).
(7) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/723 tat-2 ta’ Mejju 2019 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-mudell tal-formola standard li għandu jintuża fir-rapporti annwali mressqa mill-Istati Membri (ĠU L 124, 13.5.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/723/oj).
(8) Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE, (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2065/oj).
(9) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
(10) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).
(11) Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2016/512/oj).
(12) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).
(13) Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/1535/oj).
(14) Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2115/oj).
(15) Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/178/oj).
(16) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).
(17) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2026/131 tal-20 ta’ Jannar 2026 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi (ĠU L, 2026/131, 27.3.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/131/oj).
ANNESS I
REKWIŻITI APPLIKABBLI GĦALL-ISTABBILIMENTI SKONT L-ARTIKOLI 14 SA 17
1. Tmigħ u tisqija
|
1.1. |
Il-klieb u l-qtates għandhom jintemgħu mill-anqas darbtejn kuljum. Il-ġriewi u l-frieħ tal-qtates għandhom jintemgħu aktar ta’ spiss.
Madankollu, dawk ir-rekwiżiti ma għandhomx japplikaw għall-klieb li jgħassu l-bhejjem miżmuma fi stabbiliment tat-tnissil matul il-perjodi meta dawn il-klieb jintużaw għal skopijiet ta’ għassa jew taħriġ. |
|
1.2. |
Kull ġeru jew ferħ ta’ qattus għandu jintema’ bil-kolostru matul mill-anqas l-ewwel jumejn ta’ ħajtu. Minn hemm ’il quddiem, għandu jingħata ħalib minn ta’ ommu jew minn ta’ kelba jew qattusa li tkun qed tredda’. Jekk dak ma jkunx possibbli, minħabba li l-omm tkun marida jew għal xi raġuni oħra ma tkunx tista’ tredda’ lil uliedha jew ma tkunx tista’ tipprovdi biżżejjed ħalib, il-ġeru jew ferħ ta’ qattus għandu jingħata sostitut tal-ħalib li jkun maħsub għall-ġriewi u għall-frieħ tal-qtates. Il-frekwenza ta’ din it-tisqija għandha tikkonforma mal-istruzzjonijiet tal-manifattur jew ma’ dawk ta’ veterinarju. |
|
1.3. |
Kull ġeru jew ferħ ta’ qattus li ma jkunx miftum għandu jingħata biżżejjed ħalib, sostitut tal-ħalib jew taħlita tat-tnejn biex iżid il-piż tal-ġisem b’mod kostanti. |
|
1.4. |
Il-ftim għandu jsir billi b’mod gradwali jiġi introdott l-ikel solidu tul perjodu mhux aqsar minn sebat ijiem u ma għandux jitlesta qabel ma l-ġriewi jew il-frieħ tal-qtates jagħlqu 6 ġimgħat. |
2. Abitazzjoni
2.1. Temperatura:
Fl-istabbilimenti tat-tnissil, it-temperatura għandha tinżamm f’firxa ta’:
|
(a) |
22 sa 28 °C fiż-żoni tat-twelid għall-ewwel 10 ijiem ta’ ħajjet il-ġriewi; |
|
(b) |
18 sa 27 °C fiż-żoni tat-twelid għall-ewwel 21 jum ta’ ħajjet il-frieħ tal-qtates. |
2.2. Dawl
|
2.2.1. |
Il-klieb u l-qtates għandhom jiġu esposti għad-dawl għal mill-anqas seba’ sigħat kuljum. |
|
2.2.2. |
Id-dawl artifiċjali għandu jkollu spettru wiesa’ jew spettru sħiħ bi frekwenza ta’ mill-anqas 80 Hertz. |
|
2.2.3. |
Il-klieb u l-qtates għandu jkollhom il-possibbiltà li jkunu mingħajr dawl artifiċjali għal mill-anqas tmien sigħat kuljum. |
2.3. Allokazzjonijiet ta’ spazju
|
2.3.1. |
Iż-żoni tat-twelid għandhom ikunu ddisinjati b’mod li jippermetti lill-omm titbiegħed mill-ġriewi jew frieħ tagħha. |
|
2.3.2. |
Fil-każ ta’ stabbilimenti tat-tnissil u ta’ stabbilimenti tal-bejgħ, għandhom japplikaw l-allokazzjonijiet ta’ spazju minimi li ġejjin għall-klieb u l-qtates, abbażi tal-erja totali aċċessibbli b’mod permanenti għall-klieb jew għall-qtates:
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
3. Saħħa
|
3.1. |
Il-qtates nisa ma għandhomx jintużaw għat-tnissil qabel ma jkollhom mill-anqas 10 xhur. |
