European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/843

15.7.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/843

tal-5 ta’ Mejju 2025

li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-UV–328

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-pollutanti organiċi persistenti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/1021 jimplimenta l-impenji tal-Unjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma tal-2001 dwar il-Pollutanti Organiċi Persistenti (2) (“il-Konvenzjoni”) u skont il-Protokoll għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini u fit-Tul tal-Arja fuq Pollutanti Organiċi Persistenti (3) (“il-Protokoll”).

(2)

L-Anness A tal-Konvenzjoni fih lista ta’ sustanzi kimiċi. Kull Parti għall-Konvenzjoni għandha tipprojbixxi s-sustanzi kimiċi fil-lista u/jew tieħu l-miżuri legali u amministrattivi meħtieġa biex telimina l-produzzjoni, l-użu, l-importazzjoni u l-esportazzjoni tagħhom.

(3)

Waqt il-11-il laqgħa tagħha, li saret bejn l-1 u t-12 ta’ Mejju 2023, il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ddeċidiet, skont l-Artikolu 8(9) tal-Konvenzjoni, li temenda l-Anness A tal-Konvenzjoni biex tinkludi l-UV–328 f’dak l-Anness b’eżenzjonijiet speċifiċi. L-Unjoni appoġġjat l-inklużjoni tal-UV–328 fl-Anness A b’eżenzjonijiet speċifiċi kif stipulat fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1006 (4).

(4)

Għalhekk jenħtieġ li anki l-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021, li fiha lista tas-sustanzi elenkati fil-Konvenzjoni u fil-Protokoll, kif ukoll is-sustanzi li hemm elenkati biss fil-Konvenzjoni, tiġi emendata biex tinkludi l-UV–328.

(5)

L-UV–328 huwa inkluż fl-Anness XIV tar-Regolament (UE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), bl-aħħar data tal-applikazzjoni fis-27 ta’ Mejju 2022 u data tat-terminazzjoni fis-27 ta’ Novembru 2023. Ma tressqet l-ebda applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. Fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1907/2006, l-UV–328 ma jistax jintuża fl-UE, iżda xorta jista’ jiġi importat f’oġġetti.

(6)

L-ECHA għamlet sejħa għal informazzjoni mill-31 ta’ Mejju sat-18 ta’ Awwissu 2023. Il-kummenti li ġew ippreżentati jaqblu mal-ħtieġa għall-eżenzjonijiet speċifiċi inklużi fid-Deċiżjoni SC-11/11 tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni, pereżempju għall-vetturi motorizzati għall-użu fuq l-art, għas-separaturi mekkaniċi f’tubi għall-ġbir tad-demm, għall-polarizzaturi, għall-karta fotografika, u għall-ispare parts.

(7)

Sabiex tista’ ssir l-importazzjoni ta’ ċerti oġġetti li fihom l-UV–328 sakemm din is-sustanza tiġi sostitwita kompletament, ċerti eżenzjonijiet speċifiċi inklużi fid-deċiżjoni SC-11/11 jenħtieġ li jingħataw fl-Unjoni għal perjodu ta’ 5 snin fir-rigward tat-tqegħid fis-suq tal-UV–328 f’ċerti oġġetti u tal-użu ta’ oġġetti bħal dawn li fihom l-UV–328. Dan jikkonċerna l-oġġetti li ġejjin: is-separaturi mekkaniċi fit-tubi tal-ġbir tad-demm, il-film taċ-ċelluloża trijaċetil fil-polarizzaturi, u l-karta fotografika. Jenħtieġ li jingħataw ukoll eżenzjonijiet għal oġġetti f’vetturi motorizzati għall-użu fuq l-art. Il-vetturi motorizzati għall-użu fuq l-art jinkludu l-karozzi, il-muturi, il-vetturi motorizzati għall-agrikoltura u għall-kostruzzjoni, u t-trakkijiet industrijali, inklużi l-vetturi motorizzati koperti mir-Regolamenti (UE) 2018/858 (6), (UE) Nru 167/2013 (7) u (UE) Nru 168/2013 (8) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(8)

Barra minn hekk, jenħtieġ li jingħataw ukoll eżenzjonijiet għall-oġġetti li ġejjin, li huma miksijin b’taħlitiet li fihom l-UV–328: vetturi motorizzati għall-użu fuq l-art, magni tal-inġinerija, vetturi tat-trasport bil-ferrovija, u strutturi kbar tal-azzar b’kisi li jiflaħ għall-istrapazz. Barra minn hekk, jenħtieġ li, f’konformità mad-deċiżjoni SC-11/11, tingħata wkoll eżenzjoni għat-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ spare parts għal ċerti applikazzjonijiet fejn l-UV–328 kien inizjalment użat fil-produzzjoni tagħhom.

(9)

L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2019/1021 jipprojbixxi l-manifattura, it-tqegħid fis-suq, u l-użu ta’ sustanzi elenkati fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament, kemm jekk waħedhom, f’taħlitiet, jew f’oġġetti. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-oġġetti li fihom il-UV–328 u li huma prodotti jew introdotti fis-suq skont eżenzjoni stabbilita fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament u li kienu diġà qed jintużaw fid-data ta’ skadenza tal-eżenzjoni rilevanti, jitħallew ikomplu jintużaw wara dik id-data.

(10)

Permezz tal-mekkaniżmu ta’ feedback pubbliku ġiet ipprovduta informazzjoni li ħafna inġenji tal-ajru li għandhom jiġu kkonsenjati lil-linji tal-ajru tal-UE fil-5 snin li ġejjin u l-ispare parts għal inġenji tal-ajru bħal dawn fihom l-UV–328. Sabiex jiġu evitati konsegwenzi serji għal-linji tal-ajru tal-UE, jenħtieġ li tingħata eżenzjoni li tippermetti l-konsenja kontinwa ta’ tali inġenji tal-ajru u spare parts għall-inġenji tal-ajru.

