European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1208

10.6.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1208

tad-9 ta’ Ġunju 2026

li tistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2024/2881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-dettalji tekniċi għall-applikazzjonijiet tal-immudellar u għad-determinazzjoni tar-rappreżentattività spazjali tal-punti tal-kampjunar

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2024/2881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 dwar il-kwalità tal-arja ambjentali u arja iktar nadifa għall-Ewropa (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(7) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2024/2881 tistabbilixxi standards tal-kwalità tal-arja, u monitoraġġ u rapportar tal-kwalità tal-arja biex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

(2)

Filwaqt li tqis l-avvanzi fl-immudellar tal-kwalità tal-arja li saru fl-aħħar deċenni, id-Direttiva (UE) 2024/2881 tipprevedi rwol aktar prominenti għall-immudellar tal-kwalità tal-arja, inkluż fir-rigward tal-valutazzjoni tal-kwalità tal-arja u d-determinazzjoni tar-rappreżentattività spazjali tal-punti tal-kampjunar.

(3)

Il-Kummissjoni trid tistabbilixxi regoli dwar id-dettalji tekniċi għall-applikazzjonijiet tal-immudellar użati, minn naħa, għad-determinazzjoni tar-rappreżentattività spazjali tal-punti tal-kampjunar u, min-naħa l-oħra, għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-arja. Biex ikunu riflessu l-għarfien attwali u l-prattiki t-tajba fejn jidħlu l-valutazzjoni tal-kwalità tal-arja u d-determinazzjoni tar-rappreżentattività spazjali tal-punti tal-kampjunar kif previst fid-dokument ta’ appoġġ tekniku dwar l-użu tal-immudellar għal diversi dominji ta’ applikazzjoni skont id-Direttiva (UE) 2024/2881 (2), jixraq jiġu stabbiliti tali regoli fil-forma ta’ rekwiżiti tekniċi minimi għall-użu tal-applikazzjonijiet tal-immudellar, kif ukoll kriterji minimi tal-assigurazzjoni tal-kwalità u prinċipji tal-validazzjoni għall-applikazzjonijiet tal-immudellar użati għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-arja u għad-determinazzjoni tar-rappreżentattività spazjali tal-punti tal-kampjunar.

(4)

Il-Punti D.2, D.9 u D.10 tal-Anness IV tad-Direttiva (UE) 2024/2881 jeżiġu li l-Istati Membri jippubblikaw informazzjoni dwar ir-rappreżentattività spazjali tal-punti tal-kampjunar kollha mqar kull ħames snin. Barra minn hekk, il-Punt B.2(i) tal-Anness IV tad-Direttiva (UE) 2024/2881 jeżiġi l-Istati Membri jiddefinixxu b’mod ċar iż-żona li tagħha jkun rappreżentattiv kull punt tal-kampjunar, fiż-żoni fejn il-livell tas-sustanzi niġġiesa tal-arja jkun iżjed mil-limitu tal-valutazzjoni. Il-valutazzjoni tar-rappreżentattività spazjali tal-punti tal-kampjunar trid tintuża f’diversi sitwazzjonijiet kif stabbilit fl-Artikolu 8(5) u (6), fl-Artikolu 9(7) u fil-Punt B.2.(i) tal-Anness IV tad-Direttiva (UE) 2024/2881. Biex ikun żgurat li r-rappreżentattività spazjali tal-punti tal-kampjunar tiġi determinata b’mod komparabbli madwar l-Istati Membri, jixraq jiġu pprovduti dettalji tekniċi dwar kif trid issir il-valutazzjoni tar-rappreżentattività spazjali. Għaldaqstant jeħtieġ jiġu stabbiliti l-metodi u l-kriterji għall-valutazzjoni tar-rappreżentattività spazjali tal-punti tal-kampjunar u tiġi stabbilita metodoloġija pass pass għal din il-valutazzjoni b’applikazzjonijiet tal-kejl u tal-immudellar. Barra minn hekk, biex jinftiehem sa liema punt żona partikolari jew xi żona ġeografiku alternattiva jkunu koperti miż-żoni differenti tar-rappreżentattività determinati għall-punti tal-kampjunar, jeħtieġ tiġi stabbilita l-metodoloġija għall-produzzjoni ta’ mappa taż-żona tar-rappreżentattività spazjali.

