European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1217

19.6.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1217

tat-22 ta’ Mejju 2025

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Trasparenza f’Arbitraġġ ibbażat fuq Trattat bejn l-Investituri u l-Istat

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari tal-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-investiment barrani dirett huwa inkluż fil-lista tal-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni. Skont l-Artikolu 3(1), il-punt (e), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fir-rigward tal-politika kummerċjali komuni.

(2)

Fl-Opinjoni 2/15 tas-16 ta’ Mejju 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) iċċarat id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore (2), fejn iddikjarat li t-tneħħija tat-tilwim mill-ġuriżdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri ma tistax tkun ta’ natura purament anċillari u, għalhekk, ma tistax tiġi stabbilita mingħajr l-approvazzjoni tal-Istati Membri. Il-QĠUE ċċarat il-proċedura għall-konklużjoni ta’ ftehimiet imħallta fl-Opinjoni 1/19 tas-6 ta’ Ottubru 2021 dwar il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika (Konvenzjoni ta’ Istanbul).

(3)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/2118 (3), il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Trasparenza f’Arbitraġġ ibbażat fuq Trattat bejn l-Investituri u l-Istat (“il-Konvenzjoni”) ġiet iffirmata f’isem l-Unjoni fis-7 ta’ Lulju 2024, soġġetta għall-konklużjonijiet tagħha f’data aktar tard.

(4)

Huwa mixtieq li kemm jista’ jkun jiġu applikati r-Regoli tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Internazzjonali tal-Kummerċ (UNICITRAL) dwar it-Trasparenza f’Arbitraġġ ibbażat fuq Trattat bejn l-Investituri u l-Istat (“ir-Regoli”) għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istat. Fir-rigward tal-Unjoni, ir-Regoli jenħtieġ li japplikaw għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (4).

(5)

Qed tittieħed nota li t-tieni n-nota ta’ qiegħ il-paġna tal-Artikolu 1 tar-Regoli tfisser li l-Unjoni, meta taġixxi ta’ intimat, għandha tapplika l-Artikolu 7, il-paragrafu 5, tar-Regoli, sabiex tipprevjeni l-iżvelar ta’ informazzjoni li l-Unjoni tqis li tmur kontra l-interessi essenzjali ta’ sigurtà ta’ Stat Membru.

(6)

Jenħtieġ li l-Unjoni ma tapplikax ir-Regoli meta taġixxi ta’ intimat fil-każ ta’ tilwima mibdija f’konformità mat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija kontra Stat Membru li mhux parti għall-konvenzjoni, sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor mal-Istat Membru kkonċernat.

(7)

Il-Konvenzjoni tenħtieġ li tiġi approvata f’isem l-Unjoni.

(8)

F’konformità mat-Trattati, il-Kummissjoni jenħtieġ li tati l-approvazzjoni tagħha li l-Unjoni tkun marbuta mill-Konvenzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Konvenzjoni dwar it-Trasparenza f’Arbitraġġ ibbażat fuq Trattat bejn l-Investituri u l-Istat (“il-Konvenzjoni”), kif innegozjata mill-Kummissjoni taħt l-awspiċji tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Internazzjonali tal-Kummerċ (UNCITRAL), hija b’dan approvata f’isem l-Unjoni Ewropea (5).

Artikolu 2

Il-Kummissjoni għandha tinnomina lill-persuna jew persuni bis-setgħa li jiddepożitaw l-istrument ta’ approvazzjoni f’isem l-Unjoni kif previst fl-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni.

Artikolu 3

Meta tiddepożita l-istrument ta’ approvazzjoni f’isem l-Unjoni, il-persuna jew persuni mogħtija s-setgħa f’konformità mal-Artikolu 2 għandhom jagħmlu riżerva f’konformità mal-Artikolu 3(1)(a) tal-Konvenzjoni li skontha l-Unjoni ma għandhiex tapplika r-Regoli tal-UNCITRAL dwar it-Trasparenza f’Arbitraġġ ibbażat fuq Trattat bejn l-Investituri u l-Istat (“ir-Regoli”) meta taġixxi bħala intimat fil-każ ta’ tilwima mibdija skont it-Trattat tal-Karta tal-Enerġija kontra Stat Membru li mhuwiex parti għall-Konvenzjoni sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor mal-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 4

Ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni għall-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-operat tar-Regoli f’tilwim fejn l-Unjoni tkun qed taġixxi bħala intimat. Abbażi ta’ dak ir-rapport, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni Ewropea, għandu jevalwa mill-ġdid ir-riżerva msemmija fl-Artikolu 3 u tadotta deċiżjoni dwar l-emendar jew l-irtirar ta’ dik ir-riżerva. Jekk ma jkun jista’ jintlaħaq l-ebda qbil fil-Kunsill, ir-riżerva msemmija fl-Artikolu 3 għandha tibqa’ valida, soġġetta għal rieżami perjodiku kull ħames snin. Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni dwar l-irtirar ta’ dik ir-riżerva jekk l-Istati Membri kollha jikkonkludu l-Konvenzjoni jew meta l-Artikolu 47(3) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija jieqaf milli jkollu effett għall-Unjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BARANOWSKI


(1)  Approvazzjoni tat-18 ta’ Diċembru 2024 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)   ĠU L 294, 14.11.2019, p. 3.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/2118 tal-25 ta’ Ġunju 2024 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Trasparenza fl-Arbitraġġ bejn l-Investituri u l-Istat ibbażat fuq Trattat (ĠU L, 2024/2118, 31.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2118/oj).

(4)   ĠU L 380, 31.12.1994, p. 24.

(5)  It-test tal-Konvenzjoni huwa ppubblikat fil-ĠU L, 2025/1117, 5.6.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree/2025/1117/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1217/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)