European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/298

13.2.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/298

tal-31 ta’ Ottubru 2024

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-metodoloġija għall-istima tal-għadd u l-valur tat-tranżazzjonijiet assoċjati mal-użi ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi u ta’ tokens tal-flus elettroniċi denominati f’munita li mhijiex munita uffiċjali ta’ Stat Membru bħala mezz ta’ skambju

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 22(6), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kunċett ta’ “tranżazzjoni” fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114 huwa indifferenti fir-rigward tat-tip ta’ kartieri użati mill-pagatur jew mill-prenditur biex tinbeda jew tiġi riċevuta tranżazzjoni assoċjata mal-użu ta’ token irreferenzjat ma’ assi bħala mezz ta’ skambju. Għaldaqstant, biex tiġi speċifikata l-metodoloġija msemmija fl-Artikolu 22(6) tar-Regolament (UE) 2023/1114, huwa meħtieġ li jitqies li r-rapportar fl-Artikolu 22(1), il-punt (d), ta’ dak ir-Regolament jenħtieġ li jinkludi tranżazzjonijiet bejn kartieri ta’ kustodja kif ukoll tranżazzjonijiet bejn kartiera ta’ kustodja, minn naħa waħda, u kartiera mhux ta’ kustodja jew tipi oħra ta’ indirizzi ta’ reġistru distribwit li mhumiex ikkontrollati minn detentur ta’ token irreferenzjat ma’ assi jew minn fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi, min-naħa l-oħra. It-tranżazzjonijiet bejn kartieri mhux ta’ kustodja, jew bejn kartieri mhux ta’ kustodja u tipi oħra ta’ indirizzi ta’ reġistru distribwit li mhumiex ikkontrollati minn detentur ta’ token irreferenzjat ma’ assi jew minn fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi, jenħtieġ li ma jiġux inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-rapportar fl-Artikolu 22(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2023/1114, filwaqt li jitqies li l-emittenti jista’ ma jkollhomx l-informazzjoni meħtieġa biex jirrapportaw tali tranżazzjonijiet skont dawk id-dispożizzjonijiet. Dak jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ rapportar tal-emittenti fir-rigward ta’ tali tranżazzjonijiet skont l-Artikolu 22(1), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2023/1114 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2902 (2).

(2)

Skont l-Artikolu 22(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2023/1114, it-tranżazzjonijiet assoċjati mal-użi bħala mezz ta’ skambju huma biss tranżazzjonijiet li jwasslu għal bidla fil-persuna fiżika jew ġuridika intitolata għat-token irreferenzjat ma’ assi. Dan japplika anki meta s-sid benefiċjarju skont it-tifsira tal-punt (6) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jibqa’ l-istess, u irrispettivament minn jekk dawk it-tranżazzjonijiet jiġux saldati fir-reġistru distribwit (“on-chain”) jew barra mir-reġistru distribwit (“off-chain”). Għaldaqstant, għall-fini tar-rapportar skont l-Artikolu 22(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2023/1114, id-data li għandha tiġi rrapportata mill-emittent lill-awtorità kompetenti jenħtieġ li ma tinkludix trasferimenti ta’ token irreferenzjat ma’ assi bejn indirizzi jew kontijiet differenti tal-istess persuna.

(3)

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114 jipprevedi li ċerti tranżazzjonijiet ma għandhomx jitqiesu bħala assoċjati mal-użi ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi bħala mezz ta’ skambju. B’mod partikolari, kif iċċarat fil-premessa 61 ta’ dak ir-Regolament, it-tranżazzjonijiet assoċjati mal-użi ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi bħala mezz ta’ skambju huma dawk it-tranżazzjonijiet assoċjati ma’ pagamenti ta’ djun inkluż fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet ma’ negozjanti u jenħtieġ li ma jinkludux tranżazzjonijiet assoċjati ma’ funzjonijiet u servizzi ta’ investiment, bħal mezz ta’ skambju għal fondi jew kriptoassi oħra, sakemm ma jkunx hemm evidenza li t-token irreferenzjat ma’ assi jintuża għas-saldu ta’ tranżazzjonijiet fi kriptoassi oħrajn. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat aktar it-tip ta’ tranżazzjonijiet li għandhom jiġu rrapportati skont l-Artikolu 22(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2023/1114.

