European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1443

15.7.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/1443

tal-15 ta’ Lulju 2025

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2024/2643 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet destabbilizzanti tar-Russja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-8 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/2643 (1).

(2)

L-Unjoni tibqa’ soda fil-kundanna tagħha tal-attivitajiet malinni tar-Russja diretti kontra l-Unjoni, l-Istati Membri tagħha, organizzazzjonijiet internazzjonali u pajjiżi terzi.

(3)

Fis-26 ta’ Ġunju 2025 il-Kunsill Ewropew adotta konklużjonijiet, li fihom ikkundanna l-kampanja ibrida li għadha għaddejja mir-Russja, inkluż is-sabotaġġ, it-tfixkil tal-infrastruttura kritika, l-attakki ċibernetiċi, il-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza fiha, u t-tentattivi biex tiddgħajjef id-demokrazija, inkluż fil-proċess elettorali. Il-Kunsill Ewropew enfasizza li se jużaw bis-sħiħ il-mezzi kollha disponibbli, inkluż is-sett ta’ għodod tal-UE kontra theddid ibridu, biex speċifikament jipprevjeni u jiskoraġġixxi t-theddid ibridu tar-Russja u jirreaġixxi għalih.

(4)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li jiżdiedu 9 persuni fiżiċi u 6 persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness I tad-Deċiżjoni (PESK) 2024/2643.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2024/2643 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Deċiżjoni (PESK) 2024/2643 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/2643 tat-8 ta’ Ottubru 2024 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet destabbilizzanti tar-Russja, (ĠU L, 2024/2643, 9.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2643/oj).


ANNESS

L-Anness I tad-Deċiżjoni (PESK) 2024/2643 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-entrati li ġejjin jiżdiedu taħt l-intestatura “A. Persuni fiżiċi”:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet

Data tal-elenkar

“39.

Andrey Yuryevich ROMANCHENKO

bir-Russu: Андрей Юрьевич РОМАНЧЕНКО

Funzjoni: Direttur Ġenerali tal-Intrapriża tal-Istat Federali ‘Russian Television and Radio Broadcasting Network’ (RTRS)

Data tat-twelid: 16.10.1960

Post tat-twelid: Moscow, Russian SSR (now Russian Federation)

Nazzjonalità: Russa

Sess: raġel

Identità tat-Taxxa Russa (ИНН): 771515786260

Andrey Yuryevich Romanchenko huwa d-Direttur Ġenerali tal-Intrapriża tal-Istat Federali ‘Russian Television and Radio Broadcasting Network’ (RTRS), intrapriża federali Russa unitarja bi skop ta’ qligħ ta’ sinifikat strateġiku, li topera infrastruttura terrestri tax-xandir tar-radju u t-televiżjoni fir-Russja. Romanchenko, li nħatar Direttur Ġenerali mill-President Russu, jidderieġi l-RTRS, li għandha rwol dirett fl-implimentazzjoni tal-politiki attribwibbli lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa billi tipprovdi l-infrastruttura u l-kapaċitajiet tekniċi għat-trażmissjoni tal-hekk imsejħa ‘Stazzjonijiet tat-televiżjoni u r-radju obbligatorji għar-Russja kollha disponibbli għall-pubbliku’ bħal Pervyi Kanal jew Rossiya 24 li jxerrdu l-propaganda tal-istat Russu.

Taħt it-tmexxija ta’ Romanchenko, l-RTRS kellha rwol ewlieni fis-sostituzzjoni effettiva tas-sistemi tax-xandir Ukreni antiki fir-reġjuni okkupati b’network li jittrażmetti kontenut approvat mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa maħsub biex irażżan id-dissens, jallinja l-popolazzjoni lokali mal-politiki Russi u jiddelega l-governanza tal-Ukrajna fit-territorji okkupati. Dan jimmina direttament il-kapaċità tal-popolazzjonijiet lokali li jaċċessaw informazzjoni diversa u indipendenti. L-espansjoni tal-operazzjonijiet tal-RTRS fit-territorji okkupati hija ffaċilitata mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jagħti lill-RTRS id-dritt esklussiv li tistabbilixxi infrastruttura ta’ trażmissjoni fit-territorji okkupati. Billi jissorvelja u jidderieġi dawn l-operazzjonijiet, Romanchenko jiffaċilita b’mod attiv l-imblukkar tal-aċċess għal informazzjoni diversa u indipendenti, u b’hekk jassumi r-responsabbiltà għall-użu tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni.

