European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1318

1.7.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1318

tas-27 ta’ Ġunju 2025

dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza interim relatati mal-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda fl-Italja

(notifikata bid-dokument C(2025) 4422)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda hija marda infettiva li tinġarr minn vettur u li taffettwa lill-annimali bovini. L-okkorrenza tagħha tista’ tħalli impatt sever fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tal-biedja, u tikkawża tfixkil fil-movimenti tal-kunsinni ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fl-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

(2)

Fil-każ ta’ tifqigħa tal-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda fl-annimali bovini, hemm riskju serju li dik il-marda tinxtered fi stabbilimenti oħra tal-annimali bovini, b’mod partikolari minħabba l-mod ta’ trażmissjoni tagħha permezz tal-vetturi.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/429, u definit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona ristretta f’każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluż l-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda, u ċerti miżuri li għandhom jiġu applikati fiha. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li ż-żona ristretta trid tkun tinkludi mill-inqas żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza, u, jekk ikun meħtieġ, żoni ristretti ulterjuri madwar iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jew maġenbhom.

(4)

L-Italja infurmat lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni attwali fit-territorju tagħha fir-rigward tal-infezzjoni tal-annimali bovini bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda, wara tifqigħa ta’ dik il-marda fl-annimali bovini miżmuma fil-provinċja ta’ Nuoro fir-reġjun ta’ Sardenja, li ġiet irrapportata fit-23 ta’ Ġunju 2025. Wara dak ir-rapport, l-Italja allegatament stabbiliet żona ristretta fis-sens tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687; din tinkludi żona ta’ protezzjoni u żona ta’ sorveljanza, fejn anke fihom jiġu applikati l-miżuri ta’ kontroll tal-mard previsti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

(5)

Sabiex jiġi kkontrollat it-tixrid tal-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda, kif ukoll biex jiġi evitat kwalunkwe disturb bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u sabiex jiġu evitati ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li fil-livell tal-Unjoni tiġi identifikata malajr iż-żona ristretta għall-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda, li tinkludi ż-żona ta’ protezzjoni, iż-żona ta’ sorveljanza u ż-żona ristretta ulterjuri fl-Italja.

(6)

Id-daqs taż-żona ta’ protezzjoni, taż-żona ta’ sorveljanza u taż-żona ristretta ulterjuri, u d-durata tal-miżuri li għandhom jiġu applikati fihom, huma bbażati fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2016/429, kif ukoll fuq ir-regoli stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687. Il-kriterji applikati għall-għażla tad-daqs taż-żona ta’ protezzjoni, taż-żona ta’ sorveljanza u taż-żona ristretta ulterjuri, kif ukoll għad-durata tal-miżuri li għandhom jiġu applikati fihom, ma jqisux biss is-sitwazzjoni epidemjoloġika fir-rigward tal-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda fiż-żoni affettwati minn dik il-marda, iżda anke fatturi epidemjoloġiċi oħra, fosthom il-parametri ġeografiċi u r-riskju li l-marda tkompli tinxtered. Anke meta ntgħażlet id-durata tal-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni tqiesu l-istandards internazzjonali tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (4).

(7)

Għalhekk, iż-żoni identifikati bħala żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza u żona ristretta ulterjuri fl-Italja jenħtieġ li jiġu stipulati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni kif xieraq, u jenħtieġ li fid-dritt tal-Unjoni tiġi stabbilita d-durata ta’ dik ir-reġjonalizzazzjoni. Barra minn hekk, meta jitqies il-fatt li l-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda tista’ tinxtered permezz tal-annimali bovini infettati b’mod subkliniku, jeħtieġ jiġu pprojbiti l-movimenti tal-annimali bovini minn kwalunkwe post fiż-żona ta’ protezzjoni, fiż-żona ta’ sorveljanza jew fiż-żona ristretta ulterjuri lejn destinazzjoni li tinsab barra mill-perimetru estern taż-żona ristretta ulterjuri.

