|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1106 |
28.5.2025 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2025/1106
tas-27 ta’ Mejju 2025
li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) permezz tat-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 122 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u r-riperkussjonijiet tagħha għas-sigurtà Ewropea u dik dinjija jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni Ewropea. |
|
(2) |
B’rispons għal dik l-isfida, fil-konklużjonijiet tiegħu tas-6 ta’ Marzu 2025, il-Kunsill Ewropew, filwaqt li fakkar fid-Dikjarazzjoni ta’ Versailles tal-11 ta’ Marzu 2022 u l-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża approvata fil-21 ta’ Marzu 2022, enfasizza li l-Ewropa trid issir aktar sovrana, aktar responsabbli għad-difiża tagħha stess u mgħammra aħjar biex taġixxi u tindirizza b’mod awtonomu l-isfidi u t-theddid immedjati u futuri. F’dak il-Kunsill Ewropew, l-Istati Membri kollha impenjaw ruħhom li jsaħħu l-prontezza ġenerali tagħhom fil-qasam tad-difiża, inaqqsu d-dipendenzi strateġiċi, jindirizzaw il-lakuni fil-kapaċitajiet kritiċi u jsaħħu l-bażi teknoloġika u industrijali tad-difiża Ewropea (EDTIB) kif xieraq madwar l-Unjoni sabiex l-Unjoni tkun f’pożizzjoni li tipprovdi aħjar it-tagħmir fil-kwantitajiet meħtieġa u bir-ritmu aċċellerat meħtieġ. |
|
(3) |
Fit-18 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ppreżentaw Komunikazzjoni Konġunta dwar l-Analiżi tad-Diskrepanzi fl-Investimenti fid-Difiża u l-Approċċ Futur, li tenfasizza li fl-Unjoni jeżistu diskrepanzi finanzjarji, industrijali u ta’ kapaċità fil-qasam tad-difiża. |
|
(4) |
Fl-20 ta’ Lulju 2023, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) 2023/1525 (1), li jappoġġa l-produzzjoni tal-munizzjon (ASAP), bl-għan li jappoġġa b’mod urġenti l-irrankar tal-kapaċitajiet tal-manifattura tal-industrija Ewropea tad-difiża, jiżgura l-ktajjen tal-provvista, jiffaċilita proċeduri ta’ akkwist effiċjenti, jindirizza n-nuqqasijiet fil-kapaċitajiet tal-produzzjoni u jippromwovi l-investimenti. |
|
(5) |
Fit-18 ta’ Ottubru 2023, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) 2023/2418 (2), li jistabbilixxi strument għat-tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Akkwist Komuni (EDIRPA), bl-għan li tiżdied il-kollaborazzjoni fost l-Istati Membri fil-fażi tal-akkwist tad-difiża biex jimtlew id-diskrepanzi l-aktar urġenti u kritiċi fil-ħażniet tal-Istati Membri, b’mod partikolari dawk li nħolqu mir-rispons għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, b’mod kollaborattiv. |
|
(6) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-14 u tal-15 ta’ Diċembru 2023, il-Kunsill Ewropew, wara li kkunsidra l-ħidma mwettqa biex jiġu implimentati d-Dikjarazzjoni ta’ Versailles u l-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża, enfasizza li jeħtieġ li jsir aktar biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni li żżid il-prontezza fil-qasam tad-difiża. Sabiex tinkiseb tali prontezza u tiġi difiża l-Unjoni, tqies li huwa prerekwiżit li jkun hemm industrija tad-difiża b’saħħitha u dan jirrikjedi li l-industrija Ewropea tad-difiża ssir aktar reżiljenti, innovattiva u kompetittiva. |
|
(7) |
Fil-5 ta’ Marzu 2024, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm għall-Industrija Ewropea tad-Difiża u qafas ta’ miżuri biex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom ta’ prodotti tad-difiża (“EDIP”) sabiex jinbena fuq l-esperjenza miksuba fil-kuntest tar-Regolamenti (UE) 2023/2418 u (UE) 2023/1525 u tiġi estiża l-loġika tagħhom f’perspettiva aktar fit-tul u strutturata. |
|
(8) |
Madankollu, mill-bidu tal-2025, kien hemm deterjorament qawwi fil-kuntest tas-sigurtà fl-Unjoni, marbut mhux biss mat-theddida persistenti tar-Russja u l-bidla intensifikata tagħha lejn ekonomija ta’ żmien il-gwerra u mal-evoluzzjoni tal-gwerra fl-Ukrajna, iżda wkoll ma’ inċertezzi li jirriżultaw mill-miġja ta’ sitwazzjoni ġeopolitika li fiha l-Unjoni trid iżżid l-isforzi tagħha b’mod sinifikanti biex tiżgura d-difiża tagħha b’mod awtonomu. Dak id-deterjorament reċenti żied il-livell ta’ theddida għall-Unjoni u jirrikjedi li l-Istati Membri jniedu, bħala kwistjoni ta’ emerġenza, infiq pubbliku massiv biex jespandu l-EDTIB. B’konsegwenza ta’ dan, hemm aktar ħtieġa li, fi spirtu ta’ solidarjetà, jiġi aċċellerat l-għoti tal-appoġġ tal-Unjoni għal dawk l-Istati Membri li x’aktarx ikunu mhedda minn diffikultajiet serji minħabba l-investimenti pubbliċi kbar meħtieġa, li jista’ jkollhom impatt fuq is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom. Meta jitqiesu t-theddid għall-fruntieri tal-art, tal-ajru u tal-baħar tal-Unjoni u, bħala konsegwenza ta’ dan, il-ħtieġa li jsiru investimenti pubbliċi massivi, din is-solidarjetà hija speċjalment essenzjali għal dawk l-Istati Membri li huma l-aktar esposti għal theddid militari. F’dan ir-rigward, it-theddid li jippreżentaw ir-Russja u l-Belarussja huwa ta’ urġenza u rilevanza partikolari. Minħabba ż-żmien meħtieġ biex jiġu żviluppati l-prodotti u jiġi żgurat l-irrankar tal-kapaċità tal-produzzjoni industrijali korrispondenti fl-Unjoni kollha, huwa vitali li l-Unjoni tibda tappoġġa dawk l-Istati Membri malajr kemm jista’ jkun sabiex ikunu jistgħu jagħmlu ordnijiet malajr ħafna, iżidu l-prevedibbiltà għas-settur industrijali tad-difiża u jinċentivawh jinvesti, fuq terminu qasir ħafna, fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni. |
|
(9) |
Il-kobor u l-ħeffa li bihom l-Istati Membri huma meħtieġa jiżdiedu l-investimenti tagħhom fil-kapaċitajiet tal-manifattura industrijali tad-difiża x’aktarx ikollhom impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri, fi żmien fejn il-baġits ta’ diversi Stati Membri għadhom taħt tensjoni. |
|
(10) |
Din is-sitwazzjoni eċċezzjonali, li ma kinitx ikkawżata mill-Istati Membri u li hija lil hinn mill-kontroll tagħhom, tiġġustifika li l-Unjoni tieħu miżuri urġenti biex tistabbilixxi strument temporanju bl-għan li jipprovdi assistenza finanzjarja fil-forma tal-Istrument ta’ Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (l-“istrument SAFE”) lil dawk l-Istati Membri li jixtiequ jinvestu fil-produzzjoni industrijali tad-difiża. |
|
(11) |
Jenħtieġ li l-istrument SAFE jippermetti investimenti pubbliċi urġenti u kbar fl-industrija Ewropea tad-difiża, bl-għan li tiżdied malajr il-kapaċità tal-produzzjoni tagħha, titjieb id-disponibbiltà f’waqtha tal-prodotti tad-difiża, u jitħaffef l-aġġustament tagħha għall-bidliet strutturali. Peress li dan ir-Regolament huwa rispons eċċezzjonali u temporanju għal sfida urġenti u eżistenzjali, jenħtieġ li l-assistenza finanzjarja pprovduta skontu tkun disponibbli biss għall-fini li jiġu indirizzati l-konsegwenzi ekonomiċi negattivi tas-sitwazzjoni tas-sigurtà li qed tiddeterjora u l-ħtiġijiet immedjati tal-akkwist tal-Istati Membri li jikkontribwixxu għal prontezza industrijali akbar fil-qasam tad-difiża tal-EDTIB. Jenħtieġ li l-istrument SAFE jkun parti minn sforz ġenerali, fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali, biex jiġu ddedikati aktar riżorsi għall-investimenti industrijali fil-qasam tad-difiża biex jirreaġixxu għas-sitwazzjoni ta’ kriżi li tirriżulta mit-theddid għas-sigurtà attwali. Jenħtieġ li jiġu segwiti miżuri addizzjonali b’mod parallel, fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali biex jappoġġaw dak l-isforz, inkluż l-attivazzjoni tal-flessibbiltà eżistenti fil-qafas tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. |
|
(12) |
Jenħtieġ li l-assistenza finanzjarja skont l-istrument SAFE tiġi implimentata mill-Istati Membri b’mod li jkun konsistenti mal-prijoritajiet tal-kapaċità tad-difiża maqbula b’mod komuni mill-Istati Membri fil-qafas tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK), il-kooperazzjoni tal-Istati Membri fil-qafas tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 (3), l-inizjattivi u l-proġetti tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), u l-assistenza ċivili u militari tal-Unjoni lill-Ukrajna. Meta jimplimentaw dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu kif xieraq l-attivitajiet rilevanti mwettqa mill-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO), b’mod partikolari l-objettivi tal-kapaċità tan-NATO, u minn sħab oħra fejn tali attivitajiet jaqdu l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni. |