(4)

Jenħtieġ li l-emittent jistma l-għadd u l-valur tat-tranżazzjonijiet assoċjati mal-użi ta’ token irreferenzjat ma’ assi bħala mezz ta’ skambju kif imsemmi fl-Artikolu 22(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2023/1114 billi jnaqqas mill-għadd u mill-valur totali tat-tranżazzjonijiet saldati fit-token irreferenzjat ma’ assi, matul it-trimestru rilevanti, it-tranżazzjonijiet fejn it-token irreferenzjat ma’ assi jiġi skambjat ma’ fondi jew ma’ kriptoassi oħra mal-emittent jew ma’ fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi, tranżazzjonijiet fejn it-token irreferenzjat ma’ assi jintuża bħala kollateral għall-fini tat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet bi strumenti finanzjarji u tranżazzjonijiet fejn it-token irreferenzjat ma’ assi jintuża għas-saldu ta’ kuntratt derivattiv. Barra minn hekk, l-emittent jista’ jnaqqas ukoll tranżazzjonijiet oħrajn bit-token irreferenzjat ma’ assi meta l-emittent ikollu motivi raġonevoli biex jassumi li l-iskop tat-tranżazzjonijiet rispettivi ma jkunx li jsir ħlas għal oġġetti jew servizzi, dment li l-emittent ikun jista’ juri lill-awtorità kompetenti, fuq talba, li kellu motivi raġonevoli biex jassumi li dawk it-tranżazzjonijiet ma humiex relatati mal-użu tat-token irreferenzjat ma’ assi biex isir ħlas għal oġġetti jew servizzi.

(5)

Jenħtieġ li t-tranżazzjonijiet assoċjati mal-użi ta’ token irreferenzjat ma’ assi bħala mezz ta’ skambju jinkludu wkoll tranżazzjonijiet fejn kriptoassi wieħed jew aktar li jkunu differenti mit-token irreferenzjat ma’ assi jintużaw biex jitħallsu oġġetti u servizzi, dment li dawk it-tranżazzjonijiet jiġu saldati fit-token irreferenzjat ma’ assi. Dak jista’ jinkludi, pereżempju, każijiet fejn token irreferenzjat ma’ assi jintuża bħala assi tranżitorju għas-saldu ta’ tranżazzjonijiet bi kriptoassi differenti mit-token irreferenzjat ma’ assi, fejn l-iskop ta’ dik it-tranżazzjoni jkun li jsir ħlas għal oġġetti jew servizzi, u każijiet fejn token irreferenzjat ma’ assi jintuża bħala assi tranżitorju għas-saldu ta’ tranżazzjoni li tinvolvi żewġ kriptoassi differenti mit-token irreferenzjat ma’ assi, fejn l-għan ta’ dik it-tranżazzjoni jkun li jsir ħlas għal oġġetti jew servizzi. B’kuntrast ma’ dan, tranżazzjonijiet fejn il-partijiet ikunu jixtiequ jinnegozjaw jew jiskambjaw żewġ kriptoassi distinti differenti mit-token irreferenzjat ma’ assi u jaqblu li jsaldaw it-tranżazzjoni bl-użu ta’ token irreferenzjat ma’ assi, mingħajr ma l-iskop tat-tranżazzjoni sottostanti jkun li jsir ħlas għal oġġetti jew servizzi, jenħtieġ li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-rapportar fl-Artikolu 22(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2023/1114.

(6)

Jenħtieġ li l-emittent jiddetermina għal kull tranżazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2023/1114, iż-żona tal-munita unika li għaliha jenħtieġ li tiġi rrapportata dik it-tranżazzjoni. It-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 22(1), il-punt (d), ta’ dak ir-Regolament jenħtieġ li jkopru tranżazzjonijiet fejn kemm il-pagatur kif ukoll il-prenditur jkunu jinsabu fl-istess żona ta’ munita unika fl-Unjoni.

(7)

Sabiex jiġi żgurat li l-għadd medju trimestrali u l-valur aggregat medju tat-tranżazzjonijiet għal kull jum jiġu stmati abbażi ta’ data affidabbli u soda u sabiex tittejjeb il-kwalità tar-rapportar, jenħtieġ li l-emittent ikollu sistemi u proċeduri fis-seħħ li jippermettulu jirrikonċilja d-data riċevuta mill-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi tal-prenditur jew, fil-każ ta’ tranżazzjonijiet minn kartiera ta’ kustodja għal kartiera mhux ta’ kustodja, id-data riċevuta mill-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi tal-pagatur, skont l-Artikolu 22(3) tar-Regolament (UE) 2023/1114 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2902 mad-data disponibbli għall-emittent minn sorsi oħra, inkluża, fejn applikabbli, data tranżazzjonali disponibbli fir-reġistru distribwit.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 58(3) tar-Regolament (UE) 2023/1114, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 22 u 23, u l-Artikolu 24(3) ta’ dak ir-Regolament għandhom japplikaw ukoll għat-tokens tal-flus elettroniċi denominati f’munita li mhijiex munita uffiċjali ta’ Stat Membru. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika wkoll mutatis mutandis għal tali tokens tal-flus elettroniċi.