(5)

L-Artikoli 8 u 23 tad-Direttiva (UE) 2024/2881 jeżiġu li l-Istati Membri jwettqu valutazzjonijiet tal-kwalità tal-arja u jirrapportaw is-sejbiet ta’ dawk il-valutazzjonijiet lill-Kummissjoni kull sena. Għal dak il-għan, l-Istati Membri jistgħu jużaw metodi differenti, notevolment kejl fiss, kejl indikattiv, applikazzjonijiet tal-immudellar, u stimi oġġettivi. Id-Deċiżjoni tikkumplimenta r-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2024/2881 mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet diġà stabbiliti fiha.

(6)

Fil-punt A tal-Anness V tad-Direttiva (UE) 2024/2881 hu rikonoxxut li l-użu tal-applikazzjonijiet tal-immudellar u l-kejl indikattiv iwassal għal inċertezza akbar minn fil-każ tal-kejl fiss. Għalhekk jixraq jiġu stabbiliti regoli dwar kif ir-riżultati tal-applikazzjonijiet tal-immudellar u tal-kejl indikattiv iridu jitiqesu waqt il-valutazzjoni tal-kwalità tal-arja fir-rigward tal-valuri limitu u fil-mira, u kif jistgħu jiġu verifikati l-eċċedenzi potenzjali identifikati b’dawk il-metodi tal-valutazzjoni. Jeħtieġ ukoll jiġu provduti regoli dwar kif l-Istati Membri jridu jużaw ir-riżultati tal-immudellar biex jipprovdu informazzjoni dwar id-distribuzzjoni spazjali tal-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi niġġiesa tal-arja, biex jidentifikaw hotspots potenzjali fiż-żona, u biex jipprovdu informazzjoni dwar iż-żona tal-eċċedenza kkalkulata mill-applikazzjonijiet tal-immudellar.

(7)

Biex l-Istati Membri jkollhom biżżejjed żmien biex jadattaw għar-rekwiżiti tekniċi stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, l-applikazzjoni tagħha jenħtieġ li tiġi differita. L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva (UE) 2024/2881 jipprevedi perjodu ta’ sentejn mid-data tal-adozzjoni għall-użu tal-applikazzjonijiet tal-immudellar jew tal-kejl indikattiv, apparti l-kejl fiss biex titkejjel il-kwalità tal-arja ambjentali fiż-żoni kollha fejn il-livell tas-sustanzi niġġiesa jaqbeż valur limitu jew fil-mira rilevanti. Dan il-perjodu jitqies ukoll xieraq u proporzjonat fid-dawl tal-aġġustamenti amministrattivi u tekniċi meħtieġa għar-rekwiżiti l-oħra stabbilti f’din id-Deċiżjoni.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“żona ta’ interess” tfisser parti mit-territorju ta’ Stat Membru mmirata għal valutazzjoni speċifika ta’ konċentrazzjonijiet tas-sustanzi niġġiesa tal-arja b’applikazzjoni tal-immudellar;

(2)

“intervall tal-konċentrazzjoni” tfisser il-medda tal-livelli tal-konċentrazzjoni ta’ sustanza niġġiesa partikolari filwaqt li titqies it-tolleranza applikabbli massima;

(3)

“valur ċentrali” tfisser il-konċentrazzjoni mmudellata jew imkejla ta’ sustanza niġġiesa partikolari li madwarha jiġi kkalkulat l-intervall tal-konċentrazzjoni.

Artikolu 2

Kriterji għall-użu ta’ applikazzjonijiet tal-immudellar

Jekk għal valutazzjoni tal-kwalità tal-arja u d-determinazzjoni taż-żona tar-rappreżentattività spazjali tal-punti tal-kampjunar, l-Istati Membri jużaw applikazzjonijiet tal-immudellar, dawn għandhom jiżguraw li dik l-applikazzjoni tal-immudellar tkun tissodisfa l-kriterji li ġejjin:

(a)

l-applikazzjoni tal-immudellar tkun tista’ tirriproduċi r-riżultati bl-istess perjodi medji bħall-valuri limitu jew fil-mira stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva (UE) 2024/2881(“valuri limitu jew fil-mira”); Ir-relazzjonijiet perċentili bejn il-medji annwali u l-valuri fl-immedjat jistgħu jintużaw għall-valutazzjoni tal-valuri limitu jew fil-mira ta’ kull siegħa, ta’ kuljum fuq tmien sigħat, u ta’ kuljum, diment li l-affidabbiltà tagħhom tkun ivverifikata b’kejl f’postijiet rappreżentattivi;