|
(13) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw l-assistenza finanzjarja skont l-istrument SAFE f’sinerġija ma’ programmi oħra eżistenti u futuri tal-Unjoni, b’mod partikolari biex jikkofinanzjaw azzjonijiet speċifiċi. B’mod parallel, il-programmi tal-Unjoni li jappoġġaw il-kooperazzjoni fil-qasam tal-akkwist fil-qasam tad-difiża jew li b’mod aktar ġenerali jappoġġaw il-kompetittività tal-EDTIB jistgħu jipprevedu speċifikament appoġġ addizzjonali tal-Unjoni. Tali appoġġ addizzjonali jista’ japplika għall-akkwist komuni li jibbenefika mill-assistenza finanzjarja skont l-istrument SAFE jew lill-operaturi ekonomiċi involuti f’tali akkwist sabiex jistimulaw l-irrankar industrijali korrispondenti u jkomplu jsaħħu l-effetti tal-istrument SAFE fuq l-EDTIB. |
|
(14) |
Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tqis, l-informazzjoni pprovduta skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari għar-rapportar dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza finanzjarja, fil-qafas tal-programmi rilevanti u b’mod partikolari dawk li jappoġġaw il-kooperazzjoni fil-qasam tal-akkwist komuni. Din ser tgħin biex tissimplifika l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni għall-appoġġ finanzjarju. |
|
(15) |
In-nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri wassal għal ineffiċjenzi u multiplikazzjoni ta’ sistemi ta’ difiża tal-istess tip fl-Unjoni, li jimminaw l-objettiv tal-protezzjoni tat-territorju tal-Unjoni li għandhom l-investimenti nazzjonali korrispondenti filwaqt li jwasslu wkoll għal frammentazzjoni u operazzjonijiet fuq skala żgħira ta’ partijiet sinifikanti tal-EDTIB. Biex jindirizzaw dik is-sitwazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri benefiċjarji jużaw l-assistenza finanzjarja pprovduta skont dan ir-Regolament biex iwettqu akkwisti komuni. Jenħtieġ li l-attivitajiet, l-infiq u l-miżuri eliġibbli ffinanzjati permezz tal-akkwist komuni fil-qasam tad-difiża jkunu relatati mal-ewwel lista ta’ oqsma ta’ prijorità li ġejjin identifikati mill-Kunsill Ewropew, filwaqt li jittieħed kont tat-tagħlimiet meħuda mill-gwerra fl-Ukrajna, f’konformità mal-ħidma li diġà saret fil-qafas tal-EDA u f’koerenza sħiħa man-NATO: munizzjon u missili; sistemi tal-artillerija, inkluż il-mezzi ta’ attakk fil-profond bi preċiżjoni; kapaċitajiet ta’ kumbattiment fuq l-art u s-sistemi ta’ appoġġ tagħhom, inkluż it-tagħmir tas-suldati u l-armi tal-infanterija; protezzjoni ta’ infrastrutturi kritiċi; ċibernetika; mobbiltà militari inkluż il-kontromobbiltà; sistemi ta’ difiża kontra attakki mill-ajru u l-missili; kapaċitajiet marittimi tal-wiċċ jew ta’ taħt l-ilma; droni u sistemi kontra d-droni; faċilitaturi strateġiċi bħal, iżda mhux limitati għal, trasport bl-ajru strateġiku, riforniment ta’ fjuwil fl-ajru, sistemi C4ISTAR kif ukoll assi u servizzi spazjali; protezzjoni tal-assi spazjali; intelliġenza artifiċjali u gwerra elettronika. Jenħtieġ li dawk l-akkwisti komuni jkollhom l-għan li jħaffu l-aġġustament għall-bidliet strutturali tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-prodotti tad-difiża, jiżguraw l-interoperabbiltà u l-interkambjabbiltà madwar l-Unjoni, jinċentivaw il-kooperazzjoni fil-fażi tal-akkwist, jappoġġaw iż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni, kif ukoll l-iżvilupp u l-akkwist tal-infrastruttura, it-tagħmir u s-servizzi loġistiċi relatati. |
|
(16) |
Sabiex tissaħħaħ b’mod urġenti l-bażi industrijali tal-Unjoni b’mod effiċjenti u awtonomu, fid-dawl tal-evoluzzjoni reċenti tas-sitwazzjoni ġeopolitika u t-theddida eċċezzjonali għas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, u b’hekk jiżdiedu l-effiċjenza u l-valur miżjud tal-assistenza finanzjarja mogħtija skont l-istrument SAFE, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-użu tal-assistenza finanzjarja mill-Istati Membri. Għalhekk, jenħtieġ li l-kuntratturi u s-sottokuntratturi involuti fl-akkwist komuni skont l-istrument SAFE jiġu stabbiliti u jkollhom l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħhom fl-Unjoni, fil-membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (“l-Istati taż-ŻEE-EFTA”) jew fl-Ukrajna, u jużaw għall-finijiet tal-akkwist komuni infrastruttura, faċilitajiet, assi jew riżorsi li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ Stat taż-ŻEE-EFTA jew tal-Ukrajna. Sabiex jiġi żgurat li l-kuntratturi u s-sottokuntratturi involuti fl-akkwist komuni ma jmorrux kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, jenħtieġ li dawn ma jkunux ikkontrollati minn pajjiżi terzi jew entitajiet ta’ pajjiżi terzi. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li “kontroll” jinftiehem bħala l-abbiltà li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq entità legali b’mod dirett jew indirett, permezz ta’ entità legali intermedja waħda jew aktar. L-Istati Membri li jipparteċipaw fl-akkwist appoġġat mill-istrument SAFE għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw li l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà jiġu ssodisfati. |
|
(17) |
F’ċerti ċirkostanzi, jenħtieġ li jkun possibbli li ssir deroga mill-prinċipju li l-kuntratturi u s-subkuntratturi involuti f’akkwist komuni jużaw infrastruttura, faċilitajiet, assi jew riżorsi li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ Stat taż-ŻEE-EFTA jew tal-Ukrajna, u ma jkunux soġġetti għal kontroll minn pajjiżi terzi jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi. F’dawk iċ-ċirkostanzi, entità legali stabbilita fl-Unjoni, fi Stat taż-ŻEE-EFTA jew fl-Ukrajna li tuża infrastruttura, faċilitajiet, assi jew riżorsi li jinsabu barra mit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ Stat taż-ŻEE-EFTA jew tal-Ukrajna, u/jew ikkontrollata minn pajjiż terz jew minn entità ta’ pajjiż terz jenħtieġ li tkun tista’ tipparteċipa dment li l-kundizzjonijiet stretti rigward l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha jiġu ssodisfati, kif stabbilit fil-qafas tal-PESK skont it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). |
|
(18) |
Jenħtieġ li l-entitajiet legali stabbiliti fl-Unjoni, fi Stat taż-ŻEE-EFTA jew fl-Ukrajna, u kkontrollati minn pajjiż terz li mhuwiex l-Ukrajna jew Stat taż-ŻEE-EFTA (“pajjiż terz ieħor”) jew entità oħra ta’ pajjiż terz, fejn permess, ikunu eliġibbli jipparteċipaw fl-akkwist komuni jekk ikunu ġew soġġetti għal skrinjar skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u, fejn meħtieġ, għal miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa, jew jekk garanziji, kif stabbilit f’dan ir-Regolament, approvati f’konformità mal-proċeduri nazzjonali tal-Istat Membru, tal-Istat taż-ŻEE-EFTA jew tal-Ukrajna li fihom ikunu stabbiliti jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproponi mudell standardizzat sempliċi għall-garanziji. Jenħtieġ li tali garanziji jinħarġu biss dment li jiġu ssodisfati kundizzjonijiet stretti rigward l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, kif stabbilit fil-qafas tal-PESK skont it-Titolu V tat-TUE. |
|
(19) |
Sabiex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom tal-prodotti tad-difiża mill-EDTIB u biex jitħaffef l-aġġustament tagħha għall-bidliet strutturali, biex b’hekk tissaħħaħ l-effiċjenza tal-assistenza finanzjarja mogħtija, huwa importanti li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi rigward il-valur iġġenerat fl-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-kuntratti ta’ akkwist komuni jkun fihom rekwiżit li l-kost tal-komponenti li joriġinaw barra mill-Unjoni, mill-Istati taż-ŻEE-EFTA jew mill-Ukrajna ma jkunx ogħla minn 35 % tal-kost stmat tal-komponenti tal-prodott finali. Għall-fini tal-kalkolu ta’ dak il-perċentwal, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi gwida. |
|
(20) |
Il-kriterji ta’ eliġibbiltà jenħtieġ li jqisu l-ktajjen tal-provvista eżistenti u l-kooperazzjoni industrijali ma’ sħab mhux tal-UE kif ukoll jippermettu li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-kapaċità. Għalhekk jenħtieġ li jkun eliġibbli l-akkwist komuni li jinvolvi sottokuntratturi li huma allokati bejn 15 % u 35 % tal-valur tal-kuntratt, u li mhumiex stabbiliti jew li ma għandhomx l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħhom fl-Unjoni, fi Stat taż-ŻEE-EFTA jew fl-Ukrajna. |