(9)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea.

(10)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqu, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jispeċifika l-metodoloġija sabiex jiġi stmat l-għadd medju trimestrali u l-valur aggregat medju tat-tranżazzjonijiet għal kull jum li huma assoċjati mal-użi ta’ token irreferenzjat ma’ assi bħala mezz ta’ skambju f’żona ta’ munita unika, f’konformità mal-Artikolu 22(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2023/1114.

2.   F’konformità mal-Artikolu 58(3) tar-Regolament (UE) 2023/1114, dan ir-Regolament japplika wkoll mutatis mutandis għat-tokens tal-flus elettroniċi denominati f’munita li mhijiex munita uffiċjali ta’ Stat Membru.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“żona ta’ munita unika” tfisser pajjiż wieħed jew aktar li għandhom l-istess munita uffiċjali;

(2)

“kartiera ta’ kustodja” tfisser indirizz tal-kartiera tal-kriptoassi fejn fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jiżgura s-salvagwardja jew il-kontroll, f’isem il-klijent tiegħu, tal-kriptoassi jew tal-mezzi ta’ aċċess għal tali kriptoassi, fejn applikabbli fil-forma ta’ ċwievet kriptografiċi privati;

(3)

“kartiera mhux ta’ kustodja” tfisser indirizz tal-kartiera tal-kriptoassi fejn l-utent jikkontrolla l-mezzi ta’ aċċess għall-kriptoassi, fejn applikabbli fil-forma ta’ ċwievet kriptografiċi privati.

Artikolu 3

Tranżazzjonijiet assoċjati mal-użi ta’ token irreferenzjat ma’ assi bħala mezz ta’ skambju

1.   L-emittent għandu jistma l-għadd u l-valur tat-tranżazzjonijiet assoċjati mal-użi ta’ token irreferenzjat ma’ assi bħala mezz ta’ skambju, kif imsemmi fl-Artikolu 22(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2023/1114, billi jnaqqas mill-għadd u mill-valur totali tat-tranżazzjonijiet b’dak it-token matul it-trimestru rilevanti dan li ġej:

(a)

tranżazzjonijiet fejn it-token irreferenzjat ma’ assi jiġi skambjat ma’ fondi jew ma’ kriptoassi oħra mal-emittent jew ma’ fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi;

(b)

tranżazzjonijiet fejn it-token irreferenzjat ma’ assi jintuża bħala kollateral għall-fini tat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet bi strumenti finanzjarji;

(c)

tranżazzjonijiet fejn it-token irreferenzjat ma’ assi jintuża għas-saldu ta’ kuntratt tad-derivattivi;

(d)

tranżazzjonijiet oħra bit-token irreferenzjat ma’ assi fejn l-emittent ikollu motivi raġonevoli biex jassumi li l-iskop tat-tranżazzjonijiet rispettivi ma jkunx li jsir ħlas għal oġġetti jew servizzi.

Sabiex jeskludi mill-istima msemmija fl-ewwel subparagrafu t-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu, l-emittent għandu jkun jista’ juri lill-awtorità kompetenti, fuq talba, li kellu motivi raġonevoli biex jassumi li dawk it-tranżazzjonijiet ma humiex relatati mal-użu tat-token irreferenzjat ma’ assi biex isir ħlas għal oġġetti jew servizzi.

2.   It-tranżazzjonijiet assoċjati mal-użi ta’ token irreferenzjat ma’ assi bħala mezz ta’ skambju għandhom jinkludu wkoll tranżazzjonijiet fejn kriptoassi wieħed jew aktar li jkunu differenti mit-token irreferenzjat ma’ assi jintużaw biex jitħallsu oġġetti u servizzi, dment li dawk it-tranżazzjonijiet jiġu saldati fit-token irreferenzjat ma’ assi.

3.   Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fihom dan li ġej:

(a)

tranżazzjonijiet saldati f’reġistru distribwit;

(b)

tranżazzjonijiet saldati barra minn reġistru distribwit;

(c)

tranżazzjonijiet bejn kartieri ta’ kustodja;

(d)

tranżazzjonijiet bejn kartiera ta’ kustodja u kartiera mhux ta’ kustodja jew tip ieħor ta’ indirizzi ta’ reġistru distribwit li ma jkunux ikkontrollati minn detentur ta’ token irreferenzjat ma’ assi jew fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi.