Għalhekk, Romanchenko, bħala l-kap tal-RTRS, jibbenefika minn u jimplimenta politiki attribwibbli lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija u l-istabbiltà fl-Ukrajna, u li jdgħajfu s-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, bl-involviment fi jew inkella bil-faċilitazzjoni tal-użu tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza.

15.7.2025

40.

Vladimir NAIDENOV

bir-Russu: Владимир НАЙДЕНОВ

Funzjoni: Direttur tad-Dipartiment għall-Koordinazzjoni tal-Iżvilupp tal-Infrastruttura tal-Komunikazzjoni fit-Territorji Ġodda tal-Intrapriża tal-Istat Federali ‘Russian Television and Radio Broadcasting Network’ (RTRS)

Sess: raġel

Nazzjonalità: Russa

Vladimir Naidenov huwa d-Direttur tad-Dipartiment għall-Koordinazzjoni tal-Iżvilupp tal-Infrastruttura tal-Komunikazzjoni fit-Territorji l-Ġodda tal-Intrapriża tal-Istat Federali ‘Russian Television and Radio Broadcasting Network’ (RTRS), intrapriża federali Russa unitarja bi skop ta’ qligħ ta’ sinifikat strateġiku, li topera infrastruttura terrestri tax-xandir tar-radju u t-televiżjoni fir-Russja. Vladimir Naidenov, huwa subordinat għad-Direttur Ġenerali tal-RTRS Andrey Yuryevich Romanchenko, li jmexxi l-RTRS u għandu rwol dirett fl-implimentazzjoni tal-politiki attribwibbli lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa. RTRS tipprovdi infrastruttura u kapaċitajiet tekniċi għat-trażmissjoni tal-hekk imsejħa ‘Stazzjonijiet tat-televiżjoni u r-radju obbligatorji għar-Russja kollha disponibbli għall-pubbliku’ bħal Pervyi Kanal jew Rossiya 24 li jxerrdu l-propaganda tal-istat Russu.

Fil-pożizzjoni tiegħu fi ħdan l-RTRS, Vladimir Naidenov, għad għandu rwol ewlieni fis-sostituzzjoni effettiva tas-sistemi tax-xandir Ukreni antiki fir-reġjuni okkupati b’network li jittrażmetti kontenut approvat mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa maħsub biex irażżan id-dissens, jallinja l-popolazzjoni lokali mal-politiki Russi u jiddelega l-governanza tal-Ukrajna fit-territorji okkupati. Dan jimmina direttament il-kapaċità tal-popolazzjonijiet lokali li jaċċessaw informazzjoni diversa u indipendenti. L-espansjoni tal-operazzjonijiet tal-RTRS fir-reġjuni okkupati hija ffaċilitata mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jagħti lill-RTRS id-dritt li tistabbilixxi infrastruttura ta’ trażmissjoni hemmhekk.

Għalhekk, Vladimir Naidenov, bħala d-Direttur tad-Dipartiment għall-Koordinazzjoni tal-Iżvilupp tal-Infrastruttura tal-Komunikazzjoni fit-Territorji l-Ġodda fl-RTRS, jiffaċilita t-tfixkil tal-aċċess għal informazzjoni diversa u indipendenti billi jikkoordina l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-RTRS fit-territorji okkupati tal-Ukrajna u b’hekk jimplimenta politiki attribwibbli lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija u l-istabbiltà fl-Ukrajna, u li jdgħajfu s-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, bl-involviment fi jew inkella bil-faċilitazzjoni tal-użu tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza.

15.7.2025

41.