|
(21) |
Għal ċerti prodotti tad-difiża li t-teknoloġiji sottostanti tagħhom mhumiex disponibbli b’mod wiesa’ fl-Unjoni, u li jista’ jkun diffiċli li jiġu sostitwiti fuq skala kbira, jenħtieġ li jkun hemm kundizzjonijiet addizzjonali sabiex tiġi żgurata l-libertà tal-forzi armati tal-Istati Membri b’rabta ma’ dawk il-prodotti mingħajr ma jiġu imposti limitazzjonijiet minn pajjiżi terzi. Għalhekk, għal prodotti tad-difiża bħal dawn, il-kuntrattur jew il-konsorzju ta’ kuntratturi jenħtieġ li jkollhom l-abbiltà li jiddeċiedu, mingħajr l-impożizzjoni ta’ ebda restrizzjoni minn pajjiżi terzi jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi, fuq id-definizzjoni, l-adattament jew l-evoluzzjoni tad-disinn tal-prodotti tad-difiża akkwistati, inkluż l-awtorità legali biex jissostitwixxu jew ineħħu dawk il-komponenti li huma soġġetti għal restrizzjonijiet imposti minn pajjiżi terzi jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi. |
|
(22) |
Il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-istrument SAFE għandhom l-objettiv li l-kapaċitajiet tal-manifattura tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni jiġu rrankati minnufih, filwaqt li jippermettu l-flessibbiltà meħtieġa b’kunsiderazzjoni tal-internazzjonalizzazzjoni tal-ktajjen tal-provvista għall-prodotti u t-teknoloġiji rilevanti. Minbarra l-Istati taż-ŻEE-EFTA u l-Ukrajna, jenħtieġ li l-istrument SAFE jipprevedi wkoll il-possibbiltà li l-pajjiżi aderenti, il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali, kif ukoll il-pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni tkun daħlet fi Sħubija għas-Sigurtà u d-Difiża (Strument Mhux Vinkolanti) (NBI) jipparteċipaw f’akkwisti komuni skont il-qafas tiegħu. |
|
(23) |
Jenħtieġ li l-ftehimiet bilaterali jew multilaterali li jwettqu miżuri ta’ kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja jew teknika, inkluż assistenza, bejn l-Unjoni u pajjiż wieħed jew aktar minn dawk il-pajjiżi terzi tal-istess fehma għajr l-Ukrajna u l-Istati taż-ŻEE-EFTA jippermettu lill-kuntratturi u lis-sottokuntratturi stabbiliti f’dawk il-pajjiżi li jipparteċipaw f’akkwisti komuni skont l-istrument SAFE, f’konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet li ser jiġu definiti f’dawk il-ftehimiet. Jenħtieġ li dawn il-ftehimiet ma jixħtux dubju fuq l-eliġibbiltà tal-prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżit li l-kost tal-komponenti li joriġinaw minn barra l-Unjoni, l-Istati taż-ŻEE-EFTA u l-Ukrajna ma jkunx ogħla minn 35 % tal-kost stmat tal-komponenti tal-prodott finali. |
|
(24) |
Unjoni aktar b’saħħitha u aktar kapaċi fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża ser tikkontribwixxi b’mod pożittiv għas-sigurtà globali u trans-Atlantika u hija komplementari man-NATO, li tibqa’, għal dawk l-Istati li huma membri tagħha, il-pedament tad-difiża kollettiva tagħhom. L-Unjoni hija impenjata li tkompli ssaħħaħ u tapprofondixxi l-kooperazzjoni u l-involviment trans-Atlantiċi dwar is-sigurtà u d-difiża, bil-ħsieb li ttejjeb l-interoperabbiltà, tkompli l-kooperazzjoni industrijali, u tiżgura aċċess reċiproku għal teknoloġiji tal-ogħla livell ma’ sħab fdati, u wkoll issaħħaħ l-EDTIB. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jikkontribwixxi għal dawn l-għanijiet. |
|
(25) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri li jixtiequ jiksbu assistenza finanzjarja skont l-istrument SAFE jippreżentaw talba lill-Kummissjoni akkumpanjata minn pjan ta’ investiment għall-industrija Ewropea tad-difiża (il-“pjan”). Biex tiġi ffaċilitata t-tħejjija tal-pjanijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jinvolvu ruħhom fi skambji bil-ħsieb li jidentifikaw allokazzjonijiet tentattivi tal-ammonti ta’ self. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta t-talbiet kollha ppreżentati mill-Istati Membri. Meta tivvaluta l-konformità tal-pjanijiet mal-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni titlob l-għarfien espert tal-EDA jew tal-Istat Maġġur tal-UE, fejn xieraq. Matul it-tħejjija tal-pjanijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà ta’ skambju mal-Kummissjoni sabiex jaġġustaw l-abbozzi tal-pjanijiet tagħhom qabel il-preżentazzjoni. Matul l-implimentazzjoni tal-pjanijiet, fejn il-Kummissjoni tqis li l-pjanijiet ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jemendaw dawk il-pjanijiet. Jenħtieġ li l-Kummissjoni talloka l-ammonti ta’ self lill-Istati Membri kkonċernati billi tapplika l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza, b’mod partikolari jekk is-somma tal-ammonti tas-self mitluba taqbeż l-ammont massimu totali ta’ assistenza finanzjarja disponibbli skont l-istrument SAFE. Jenħtieġ li s-self jiġi allokat fost l-Istati Membri li japplikaw f’konformità mal-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza. Jenħtieġ li l-pjanijiet jiddeskrivu miżuri li jsaħħu r-reżiljenza tas-settur industrijali Ewropew tad-difiża, b’mod partikolari billi jiffaċilitaw l-aċċess tal-SMEs, tal-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja u tal-atturi l-ġodda tad-difiża għas-suq tad-difiża. |
|
(26) |
Fid-dawl tal-importanza tal-effetti finanzjarji tal-appoġġ lill-Istati Membri skont dan ir-Regolament u tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u l-politika ekonomika, meta jitqies ir-rwol speċifiku li l-Kunsill għandu d-dmir iwettaq f’dawn l-oqsma, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kunsill fil-każijiet identifikati minn dan ir-Regolament. |
|
(27) |
Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-pjan, jenħtieġ li l-Kummissjoni u kull Stat Membru kkonċernat jidħlu f’arranġament operazzjonali b’dettalji dwar l-iżborż tal-assistenza finanzjarja, inkluż skeda tentattiva ta’ żborż, u jiffirmaw ftehim ta’ self bit-termini dettaljati tal-appoġġ fil-forma ta’ self skont l-istrument SAFE. Jenħtieġ li jiġi pprovdut prefinanzjament ta’ 15 % biex jippermetti bidu rapidu tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet, in-nefqa u l-miżuri skont l-istrument SAFE. |
|
(28) |
Jixraq li tiġi organizzata l-assistenza finanzjarja skont l-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata prevista fl-Artikolu 224 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (ir-“Regolament Finanzjarju”) u l-metodu ta’ finanzjament uniku stabbilit, li huwa mistenni jtejjeb il-likwidità tal-bonds tal-Unjoni u l-attraenza u l-kosteffettività tal-ħruġ ta’ titoli tal-Unjoni. Jenħtieġ li s-self jiġi pprovdut b’durata suffiċjentement twila għar-ripagament, sa massimu ta’ 45 sena. Ir-ripagamenti tal-kapital jistgħu jibbenefikaw minn perjodu ta’ grazzja ta’ 10 snin, fil-prinċipju. Għal raġunijiet prudenzjali relatati mal-ġestjoni tal-portafoll tas-self, jenħtieġ li s-sehem tas-self mogħti lit-tliet Stati Membri li jirrappreżentaw l-akbar sehem tas-self mogħti ma jaqbiżx is-60 % tal-massimu ta’ assistenza finanzjarja tal-istrument SAFE. |
|
(29) |
Sabiex jiġi ottimizzat l-użu tal-assistenza finanzjarja disponibbli, f’każijiet fejn l-ammonti finanzjarji jibqgħu disponibbli wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill skont dan ir-Regolament, huwa xieraq li l-Kummissjoni tippubblika sejħa ġdida għall-espressjoni ta’ interess. F’dak il-każ, jenħtieġ li l-proċeduri stipulati għat-talba għal assistenza finanzjarja japplikaw soġġett għall-adattamenti meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward tal-iskadenzi relatati u l-fatt li jenħtieġ li tiġi ppreżentata emenda tal-pjan. |
|
(30) |