(b)

ir-riżoluzzjoni spazjali tal-applikazzjoni tal-immudellar tkun tali li l-varjabbiltà mistennija tal-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi niġġiesa fl-atmosfera fiż-żona ta’ interess tkun tista’ tiġi riprodotta sa kemm possibbli;

(c)

jekk l-applikazzjoni tal-immudellar tkun teħtieġ tuża data dwar l-emissjonijiet bħala input, tali data tkun:

(i)

meta possibbli, spazjalment f’forma ta’ grilja jew definita b’riżoluzzjoni li tkun konformi mar-riżoluzzjoni spazjali tal-applikazzjoni tal-immudellar, jew aktar fina minnha;

(ii)

meta possibbli, distribwita vertikalment f’konformità mal-għoli tar-rilaxx tas-sors;

(iii)

meta possibbli, allinjata mar-riżoluzzjoni temporali tal-applikazzjoni tal-immudellar;

(iv)

meta possibbli, allinjata mar-rekwiżiti tal-applikazzjoni tal-immudellar mil-lat ta’ speċjazzjoni kimika;

(v)

tkun tqis is-sorsi rilevanti fiż-żona ta’ interess;

(d)

jekk l-applikazzjoni tal-immudellar tkun teħtieġ tuża data meteoroloġika, dik id-data tkun inkisbet minn osservazzjonijiet jew b’mudell meteoroloġiku li, meta possibbli, ikollu riżoluzzjoni spazjali u temporali simili għall-applikazzjoni tal-immudellar u jkun jiżgura li r-rappreżentattività tal-perjodu mmudellat;

(e)

jekk l-applikazzjoni tal-immudellar tkun teħtieġ tuża konċentrazzjonijiet tal-isfond, dawn ikunu allinjati kemm jista’ jkun possibbli mil-lat ta’ riżoluzzjoni temporali, riżoluzzjoni spazjali, firxa spazjali, u dettall fl-ispeċjazzjoni kimika mar-rekwiżiti tal-applikazzjoni tal-immudellar fuq iż-żona ta’ interess;

(f)

sa fejn possibbli, l-applikazzjoni tal-immudellar tkun kapaċi tkopri l-elementi li ġejjin, speċifiċi għaż-żona ta’ interess:

(i)

karatteristiċi ta’ dispersjoni speċifiċi għas-sit;

(ii)

kundizzjonijiet ta’ konfini orografiċi;

(iii)

kundizzjonijiet meteoroloġiċi;

(iv)

kundizzjonijiet klimatiċi avversi;

(v)

kontribuzzjonijiet transfruntieri;

(g)

l-applikazzjoni tal-immudellar tkun assigurata għall-kwalità u vvalidata f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3.

Artikolu 3

Assigurazzjoni tal-kwalità u validazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-immudellar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kwalità tal-immudellar u għandhom jivvalidaw l-applikazzjonijiet tal-immudellar f’konformità mal-kriterji stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Meta possibbli, is-settijiet tad-data tal-input għandhom ilkoll ikunu kkontrollati u assigurati għall-kwalità qabel ma jintużaw bħala input fl-applikazzjoni tal-immudellar. L-Istati Membri għandhom iwettqu dawk il-kontrolli tal-kwalità qabel ma jużaw kull applikazzjoni tal-immudellar.

3.   Meta possibbli, id-data tal-kejl użata għall-validazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-immudellar għandu tippermetti l-varjabbiltà fejn jidħlu l-postijiet tal-punti tal-kampjunar biex tkun tkopri l-ambjenti rilevanti għal xi sustanza niġġiesa partikolari fiż-żona ta’ interess.

4.   L-objettiv tal-kwalità tal-immudellar għandu jiġi vverifikat f’għadd biżżejjed ta’ punti tal-kampjunar f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Punt A tal-Anness V tad-Direttiva (UE) 2024/2881.

5.   Meta jiġu evalwati l-applikazzjonijiet tal-immudellar li jkunu jinkorporaw l-użu integrat ta’ mudelli u kejl, għall-evalwazzjoni ta’ jekk l-objettiv tal-kwalità tal-immudellar hux issodisfat għandha tintuża biss id-data tal-kejl li ma tkunx intużat fir-riżultati tal-applikazzjonijiet tal-immudellar u li tkun konformi mal-objettivi tal-kwalità tad-data stabbiliti fl-Anness V tad-Direttiva (UE) 2024/2881. F’każ bħal dan, l-Istati Membri għandhom, meta possibbli, jevalwaw l-applikazzjonijiet tal-immudellar li jinkorporaw l-użu integrat ta’ mudelli u kejl permezz tal-metodoloġija stabbilita fl-Anness II jew xi metodoloġija oħra li tipprovdi riżultati ekwivalenti.