Dmitri BUIMISTRU

Funzjoni: Preżentatur tat-TV, attur; blogger

Data tat-twelid: 26.11.1992

Post tat-twelid: Chișinău, Republic of Moldova

Nazzjonalità: Moldovana

Sess: raġel

Dmitri Buimistru intenzjonalment jinvolvi ruħu f’manipulazzjoni u interferenza kkoordinati tal-informazzjoni billi jopera bħala propagandist ewlieni fuq MD24, stazzjon televiżiv online bbażat fir-Russja maħluq minn Ilan Shor wara l-irtirar tal-liċenzja mill-istazzjonijiet preċedenti tiegħu għat-tixrid tad-diżinformazzjoni Russa. Għal dak l-għan, Buimistru deliberatament ixerred pretensjonijiet foloz b’mod dimostrabbli esposti b’mod sistematiku minn verifikaturi tal-fatti indipendenti rigward li n-NATO qed tiġbed lill-Moldova f’kunflitt, dwar ir-revoka imminenti tan-newtralità kostituzzjonali, ir-‘Romanizzazzjoni’ tal-istituzzjonijiet, rappreżentazzjoni ingannevoli tal-implikazzjonijiet kostituzzjonali tar-referendum tal-UE, u statistika ffabrikata dwar il-kummerċ.

Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni tiegħu f’kampanji sinkronizzati ta’ diżinformazzjoni fuq diversi pjattaformi hija evidenzjata mill-iskandlu tat-tagħmir ta’ sorveljanza tal-ambaxxata Russa ta’ Lulju 2023, fejn il-messaġġi tiegħu kienu kkoordinati perfettament ma’ aġenziji oħra favur il-Kremlin, li juri orkestrazzjoni ċentralizzata. Barra minn hekk, il-proġett ‘SOSEDI’ ta’ Buimistru ġie identifikat bħala għodda ewlenija f’operazzjoni usa’ ta’ influwenza esterna. Il-promozzjoni sistematika tiegħu ta’ sorsi oħra ta’ informazzjoni favur ir-Russja u l-użu ta’ tattiċi ta’ messaġġi konsistenti mfassla speċifikament biex jimminaw is-sovranità, l-integrazzjoni Ewropea, u l-proċessi demokratiċi tal-Moldova jkomplu jikkonfermaw l-impenn intenzjonat tiegħu fil-manipulazzjoni tal-informazzjoni kkoordinata bil-ħsieb li jservi l-interessi Russi ta’ destabbilizzazzjoni fil-Moldova.

Għalhekk, Dmitri Buimistru huwa responsabbli għal, qed jimplimenta u jappoġġa azzjonijiet u politiki attribwibbli għal-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu l-istabbiltà f’pajjiż terz billi jinvolvi ruħu, direttament jew indirettament, fl-użu ta’ manipulazzjoni u interferenza kkoordinati tal-informazzjoni.

15.7.2025

42.

Veaceslav VALICO

Funzjoni: Attivist

Data tat-twelid: 10.8.1977

Post tat-twelid: Chișinău, Republic of Moldova

Nazzjonalità: Moldovana

Sess: raġel

Veaceslav Valico pparteċipa, flimkien ma’ Anatolii Prizenko, persuna fiżika elenkata mill-Unjoni, fl-operazzjoni ta’ destabbilizzazzjoni Russa li tikkonċerna l-pittura tal-iStar ta’ David fit-toroq ta’ Pariġi wara l-attakk tal-Ħamas tas-7 ta’ Ottubru 2023 fuq Iżrael għal kumpens finanzjarju u sabiex jinħolqu tensjonijiet fis-soċjetà Franċiża.

Barra minn hekk, Veaceslav Valico huwa involut fit-tixrid sistematiku tad-diżinformazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova u fl-Ukrajna, bħala parti mill-attivitajiet ibridi malizzjużi tal-Federazzjoni Russa.

Barra minn hekk, Veaceslav Valico huwa assoċjat ma’ Anatolii Prizenko, li huwa individwu elenkat mill-Unjoni. L-assoċjazzjoni tagħhom ilha minn qabel il-kollaborazzjoni tagħhom fl-inċident ta’ Pariġi.

Għalhekk, Veaceslav Vlaico huwa responsabbli għall-implimentazzjoni u l-appoġġ ta’ azzjonijiet u politiki attribwibbli lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu l-istabbiltà fi Stat Membru u għaldaqstant, fl-Unjoni, u f’pajjiżi terzi, billi jippjana, jidderieġi, jew jinvolvi ruħu, direttament jew indirettament fl-użu ta’ manipulazzjoni u interferenza kkoordinati tal-informazzjoni.