Jenħtieġ li l-akkwisti komuni jinvolvu mill-inqas żewġ pajjiżi parteċipanti li huma Stati Membri, Stati taż-ŻEE-EFTA jew l-Ukrajna, li minnhom mill-inqas wieħed jenħtieġ li jkun Stat Membru li jibbenefika minn appoġġ fil-forma ta’ self skont l-istrument SAFE. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-pajjiżi aderenti, il-pajjiżi kandidati l-oħra u l-kandidati potenzjali, u l-pajjiżi terzi l-oħra li magħhom l-Unjoni daħlet fi Sħubija għas-Sigurtà u d-Difiża (NBI) jitħallew jipparteċipaw f’akkwisti komuni magħmula ma’ Stat Membru appoġġat bl-assistenza finanzjarja skont l-istrument SAFE. L-akkwist komuni jista’ jinkludi kuntratti ta’ akkwist eżistenti li jissodisfaw l-istess kundizzjonijiet. Jenħtieġ li l-akkwisti mwettqa minn Stat Membru wieħed ikunu eliġibbli wkoll għall-appoġġ meta kuntratt ikun ġie ffirmat mhux aktar tard mit-30 ta’ Mejju 2026, dment li dan l-Istat Membru jieħu l-passi kollha meħtieġa, li għandhom jiġu miftiehma fl-arranġament operazzjonali, biex jestendi l-benefiċċju ta’ dak il-kuntratt billi jagħmel kuntatt b’mod attiv ma’ Stati Membri oħra, mal-Istati taż-ŻEE-EFTA u mal-Ukrajna kif ukoll mal-pajjiżi aderenti, il-pajjiżi kandidati, il-kandidati potenzjali, jew pajjiżi terzi oħra li magħhom l-Unjoni tkun daħlet fi Sħubija għas-Sigurtà u d-Difiża. L-inklużjoni tal-Istati taż-ŻEE-EFTA u tal-Ukrajna fost il-pajjiżi li jistgħu jiffurmaw l-għadd minimu meħtieġ għal akkwist komuni hija ġustifikata rispettivament mis-sħubija mill-qrib ta’ dawk il-pajjiżi mal-Unjoni fil-produzzjoni industrijali tad-difiża u mill-fatt li l-Ukrajna qed tiffaċċa direttament il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja li għaddejja. L-Istati Membri huma mħeġġa wkoll jappoġġaw lill-Ukrajna bit-tagħmir akkwistat bl-assistenza finanzjarja tal-istrument SAFE. Jenħtieġ li l-parteċipazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi terzi f’akkwisti komuni mogħtija lill-EDTIB jew lill-Bażi Industrijali tad-Difiża u t-Teknoloġija tal-Ukrajna jew tal-Istati taż-ŻEE-EFTA tgħin li żżid il-livell ta’ aggregazzjoni tad-domanda meħtieġ biex tespandi l-kapaċità industrijali. Din ser tagħti wkoll appoġġ għall-interoperabbiltà tas-sistemi u l-prodotti użati mill-eqreb sħab tal-Unjoni f’dan il-qasam filwaqt li potenzjalment tippermetti lill-Istati Membri parteċipanti jiksbu prezzijiet aħjar. |
|
(31) |
Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) tistabbilixxi qafas leġiżlattiv dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri ta’ akkwist għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti tas-sigurtà tal-Istati Membri u l-obbligi li jirriżultaw mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dik id-Direttiva tistabbilixxi regoli speċifiċi applikabbli f’sitwazzjonijiet ta’ urġenza li jirriżultaw minn kriżi, bħal perjodi mqassra għall-preżentazzjoni ta’ offerti u l-possibbiltà li tintuża l-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż dwar kuntratt. Sabiex tissaħħaħ l-effettività tal-istrument SAFE fl-indirizzar tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza li tirriżulta mill-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ġeopolitika, fi spirtu ta’ solidarjetà, huwa meħtieġ li jitnedew investimenti massivi fl-EDTIB mill-aktar fis possibbli. |
|
(32) |
Għal dak l-għan, jenħtieġ li jiġi ffaċilitat l-għoti tal-kuntratti bbażati fuq akkwisti li jinvolvu mill-inqas Stat Membru wieħed appoġġat mill-assistenza finanzjarja skont l-istrument SAFE. Il-perjodi stabbiliti fid-Direttiva 2009/81/KE, inkluż il-perjodi mqassra stipulati fl-Artikolu 33(7) ta’ dik id-Direttiva, ma jipprovdux biżżejjed flessibbiltà biex tiġi indirizzata l-urġenza tas-sitwazzjoni ta’ kriżi attwali. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri li jwettqu akkwisti bl-użu tal-assistenza pprovduta skont l-istrument SAFE jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ urġenza li tirriżulta minn kriżi, li tiġġustifika l-użu ta’ proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni ta’ avviż dwar kuntratt kif previst fid-Direttiva 2009/81/KE. Barra minn hekk, fid-dawl tal-urġenza li tirriżulta mis-sitwazzjoni ta’ kriżi attwali li tirrikjedi investimenti immedjati u massivi fl-EDTIB, u sabiex jiġu ssalvagwardjati l-interessi tas-sigurtà tal-Istati Membri li jipparteċipaw f’akkwisti appoġġati mill-istrument SAFE, huwa meħtieġ ukoll li tiġi permessa l-possibbiltà li ftehim qafas jew kuntratt eżistenti jinfetaħ għall-awtoritajiet kontraenti tal-Istati Membri li oriġinarjament ma kinux partijiet f’dak il-ftehim qafas jew kuntratt, minkejja li dan tal-aħħar ma kienx ippreveda tali għażla, dment li jinkiseb il-kunsens minn qabel tal-impriża li kkonkludiet il-ftehim qafas jew il-kuntratt. |
|
(33) |
L-istrument SAFE għandu l-għan li jappoġġa interess prevalenti tas-sigurtà pubblika billi jakkumpanja l-isforzi finanzjarji tal-Istati Membri biex jiżguraw, id-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom ta’ prodotti tad-difiża, permezz tal-espansjoni tal-EDTIB, li jippermettu lill-Istati Membri jitħejjew għal kwalunkwe tip ta’ aggressjoni. Permezz tal-użu tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà, dan għandu l-għan li jappoġġa l-kompetittività u l-prontezza industrijali tal-EDTIB li huma meħtieġa biex tittejjeb il-kapaċità tal-Istati Membri li jiddefendu t-territorju tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha b’mod effiċjenti u awtonomu. Huwa jsegwi wkoll objettiv anċillari li jiżdied, permezz tal-użu ta’ akkwisti komuni, il-livell ta’ interoperabbiltà tal-prodotti tad-difiża. Biex jiġu akkumpanjati dawn l-isforzi, huwa xieraq, fi spirtu ta’ solidarjetà u sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà finanzjarja tal-isforz li huwa meħtieġ biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet serji fid-disponibbiltà tal-prodotti tad-difiża, li jittieħdu miżuri biex jiġi evitat li t-taxxi fuq dan l-infiq ikollhom jiġu ffinanzjati bil-quddiem. Għalhekk, jenħtieġ li l-prodotti tad-difiża akkwistati bis-saħħa ta’ akkwisti appoġġati mill-istrument SAFE jiġu eżentati mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), bl-introduzzjoni ta’ eżenzjoni mill-VAT applikabbli skont id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (7). Jenħtieġ li din l-eżenzjoni tkun immirata u tapplika biss għall-provvisti magħmulin għall-finijiet tal-kuntratti li jirriżultaw minn akkwisti skont l-istrument SAFE. |
|
(34) |
L-Unjoni tibqa’ impenjata bis-sħiħ favur is-solidarjetà internazzjonali. Kwalunkwe miżura meqjusa meħtieġa skont dan ir-Regolament, inkluż dawk neċessarji għall-prevenzjoni jew għat-tnaqqis ta’ nuqqasijiet kritiċi, jenħtieġ li tiġi implimentata b’mod li jkun immirat, trasparenti, proporzjonat, temporanju u konsistenti mal-obbligi tad-WTO. |
|
(35) |
Dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi implimentat f’konformità mar-regoli rilevanti adottati skont l-Artikolu 322 tat-TFUE, b’mod partikolari r-Regolament Finanzjarju u r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). |
|
(36) |
Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt internazzjonali applikabbli li jipprojbixxi l-użu, l-iżvilupp jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti u teknoloġiji tad-difiża. |
|
(37) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jkunu jistgħu jimpenjaw ruħhom f’attivitajiet ta’ komunikazzjoni biex jiżguraw il-viżibilità tal-finanzjament tal-Unjoni, u, jekk ikun xieraq, biex jiżguraw li l-appoġġ mogħti skont l-istrument SAFE jiġi kkomunikat sew u rikonoxxut permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ finanzjament. |
|
(38) |
Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-fatt li kull Stat Membru għandu r-responsabbiltà unika għas-sigurtà nazzjonali tiegħu, kif previst fl-Artikolu 4(2) TUE, u għad-dritt ta’ kull Stat Membru li jipproteġi l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu f’konformità mal-Artikolu 346 tat-TFUE. |
|
(39) |
Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għall-karattru speċifiku tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża ta’ ċerti Stati Membri. |
|
(40) |
Sabiex l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament tkun tista’ tibda malajr kemm jista’ jkun, bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi tiegħu, jenħtieġ li huwa jidħol fis-seħħ b’urġenza, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) permezz tal-Istrument għat-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża (l-“istrument SAFE”) li jipprovdi assistenza finanzjarja lill-Istati Membri biex ikunu jistgħu jwettqu investimenti pubbliċi urġenti u kbar b’appoġġ għall-industrija Ewropea tad-difiża bi tweġiba għas-sitwazzjoni ta’ kriżi attwali.