6.   Meta għad-determinazzjoni taż-żoni tar-rappreżentattività spazjali ta’ punti tal-kampjunar jintużaw applikazzjonijiet tal-immudellar, dawk l-applikazzjonijiet tal-immudellar għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt A tal-Anness V tad-Direttiva (UE) 2024/2881.

Artikolu 4

Metodi għall-valutazzjoni taż-żoni tar-rappreżentattività spazjali tal-punti tal-kampjunar

1.   Fiż-żoni kollha kklassifikati li huma iżjed mil-limiti tal-valutazzjoni skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2024/2881, l-Istati Membri għandhom jużaw kejl f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ din id-Deċiżjoni jew applikazzjonijiet tal-immudellar f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ din id-Deċiżjoni jew kombinament tat-tnejn, biex jivvalutaw iż-żoni tar-rappreżentattività spazjali tal-punti tal-kampjunar f’dawk iż-żoni.

2.   Fiż-żoni kollha kklassifikati li huma inqas mil-limiti tal-valutazzjoni skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2024/2881, meta għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-arja jintużaw punti tal-kampjunar, l-Istati Membri jistgħu jivvalutaw iż-żoni tar-rappreżentattività spazjali ta’ dawk il-punti tal-kampjunar. Meta ssir valutazzjoni bħal din, din tista’ tissejjes fuq kejl, applikazzjonijiet tal-immudellar, analiżijiet esperti, jew kombinament ta’ dawn il-mudelli.

Artikolu 5

Kriterji għall-valutazzjoni taż-żoni tar-rappreżentattività spazjali tal-punti tal-kampjunar

1.   L-Istati Membri għandhom jivvalutaw iż-żona tar-rappreżentattività spazjali tal-punti tal-kampjunar f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   L-Istati Membri għandhom jidentifikaw il-postijiet jew iż-żoni b’konċentrazzjonijiet simili għal dawk f’punt tal-kampjunar għal sustanza niġġiesa partikolari permezz ta’ livelli ta’ tolleranza f’konformità mal-Artikolu 6(3) għall-kejl u għal-livelli ta’ tolleranza f’konformità mal-Artikolu 7(2) għall-applikazzjonijiet tal-immudellar.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-valur ċentrali għandu jintgħażel kif ġej:

(a)

meta jintuża l-kejl, il-medja annwali tal-konċentrazzjoni mkejla fil-punt tal-kampjunar tintuża bħala l-valur ċentrali biex jiġu identifikati l-postijiet b’konċentrazzjonijiet simili;

(b)

meta jintużaw applikazzjonijiet tal-immudellar, il-medja annwali tal-konċentrazzjoni mmudellata għall-post tal-punt tal-kampjunar tintuża bħala l-valur ċentrali biex jiġu identifikati żoni b’konċentrazzjonijiet simili.

L-Istati Membri jistgħu jużaw metriċi oħra għajr il-medja annwali, bħall-perċentili rilevanti jew il-medji staġunali, inkluż il-medji fis-siegħa, kull tmien sigħat, kuljum, l-AOT40, u l-medji tax-xitwa għal sustanzi niġġiesa b’valuri limitu jew fil-mira stabbiliti għal metriċi oħra għajr il-medja annwali.

3.   L-Istati Membri għandhom jirfinaw iż-żoni identifikati skont il-paragrafu 2 f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dan il-paragrafu.

Iż-żona ġeografika tista’ tinkludi dominji nonkontigwi iżda għandha, fil-prinċipju, tkun limitata fl-estensjoni tagħha mill-fruntieri taż-żona kkunsidrata. Għall-punti tal-kampjunar maħsuba biex ikunu rappreżentattivi għal żoni usa’ minn żona tal-kwalità tal-arja partikolari, l-Istati Membri jistgħu japplikaw postijiet ġeografiċi alternattivi.

Il-postijiet qrib jew fit-toroq traffikużi ħafna f’żoni suburbani jew rurali jistgħu jiġu esklużi miż-żoni identifikati għall-punti tal-kampjunar tal-isfond urban anke jekk il-konċentrazzjonijiet f’dawk iż-żoni jkunu fl-intervall ta’ tolleranza kkalkolat għall-punt tal-kampjunar.