15.7.2025

43.

Simeon BOIKOV

Funzjoni: Blogger favur ir-Russja

Data tat-twelid: 15.2.1990

Post tat-twelid: Sydney, Awstralja

Sess: raġel

Nazzjonalità: Awstraljana/Russa

Simeon Boikov huwa attivist Awstraljan favur ir-Russja magħruf bil-psewdonimu ‘Aussie Cossack.’ Huwa rikonoxxut għat-tixrid ta’ narrattivi favur il-Kremlin u miżinformazzjoni, b’mod partikolari rigward il-pandemija tal-COVID-19 u l-invażjoni Russa tal-Ukrajna. Boikov ġie implikat ukoll fit-tixrid tad-diżinformazzjoni relatata mal-elezzjoni presidenzjali tal-Istati Uniti tal-2024, b’mod partikolari billi ħallas lil influwenzatur Amerikan biex ixandar filmat iffabbrikat ta’ Storm-1516 li juri b’mod falz il-frodi tal-votanti fil-Georgia.

Għalhekk, Simeon Boikov huwa responsabbli għal, qed jimplimenta u jappoġġa azzjonijiet u politiki attribwibbli lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà u s-sigurtà fl-Unjoni jew f’pajjiżi terzi, billi jippjana, jidderieġi, jinvolvi ruħu direttament jew indirettament fi, jappoġġa jew inkella jiffaċilita l-użu ta’ manipulazzjoni u interferenza kkoordinati tal-informazzjoni.

15.7.2025

44.

Vitaly KULIKOV

(bir-Russu: Виталий КУЛИКОВ)

Funzjoni: Logutenent Kurunell fil-militar Russu, li jmexxi l-Electronic Warfare (EW) center of the Baltic Fleet

Nazzjonalità: Russa

Sess: raġel

Il-Logutenent Kurunell Vitaly Kulikov huwa l-kmandant tal-Electroni Warfare (EW) center tal-Flotta tal-Baltiku magħruf ukoll bħala l-841st Separate Electronic Warfare Center. Vitaly Kulikov jissorvelja l-eżerċizzji tat-truppi tiegħu tal-EW fir-reġjun ta’ Kaliningrad.

Irriżulta li l-problemi tas-sinjali tal-GPS f’bosta pajjiżi Ewropej ġejjin minn attivitajiet ta’ gwerra elettronika minn Kaliningrad, inkluż disturbazzjoni u ‘spoofing’ ta’ sinjali tal-GPS li jaffettwaw l-aktar lill-Istati Baltiċi. Dawn l-attivitajiet fixklu l-avjazzjoni ċivili.

Iċ-Ċentru EW tal-Flotta tal-Baltiku, taħt il-kmand ta’ Kulikov, irċieva tagħmir ta’ disturbazzjoni u wettaq eżerċizzji bl-użu ta’ sistemi avvanzati li kapaċi jfixklu l-komunikazzjoni f’żoni kbar u huwa involut ukoll fl-ippjanar, l-appoġġ u l-eżekuzzjoni ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza fiha kkoordinati li għandhom impatt fuq l-Istati Membri tal-Unjoni.

Għalhekk, Vitaly Kulikov huwa responsabbli għall-ippjanar, id-direzzjoni, l-involviment fi, direttament jew indirettament, l-appoġġ jew il-faċilitazzjoni b’xi mod ieħor tal-użu ta’ manipulazzjoni u interferenza kkoordinati tal-informazzjoni li jaffettwaw direttament lill-Istati Membri tal-Unjoni.

15.7.2025

45.