|
3.2. |
Il-klieb nisa ma għandhomx jintużaw għat-tnissil qabel ma jkollhom it-tieni estru. |
|
3.3. |
Kelba jew qattusa ma għandhiex tipproduċi aktar minn tlett ibtan f’perjodu ta’ sentejn. |
|
3.4. |
Għal klieb jew qtates li jkunu welldu tlett ibtan, inkluż dawk li jitwieldu mejtin, f’perjodu ta’ sentejn, għandu jkun hemm perjodu ta’ rekuperazzjoni ta’ mill-anqas sena. |
|
3.5. |
Kwalunkwe kelba jew qattusa li jkunu sarulha żewġ ċesarji ma għandhiex tibqa’ tintuża għat-tnissil. |
|
3.6. |
Qabel ma’ kwalunkwe kelba ta’ tmien snin jew aktar jew kwalunkwe qattusa ta’ sitt snin jew aktar tintuża għat-tnissil, jeħtiġilha tiġi eżaminata fiżikament minn veterinarju li jikkonferma bil-miktub li, fil-waqt tal-eżaminazzjoni, ma jkunx hemm indikazzjonijiet mediċi kontra l-użu ta’ dik il-kelba jew qattusa għat-tnissil. |
|
3.7 |
L-operatur għandu jżomm il-konferma bil-miktub imsemmija fil-punt 3.6 għal perjodu ta’ mill-anqas tliet snin. |
4. Ħtiġijiet ta’ mġiba
4.1. Soċjalizzazzjoni
|
4.1.1. |
Mill-età ta’ tliet ġimgħat, il-klieb u l-qtates għandhom jiġu pprovduti gradwalment b’opportunitajiet ta’ kuljum ta’ kuntatt soċjali ma’ annimali oħra tal-istess speċi u mal-bnedmin, u, fejn possibbli, ma’ annimali ta’ speċijiet oħra. |
|
4.1.2. |
Il-klieb jew il-qtates li huma ta’ theddida għal xulxin minħabba mġiba aggressiva, jew li jikkawżaw lil xulxin stress jew skumdità indebiti, għandhom jinżammu separati. |
4.2. Arrikkiment
|
4.2.1. |
Il-qtates għandhom jiġu pprovduti b’għadd suffiċjenti ta’ postijiet ta’ grif, postijiet fejn jinħbew u xkafef biex jiġi żgurat li kull qattus ikun jista’ jitla’, jistrieħ, josserva u jirtira. |
4.3. Separazzjoni
|
4.3.1. |
Il-ġriewi li jinżammu fl-istabbilimenti ma għandhomx jiġu separati b’mod permanenti minn ommhom qabel ma jagħlqu tmien ġimgħat. |
|
4.3.2. |
Il-frieħ tal-qtates miżmuma fis-santwarji jew f’foster homes ma għandhomx ikunu separati b’mod permanenti minn ommhom qabel ma jagħlqu tmien ġimgħat. Il-frieħ tal-qtates miżmuma fl-istabbilimenti tat-tnissil ma għandhomx ikunu separati b’mod permanenti minn ommhom qabel ma jagħlqu 12-il ġimgħa. |
|
4.3.3. |
Madankollu, separazzjoni aktar bikrija minn mal-omm għandha tkun possibbli għal raġunijiet mediċi, abbażi tal-parir bil-miktub ta’ veterinarju. L-operatur għandu jżomm rekord ta’ tali parir sakemm l-aħħar ġeru jew ferħ ta’ qattus tal-boton ikkonċernat jitqiegħed fis-suq. |
ANNESS II
IDENTIFIKAZZJONI U REĠISTRAZZJONI TAL-KLIEB U L-QTATES
It-transponders li jintużaw għall-identifikazzjoni individwali tal-klieb u tal-qtates kif meħtieġ fl-Artikolu 20 u l-Artikolu 26 għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:
|
(a) |
il-mikroċippa għandu jkun fiha numru ta’ identifikazzjoni individwali, mhux ripetibbli u mhux riprogrammabbli; |
|
(b) |
in-numru ta’ identifikazzjoni għandu jibda bil-pajjiż ta’ identifikazzjoni tal-kelb jew tal-qattus identifikat skont l-istandard ISO 3166; |
|
(c) |
l-istruttura tal-kodiċi u l-kunċett tekniku tal-identifikazzjoni bil-frekwenza tar-radju għandhom ikunu konformi mal-istandards ISO 11784 u 11785; |
|
(d) |
il-konformità mal-istandards ISO 11784 u 11785 għandha tiġi evalwata skont l-istandard 24631-1. |
ANNESS III
DATA DWAR IL-BENESSERI TAL-ANNIMALI
1.
L-għadd ta’ klieb u qtates irreġistrati kull sena, kif imsemmi fl-Artikolu 20 u fl-Artikolu 26(3).
2.
L-għadd ta’ stabbilimenti tat-tnissil, stabbilimenti tal-bejgħ, santwarji u foster homes irreġistrati kull sena skont l-Artikolu 9.
3.
L-għadd ta’ stabbilimenti tat-tnissil approvati kull sena, kif imsemmi fl-Artikolu 10.
4.
L-għadd ta’ stabbilimenti tat-tnissil li l-approvazzjoni tagħhom tkun ġiet sospiża jew irtirata kull sena.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/1818/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)