Jekk iż-żona identifikata għal punt tal-kampjunar tkun tkopri żona usa’ mill-belt jew miż-żona urbana li fiha jkun il-punt tal-kampjunar, iż-żona identifikata tista’ tkun limitata ulterjorment għall-belt jew għaż-żona urbana.

Il-postijiet li ma jkunux jeħtieġu valutazzjoni tal-kwalità tal-arja skont il-punt A.2 tal-Anness IV tad-Direttiva (UE) 2024/2881 jistgħu jiġu esklużi miż-żona identifikata.

4.   L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw informazzjoni relatata mas-sors biex jeskludu postijiet miż-żoni identifikati u rfinati f’konformità mal-paragrafi 2 u 3 li għandhom profili ta’ tniġġis jew kundizzjonijiet ta’ dispersjoni differenti ferm. L-Istati Membri għandhom jagħmlu analiżi esperta biex jidentifikaw postijiet bħal dawn.

Artikolu 6

Użu tal-kejl għal valutazzjoni taż-żoni tar-rappreżentattività spazjali tal-punti tal-kampjunar

1.   Għal valutazzjoni taż-żoni tar-rappreżentattività spazjali tal-punti tal-kampjunar jistgħu jintużaw kejl fiss kif ukoll kejl indikattiv, skont kif rilevanti.

2.   Jekk għal valutazzjoni taż-żona tar-rappreżentattività spazjali tal-punt ta’ kampjunar, l-Istati Membri jużaw kejl indikattiv, dawn għandhom jiżguraw li l-kejl ikun distribwit b’mod ekwu tul is-sena kalendarja, u tul il-perjodu minn April sa Settembru għall-ożonu, u li ċerti perjodi tas-sena ma jkunux irrappreżentati żżejjed jew sottorappreżentati.

Jekk għal valutazzjoni taż-żona tar-rappreżentattività spazjali ta’ punt tal-kampjunar, l-Istati Membri jużaw kejl indikattiv biss, dawn għandhom jiżguraw li n-numru u d-distribuzzjoni spazjali tal-kejl indikattiv ikunu tali li l-varjabbiltà mistennija tal-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi niġġiesa tkun tista’ tiġi riprodotta sa kemm possibbli.

L-inċertezza tal-kejl indikattiv għal sustanza niġġiesa speċifika tista’ tkun l-inċertezza stabbilita għall-applikazzjonijiet tal-immudellar fil-Punt A tal-Anness V tad-Direttiva (UE) 2024/2881 għas-sustanza niġġiesa inkwistjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jidentifikaw postijiet b’konċentrazzjonijiet simili għall-valur ċentrali, kif stabbilit fl-Artikolu 5(2), il-punt (a) għal sustanza niġġiesa partikolari f’konformità mal-metodoloġija stabbilita f’dan il-paragrafu.

Biex jiġi kkalkolat intervall tal-konċentrazzjoni għandu jiġi applikat livell ta’ tolleranza ta’ 15% tal-valur ċentrali jew livell minimu ta’ tolleranza kif stabbilit fl-Anness I, skont liema jkun l-akbar, iżjed jew inqas mill-valur ċentrali.

Meta jiġi kkalkolat l-intervall tal-konċentrazzjoni msemmi fit-tieni subparagrafu, il-valuri jistgħu jiġu ttondjati għal żewġ ċifri sinifikanti.

Il-konċentrazzjoni mkejla tas-sustanza niġġiesa inkwistjoni f’post partikolari għandha titqabbel mal-intervall tal-konċentrazzjoni kkalkulat f’konformità mat-tieni subparagrafu.

Meta l-konċentrazzjoni mkejla f’post partikolari tkun fl-intervall tal-konċentrazzjoni kkalkulat f’konformità mat-tieni subparagrafu, dak il-post għandu jiġi inkluż fiż-żona identifikata f’konformità mal-Artikolu 5(2).

4.   L-Istati Membri jistgħu jużaw applikazzjonijiet tal-immudellar f’konformità mal-Artikolu 7 biex jinkludu wkoll żoni qrib il-postijiet identifikati f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu fiż-żona tar-rappreżentattività spazjali ta’ punt tal-kampjunar.