Yuri Illarionovich LASTOCHKIN

(bir-Russu: Юрий Илларионович ЛАСТОЧКИН

bl-Ukren: Юрій Iлларіонович ЛАСТОЧКIН)

Funzjoni: Uffiċjal tal-Ministeru għad-Difiża tal-Federazzjoni Russa; Mexxej Militari; Maġġur Ġeneral/Logutenent Ġeneral; Kap tal-Forzi tal-Gwerra Elettronika tal-Federazzjoni Russa/kap tar-Radio-Electronic Warfare (REB) force tal-Ministeru għad-Difiża tar-Russja

Data tat-twelid: 18.8.1967

Post tat-twelid: Rzhavka, Mogilev region, Belarusian SSR (now Belarus)

Nazzjonalità: Russa

Sess: raġel

Il-Logutenent Ġeneral Yuri Lastochkin huwa l-kap tal-Forzi tal-Gwerra Elettronika (EW) tal-Federazzjoni Russa. Yuri Lastochkin jissorvelja l-azzjonijiet u l-eżerċizzji tat-truppi tal-EW tar-Russja, inkluż dawk tal-841st Separate EW center fir-reġjun ta’ Kaliningrad.

Dan l-aħħar, irriżulta li l-problemi tas-sinjali tal-GPS f’bosta pajjiżi Ewropej ġejjin minn attivitajiet ta’ gwerra elettronika minn Kaliningrad, inkluż disturbazzjoni u ‘spoofing’ ta’ sinjali tal-GPS li jaffettwaw l-aktar lill-Istati Baltiċi. Dawn l-attivitajiet fixklu l-avjazzjoni ċivili.

L-841st Separate EW center fir-reġjun ta’ Kaliningrad, taħt il-kmand ta’ Kastochkin, irċieva tagħmir ta’ disturbazzjoni u wettaq eżerċizzji bl-użu ta’ sistemi avvanzati li kapaċi jfixklu l-komunikazzjoni f’żoni kbar; huwa involut ukoll fl-ippjanar, l-appoġġ u l-eżekuzzjoni ta’ manipulazzjoni u interferenza kkoordinati tal-informazzjoni li jħallu impatt fuq l-Istati Membri tal-Unjoni.

Għalhekk, Y. I. Lastochkin huwa responsabbli għall-ippjanar, id-direzzjoni, l-involviment fi, direttament jew indirettament, l-appoġġ jew il-faċilitazzjoni b’xi mod ieħor tal-użu ta’ manipulazzjoni u interferenza kkoordinati tal-informazzjoni li jaffettwaw direttament lill-Istati Membri tal-Unjoni.

15.7.2025

46.

Yevgeny Shevchenko

(bir-Russu: Евгений ШЕВЧЕНКО)

Funzjoni: Fundatur ta’ TigerWeb

Nazzjonalità: Russa

Sess: raġel

Numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa: 910202780107

Yevgeny Shevchenko huwa żviluppatur tal-web li għal ħafna snin speċjalizza fil-ħolqien ta’ siti web. Huwa l-fundatur ta’ Tigerweb, il-kumpanija web li tmexxi s-sett ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni ‘Portal Kombat’ li jxerred kontenut favur ir-Russja u jqiegħed fil-mira diversi pajjiżi tal-Punent inkluż Franza fuq diversi hekk imsejħa ‘portali ta’ informazzjoni’. Għalhekk, huwa responsabbli għal, qed jimplimenta u jappoġġa azzjonijiet jew politiki attribwibbli lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jheddu l-istabbiltà u s-sigurtà fl-Unjoni jew f’wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha billi jinvolvi ruħu jew inkella jiffaċilita l-użu ta’ manipulazzjoni u interferenza kkoordinati tal-informazzjoni.

15.7.2025

47

Aleksey Nikolayevich SHAVROV

(bir-Russu: Алексей Николаевич ШАВРОВ)

magħruf ukoll bħala Andrey PETROV

(bir-Russu: Андрей ПЕТРОВ)

Funzjoni: Uffiċjal tal-Intelligence Militari tad-Direttorat Ewlieni tal-Istat Maġġur tal-Forzi Armati tal-Federazzjoni Russa (GRU)

