European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/673

4.4.2025

DEĊIŻJONI (UE) 2025/673 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-24 ta’ Marzu 2025

li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2023/1681 dwar l-għoti lill-Bank Ċentrali Ewropew ta’ data superviżorja rrapportata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mill-entitajiet taħt superviżjoni (BĊE/2023/18) (BĊE/2025/10)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 21 u l-Artikolu 140(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Bord Superviżorju,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tistabbilixxi regoli għas-superviżjoni supplimentari ta’ entitajiet regolati li kisbu awtorizzazzjoni skont ir-regoli tal-Unjoni u li huma parti minn konglomerat finanzjarju.

(2)

Skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2002/87/KE, entitajiet regolati jew kumpanniji holding finanzjarji mħallta huma meħtieġa mill-Istati Membri jirrapportaw fuq bażi regolari u mill-inqas darba fis-sena lill-koordinatur kwalunkwe konċentrazzjoni ta’ riskju sinifikanti fil-livell tal-konglomerat finanzjarju. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(2) tal-istess att, dawn l-entitajiet huma wkoll obbligati jirrapportaw lill-koordinatur, fuq bażi regolari u mill-inqas darba fis-sena, it-tranżazzjonijiet intragrupp sinifikanti kollha fil-livell ta’ konglomerat finanzjarju.

(3)

Sabiex tiġi rrapportata d-data dwar konċentrazzjonijiet sinifikanti tar-riskju u tranżazzjonijiet intragrupp sinifikanti, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2454 (4) jistabbilixxi l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni, il-frekwenza u l-format tad-data li għandha tiġi rrapportata.

(4)

Skont l-Artikolu 4(1), il-punt (h), tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jassumi l-kompiti ta’ koordinatur ta’ konglomerat finanzjarju u, bħala tali, għandu jirċievi l-informazzjoni li għandha tiġi rrapportata fl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2002/87/KE.

(5)

Id-Deċiżjoni (UE) 2023/1681 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2023/18) (5) tistabbilixxi proċeduri dwar is-sottomissjoni lill-BĊE ta’ informazzjoni rrapportata lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali (ANK) minn entitajiet taħt superviżjoni.

(6)

Sabiex jittejbu l-effiċjenza u l-kwalità tal-proċedura, huwa xieraq li tiġi emendata l-proċedura għar-rapportar tad-data dwar konċentrazzjonijiet sinifikanti tar-riskju u tranżazzjonijiet intragrupp sinifikanti fil-livell tal-konglomerat finanzjarju. Bħal fil-każ ta’ informazzjoni oħra rrapportata fuq bażi regolari f’konformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni, id-data dwar konċentrazzjonijiet tar-riskju sinifikanti u tranżazzjonijiet intragrupp sinifikanti għandha tiġi sottomessa minn entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni lill-ANK. L-ANK għandhom iwettqu l-kontrolli inizjali tad-data u jagħmlu l-informazzjoni disponibbli lill-BĊE.

(7)

Għalhekk huwa xieraq li d-Deċiżjoni BĊE/2023/18 tiġi emendata biex tinkludi wkoll is-sottomissjoni lill-BĊE ta’ informazzjoni dwar konċentrazzjonijiet sinifikanti tar-riskju u tranżazzjonijiet intragrupp sinifikanti rrapportati lill-ANK minn entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni.

(8)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni BĊE/2023/18 għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni BĊE/2023/18 hija emendata kif ġej:

1)

L-Artikolu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Bis-saħħa tal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), din id-Deċiżjoni tistabbilixxi proċeduri li jikkonċernaw is-sottomissjoni lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ta’ informazzjoni rrapportata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK) minn entitajiet taħt superviżjoni, skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2070 (*1), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/451 (*2), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/453 (*3) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2454 (*4).

(*1)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kumissjoni (UE) 2016/2070 tal-14 ta’ Settembru 2016 li jistipula l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-formoli, definizzjonijiet, u soluzzjonijiet tal-IT li għandhom jintużaw mill-istituzzjonijiet meta jirrapportaw lill-Awtorità Bankarja Ewropea u lil awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 78(2) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 2.12.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/2070/oj);"

(*2)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/451 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rapportar superviżorju tal-istituzzjonijiet u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014 (ĠU L 97, 19.3.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/451/oj);"

(*3)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/453 tal-15 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi ta’ rapportar għar-riskju tas-suq (ĠU L 89, 16.3.2021, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/453/oj);"

(*4)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2454 tal-14 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rapportar superviżorju ta’ konċentrazzjonijiet tar-riskju u tranżazzjonijiet intragrupp (ĠU L 324, 19.12.2022, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/2454/oj)”."

2)

Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 3 li ġej huwa miżjud:

“3.   L-ANK għandhom jissottomettu lill-BĊE l-informazzjoni rrapportata lilhom minn entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2454. L-ANK għandhom jissottomettu dik l-informazzjoni malli jirċievu s-sottomissjonijiet tad-data, u wara li jwettqu l-kontrolli tad-data inizjali speċifikati fl-Artikolu 6, mingħajr dewmien żejjed.”

.

3)

Fl-Artikolu 4(2), jiżdied il-punt (c) li ġej:

“(c)

għall-entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni li jmexxu l-konglomerati finanzjarji fejn il-BĊE huwa koordinatur, sal-25 jum tax-xogħol wara d-dati ta’ rimessa rilevanti kif miftiehem mill-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti rilevanti skont l-Artikolu 2(3) u 3(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2303 (*5).

(*5)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2303 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta d-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-definizzjonijiet u jikkoordinaw is-superviżjoni supplimentari tar-riskju tat-tranżazzjonijiet intragrupp (ĠU L 326, 11.12.2015, p. 34, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/2303/oj).”."

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum meta tiġi nnotifikata lid-destinatarji.

Artikolu 3

Destinatarji

Din id-Deciżjoni hija indirizzata lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri partecipanti.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-24 ta’ Marzu 2025.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)   ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1024/oj.

(2)   ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/468/oj.

(3)   Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar is-superviżjoni supplimentari ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, impriżi tal-assigurazzjoni u ditti ta’ l-investiment f’konglomerat finanzjarju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 79/267/KEE, 92/49/KEE, 92/96/KEE, 93/6/KEE u 93/22/KEE, u d-Direttivi 98/78/KE u 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 35, 11.2.2003, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/87/oj).

(4)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2454 tal-14 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rapportar superviżorju ta’ konċentrazzjonijiet tar-riskju u tranżazzjonijiet intragrupp (ĠU L 324, 19.12.2022, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/2454/oj).

(5)  Deċiżjoni (UE) 2023/1681 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta’ Awwissu 2023 dwar l-għoti lill-Bank Ċentrali Ewropew ta’ data superviżorja rrapporata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mill-entitajiet taħt superviżjoni (BĊE/2023/18) (ĠU L 216, 1.9.2023, p. 105, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1681/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/673/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)