Biex fiż-żona tar-rappreżentattività spazjali ta’ punt tal-kampjunar jiġu inklużi wkoll żoni qrib il-postijiet identifikati f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, tista’ tiġi applikata analiżi esperta, inkluż il-valutazzjoni tal-post u informazzjoni relatata mas-sors f’konformità mal-Artikolu 5(3) u (4), iżda mhux limitata għalihom. L-analiżi esperta tista’ tkun sostnuta wkoll b’riżultati tal-kejl miksuba minn metodi tal-kejl mhux ta’ referenza jew mhux ekwivalenti.

Artikolu 7

Użu tal-applikazzjonijiet tal-immudellar għal valutazzjoni taż-żoni tar-rappreżentattività spazjali tal-punti tal-kampjunar

1.   Meta l-Istati Membri jużaw applikazzjonijiet tal-immudellar biex jivvalutaw iż-żona tar-rappreżentattività spazjali ta’ punt tal-kampjunar, dawn għandhom iħejju mappa tal-konċentrazzjonijiet immudellati ta’ sustanza niġġiesa partikolari fiż-żona ta’ interess fejn ikun il-punt tal-kampjunar.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjonijiet tal-immudellar użati għat-tħejjija tal-mappa tal-konċentrazzjonijiet immudellati jkunu jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jidentifikaw żoni b’konċentrazzjonijiet immudellati simili għall-valur ċentrali, kif stabbilit fl-Artikolu 5(2), il-punt (b) għal sustanza niġġiesa partikolari f’konformità mal-metodoloġija stabbilita f’dan il-paragrafu.

Biex jiġi kkalkolat intervall tal-konċentrazzjoni għandu jiġi applikat livell ta’ tolleranza ta’ 15% tal-valur ċentrali jew livell minimu ta’ tolleranza kif speċifikat fl-Anness I, skont liema jkun l-akbar, iżjed jew inqas mill-valur ċentrali.

Meta jiġi kkalkolat l-intervall tal-konċentrazzjoni msemmi fit-tieni subparagrafu, il-valuri jistgħu jiġu ttondjati għal żewġ ċifri sinifikanti.

Il-konċentrazzjoni mmudellata fiż-żoni kollha għandha titqabbel mal-intervall tal-konċentrazzjoni kkalkolat f’konformità mat-tieni subparagrafu.

Meta l-konċentrazzjoni mmudellata għal żona tkun fl-intervall tal-konċentrazzjoni kkalkolat f’konformità mat-tieni subparagrafu, dik iż-żona għandha tiġi inkluża fiż-żona identifikata f’konformità mal-Artikolu 5(2).

3.   Biex jivvalutaw is-similarità ta’ żona ma’ punt tal-kampjunar partikolari, l-Istati Membri jistgħu jużaw analiżi esperta, inkluż il-valutazzjoni tal-post u tal-informazzjoni relatata mas-sors f’konformità mal-Artikolu 5(3) u (4), iżda mhux limitata għalihom.

Artikolu 8

Metodoloġija għat-tħejjija ta’ mappa taż-żona tar-rappreżentattività spazjali

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4, l-Istati Membri għandhom iħejju mappa li tiddelinja ż-żoni tar-rappreżentattività spazjali tal-punti kollha tal-kampjunar għal sustanza niġġiesa partikolari f’żona partikolari jew f’xi żona ġeografika alternattiva f’konformità mal-metodoloġija stabbilita f’dan l-Artikolu.

2.   Meta, skont il-metodoloġija stabbilita fl-Artikoli 5 sa 7, jiġi identifikat post jew tiġi identifikata żona għaż-żona tar-rappreżentattività spazjali ta’ aktar minn punt tal-kampjunar wieħed, l-Istati Membri għandhom iżommu l-post jew iż-żona mrikkba kollha fiż-żoni tar-rappreżentattività spazjali tal-punti tal-kampjunar kollha inkwistjoni, jew jinkluduha fiż-żona tar-rappreżentattività spazjali tal-punt tal-kampjunar li tkun l-aktar simili għall-post jew għaż-żona inkwistjoni f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Ix-xebh bejn il-punti tal-kampjunar u bejn punt tal-kampjunar u żona mmudellata msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi vvalutata f’termini tat-tip ta’ punt tal-kampjunar, il-karatteristiċi tal-post, is-sorsi tal-emissjonijiet rilevanti, u l-livelli tal-konċentrazzjoni.