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-għoti lil, u l-implimentazzjoni minn, l-Istati Membri tal-assistenza finanzjarja skont l-istrument SAFE u jistabbilixxi r-regoli dwar proċeduri simplifikati u aċċellerati għall-akkwist komuni ta’ prodotti tad-difiża u ta’ prodotti oħra għal finijiet tad-difiża li jappartjenu għall-kategoriji li ġejjin:
|
(a) |
kategorija wieħed: munizzjon u missili; sistemi tal-artillerija, inkluż mezzi ta’ attakk fil-profond bi preċiżjoni; il-kapaċitajiet ta’ kumbattiment fuq l-art u s-sistemi ta’ appoġġ tagħhom, inkluż it-tagħmir tas-suldati u l-armi tal-infanterija; droni żgħar (il-klassi 1 tan-NATO) u sistemi kontra d-droni relatati; protezzjoni ta’ infrastrutturi kritiċi; ċibernetika; u mobbiltà militari inkluż kontromobbiltà; |
|
(b) |
kategorija tnejn: sistemi ta’ difiża kontra attakki mill-ajru u l-missili; kapaċitajiet marittimi tal-wiċċ jew ta’ taħt l-ilma; droni għajr id-droni żgħar (il-klassi 2 u 3 tan-NATO) u sistemi kontra d-droni relatati; faċilitaturi strateġiċi bħal, iżda mhux limitati għal, trasport bl-ajru strateġiku, riforniment ta’ fjuwil fl-ajru, sistemi C4ISTAR kif ukoll assi u servizzi spazjali; protezzjoni tal-assi spazjali; intelliġenza artifiċjali u gwerra elettronika. |
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) |
“prodott tad-difiża” tfisser merkanzija, servizzi u xogħlijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/81/KE, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tagħha; |
|
(2) |
“prodotti oħra għal finijiet tad-difiża” tfisser kwalunkwe merkanzija, servizz u xogħol għajr dawk li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/81/KE, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tagħha, li huma meħtieġa jew maħsuba għal finijiet tad-difiża; |
|
(3) |
“akkwist komuni” tfisser il-proċedura tal-akkwist ta’ prodotti tad-difiża jew ta’ prodotti oħra għal finijiet tad-difiża u l-kuntratti li jirriżultaw, imwettqa minn mill-anqas Stat Membru wieħed li jirċievi assistenza finanzjarja skont l-istrument SAFE u Stat Membru ieħor wieħed jew Membru wieħed tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (“Stati taż-ŻEE-EFTA”) jew l-Ukrajna. Barra minn hekk, l-akkwist komuni jista’ jinkludi lil pajjiżi aderenti, pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, u lil pajjiżi terzi oħra li magħhom l-Unjoni tkun daħlet fi Sħubija għas-Sigurtà u d-Difiża (Non-Binding Instrument, NBI). L-akkwist komuni jista’ jinkludi kuntratti ta’ akkwist eżistenti li jissodisfaw l-istess kundizzjonijiet. |
Artikolu 3
Natura komplementari tal-istrument SAFE
L-istrument SAFE għandu jikkomplementa l-miżuri li jieħdu l-Unjoni u l-Istati Membri biex iwettqu investimenti pubbliċi urġenti u kbar li jappoġġaw l-industrija Ewropea tad-difiża.
Artikolu 4
Kundizzjonijiet għall-użu tal-istrument SAFE
1. Stat Membru jista’ jitlob assistenza finanzjarja skont l-istrument SAFE (“assistenza finanzjarja”) għal attivitajiet, nefqiet u miżuri mmirati biex jindirizzaw is-sitwazzjoni ta’ kriżi msemmija fl-Artikolu 1. Dawk l-attivitajiet, in-nefqiet u l-miżuri għandhom ikunu relatati ma’ prodotti tad-difiża jew prodotti oħra għal finijiet tad-difiża u mwettqa permezz ta’ akkwisti komuni mwettqa f’konformità mar-regoli tal-eliġibbiltà stipulati fl-Artikolu 16 u għandu jkollhom l-għan li:
|
(a) |
jħaffu l-aġġustament tal-industrija tad-difiża għal bidliet strutturali, inkluż bil-ħolqien u bl-irrankar tal-kapaċitajiet tal-manifattura tagħha kif ukoll l-attivitajiet ta’ appoġġ relatati; |
|
(b) |
jtejbu d-disponibbiltà f’waqtha tal-prodotti tad-difiża, inkluż permezz tat-tnaqqis taż-żmien meħtieġ għall-konsenja tagħhom, l-allokazzjoni ta’ slots tal-manifattura jew il-kumulazzjoni ta’ riżerva tal-prodotti tad-difiża, tal-prodotti intermedji jew tal-materja prima; jew |
|
(c) |
jiżguraw l-interoperabbiltà u l-interkambjabbiltà madwar l-Unjoni. |
2. Stat Membru jista’ juża l-assistenza finanzjarja skont l-istrument SAFE f’sinerġija ma’ programmi tal-Unjoni f’konformità mar-regoli ta’ dawk il-programmi. L-assistenza finanzjarja skont l-istrument SAFE tista’ tintuża wkoll biex tiffinanzja attivitajiet li jkunu rċevew kontribuzzjoni tal-Unjoni skont programm tal-Unjoni.
3. B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-akkwisti mwettqa minn Stat Membru wieħed għandhom ikunu eliġibbli għall-appoġġ skont l-istrument SAFE meta kuntratt tal-akkwist ikun ġie ffirmat mhux aktar tard mit-30 ta’ Mejju 2026. Meta Stat Membru jinkludi akkwist bħal dan fil-pjan imsemmi fl-Artikolu 7(2), dan għandu jieħu b’mod attiv il-passi kollha meħtieġa biex iwessa’ l-benefiċċju tal-kuntratt ikkonċernat għal mill-anqas Stat Membru ieħor wieħed, Stat taż-ŻEE-EFTA wieħed, jew l-Ukrajna, flimkien ma’ kwalunkwe pajjiż aderenti, pajjiż kandidat, kandidat potenzjali, jew pajjiż terz ieħor interessat li miegħu l-Unjoni tkun għamlet Sħubija għas-Sigurtà u d-Difiża. Il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 16(2) sa (14) għandhom japplikaw mutatis mutandis.
Artikolu 5
Forma tal-assistenza finanzjarja
L-assistenza finanzjarja għandha tieħu l-forma ta’ self mogħti mill-Unjoni lill-Istat Membru kkonċernat.
Artikolu 6
Ammont massimu tal-assistenza finanzjarja
L-ammont massimu tal-assistenza finanzjarja fil-forma ta’ self mogħti skont l-istrument SAFE għandu jkun ta’ EUR 150 000 000 000.
Artikolu 7
Talba għal assistenza finanzjarja u l-pjanijiet ta’ investiment għall-industrija Ewropea tad-difiża
1. Stat Membru li jixtieq jirċievi assistenza finanzjarja skont l-istrument SAFE għandu jibgħat talba għal dak il-għan lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Novembru 2025. Mat-talba għandu jinhemeż pjan ta’ investiment għall-industrija Ewropea tad-difiża (il-“pjan”).
2. Il-pjan għandu jkun motivat u sostanzjat kif xieraq. Għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:
|
(a) |
deskrizzjoni tal-prodott tad-difiża u tal-prodotti l-oħra għal finijiet tad-difiża; |
|
(b) |
deskrizzjoni tal-attivitajiet ippjanati, in-nefqiet stmati u l-miżuri f’konformità mal-Artikolu 4; |
|
(c) |
meta rilevanti, id-deskrizzjoni tal-involviment previst tal-Ukrajna fl-attivitajiet, in-nefqiet u l-miżuri ppjanati jew tal-azzjonijiet previsti għall-benefiċċju tal-Ukrajna; |
|
(d) |
deskrizzjoni tal-miżuri ppjanati maħsuba biex jiżguraw il-konformità mal-Artikolu 16 u r-regoli tal-akkwist, inkluż deskrizzjoni ta’ kif trid tiġi żgurata dik il-konformità. |
3. Meta rilevanti, l-Istati Membri għandhom jinkludu deskrizzjoni tal-attivitajiet biex isaħħu s-sigurtà tal-provvista u r-reżiljenza, b’mod partikolari billi jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tad-difiża għall-SMEs, il-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja u l-atturi ġodda tad-difiża.
4. Waqt it-tħejjija tal-pjanijiet, l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni torganizza skambju ta’ prattiki tajbin u, fejn xieraq, tfittex sinerġiji mal-pjanijiet ta’ investiment tal-industrija tad-difiża ta’ Stati Membri oħra sabiex l-Istati Membri rikjedenti jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-esperjenza ta’ Stati Membri oħra.
5. L-Istati Membri jistgħu jippreżentaw talba emendata lill-Kummissjoni għall-assistenza finanzjarja u magħha jehmżu pjan meta jkun ġustifikat kif xieraq minħabba xi bidla fin-nefqa jew fil-miżuri ppjanati, u soġġett għad-disponibbiltà tal-ammonti tas-self.
Artikolu 8
Deċiżjoni dwar it-talba għal assistenza finanzjarja
1. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta t-talba għal assistenza finanzjarja akkumpanjata mill-pjan mingħajr dewmien żejjed.
2. Meta l-Kummissjoni ssib li t-talba tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikolu 4, l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 16, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill li tagħmel disponibbli l-assistenza finanzjarja.
3. Id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill imsemmija fil-paragrafu 2 għandha tinkludi:
|
(a) |
konferma li t-talba msemmija fl-Artikolu 7(1) tikkonformi mal-kundizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament; u |
|
(b) |
l-ammont tas-self u l-ammont tal-appoġġ fil-forma ta’ self li jrid jitħallas fil-forma ta’ prefinanzjament f’konformità mal-Artikolu 11. |
4. Fil-każijiet kollha, il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-valutazzjoni tagħha tat-talba lill-Istat Membru kkonċernat, u tipprovdi r-raġunijiet għall-valutazzjoni tagħha.
5. Meta tippreżenta l-proposta lill-Kunsill f’konformità mal-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-ħtiġijiet eżistenti u mistennija ta’ finanzjament tal-Istat Membru rikjedenti, kif ukoll talbiet għal assistenza finanzjarja skont dan ir-Regolament diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li tapplika l-prinċipji tat-trattament ugwali, tas-solidarjetà, tal-proporzjonalità u tat-trasparenza. Dik il-proposta għandha tiġi ppreżentata mingħajr dewmien żejjed.
6. Il-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, bħala regola, fi żmien erba’ ġimgħat mill-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni.
7. Jekk, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni skont il-paragrafu 2, jibqgħu disponibbli ammonti għall-assistenza finanzjarja skont l-istrument SAFE, il-Kummissjoni tista’ tippubblika sejħa ġdida għal espressjonijiet ta’ interess sal-31 ta’ Diċembru 2026. F’każ bħal dan, il-proċedura stipulata fl-Artikolu 7 u fil-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu għandha tapplika mutatis mutandis.