(11)

Biex jissaħħu l-applikazzjoni u l-infurzar fl-Unjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2019/1021, jenħtieġ li jiġi stabbilit valur limitu għall-UV–328 li jfeġġ bħala kontaminant traċċa mhux intenzjonat fis-sustanzi, fit-taħlitiet, jew fl-oġġetti. Sabiex il-laboratorji jkunu jistgħu jtejbu l-akkuratezza tal-metodi analitiċi rilevanti u biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi u adegwata tagħhom, jenħtieġ li l-limitu tal-kontaminanti traċċa mhux intenzjonat jiġi stabbilit għal 100 mg/kg mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, għal 10 mg/kg sentejn wara d-dħul fis-seħħ, u għal 1 mg/kg 4 snin wara d-dħul fis-seħħ.

(12)

Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) 2019/1021 jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 169, 25.6.2019, p. 45, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1021/oj.

(2)   ĠU L 209, 31.7.2006, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/convention/2006/507/oj.

(3)   ĠU L 81, 19.3.2004, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/prot/2004/259/oj.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1006 tal-25 ta’ April 2023 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-ħdax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes fir-rigward tal-proposti għall-emenda tal-Anness A għal dik il-Konvenzjoni (ĠU L 136, 24.5.2023, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1006/oj).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE, u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1907/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/858/oj).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/167/oj).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 52, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/168/oj).


ANNESS

Fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021, tiżdied l-entrata li ġejja:

Sustanza

Nru CAS

Nru KE

Eżenzjoni speċifika fuq l-użu intermedju jew speċifikazzjoni oħra

“2-(2H-benzotriazol-2-il)-4,6-di-tert-pentilfenol

(UV-328)

25973-55-1

247-384-8

1.

Għall-finijiet ta’ din l-entrata, l-Artikolu 4(1), il-punt (b), għandu japplika għall-konċentrazzjonijiet tal-UV-328 ekwivalenti għall-ammont li ġej jew inqas minnu:

(a)

100 mg/kg (0,01 % skont il-piż) minn 4 ta’ Awwissu 2025;

(b)

10 mg/kg (0,001 % skont il-piż) minn 4 ta’ Awwissu 2027;

(c)

1 mg/kg (0,0001 % skont il-piż) minn 4 ta’ Awwissu 2029;

fejn ikunu preżenti f’sustanzi, taħlitiet, jew oġġetti.

2.

L-introduzzjoni fis-suq u l-użu tal-UV-328 preżenti f’oġġetti u l-użu ta’ tali oġġetti għandhom ikunu permessi b’deroga għall-iskopijiet li ġejjin:

(a)

f’vetturi motorizzati għall-użu fuq l-art, sa 4 ta’ Awwissu 2030;

(b)

f’kisi industrijali għal vetturi motorizzati għall-użu fuq l-art, f’magni tal-inġinerija, f’vetturi għat-trasport bil-ferrovija, u f’kisi li jiflaħ għall-istrapazz għal strutturi kbar tal-azzar, sa 4 ta’ Awwissu 2030;

(c)

f’separaturi mekkaniċi fit-tubi għall-ġbir tad-demm, sa 4 ta’ Awwissu 2030;

(d)

fil-film taċ-ċelluloża trijaċetil fil-polarizzaturi, sa 4 ta’ Awwissu 2030;

(e)

fil-karta fotografika, sa 4 ta’ Awwissu 2030;

(f)

f’inġenji tal-ajru ċivili u militari, sa 4 ta’ Awwissu 2030;

(g)

fi spare parts għal kwalunkwe wieħed jew waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

vetturi motorizzati għall-użu fuq l-art;

(ii)

magni industrijali stazzjonarji għall-użu fl-agrikoltura, fil-forestrija, u fil-kostruzzjoni;

(iii)

skrins tal-kristalli likwidi fi strumenti għall-analiżi, għall-kejl, għall-kontroll, għall-monitoraġġ, għall-ittestjar, għall-produzzjoni, u għall-ispezzjoni, għajr għall-applikazzjonijiet mediċi;

fejn il-UV-328 kien inizjalment użat fil-produzzjoni tagħhom, sa tmiem il-ħajja operattiva tagħhom jew sal-31 ta’ Diċembru 2043, skont liema jiġi l-ewwel;

(h)

fi spare parts għal kwalunkwe wieħed jew waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

skrins tal-kristalli likwidi f’apparati fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/745, u fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/746 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(ii)

skrins tal-kristalli likwidi fi strumenti għall-analiżi, għall-kejl, għall-kontroll, għall-ittestjar, għall-produzzjoni, u għall-ispezzjoni;

fejn il-UV-328 kien inizjalment użat fil-produzzjoni tagħhom, sa tmiem il-ħajja operattiva tagħhom;

(i)

fl-ispare parts għall-inġenji tal-ajru ċivili u militari fejn l-UV-328 inizjalment intuża fil-produzzjoni tagħhom, sal-31 ta’ Diċembru 2030.

3.

L-oġġetti li jkun fihom l-UV-328 li kienu diġà qed jintużaw fl-Unjoni qabel id-data tal-iskadenza tal-eżenzjoni rilevanti jew f’dik id-data stabbilita fil-punt 2(a) sa (i) jistgħu jibqgħu jintużaw.


(*1)  Ir-Regolament (UE) 2017/746 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi dijanjostiċi in vitro u li jħassar id-Direttiva 98/79/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/227/UE (ĠU L 117, 5.5.2017, p. 176, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/746/oj).”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/843/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)