4.   Ladarba ż-żona tar-rappreżentattività spazjali tal-punti tal-kampjunar kollha għal sustanza niġġiesa partikolari tiġi vvalutata f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 8, l-Istati Membri għandhom iħejju l-mappa taż-żoni tar-rappreżentattività spazjali tal-punti tal-kampjunar imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Il-mappa taż-żoni tar-rappreżentattività spazjali għandha titħejja b’data minn sena individwali waħda fl-aħħar ħames snin. L-Istati Membri jistgħu jużaw metodu xieraq, inkluż jużaw data minn diversi snin, biex jikkunsidraw il-varjabbiltà interannwali, diment li tintwera l-affidabbiltà tal-metodu.

L-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw il-mappa taż-żona tar-rappreżentattività spazjali, imqar wara kull rieżami mwettaq f’konformità mal-punt D.9 tal-Anness IV tad-Direttiva (UE) 2024/2881, u wkoll meta jkun hemm bidliet rilevanti fin-network tal-monitoraġġ jew bidliet sostanzjali rilevanti fis-sorsi tat-tniġġis jew fil-meteoroloġija.

Artikolu 9

Użu tal-kejl indikattiv għal valutazzjoni tal-kwalità tal-arja

1.   L-Istati Membri għandhom jużaw riżultati tal-kejl indikattiv għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-arja u għall-għoti ta’ informazzjoni dwar id-distribuzzjoni spazjali tas-sustanzi niġġiesa tal-arja meta dawn juru eċċedenza f’valur limitu jew fil-mira.

2.   L-Istati Membri jistgħu jużaw riżultati tal-kejl indikattiv għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-arja u għall-għoti ta’ informazzjoni dwar id-distribuzzjoni spazjali tas-sustanzi niġġiesa tal-arja meta ma jkunx hemm eċċedenza ta’ valur limitu jew fil-mira.

3.   Meta l-konformità mal-valuri limitu jew fil-mira ta’ kull siegħa, ta’ kull tmien sigħat u ta’ kuljum tiġi vvalutata b’kejl indikattiv, l-Istati Membri jistgħu jużaw il-perċentil korrispondenti għall-kalkolu tal-istatistika tal-eċċedenzi.

Artikolu 10

Użu tar-riżultati tal-immudellar għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-arja

1.   L-Istati Membri għandhom jużaw konċentrazzjonijiet immudellati biex jivvalutaw il-kwalità tal-arja fir-rigward tal-valuri limitu jew fil-mira meta l-konċentrazzjoni mmudellata f’post kopert miż-żona tar-rappreżentattività spazjali ta’ punt tal-kampjunar u l-kejl tal-punt tal-kampjunar, it-tnejn ikunu juru eċċedenza ta’ valur limitu jew fil-mira.

2.   L-Istati Membri ma għandhomx jużaw konċentrazzjonijiet immudellati biex jivvalutaw il-kwalità tal-arja fir-rigward tal-valuri limitu jew fil-mira f’post partikolari meta dawn jonqsu milli juru eċċedenza ta’ valur limitu jew fil-mira f’dak il-post u fl-istess waqt, il-post ikun kopert miż-żona tar-rappreżentattività spazjali ta’ punt tal-kampjunar li juri eċċedenza ta’ valur limitu jew fil-mira partikolari.

Meta sseħħ is-sitwazzjoni deskritta fl-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw jekk hemmx bżonn rieżami tal-applikazzjoni tal-immudellar tagħhom. Dak ir-rieżami għandu jivvaluta jekk l-applikazzjoni tal-immudellar tkunx adegwata għall-użu tagħha u għandu jitlesta fi żmien sena minn meta tkun saret l-applikazzjoni tal-immudellar li skattat ir-rieżami.

3.   L-Istati Membri għandhom jużaw konċentrazzjonijiet immudellati biex jivvalutaw il-kwalità tal-arja fir-rigward tal-limiti tal-valutazzjoni f’post partikolari meta l-konċentrazzjoni mmudellata f’dan il-post tkun iżjed mil-limitu tal-valutazzjoni u inqas mill-valur limitu jew fil-mira, u l-post ma jkunx kopert miż-żona tar-rappreżentattività spazjali ta’ punt tal-kampjunar fiss.