8. Kwalunkwe deċiżjoni ta’ implimentazzjoni skont il-paragrafu 2 għandha tiġi adottata sat-30 ta’ Ġunju 2027.
Artikolu 9
Operazzjonijiet ta’ teħid u ta’ għoti b’self
1. Biex tiffinanzja l-appoġġ skont l-istrument SAFE fil-forma ta’ self, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, f’isem l-Unjoni, li tissellef il-fondi meħtieġa mis-swieq kapitali jew mingħand istituzzjonijiet finanzjarji f’konformità mal-Artikolu 224 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 (ir-“Regolament Finanzjarju”).
2. L-operazzjonijiet ta’ teħid u ta’ għoti b’self skont l-istrument SAFE għandhom isiru bl-euro.
Artikolu 10
Ftehim ta’ self u arranġamenti operazzjonali
1. Mal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 8(2), il-Kummissjoni għandha tagħmel ftehim ta’ self u arranġamenti operazzjonali mal-Istat Membru rikjedenti.
2. Il-ftehim ta’ self għandu jistabbilixxi l-perjodu tad-disponibbiltà u t-termini dettaljati tal-appoġġ skont l-istrument SAFE fil-forma ta’ self. Il-ftehim ta’ self għandu jkun għal perjodu massimu ta’ 45 sena. Minbarra l-elementi stipulati fl-Artikolu 223(4) tar-Regolament Finanzjarju, il-ftehim ta’ self għandu jkun fih l-ammont tal-prefinanzjament u r-regoli dwar l-ikklerjar tal-prefinanzjament.
3. L-arranġamenti operazzjonali għandhom jistabbilixxu r-relazzjoni bejn l-implimentazzjoni tal-pjan u l-assistenza finanzjarja korrispondenti, inkluż skeda tentattiva tal-iżborż tal-pagamenti parzjali tas-self, b’limitu massimu annwali kif xieraq. Barra minn hekk, dawn l-arranġamenti operazzjonali għandhom jistabbilixxu tipi ta’ evidenza dokumentarja u r-regoli ta’ kontroll relatati mal-issodisfar tar-regoli speċifiċi ta’ eliġibbiltà applikati mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 16, u l-elementi dettaljati msemmija fl-Artikolu 14.
Artikolu 11
Prefinanzjament
1. Bħala parti mill-pjan, l-Istati Membri jistgħu jitolbu pagament ta’ prefinanzjament ta’ ammont sa 15 % tal-appoġġ fil-forma ta’ self.
2. L-iżborż tal-prefinanzjament għandu jkun soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta’ self imsemmi fl-Artikolu 10(2). Il-ftehim ta’ self jista’ jipprevedi li l-pagament tal-prefinanzjament ikun bil-kundizzjoni li jiġu konklużi l-arranġamenti operazzjonali msemmija fl-Artikolu 10(3).
3. Il-pagamenti għandhom ikunu soġġetti għad-disponibbiltà tal-finanzjament. Il-prefinanzjament jista’ jiġi żborżat f’porzjon wieħed jew aktar.
Artikolu 12
Regoli dwar il-pagamenti parzjali u s-sospensjoni tas-self
1. Il-perjodu tad-disponibbiltà tas-self, li jikkorrispondi għall-perjodu li matulu jistgħu jiġu approvati l-pagamenti lill-Istat Membru kkonċernat skont dan l-Artikolu, għandu jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2030. Il-pagamenti għandhom isiru f’pagamenti parzjali, soġġetti għad-disponibbiltà tal-finanzjament. Pagament parzjali jista’ jiġi żborżat f’porzjon wieħed jew aktar.
2. L-Istat Membru kkonċernat jista’ jippreżenta lill-Kummissjoni talba għal pagament debitament ġustifikata. Talba bħal din għall-pagament tista’ tiġi ppreżentata mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni darbtejn fis-sena. L-Istat Membru għandu jipprovdi l-ġustifikazzjoni li ssostni t-talba għal pagament b’evidenza tal-progress fit-twettiq tal-pjan.
3. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-kompletezza, il-korrettezza u l-koerenza tat-talba għal pagament imsemmija fil-paragrafu 2 mingħajr dewmien żejjed, u l-aktar tard fi żmien xagħrejn mill-wasla tat-talba. Meta l-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni pożittiva tal-issodisfar tal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, din għandha tadotta deċiżjoni mingħajr dewmien żejjed li tawtorizza l-iżborż tal-pagament parzjali tas-self.
4. Meta, wara l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-talba għal pagament imsemmija fil-paragrafu 2 ma tkunx sodisfaċenti, għandu jiġi sospiż il-pagament kollu jew parti mill-pagament tas-self. L-Istat Membru kkonċernat jista’ jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien xahar minn meta jirċievi l-valutazzjoni tal-Kummissjoni.
5. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-osservazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4 mingħajr dewmien żejjed. Hija għandha tneħħi s-sospensjoni meta l-Istat Membru kkonċernat ikun wera li ħa l-miżuri meħtieġa biex jiżgura t-twettiq sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.
Artikolu 13
Regoli prudenzjali applikabbli għall-portafoll tas-self
Is-sehem tas-self mogħti lit-tliet Stati Membri li jirrappreżentaw l-akbar sehem ta’ self mogħti ma għandux jaqbeż is-60 % tal-ammont massimu msemmi fl-Artikolu 6.
Artikolu 14
Kontroll u awditi
Il-ftehim ta’ self għandu jkun fih id-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar il-kontrolli u l-awditjar kif jeżiġi l-Artikolu 223(4) tar-Regolament Finanzjarju.
Artikolu 15
Rapportar
1. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-użu tal-assistenza finanzjarja.
2. Meta xieraq, mar-rapport għandha tinhemeż proposta għall-estensjoni tal-perjodu tad-disponibbiltà tal-istrument SAFE.
Artikolu 16
Regoli ta’ eliġibbiltà dwar l-akkwist komuni li jappoġġaw l-investimenti fl-industrija tad-difiża
1. L-akkwisti komuni għandhom ikunu eliġibbli biss għall-appoġġ skont l-istrument SAFE biss jekk ikunu konformi mal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Il-proċeduri tal-akkwist komuni u l-kuntratti ta’ prodotti tad-difiża għandhom jinkludu r-rekwiżiti tal-parteċipazzjoni għall-kuntratturi u għas-sottokuntratturi involuti fl-akkwist komuni stabbiliti fil-paragrafi 3 sa 13 u 15 ta’ dan l-Artikolu, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe kundizzjoni stipulata fil-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 17.
3. Il-kuntratturi u s-sottokuntratturi involuti fl-akkwist komuni għandhom jiġu stabbiliti u jkollhom l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħhom fl-Unjoni, fi Stat taż-ŻEE-EFTA jew fl-Ukrajna. Ma għandhomx ikunu soġġetti għal kontroll minn pajjiż terz li mhuwiex Stat taż-ŻEE-EFTA jew l-Ukrajna jew minn entità oħra ta’ pajjiż terz li mhijiex stabbilita fl-Unjoni, fi Stat taż-ŻEE-EFTA jew fl-Ukrajna.
4. B’deroga mill-paragrafu 3, sabiex titqies il-kooperazzjoni industrijali ma’ sħab mhux tal-UE, akkwisti komuni li jinvolvu sottokuntrattur li huwa allokat bejn 15 % u 35 % tal-valur tal-kuntratt u li ma jkunx stabbilit jew li ma jkollux l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tiegħu fl-Unjoni, fi Stat taż-ŻEE-EFTA jew fl-Ukrajna, għandu jkun eliġibbli għal appoġġ skont l-istrument SAFE dment li tiġi ssodisfata mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
tkun ġiet stabbilita relazzjoni kuntrattwali diretta relatata mal-prodott tad-difiża bejn il-kuntrattur u dak is-sottokuntrattur qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament; |
|
(b) |
il-kuntrattur jintrabat li fi żmien sentejn jeżamina l-fattibbiltà tas-sostituzzjoni tal-input ipprovdut minn dak is-sottokuntrattur b’input alternattiv u mingħajr restrizzjonijiet li joriġina fl-Unjoni, fi Stati taż-ŻEE-EFTA jew fl-Ukrajna, u li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tekniċi u ta’ żmien. |
5. B’deroga mill-paragrafu 3, entità legali stabbilita fl-Unjoni u kkontrollata minn pajjiż terz ieħor jew minn entità ta’ pajjiż terz ieħor tista’ tipparteċipa fl-akkwist komuni jekk din tkun ġiet soġġetta għal skrinjar skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2019/452 u, meta meħtieġ, għal miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa, jew jekk tipprovdi garanziji verifikati mill-Istat Membru li fih ikun stabbilit il-kuntrattur jew is-sottokuntrattur involut fl-akkwist komuni. Il-garanziji għandhom jipprovdu l-assigurazzjonijiet li l-involviment tal-kuntrattur jew tas-sottokuntrattur fl-akkwist komuni ma jmurx kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha kif stabbilit fil-qafas tal-politika estera u tas-sigurtà komuni skont it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
6. Il-garanziji msemmija fil-paragrafu 5 jistgħu jissejsu fuq mudell standardizzat mogħti mill-Kummissjoni u għandhom ikunu parti mill-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għall-offerti ħalli jkun żgurat approċċ armonizzat madwar l-Unjoni kollha. Il-garanziji għandhom jissostanzjaw, b’mod partikolari, li, għall-finijiet tal-akkwist komuni, hemm stabbiliti miżuri biex jiżguraw li:
|
(a) |
il-kontroll fuq il-kuntrattur jew fuq is-sottokuntrattur involuti fl-akkwist komuni ma jiġix eżerċitat b’mod li jwaqqaf jew jillimita l-abbiltà tiegħu li jissodisfa l-ordni u li jagħti r-riżultati; u |
|
(b) |
ikun evitat l-aċċess minn pajjiż terz jew minn entità ta’ pajjiż terz għal informazzjoni klassifikata relatata mal-akkwist komuni, filwaqt li l-impjegati jew persuni oħra involuti fl-akkwist komuni jkollhom approvazzjoni tas-sigurtà nazzjonali maħruġa minn Stat Membru f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali. |
7. L-awtorità kontraenti li twettaq l-akkwist komuni għandha tipprovdi notifika lill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta’ mitigazzjoni applikati skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2019/452 jew il-garanziji msemmija fil-paragrafu 5. Aktar informazzjoni dwar il-miżuri ta’ mitigazzjoni applikati jew il-garanziji għandhom jingħaddu lill-Kummissjoni fuq talba tagħha.