4.   It-tranżazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx jinkludu trasferimenti bejn kontijiet jew indirizzi differenti tal-istess persuna.

5.   It-tranżazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu biss tranżazzjonijiet fejn kemm il-pagatur kif ukoll il-prenditur jkunu jinsabu fl-istess żona ta’ munita unika fl-Unjoni. Il-post ta’ pagatur jew ta’ prenditur jirreferi għar-residenza abitwali tagħhom, għall-persuni fiżiċi, u għall-indirizz tal-uffiċċju rreġistrat, għall-persuni ġuridiċi.

Artikolu 4

Kalkolu tan-għadd medju u l-valur aggregat medju tat-tranżazzjonijiet

1.   L-emittent għandu jikkalkula l-għadd medju trimestrali u l-valur aggregat medju tat-tranżazzjonijiet għal kull jum imsemmija fl-Artikolu 22(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2023/1114 għal kull żona ta’ munita unika, peress li din l-informazzjoni tinsab fid-dati ta’ referenza tar-rapportar li ġejjin: il-31 ta’ Marzu, it-30 ta’ Ġunju, it-30 ta’ Settembru u l-31 ta’ Diċembru.

2.   Il-valur tat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jiġi rrapportat fil-munita uffiċjali tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-emittent.

3.   L-emittent għandu jiddetermina l-valur tat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 kif ġej:

(a)

fejn il-basket ta’ assi referenzjati mit-token irreferenzjat ma’ assi jinkludi munita uffiċjali waħda jew aktar li jkunu differenti mill-munita uffiċjali msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-emittent għandu jiddetermina l-valur tat-tranżazzjonijiet rispettivi għal kull jum billi juża r-rati tal-kambju rilevanti applikabbli fi tmiem kull jum kalendarju matul il-perjodu ta’ rapportar applikabbli f’konformità mal-valwazzjoni, jew mal-prinċipji ta’ valwazzjoni, tat-token irreferenzjat mal-assi msemmi fl-Artikolu 39(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2023/1114;

(b)

fejn il-basket ta’ assi referenzjati mit-token irreferenzjat ma’ assi jinkludi assi għajr munita uffiċjali, l-emittent għandu jiddetermina l-valur tat-tranżazzjonijiet rispettivi għal kull jum billi juża l-prezzijiet tas-suq ikkalkolati fi tmiem kull jum kalendarju matul il-perjodu ta’ rapportar applikabbli, kull meta jkun possibbli, f’konformità mal-valwazzjoni, jew mal-prinċipji ta’ valwazzjoni, tat-token irreferenzjat ma’ assi msemmi fl-Artikolu 39(2), il-punt (c), u l-Artikolu 36(11) u (12) tar-Regolament (UE) 2023/1114;

(c)

fir-rigward tat-tokens tal-flus elettroniċi denominati f’munita li mhijiex munita uffiċjali ta’ Stat Membru, l-emittent għandu jiddetermina l-valur tat-tranżazzjonijiet rispettivi għal kull jum billi juża r-rati tal-kambju rilevanti applikabbli fi tmiem kull jum kalendarju matul il-perjodu ta’ rapportar applikabbli.

Artikolu 5

Il-kwalità tad-data

1.   L-emittent għandu jkollu sistemi u proċeduri fis-seħħ biex jiżgura li d-data ppreżentata lill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 22(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2023/1114 tkun korretta, kompluta u ppreżentata fil-perjodu ta’ żmien stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2902.

2.   Is-sistemi u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jippermettu lill-emittent jirrikonċilja d-data riċevuta mill-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi tal-prenditur, jew, fil-każ ta’ tranżazzjonijiet minn kartiera ta’ kustodja għal kartiera mhux ta’ kustodja, id-data riċevuta mill-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi tal-pagatur skont l-Artikolu 22(3) tar-Regolament (UE) 2023/1114 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2902 mad-data disponibbli għall-emittent minn sorsi oħra, inkluż, fejn applikabbli, data tranżazzjonali disponibbli fir-reġistru distribwit.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1114/oj).

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2902 tal-20 ta’ Novembru 2024 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rapportar relatat ma’ tokens irreferenzjati ma’ assi u ma’ tokens tal-flus elettroniċi denominati f’munita li mhijiex munita uffiċjali ta’ Stat Membru (ĠU L, 2024/2902, 28.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2902/oj).

(3)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/849/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1093/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/298/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)