F’dan il-każ, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jużawx il-konċentrazzjonijiet immudellati biex jivvalutaw il-kwalità tal-arja fir-rigward tal-limiti tal-valutazzjoni, jekk dawn iwettqu mqar kejl addizzjonali wieħed li ż-żona tar-rappreżentattività spazjali tiegħu tkun tkopri l-post immudellat. Dak il-kejl jista’ jiġi stabbilit fi żmien sentejn kalendarji wara li tkun saret l-applikazzjoni tal-immudellar jekk dawn ikunu kejl fiss, u fi żmien sena kalendarja waħda wara li tkun saret l-applikazzjoni tal-immudellar jekk dawn ikunu kejl indikattiv. Il-kejl addizzjonali għandu jkopri mqar sena kalendarja waħda f’konformità mar-rekwiżiti minimi tal-kopertura tad-data stabbiliti fil-punt B tal-Anness V tad-Direttiva (UE) 2024/2881.

4.   Fi kwalunkwe sitwazzjoni li mhix koperta mill-paragrafi 1 sa 3, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(6) tad-Direttiva (UE) 2024/2881, l-Istati Membri jistgħu jużaw konċentrazzjonijiet immudellati biex jivvalutaw il-kwalità tal-arja fir-rigward tal-valuri limitu u fil-mira u fir-rigward tal-limiti tal-valutazzjoni.

5.   L-Istati Membri jistgħu jużaw ir-riżultati tal-immudellar biex jipprovdu informazzjoni dwar id-distribuzzjoni spazjali tal-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tal-arja, biex jidentifikaw hotspots potenzjali fiż-żona u, jekk applikabbli, biex jipprovdu informazzjoni dwar iż-żona tal-eċċedenza kkalkulata bl-applikazzjonijiet tal-immudellar.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mit-30 ta’ Ġunju 2028.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Ġunju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2024/2881, 20.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/2881/oj.

(2)   Air quality modelling for air quality policy - Technical support document on the use of modelling for various application domains under the Ambient Air Quality Directive, April 2025, ISBN 978-92-68-27149-0.


ANNESS I

Livelli minimi ta’ tolleranza

Sustanza niġġiesa fl-arja

Livell minimu ta’ tolleranza

PM10, NO2, O3, SO2

± 2,0 μg/m3

PM2.5

± 1,0 μg/m3

CO

± 0,025 mg/m3

B(a)P

± 0,1 ng/m3

C6H6

± 0,34 μg/m3

Pb

± 0,05 μg/m3

As

± 0,6 ng/m3

Cd

± 0,5 ng/m3

Ni

± 2,0 ng/m3


ANNESS II

Il-metodoloġija tal-kontrovalidazzjoni “Ħalli wieħed barra”

L-istrateġija tal-kontrovalidazzjoni “Ħalli wieħed barra” hi metodoloġija użata għall-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-immudellar li jinkorporaw l-użu integrat tal-immudellar u tal-kejl. Din tinvolvi l-passi li ġejjin:

(a)

jintgħażel punt tal-kampjunar li jrid jitħalla barra fl-istadju tal-fużjoni tad-data jew tal-assimilazzjoni tad-data (jiġifieri l-Pass (b)).

Il-fużjoni tad-data fil-kuntest ta’ din id-deċiżjoni tirreferi għat-tagħqid ta’ settijiet ta’ data u mudelli tal-osservazzjoni biex tinkiseb l-aqwa stima ta’ ċertu varjabbli.

L-assimilazzjoni tad-data fil-kuntest ta’ din id-deċiżjoni tirreferi għat-tiżwiġ tal-osservazzjonijiet ma’ mudelli numeriċi dinamiċi biex jiġu ottimizzati l-istati tal-mudelli u t-tbassir;

(b)

jinkiseb qasam ta’ konċentrazzjoni fuż jew assimilat mal-punti tal-kampjunar li jifdal;

(c)

tinsilet serje kronoloġika fil-post tal-punt tal-kampjunar li jitħalla barra fil-proċess tal-fużjoni jew tal-assimilazzjoni (jiġifieri l-istazzjon magħżul fil-Pass (a));

(d)

jiġi kkalkulat valur tal-indikatur tal-kwalità tal-immudellar abbażi tal-valuri tal-kejl indipendenti u r-riżultat fuż jew assimilat tal-Pass (c);

(e)

jittenna l-proċess mill-Pass (a) b’punt tal-kampjunar ieħor sakemm il-punti kollha jkunu tħallew barra f’iterazzjoni waħda ta’ din il-metodoloġija kull wieħed;

(f)

jiġi evalwat l-objettiv tal-kwalità tal-immudellar skont is-sett tal-indikaturi tal-kwalità tal-immudellar derivati b’mod indipendenti fil-postijiet kollha tal-punti tal-kampjunar.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1208/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)