Data tat-twelid: 12.12.1989

Nazzjonalità: Russa

Sess: raġel

Aleksey Shavrov huwa uffiċjal tal-GRU involut f’operazzjonijiet ta’ influwenza Russi diretti biex jiddestabbilizzaw l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. L-attivitajiet malizzjużi ta’ Aleksey Shavrov jinkludu kampanji ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u ta’ diżinformazzjoni fir-Repubblika Ċeka u fi Stati Membri oħra tal-Unjoni. Permezz tal-assoċjat moħbi tiegħu, Natallia Sudliankova, Aleksey Shavrov iwettaq kampanji ta’ influwenza, inkluż billi jorganizza t-tixrid ta’ artikli mfassla apposta f’diversi aġenziji tax-xandir Ewropej. Narrattivi qarrieqa jew kompletament foloz għandhom l-għan li jappoġġaw l-interessi tal-politika barranija tal-Federazzjoni Russa u jxerrdu l-influwenza tagħha. Barra minn hekk, il-kontenut huwa mfassal biex ikompli jimmina l-fiduċja pubblika fil-valuri u l-proċessi tal-Unjoni, id-demokrazija u l-koeżjoni tal-Unjoni. L-artikli fihom ukoll narrattivi manipulattivi speċifiċi kontra n-NATO, kontra l-Ukrajna u kontra l-NGOs. Aleksey Shavrov ta struzzjonijiet lil Natalia Sudliankova biex ixxerred u tiddissemina dawk il-messaġġi diviżivi permezz tal-media biex tamplifika l-kontenut polarizzanti tagħhom. Aleksey Shavrov ipprovda benefiċċji finanzjarji għat-twettiq tal-kompiti u għall-pubblikazzjoni ta’ dawk il-kampanji tal-media favur ir-Russja mfassla apposta.

Għalhekk, Aleksey Shavrov qed jimplimenta azzjonijiet jew politiki attribwibbli lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Unjoni jew f’pajjiżi terzi billi jippjana u jidderieġi l-użu ta’ manipulazzjoni u interferenza kkoordinati tal-informazzjoni.

15.7.2025”;

(2)

l-entrati li ġejjin jiżdiedu taħt l-intestatura “B. Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi”:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet

Data tal-elenkar

“10.

L-Intrapriża tal-Istat Federali ‘Russian Television and Radio Broadcasting Network’ (RTRS);

Федеральное государственное унитарное предприятие ‘Российская телевизионная и радиовещательная сеть’

Indirizz: 13, Korolyov street, Moscow, Russia

Sit web: https://moscow.rtrs.ru/

Post tar-reġistrazzjoni: 13, Korolyov street, Moscow, Russia

Data tar-reġistrazzjoni: 30.11.2001

Numru tar-reġistrazzjoni: ИНН: 7717127211; ОГРН: 1027739456084

L-Intrapriża tal-Istat Federali ‘Russian Television and Radio Broadcasting Network’ (RTRS) topera l-infrastruttura tax-xandir terrestri tar-Russja. Hija direttament subordinata għall-Ministeru għall-Iżvilupp Diġitali, il-Komunikazzjoni u l-Media tal-Massa tal-Federazzjoni Russa u topera taħt l-awtorità ta’ direttur ġenerali maħtur mill-President Russu. L-RTRS tipprovdi infrastruttura u kapaċitajiet tekniċi għat-trażmissjoni tal-hekk imsejħa ‘Stazzjonijiet tat-televiżjoni u r-radju obbligatorji għar-Russja kollha disponibbli għall-pubbliku’ bħal Pervyi Kanal jew Rossiya 24. L-RTRS għandha rwol ewlieni fis-sostituzzjoni effettiva tas-sistemi tax-xandir Ukreni antiki fir-reġjuni okkupati b’network li jittrażmetti kontenut approvat mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa maħsub biex irażżan id-dissens, jallinja l-popolazzjoni lokali mal-politiki Russi u jiddelega l-governanza tal-Ukrajna fit-territorji okkupati. Dan jimmina direttament il-kapaċità tal-popolazzjonijiet lokali li jaċċessaw informazzjoni diversa u indipendenti. L-espansjoni tal-operazzjonijiet tal-RTRS fir-reġjuni okkupati hija ffaċilitata mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jagħti lill-RTRS id-dritt li tistabbilixxi infrastruttura ta’ trażmissjoni hemmhekk.

Għalhekk, l-RTRS qed timplimenta u tibbenefika minn politiki attribwibbli lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija u l-istabbiltà fl-Ukrajna, u li jdgħajfu s-sovranità jew l-indipendenza tal-Ukrajna, bl-involviment fi jew inkella bil-faċilitazzjoni ta’ manipulazzjoni u interferenza kkoordinati tal-informazzjoni.