8. L-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi tal-kuntratturi u tas-sottokuntratturi involuti fl-akkwist komuni li jintużaw għall-finijiet tal-akkwist komuni għandhom ikunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ Stat taż-ŻEE-EFTA, jew tal-Ukrajna. Meta l-kuntratturi jew is-sottokuntratturi involuti fl-akkwist komuni ma jkollhomx alternattivi disponibbli faċilment jew infrastruttura, faċilitajiet, assi u riżorsi rilevanti fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ Stat taż-ŻEE-EFTA, jew tal-Ukrajna, dawn jistgħu jużaw l-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi tagħhom li jinsabu jew jinżammu barra minn dawk it-territorji, diment li dan l-użu ma jkunx imur kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.
9. Il-kuntratturi u s-sottokuntratturi involuti fl-akkwist komuni jistgħu jitqiesu li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà msemmija fil-paragrafi 3 sa 7 meta jkunu ssodisfaw kundizzjonijiet ekwivalenti skont ir-Regolamenti (UE) 2018/1092 (9), (UE) 2021/697 (10), (UE) 2023/1523 jew (UE) 2023/2418 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u dment li l-ebda bidla sussegwenti ma tpoġġi f’dubju l-issodisfar ta’ dawk il-kundizzjonijiet.
10. Il-kost tal-komponenti li joriġinaw barra mill-Unjoni, mill-Istati taż-ŻEE-EFTA u mill-Ukrajna ma għandux ikun aktar minn 35 % tal-istima tal-kost tal-komponenti tal-prodott finali. Għall-fini tal-akkwisti appoġġati mill-istrument SAFE, l-ebda komponent ma għandu jinkiseb mingħand pajjiż terz li jmur kontra l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.
11. Għall-prodotti tad-difiża relatati mat-tieni kategorija kif imsemmi fl-Artikolu 1, it-tieni subparagrafu, il-punt (b), il-kuntratturi għandu jkollhom l-abbiltà li jiddeċiedu, mingħajr restrizzjonijiet imposti minn pajjiżi terzi jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi, fuq id-definizzjoni, l-adattament u l-evoluzzjoni tad-disinn tal-prodott tad-difiża akkwistat, inkluż l-awtorità legali li jissostitwixxu jew ineħħu l-komponenti soġġetti għal restrizzjonijiet imposti minn pajjiżi terzi jew minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi.
12. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “sottokuntratturi involuti fl-akkwist komuni” tfisser kwalunkwe entità legali li tipprovdi kontributi kritiċi li fihom attributi uniċi essenzjali għall-funzjonament ta’ prodott, li tkun allokata mill-inqas 15 % tal-valur tal-kuntratt, u li teħtieġ aċċess għal informazzjoni klassifikata għat-twettiq tal-kuntratt.
13. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri tal-akkwist u l-kuntratti għal prodotti oħra għal finijiet tad-difiża li jirriżultaw mill-akkwist komuni li jirċievi appoġġ skont l-istrument SAFE jkollhom kundizzjonijiet xierqa ta’ eliġibbiltà biex jipproteġu l-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.
14. Fil-pjan imsemmi fl-Artikolu 7, l-Istati Membri għandhom jipprovdu dettalji dwar il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà f’konformità mal-paragrafi 3 sa 11 u 13 sa 15 ta’ dan l-Artikolu, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe kundizzjoni stipulata fil-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 17. L-assistenza finanzjarja għandha tkun bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata, flimkien mat-talba għal pagament, bl-informazzjoni indikata fl-arranġamenti operazzjonali msemmija fl-Artikolu 10.
15. L-Istati Membri jistgħu jużaw l-assistenza finanzjarja mogħtija skont l-istrument SAFE biex jiffinanzjaw il-parteċipazzjoni tagħhom fi proċeduri tal-akkwist imwettqa f’konformità mal-Artikolu 168(2) jew (3) tar-Regolament Finanzjarju. F’dak il-każ, b’deroga mill-Artikolu 168(2) u (3) tar-Regolament Finanzjarju, il-pajjiżi terzi li jipparteċipaw fl-akkwist komuni jistgħu jipparteċipaw ukoll fi kwalunkwe mekkaniżmu tal-akkwist stabbilit fl-Artikolu 168(2) u (3) tar-Regolament Finanzjarju u jibbenefikaw minnu.
Artikolu 17
Kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta’ entitajiet u prodotti oħra ta’ pajjiżi terzi
1. L-Unjoni tista’ tikkonkludi ftehimiet bilaterali jew multilaterali ma’ pajjiżi aderenti, pajjiżi potenzjali u pajjiżi kandidati għajr l-Ukrajna u pajjiżi terzi oħra li magħhom l-Unjoni daħlet fi Sħubija għas-Sigurtà u d-Difiża (NBI) sabiex tiftaħ il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà msemmija fl-Artikolu 16 għal dawk il-pajjiżi u t-territorji tagħhom, f’konformità mal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.
2. Il-ftehim bilaterali jew multilaterali msemmi fil-paragrafu 1 għandu jispeċifika kif il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà msemmija fl-Artikolu 16 għandhom jiġu applikati. Dan għandu jistabbilixxi, b’mod partikolari:
|
(a) |
il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tal-kuntratturi u tas-sottokuntratturi stabbiliti fil-pajjiż terz fl-akkwist komuni skont l-istrument SAFE inkluż il-kundizzjonijiet dwar is-sede tal-istrutturi maniġerjali eżekuttivi u dwar il-kontroll minn pajjiżi terzi jew entitajiet ta’ pajjiżi terzi; |
|
(b) |
ir-regoli relatati mal-post tal-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi tal-kuntratturi jew tas-sottokuntratturi involuti fl-akkwist komuni li jintużaw għall-produzzjoni ta’ prodotti tad-difiża jew ta’ prodotti oħra għal finijiet tad-difiża fornuti skont il-kuntratti li jirriżultaw minn akkwisti komuni skont l-istrument SAFE; |
|
(c) |
ir-regoli relatati mal-kost tal-komponenti li joriġinaw fil-pajjiż terz, inkluż sehem minimu ta’ komponenti li joriġinaw jew fl-Unjoni, f’pajjiż taż-ŻEE-EFTA jew fl-Ukrajna u sehem massimu ta’ komponenti li joriġinaw la mill-Unjoni, la minn pajjiż taż-ŻEE-EFTA jew mill-Ukrajna u lanqas minn pajjiż terz parti għall-ftehim; |
|
(d) |
ir-regoli relatati mar-restrizzjonijiet imposti minn pajjiżi terzi li mhumiex partijiet għall-ftehim jew minn entitajiet stabbiliti fit-territorji tagħhom, dwar id-definizzjoni, l-adattament u l-evoluzzjoni tad-disinn tal-prodott tad-difiża akkwistat bl-appoġġ tal-istrument SAFE. |
3. Il-ftehim bilaterali jew multilaterali għandu:
|
(a) |
jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji tal-pajjiż terz; |
|
(b) |
jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ kull kontribuzzjoni finanzjarja li jrid jagħti l-pajjiż terz lill-Unjoni; |
|
(c) |
jistabbilixxi kwalunkwe miżura xierqa oħra li tirregola s-sigurtà tal-provvista tal-prodott akkwistat; |
|
(d) |
jikkontribwixxi għal aktar standardizzazzjoni tas-sistemi tad-difiża u interoperabbiltà akbar bejn il-kapaċitajiet tal-Istati Membri u ta’ dawk il-pajjiżi terzi l-oħra. |
4. Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, il-punt (b), għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat estern f’konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju u għandhom jintużaw għal programmi li jappoġġaw lill-industrija tad-difiża tal-Unjoni, lill-industrija Ukrena tad-difiża u lill-Ukrajna f’konformità mar-regoli ta’ dawk il-programmi.
Artikolu 18
Modifika tal-ftehimiet qafas jew tal-kuntratti
1. Meta akkwist ikun appoġġat mill-istrument SAFE, ir-regoli previsti fil-paragrafi 2 sa 4 għandhom japplikaw għal ftehim qafas jew kuntratt eżistenti li jkollu l-għan li jixtri prodotti tad-difiża, li hu ffinanzjat kollu jew parzjalment mill-anqas minn wieħed mill-Istati Membri parteċipanti bis-self li jingħata skont l-istrument SAFE, u li ma jipprevedix għall-possibbiltà li dan jiġi emendat b’mod sostanzjali. Meta tapplika l-paragrafi 2 u 3, l-awtorità kontraenti li tkun ikkonkludiet il-ftehim qafas jew il-kuntratt għandha tikseb il-qbil bil-quddiem mingħand l-impriża li magħha tkun ikkonkludiet dak il-ftehim qafas jew il-kuntratt.