(8)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tat-tixrid tal-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda u l-ħtieġa li jiġi evitat it-tixrid tal-marda mill-istabbiliment affettwat fl-Italja lejn partijiet oħra ta’ dak l-Istat Membru jew lejn Stati Membri oħra, jenħtieġ li l-miżuri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni jibdew japplikaw malajr kemm jista’ jkun.

(9)

Għaldaqstant, sakemm il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf jagħti l-opinjoni tiegħu, iż-żona ta’ protezzjoni, iż-żona ta’ sorveljanza u ż-żona ristretta ulterjuri fl-Italja jenħtieġ li jiġu stabbiliti minnufih u jiġu elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, u li tiġi stabbilita d-durata ta’ dak iż-żonar.

(10)

Filwaqt li titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali fl-Unjoni fir-rigward tal-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika sal-10 ta’ Awwissu 2025.

(11)

Din id-Deċiżjoni trid tiġi rieżaminata fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Italja għandha tiżgura li:

(a)

l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru jistabbilixxu minnufih żona ristretta li tinkludi żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza u żona ristretta ulterjuri, f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu;

(b)

iż-żona ta’ protezzjoni, iż-żona ta’ sorveljanza u ż-żona ristretta ulterjuri msemmija fil-punt (a) jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni;

(c)

il-miżuri li jeħtieġ jiġu applikati fiż-żona ta’ protezzjoni, fiż-żona ta’ sorveljanza u fiż-żona ristretta ulterjuri jibqgħu jiġu applikati mill-inqas sad-dati elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-Italja għandha tiżgura li l-movimenti tal-annimali bovini miż-żona ta’ protezzjoni, miż-żona ta’ sorveljanza jew miż-żona ristretta ulterjuri stabbiliti fl-Anness lejn destinazzjoni li tinsab barra mill-perimetru estern taż-żona ristretta ulterjuri jkunu pprojbiti sad-dati elenkati f’dak l-Anness.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-10 ta’ Awwissu 2025.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Ġunju 2025.

Għall-Kummissjoni

Olivér VÁRHELYI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/687/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1882/oj).

(4)   https://www.woah.org/en/what-we-do/standards/codes-and-manuals/terrestrial-code-online-access/


ANNESS

Parti A:   Żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti madwar it-tifqigħa kkonfermata

Żona amministrattiva u numru ta’ referenza tal-ADIS tat-tifqigħa

Żoni stabbiliti bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, parti miż-żona ristretta fl-Italja, kif imsemmi fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

Reġjun ta’ Sardenja

IT-LSD-2025-00001

Żona ta’ protezzjoni:

Those parts of the region of Sardinia, contained within a circle of a radius of 20 kilometres, centred on UTM 30, ETRS89 coordinates Lat. 40.30429, Long. 9.22154 (IT-LSD-2025-00001).

24.7.2025

Żona ta’ sorveljanza:

Those parts of the region of Sardinia, contained within a circle of a radius of 50 kilometres, centred on UTM 30, ETRS89 coordinates Lat. 40.30429, Long. 9.22154 (IT-LSD-2025-00001) excluding the areas included in the protection zone.

10.8.2025

Żona ta’ sorveljanza:

Those parts of the region of Sardinia, contained within a circle of a radius of 20 kilometres, centred on UTM 30, ETRS89 coordinates Lat. 40.30429, Long. 9.22154 (IT-LSD-2025-00001).

25.7.2025 – 10.8.2025

Parti B:   Żona ristretta ulterjuri

Żona amministrattiva

Żoni stabbiliti bħala żona ristretta ulterjuri, parti miż-żona ristretta fl-Italja, kif imsemmi fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

Reġjun ta’ Sardenja

It-territorju kollu tar-reġjun ta’ Sardenja minbarra ż-żoni inklużi fi kwalunkwe żona ta’ protezzjoni jew ta’ sorveljanza.

10.8.2025


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1318/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)