15.7.2025

11.

841st Separate Electronic Warfare Center of the Baltic Fleet

841-й центр радиоэлектронной борьбы

Indirizz: 238580, Kaliningrad oblast, Yantarny settlement, Balebin street, 09643

238580, Калининградская обл., пгт.Янтарный, ул.Балебина, в/ч 09643

Tip ta’ entità: Unità militari

Post tar-reġistrazzjoni: Kalininingrad region, Russian Federation

Numru tat-telefown: 8(40153)37- 244

Unità militari 09643

L-841st Separate Electronic Warfare Center huwa fil-qalba ta’ wieħed mill-aktar gruppi tal-gwerra elettroniċi b’saħħithom fir-Russja. Iċ-Ċentru huwa responsabbli għall-użu tat-teknoloġija għad-diżorganizzazzjoni ta’ kwalunkwe sistema ta’ komunikazzjoni shortwave, it-twettiq ta’ eżerċizzji tal-gwerra elettronika (EW) biex jiġu sfrattati n-navigazzjoni u l-komunikazzjoni bir-radju tal-għedewwa kif ukoll għall-ġbir u l-analiżi ta’ informazzjoni ta’ intelligence miksuba bl-osservazzjoni tar-radjazzjoni elettromanjetika fil-faxxi ‘ultrashort wave’ u ‘short wave’.

Diversi pajjiżi Ewropej esperjenzaw ħsarat fis-sinjali tal-GPS, li ġew attribwiti għal attivitajiet ta’ gwerra elettronika mir-Russja, speċifikament minn Kaliningrad. Dan jinkludi d-disturbazzjoni intenzjonata u l-‘ispoofing’ tas-sinjali tal-GPS, li jaffettwaw primarjament lill-Istati Baltiċi. L-interferenza u l-manipulazzjoni tas-sinjali tal-GPS wasslu għal ostakli għall-inżul ta’ ajruplani ċivili.

L-841st Separate EW Center f’Kaliningrad irċieva tagħmir ta’ disturbazzjoni u wettaq eżerċizzji bl-użu ta’ sistemi avvanzati li kapaċi jfixklu l-komunikazzjoni f’żoni kbar.

Għalhekk, l-841st Separate EW Center, bħala parti mill-forzi militari tar-Russja li jiffaċilitaw l-użu ħażin tas-settur tal-frekwenzi tar-radju, huwa responsabbli għall-involviment, direttament jew indirettament, fl-appoġġ jew il-faċilitazzjoni b’xi mod ieħor tal-użu ta’ manipulazzjoni u interferenza kkoordinati tal-informazzjoni li jaffettwaw direttament lill-Istati Membri tal-Unjoni.

15.7.2025

12.

BRICS Journalist Association

Sit web: bricspress.live

Il-BRICS Journalist Association (BJA) hija NGO Russa marbuta mal-Foundation to Battle Injustice (R-FBI), maħluqa minn Yevgeny Prigozhin, u mmexxija minn Oksana Vovk (Mira Terada). Il-BJA ntużat bħala mezz biex ixxerred narrattivi favur ir-Russja u diżinformazzjoni bl-iskuża ta’ ġurnaliżmu indipendenti, inkluż kontenut falz li joriġina mill-Information Manipulation Set (IMS) ta’ Storm-1516.

Għalhekk, il-BJA hija responsabbli għal, qed timplimenta u tappoġġa azzjonijiet u politiki attribwibbli lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, filwaqt li tibbenefika minnhom, li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Unjoni, jew f’wieħed jew f’diversi mill-Istati Membri tagħha jew f’pajjiż terz billi tinvolvi ruħha jew inkella tiffaċilita l-użu ta’ manipulazzjoni u interferenza kkoordinati tal-informazzjoni.

15.7.2025

13.

