![]() |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
2025/362 |
24.2.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/362
tal-21 ta’ Frar 2025
li tipposponi l-iskadenza tal-approvazzjoni tas-cypermethrin għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,
Billi:
(1) |
Is-cypermethrin ġie approvat bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 945/2013 (2), soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta’ dak ir-Regolament. |
(2) |
L-approvazzjoni tas-cypermethrin għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 (“l-approvazzjoni”) se tiskadi fil-31 ta’ Mejju 2025. Fl-24 ta’ Novembru 2023, tressqet applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni (“l-applikazzjoni”). |
(3) |
Fit-22 ta’ Mejju 2024, l-awtorità kompetenti li tevalwa tal-Belġju infurmat lill-Kummissjoni li kienet iddeċidiet, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li kienet meħtieġa evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni. Skont l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti li tevalwa trid twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni fi żmien 365 jum mill-validazzjoni tagħha. |
(4) |
L-awtorità kompetenti li tevalwa tista’, skont il-każ, teżiġi li l-applikant jipprovdi biżżejjed data biex titwettaq l-evalwazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. F’dak il-każ, il-perjodu ta’ 365 jum jiġi sospiż għal perjodu li ma jistax jaqbeż il-180 jum b’kollox, sakemm ma tkunx iġġustifikata sospensjoni itwal minħabba n-natura tad-data rikjesta jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali. |
(5) |
Fi żmien 270 jum minn meta tirċievi rakkomandazzjoni mingħand l-awtorità kompetenti li tevalwa, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi trid tħejji u tippreżenta opinjoni lill-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. |
(6) |
Għaldaqstant, għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-applikant, l-approvazzjoni aktarx tiskadi qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha. Għalhekk, jixraq li d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tiġi posposta għal perjodu twil biżżejjed biex l-applikazzjoni tkun tista’ tiġi eżaminata. Wara li tqiesu l-limiti ta’ żmien għall-evalwazzjonijiet mill-awtorità kompetenti li tevalwa, għat-tħejjija u għall-preżentazzjoni mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi tal-opinjoni tagħha u ż-żmien meħtieġ biex il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk iġġeddidx l-approvazzjoni, jenħtieġ li d-data tal-iskadenza tiġi posposta għat-30 ta’ Novembru 2027. |
(7) |
Wara l-posponiment tad-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni, is-cypermethrin jibqa’ approvat għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 945/2013, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tas-cypermethrin għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8, stabbilita fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 945/2013, hija posposta għat-30 ta’ Novembru 2027.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Frar 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/528/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 945/2013 tat-2 ta’ Ottubru 2013 li japprova ċ-ċipermetrina bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 8 (ĠU L 261, 3.10.2013, p. 23, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/945/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/362/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)