2. Awtorità kontraenti ta’ Stat Membru tista’ timmodifika ftehim qafas jew kuntratt eżistenti għal prodotti tad-difiża, meta dak il-ftehim qafas jew kuntratt ikun ġie konkluż ma’ impriża konformi ma’ kriterji ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 16(3) sa (13) ta’ dan ir-Regolament, biex iżżid awtoritajiet kontraenti ġodda minn pajjiżi li jipparteċipaw fl-akkwist bħala partijiet għal dak il-ftehim qafas jew il-kuntratt. L-Artikolu 29(2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2009/81/KE ma għandux japplika għall-awtoritajiet kontraenti li oriġinarjament ma jkunux parti għall-ftehim qafas jew kuntratt.
3. B’deroga mill-Artikolu 29(2), it-tielet subparagrafu, tad-Direttiva 2009/81/KE, awtorità kontraenti ta’ Stat Membru tista’ tagħmel emendi sostanzjali fil-kwantitajiet stabbiliti fi ftehim qafas jew kuntratt, bi stima tal-valur li taqbeż il-livelli limitu stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/81/KE, meta dak il-ftehim qafas jew il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ impriża li tikkonformi ma’ kriterji ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 16(3) sa (13) ta’ dan ir-Regolament, u dment li l-modifika tkun strettament meħtieġa għall-applikazzjoni tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
4. Għall-fini tal-kalkolu tal-valur imsemmi fil-paragrafu 3, il-valur aġġornat għandu jkun il-punt ta’ referenza meta l-kuntratt ikun fih klawżoli tal-indiċjar.
5. Awtorità kontraenti li tkun immodifikat ftehim qafas jew kuntratt fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 jew 3 ta’ dan l-Artikolu għandha tippubblika avviż għal dak l-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2009/81/KE.
6. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, għandu japplika l-prinċipju ta’ drittijiet u obbligi ugwali bejn l-awtoritajiet kontraenti li huma parti għall-ftehim qafas jew il-kuntratt, b’mod partikolari fir-rigward tal-kost tal-kwantitajiet addizzjonali akkwistati.
Artikolu 19
Każijiet li jiġġustifikaw l-użu tal-proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt fil-kuntest ta’ akkwist appoġġat mill-istrument SAFE
L-akkwisti li jinvolvu mill-inqas Stat Membru wieħed li jirċievi assistenza finanzjarja skont l-istrument SAFE għandhom jitqiesu li jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ urġenza li tirriżulta minn kriżi għall-finijiet tal-Artikolu 28(1), il-punt (c), tad-Direttiva 2009/81/KE.
Artikolu 20
Eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni u l-provvista ta’ prodotti tad-difiża
1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-provvisti, l-akkwisti intra-Komunitarji u l-importazzjoni ta’ prodotti tad-difiża jew ta’ prodotti oħra għal finijiet tad-difiża li jsiru taħt kuntratti li jirriżultaw minn akkwisti appoġġati mill-istrument SAFE għandhom jiġu eżentati mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) applikabbli skont id-Direttiva 2006/112/KE. L-eżenzjoni għandha ssir permezz ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti.
2. Iċ-ċertifikat tal-eżenzjoni mill-VAT li jinsab fl-Anness għandu jservi bħala l-konferma li t-tranżazzjoni tikkwalifika għall-eżenzjoni mill-VAT skont dan ir-Regolament. Dak iċ-ċertifikat għandu jiġi ttimbrat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-entità li takkwista l-prodotti tad-difiża jew prodotti oħra għal finijiet tad-difiża taħt kuntratti li jirriżultaw mill-akkwisti appoġġati mill-istrument SAFE u miżmuma mill-fornitur ta’ dawk il-prodotti bħala parti mir-rekords tagħhom.
Artikolu 21
Applikazzjoni tar-regoli dwar informazzjoni klassifikata u informazzjoni sensittiva
1. Il-Kummissjoni għandha tuża sistema ta’ skambju sigur biex tiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni klassifikata u tal-informazzjoni sensittiva bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u pajjiżi u, meta xieraq, mal-kuntratturi jew riċevituri finali oħra.
2. Il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni, inkluż l-informazzjoni klassifikata, strettament meħtieġa għall-fini biex tivverifika l-kundizzjonijiet għall-iżborż tal-pagamenti u twettaq il-verifiki, ir-rieżamijiet, l-awditjar, l-investigazzjonijiet, ir-rapporti kif ukoll il-kontrolli u l-awditjar, kif imsemmi fl-Artikolu 14.
Artikolu 22
Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità
1. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jinvolvu ruħhom f’attivitajiet tal-komunikazzjoni biex jiżguraw il-viżibbiltà tal-Unjoni fir-rigward l-assistenza finanzjarja prevista fil-pjanijiet ta’ investiment rilevanti għall-industrija Ewropea tad-difiża, inkluż b’attivitajiet tal-komunikazzjoni konġunti mal-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati, filwaqt li jqisu kif xieraq ir-rekwiżiti tas-sigurtà. Il-Kummissjoni tista’, kif xieraq, tiżgura li l-appoġġ skont l-istrument SAFE jiġi kkomunikat u rikonoxxut b’dikjarazzjoni tal-finanzjament.
2. L-Istati Membri li jibbenefikaw minn assistenza finanzjarja skont l-istrument SAFE għandhom jiżguraw il-viżibbiltà tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni, filwaqt li jqisu kif xieraq ir-rekwiżiti tas-sigurtà, inkluż, meta applikabbli, billi juru l-emblema tal-Unjoni u dikjarazzjoni tal-finanzjament xierqa li tkun tgħid “b’fondi tal-Unjoni Ewropea – SAFE”, b’mod partikolari meta jkunu qed jippromwovu l-akkwisti komuni u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata għal diversi udjenzi, inkluż il-midja u l-pubbliku.
3. Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni relatati mal-istrument SAFE, ma’ azzjonijiet li jittieħdu skont dan u mar-riżultati miksuba minnu. Il-Kummissjoni għandha, meta jkun xieraq, tinforma lill-uffiċċji tar-rappreżentanza tal-Parlament Ewropew bl-azzjonijiet tagħha u tinvolvihom f’dawk l-azzjonijiet.
Artikolu 23
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Mejju 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
A. SZŁAPKA
(1) Ir-Regolament (UE) 2023/1525 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar l-appoġġ għall-produzzjoni tal-munizzjon (ASAP) (ĠU L 185, 24.7.2023, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1525/oj).
(2) Ir-Regolament (UE) 2023/2418 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 dwar l-istabbiliment ta’ strument għat-tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Akkwist Komuni (EDIRPA) (ĠU L, 2023/2418, 26.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2418/oj).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li tistabbilixxi Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) u li tiddetermina l-lista ta’ Stati Membri parteċipanti (ĠU L 331, 14.12.2017, p. 57, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/2315/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni (ĠU L, 79 I, 21.3.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/452/oj).
(5) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).
(6) Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/81/oj).
(7) Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ta’ 28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/112/oj).
(8) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2092/oj).
(9) Ir-Regolament (UE) 2018/1092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 li jistabbilixxi l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża bil-għan li jappoġġa l-kompetittività u l-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni (ĠU L 200, 7.8.2018, p. 30, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1092/oj).
(10) Ir-Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1092 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 149, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/697/oj).
ANNESS
ĊERTIFIKAT TAL-EŻENZJONI MILL-VAT TAL-ISTRUMENT SAFE
|
Nru tas-Serje (fakultattiv): |
|||||||||
|
|||||||||
|
Deżinjazzjoni/isem |
|||||||||
|
Triq u numru |
|||||||||
|
Kodiċi postali, lokalità |
|||||||||
|
Stat Membru tal-entità |
|||||||||
|
|||||||||
L-entità eliġibbli b’dan tiddikjara li l-prodotti li jinsabu fil-kaxxa 4 huma ffinanzjati taħt l-istrument SAFE. |
|||||||||
|
|
|||||||||
|
L-entità eliġibbli qiegħda b’dan tintrabat li tħallas lill-Istat Membru li fih jinsab il-post tal-forniment ta’ prodotti tad-difiża jew ta’ prodotti oħra għal finijiet tad-difiża akkwistati, il-VAT li tkun dovuta kieku dawn il-prodotti ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet tal-eżenzjoni. |
|||||||||
|
|
|||||||||
|
Post, data |
Isem u status tal-firmatarju |
||||||||
|
|
|||||||||
|
Firma |
|||||||||
|
|||||||||
|
|||||||||
|
|||||||||
|
|||||||||
|
|||||||||
|
|||||||||
|
Nru |
Deskrizzjoni dettaljata tal-prodotti (jew referenza għall-formola tal-ordni mehmuża) |
Kwantità jew numru |
Valur VAT eskluża |
Munita |
|||||
|
|
|
|
Valur kull unità |
Valur totali |
|
||||
|
|
|
|
|
|
|
||||
|
|
|
|
|
|
|
||||
|
|
|
|
|
|
|
||||
|
|
|
|
|
|
|
||||
|
|
|
|
|
|
|
||||
|
|
|
Ammont totali |
|
||||||
|
|
|||||||||
|
|||||||||
|
Il-kunsinna/forniment tal-prodotti deskritti fil-kaxxa 4 jilħqu l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mill-VAT. |
|||||||||
|
|
|||||||||
|
Post, data |
Timbru |
Isem u status tal-firmatarju |
|||||||
|
|
|||||||||
|
Firma |
|||||||||
|
|
|||||||||
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1106/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)