Center for Geopolitical Expertise

Центр геополитических экспертиз, CGE

Sit web: cge.evrazia.ru, cge.su

Post tar-reġistrazzjoni: Ul. Dinamovskaya D.1a, Office 409, Moscow, RUS, 109044

Data tar-reġistrazzjoni: 17.12.2002

Numru tar-reġistrazzjoni: 1027739806940

Is-Center for Geopolitical Expertise (CGE) huwa grupp ta’ riflessjoni bbażat f’Moska mwaqqaf minn Aleksandr Dugin, u mmexxi minn Valery Korovin, akkużat li organizza kampanji ta’ diżinformazzjoni mmirati lejn l-interessi Ukreni, li jiddiskreditaw personalitajiet politiċi tal-Punent, u jinfluwenzaw il-proċessi elettorali fil-pajjiżi tal-Punent. CGE u d-direttur tiegħu, Valery Mikhaylovich Korovin, huma allegatament involuti fil-ħolqien u t-tixrid ta’ informazzjoni falza bl-użu ta’ għodod tal-intelliġenza artifiċjali għall-produzzjoni ta’ filmati deepfake, u fl-appoġġ ta’ network ta’ mijiet ta’ siti web tal-aħbarijiet foloz. Is-CGE allegatamemt ħadem mill-qrib mal-aġenzija tal-intelligence militari (GRU) tar-Russja, filwaqt li rċieva appoġġ finanzjarju biex iwettaq dawn l-operazzjonijiet.

Għalhekk, is-CGE huwa responsabbli għal, qed jimplimenta u jappoġġa azzjonijiet u politiki attribwibbli lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, filwaqt li jibbenefika minnhom, li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà u s-sigurtà fl-Unjoni jew f’pajjiżi terzi, billi jippjana, jidderieġi, jinvolvi ruħu direttament jew indirettament fi, jappoġġa u jiffaċilita l-użu ta’ manipulazzjoni u interferenza kkoordinati tal-informazzjoni.

15.7.2025

14.

Foundation to Battle Injustice

Data tal-ħolqien: 23.3.2021

Sit web: fondfbr.ru

Il-Foundation to Battle Injustice (R-FBI) hija NGO falza għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem maħluqa f’Marzu 2021 mill-fundatur tal-grupp Wagner Yevgeny Prigozhin. L-R-FBI kienet involuta f’diversi operazzjonijiet ta’ informazzjoni li qiegħdu lil Franza u l-Ukrajna fil-mira, inkluż kampanja li takkuża lis-suldati Franċiżi li ħatfu tfal min-Niġer eżatt wara l-kolp ta’ stat militari fl-2023. Sa mill-mewt ta’ Yevgeny Prigozhin f’Awwissu 2023, l-R-FBI kienet involuta fl-amplifikazzjoni ta’ bosta operazzjonijiet ta’ informazzjoni ta’ Storm-1516.

Għalhekk, l-R-FBI hija responsabbli għal jew tappoġġa azzjonijiet u politiki attribwibbli lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà u s-sigurtà fl-Unjoni jew f’wieħed jew f’diversi mill-Istati Membri tagħha, jew f’pajjiżi terzi, billi tippjana, tidderieġi, tinvolvi ruħha direttament jew indirettament fi, tappoġġa jew inkella tiffaċilita b’xi mod ieħor l-użu ta’ manipulazzjoni u interferenza kkoordinati tal-informazzjoni.

15.7.2025

15.

Tigerweb

Sit web: Tigerweb.ru

Post tar-reġistrazzjoni: 295000, Krim Republic, Simferopol City, Oktyabirskaya Street, 3, Office 408

Data tar-reġistrazzjoni: 2019

Numru tar-reġistrazzjoni: 1199112018973

Tigerweb hija l-kumpanija web ibbażati fil-Krimea Russa li topera l-proġett ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni ‘Portal Kombat’ li jxerred kontenut favur ir-Russja u jqiegħed fil-mira diversi pajjiżi tal-Punent, inkluż Franza, permezz ta’ diversi hekk imsejħa ‘portali ta’ informazzjoni’.

Għalhekk, Tigerweb huwa involut fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet u politiki attribwibbli lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Unjoni jew f’wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha jew f’pajjiż terz billi jippjana, jidderieġi, jinvolvi ruħu, direttament jew indirettament fi, jappoġġa jew inkella jiffaċilita b’xi mod ieħor l-użu ta’ manipulazzjoni u interferenza kkoordinati tal-informazzjoni.

15.7.2025”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1443/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)